31990L0314



Official Journal L 158 , 23/06/1990 P. 0059 - 0064
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0053
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0053


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-13 ta’ Ġunju 1990

dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż

(90/314/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partiklari Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

F’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Komunità huwa li tikkompleta s-suq intern, li tiegħu s-settur tat-turiżmu huwa parti essenzjali;

Billi l-liġijiet nazzjonali ta’ l-Istati Membri fejn jidħlu vjaġġi kollox kompriż (package travel), vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż, minn issa ‘l quddiem imsejħa "pakketti", jixhdu ħafna disparitajiet u d-drawwiet nazzjonali f’dan il-qasam huma differenti ħafna, u dan jagħti lok għal ostakoli għall-libertà li jiġu provduti s-serviżżi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ pakketti u għal tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni fost l-operaturi f’dan il-qasam li jkunu stabbiliti f’diversi Stati Membri;

Billi t-twaqqif ta’ regoli komuni għall-pakketti għandu jikkontribwixxi biex jitneħħew dawn l-ostakoli u b’hekk jinkiseb suq komuni fis-servizzi, bir-riżultat li l-operaturi stabbiliti f’wieħed mill-Istati Membri jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri l-oħra u l-konsumaturi tal-Komunità jkunu jistgħu jgawdu minn kondizzjonijiet paragunabbli meta jkunu qed jixtru xi pakkett fi kwalunkwe Stat Membru;

Billi l-paragrafu 36 (b) ta’ l-Anness tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1981 fuq it-tieni programm tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal protezzjoni għall-konsumatur u għal politika ta’ informazzjoni [4] jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja, inter alia, it-turiżmu u, jekk ikun approprjat, tagħmel proposti adattati, waqt li tqis is-siwi veru tagħhom għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-effetti tad-differenzi fil-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri fuq il-funzjonament sew tas-suq komuni;

Billi fir-riżoluzzjoni dwar politika Komunitarja fuq it-turiżmu ta’ l-10 ta’ April 1984 [5] il-Kunsill laqa’ bil ferħ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li ġibdet l-attenzjoni għall-importanza tat-turiżmu u nnotat il-linji gwida tal-bidu tal-Kummissjoni għal politika Komunitarja dwar it-turiżmu;

Billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill taħt l-isem ‘Impetu Ġdid għal Politika ta’ Protezzjoni tal-Konsumatur’, li ġiet approvata bir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 1986 [6], telenka fil-paragrafu 37, fost il-miżuri proposti mill-Kummissjoni, l-armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni fuq pakketti inklużivi;

Billi t-turiżmu qed jifforma dejjem iżjed parti importanti fl-ekonomija ta’ l-Istati Membri; billi s-sistema tal-pakketti hija parti fondamentali fit-turiżmu; billi l-industrija tal-vjaġġi kollox kompriż fl-Istati Membri tiġi stimulata għal tkabbir u produttività akbar jekk għallanqas kellhom jiġu adottati minimu ta’ regoli komuni biex jagħtuha dimensjoni Komunitarja; billi dan ma jġibx biss benefiċċji għaċ-ċittadini tal-Komunita li jkunu qed jixtru pakketti organizzati fuq il-bażi ta’ dawk ir-regoli, iżda jattira wkoll turisti minn barra l-Komunità li jkunu qed ifittxu l-vantaġġi ta’ pakketti ta’livelli garantiti;

Billi d-disparitajiet fir-regoli li jipproteġu l-konsumaturi fid-diversi Stati Membri huma ta’ disinċentiv għall-konsumaturi fi Stat Membru milli jixtru pakketti fi Stat Membru ieħor;

Billi dan id-disinċentiv huwa effettiv b’mod partikulari biex iżomm lura lill-konsumaturi milli jixtru pakketti barra mill-Istat Membru tagħhom stess, u aktar effettiv milli kieku jkun in konnessjoni max-xiri tas-servizzi l-oħra, wara li titqies in-natura speċjali tas-servizzi provduti f’pakkett li ġeneralment jinvolvi n-nefqa ta’ ammonti sostanzjali ta’ flus bil-quddiem u l-provvista ta’ servizzi fi Stat li ma jkunx dak li l-konsumatur ikun joqgħod fih;

Billi l-konsumatur għandu jkollu l-benefiċċju tal-protezzjoni li ddaħħlet b’din id-Direttiva irrispettivament minn jekk dan ikunx parti kontraenti diretta, trasferent jew membru ta’ grupp li f’ismu persuna oħra tkun ikkonkludiet xi kuntratt rigward pakkett;

Billi l-organizzatur tal-pakkett u/jew il-bejjiegħ tiegħu għandu jkollhom l-obbligu li jiżguraw li fil-materjal deskrittiv konness mal-pakketti li huma jorganizzaw u jbiegħu rispettivament l-informazzjoni li tingħata ma tkunx qarrieqa u l-opuskoli disponibbli għall-konsumaturi jkun fihom informazzjoni li tkun tiftiehem u li tkun preċiża;

Billi l-konsumatur jeħtieġ li jkollu rekord tal-kondizzjonijiet tal-kuntratt applikabbli għall-pakket inklużiv; billi dan jista’ jinkiseb b’mod konvenjenti billi jintalab li l-kondizzjonijiet kollha tal-kuntratt jitniżżlu bil-miktub f’forma dokumentarja oħra ta’ din ix-xorta li tkun tiftiehem u tkun aċċessibbli għalih, u li huwa jingħata kopja tagħha;

Billi l-konsumatur għandu jkun liberu f’ċerti ċirkostanzi li jittrasferixxi lil terza persuna li taċċetta l-prenotazzjoni magħmula minnu għal pakkett;

Billi l-prezz stabbilit bil-kuntratt m’għandux bħala prinċipju jkun soġġett għal reviżjoni ħlief meta l-possibiltà ta’ reviżjoni ‘il fuq jew ‘l isfel tkun espressament prevista fil-kuntratt; billi dik il-possibiltà għandha b’danakollu tkun soġġetta għal xi kondizzjonijiet;

Billi l-konsumatur għandu f’ċerti ċirkostanzi jkun liberu li jirtira qabel it-tluq minn xi kuntratt għal vjaġġ kollox kompriż

Billi għandu jkun hemm definizzjoni ċara dwar id-drittijiet disponibbli għall-konsumatur f’ċirkostanzi meta l-organizzatur tal-pakkett jikkanċellah qabel id-data miftiehma tat-tluq;

Billi jekk, wara li l-konsumatur ikun telaq, ikun hemm nuqqas sinifikanti fit-twettiq tas-servizzi li jkun ikkuntratta għalihom jew l-organizzatur jara li ma jkunx jista’ jipprokura parti sinifikanti mis-servizzi li għandhom jingħataw; l-organizzatur għandu jkollu ċerti obbligi lejn il-konsumatur;

Billi l-organizzatur u/jew il-parti li qed tbiegħ fil-kuntratt għandhom ikunu obbligati lejn il-konsumatur għat-twettiq approprjat ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt; billi, barra minn hekk, l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ għandhom jkunu responsabbli għall-ħsara li tirriżulta lill-konsumatur min-nuqqas ta’ tħaddim jew mit-tħaddim ħażin tal-kuntratt kemm-il darba id-difetti fit-tħaddim tal-kuntratt ma jkunux tort la tagħhom u lanqas ta’ xi fornitur ieħor tas-servizzi;

Billi f’każijiet meta l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikunu responsabbli għan-nuqqas fit-tħaddim jew għat-tħaddim ħażin tas-servizzi involuti fil-pakkett, din ir-responsabbiltà għandha tkun limitata skond il-konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw is-servizzi ta’ din ix-xorta, b’mod partikulari il-Konvenzjoni ta’ Varsavja ta’ l-1929 dwar il-Ġarr Internazzjonali bl-Ajru, il-Konvenzjoni ta’ Berna ta’ l-1961 dwar it-Trasport bil-Ferrovija, il-Konvenzjoni ta’ Atene ta’ l-1974 dwar it-Trasport bil-Baħar u l-Konvenzjoni ta’ Pariġi ta’ l-1962 dwar ir-Responsabbiltà tal-Lukandiera; billi, barra minn hekk, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħsara li ma tkunx ħsara personali, għandu jkun possibbli li r-responsabbiltà tkun ukoll limitata skond il-kuntratt tal-pakkett basta, iżda li dawn il-limitazzjonijiet ma jkunux mhux raġonevoli;

Billi għandhom isiru xi arranġamenti għall-informażżjoni tal-konsumaturi u t-trattament ta’ l-ilmenti;

Billi kemm il-konsumatur kif ukoll l-industrija tal-vjaġġi kollox kompriż għandhom jibbenefikaw jekk l-organizzaturi u/jew il-bejjiegħa kellhom jitqiegħdu taħt obbligazzjoni li jipprovdu xiehda biżżejjed ta’ garanzija fil-każ ta’ falliment;

Billi l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jadottaw, jew iżommu, dispożizzjonijiet aktar iebsa rigward il-vjaġġi kollox kompriż bl-iskop li jipproteġu l-konsumatur,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ pakketti mibjugħa jew offruti għall-bejgħ fit-territorju tal-Komunità.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1. ‘pakkett’ tfisser it-tagħqid irranġat minn qabel ta’ mhux anqas minn tnejn minn dawn li ġejjin meta jinbiegħu jew jiġu offruti għall-bejgħ bi prezz inklużiv u meta s-servizz ikopri perjodu ta’ aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew jinkludi akkomodazzjoni ta’ bil-lejl:

(a) it-trasport;

(b) l-akkommodazzjoni;

(ċ) servizzi turistiċi oħra mhux anċillari għat-trasport jew l-akkomodazzjoni u li jammontaw għal parti sinifikanti tal-pakkett.

It-tqegħid tad-diversi komponenti ta’ l-istess pakkett f’kontijiet differenti ma jeħlisx lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ mill-obbligazzjonijiet skond din id-Direttiva;

2. ‘l-organizzatur’ tfisser il-persuna li, barra milli darba fil, jorganizza pakketti u jbigħhom jew joffrihom għall-bejgħ, kemm jekk direttament kif ukoll jekk permezz ta’ bejjiegħ;

3. ‘il-bejjiegħ’ tfisser il-persuna li tbiegħ jew toffri għal bejgħ il-pakkett imlaqqa’ mill-organizzatur;

4. ‘il-konsumatur’ tfisser il-persuna li tieħu jew taċċetta li tieħu l-pakkett (‘il-kuntrattur ewlieni’) jew xi persuna oħra li f’isimha il-kuntrattur ewlieni jaċċetta li jixtri l-pakkett (‘il-benefiċjarji l-oħra’) jew xi persuna li lilha l-kuntrattur ewlieni jew xi wieħed mill-benefiċjarji l-oħra jittrasferixxi il-pakkett (‘min qed jirċievi’);

5. ‘il-kuntratt’ tfisser il-ftehim li jorbot lill-konsumatur ma’ l-organizzatur u/jew mal-bejjiegħ.

Artikolu 3

1. Kull materjal deskrittiv li għandu x’jaqsam mal-pakkett u li jiġi provdut mill-bejjiegħ lill-konsumatur, il-prezz tal-pakkett u kull kondizzjoni oħra li tapplika għall-kuntratt ma jistax ikun fiha ebda informazzjoni qarrieqa.

2. Meta xi fuljett jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur, dan għandu jindika b’mod li jista’ jinqara’, li jista’ jintfiehem u preċiż kemm il-prezz kif ukoll it-tagħrif adegawat dwar:

(a) id-destinazzjoni u l-mezzi, il-karatterisitiċi u l-kategoriji tat-trasport li jintużaw;

(b) it-tip ta’ l-akkomodazzjoni, fejn tinstab, il-kategorija jew l-livell tal-kumdità u l-karatteristiċi ewlenin tagħha, l-approvazzjoni u l-klassifika turistika tagħha skond ir-regoli ta’ l-Istat Membru konernat li jkun qed jilqa’;

(ċ) il-pjan ta’ l-ikel;

(d) l-itinerarju;

(e) it-tagħrif ġenerali dwar il-ħtiġiet ta’ passaport u viża għaċ-ċittadini ta’ l-Istat jew l-Istati Membri konċernati u l-formalitajiet meħtieġa rigward is-saħħa għall-vjaġġ u għas-soġġorn;

(f) jew l-ammont ta’ flus jew il-perċentwal tal-prezz li għandu jitħallas akkont, u ż-żmien meta għandu jitħallas il-bilanċ;

(g) jekk ikunx meħtieġ xi numru minimu ta’ persuni biex iseħħ il-pakkett u, f’dak il-każ, l-aħħar jum meta l-konsumatur għandu jiġi infurmat li jkun tħassar.

Id-dettalji li jkunu jinsabu fil-fuljett jorbtu lilll-organizzatur jew lill-bejjiegħ, kemm-il darba:

- il-bidliet f’dawk id-dettalji ma jkunux ġew mgħoddija lill-konsumatur qabel ma’ jingħaqad il-kuntratt, f’liema każ il-fuljett għandu jgħid dan espressament,

- il-bidliet ma jsirux aktar tard wara ftehim bejn il-partijiet kontraenti.

Artikolu 4

1. (a) L-organizzatur u/jew il-bejjiegħ għandhom jipprovdu lill-konsumatur, bil-miktub jew b’xi mod approprjat ieħor, qabel ma jingħaqad il-kuntratt l-informazzjoni ġenerali dwar il-ħtiġiet tal-passaport u l-viża applikabbli għaċ-ċittadini ta’ l-Istat jew l-Istati Membri konċernati b’mod partikulari dwar il-perjodi biex wieħed jiksibhom, kif ukoll b’tagħrif dwar il-formalitajiet tas-saħħa meħtieġa għall-vjaġġ u għas-soġġorn;

(b) L-organizzatur u/jew il-bejjiegħ għandhom jipprovdu wkoll lill-konsumatur, bil-miktub jew b’xi forma oħra approprjata, l-informazzjoni li ġejja kmieni kemm jista’ jkun qabel il-bidu tal-vjaġġ:

(i) il-ħinijiet u l-postijiet tal-waqfiet intermedjarji u l-konnessjonijiet tat-trasport kif ukoll id-dettalji tal-post li l-vjaġġatur ikun ser jokkupa, eż. il-kabina jew il-kuċċetta fuq il-bastiment, il-kumpartiment ta’ l-irqad fuq it-tren;

(ii) l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tar-rappreżentant lokali ta’ l-organizzatur u/jew tal-bejjiegħ jew, fejn dan ma jistax isir, ta’ l-aġenziji lokali li l-konsumatur jkun jista’ jsejjaħ għall-għajnun f’każ ta’ diffikultà;

Meta ma jeżistux rappreżentanti jew aġenziji bħal dawn, il-konsumatur għandu f’kull każ jingħata numru tat-telefon ta’ l-emerġenza jew kull informazzjoni oħra li tippermettilu li jikkontattja lill-organizzaur u/jew lill-bejjiegħ;

(iii) fil-każ ta’ vjaġġi jew soġġorni barra mill-pajjiż minn minuri, l-informazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit kuntatt dirett mat-tifel/tifla jew mal-persuna responsabbli fil-post fejn sa joqgħod it-tifel/it-tifla;

(iv) l-informazzjoni dwar ix-xiri volontarju ta’ polza ta’ l-assi gurazzjoni li tkopri l-ispiża ta’ kanċellament mill-konsumatur jew l-ispiża ta’ għajnuna, inkluża r-ripatrijazzjoni fil-każ ta’ xi disgrazzja jew mard.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu applikati in konnessjoni mal-kuntratt:

(a) skond il-pakkett partikolari, il-kuntratt għandu jkun fih talanqas l-elementi elenkati fl-Anness;

(b) il-pattijiet kollha tal-kuntratt għandhom jitniżżlu bil-miktub jew inkella f’xi forma oħra li tkun tiftiehem u aċċessibbli għall-konsumatur u għandha tingħata lilu qabel it-tagħqid tal-kuntratt; il-konsumatur għandu jingħata kopja ta’ dawn il-pattijiet;

(c) id-dispożizzjoni skond (b) ma teskludix li jsiru prenotazzjonijiet jew kuntratti ritardati fl-aħħar ħin.

3. Meta l-konsumatur ma jkunx tħalla jipproċedi bil-pakkett, jista’ jgħaddi l-prenotazzjoni tiegħu, wara li l-ewwel ikun ta lilll-organizzatur jew lill-bejjiegħ notifika raġonevoli dwar l-intenzjoni tiegħu qabel it-tluq, lil xi persuna li tkun tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha applikabbli għall-pakkett. Min jittrasferixxi l-pakkett u min jirċievi għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatment quddiem l-organizzatur jew il-parti kontraenti li tbiegħ għall-ħlas tal-bilanċ dovut u għal xi spejjeż addizzjonali li joħorġu minn dan it-trasferiment.

4. (a) Il-prezzijiet stabbiliti fil-kuntratt ma għandhomx ikunu suġġetti għal ebda reviżjoni kemm-il darba l-kuntratt ma jipprovdix espressament għall-possibiltà ta’ reviżjoni ‘l fuq jew ‘l isfel u jgħid bil-preċiż kif jiġu kkalkulati l-prezzijiet riveduti, u dan biss biex jippermettu għal avariji fi:

- il-prezzijiet tat-trasport, inkluż il-prezz tal-karburant,

- id-drittijiet, it-taxxi jew l-imposti li jitħallsu fuq ċerti servizzi, bħal ma huma t-taxxi ta’ l-atterraġġ jew id-drittijiet ta’ l-imbarkazzjoni jew id-disimbarkazzjoni fil-portijiet u fl-ajruporti,

- ir-rati tal-kambju applikati għall-pakkett partikolari.

(b) Matul l-għoxrin jum qabel id-data tat-tluq stipulat, il-prezzijiet mniżżla fil-kuntratt ma jistgħux jiżdiedu.

5. Jekk l-organizzatur isib li qabel it-tluq ikun kostrett jibdel xi wieħed mill-pattijiet essenzjali, bħalma hu l-prezz, dan għandu javża lill-konsumatur malajr kemm jista’ jkun biex jippermettilu jieħu d-deċiżjonijiet approprjati u b’mod partikolari:

- jew li jirtira mill-kuntratt mingħajr piena,

- jew li jaċċetta emenda għall-kuntratt li tispeċifika l-bidliet li jkunu saru u l-impatt tagħhom fuq il-prezz.

Il-konsumatur għandu jinforma lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ bid-deċiżjoni tiegħu malajr kemm jista’ jkun.

6. Jekk il-konsumatur jirtira mill-kuntratt skond il-paragrafu 5, jew jekk, għal xi raġuni tkun xi tkun, ħlief waħda li tkun tort tal-konsumatur, l-organizzatur iħassar il-pakkett qabel id-data tat-tluq, il-konsumatur għandu jkollu d-dritt:

(a) li jew jieħu pakkett ieħor minflok ta’ l-istess kwalità jew kwalità ogħla meta l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun jista’ joffrilu sostitut bħal dan. Jekk il-pakkett tas-sostituzzjoni li jingħata jkun ta’ kwalità aktar baxxa, l-organizzatur għandu jagħti lura d-differenza fil-prezz lill-konsumatur;

(b) jew li jitħallas lura malajr kemm jista’ jkun s-somom kollha li jkun ħallas skond il-kuntratt.

F’dan il-każ, huwa jkun intitolat, jekk ikun approprjat, li jiġi kkompensat jew mill-organizzatur jew mill-bejjiegħ, skond kif titlob il-liġi ta’ l-Istat Membru relevanti, talli l-kuntratt ma jkunx twettaq, ħlief meta:

(i) il-kanċellament isir fuq il-bażi li l-għadd ta’ persuni elenkati għall-pakkett ikun anqas mill-anqas numru meħtieġ u l-konsumatur jiġi nfurmat bil-kanċellament, bil-miktub, fiż-żmien indikat fid-deskrizzjoni tal-pakkett; jew

(ii) il-kanċellament, ħlief fil-każ ta’ prenotazzjoni eċċessiva, ikun għal raġunijiet ta’ force majeur, i.e. ċirkostanzi mhux tas-soltu u imprevedibbli li ma jkunux fil-kontroll tal-parti li tkun tiġġustifika, li l-konsegwenzi tagħhom ma jkunux setgħu jiġu evitati anke jekk tkun ittieħdet il-prekawzjoni kollha meħtieġa.

7. Meta, wara t-tluq, parti sinifikanti tas-servizzi miftiehma ma tingħatax jew l-organizzatur jara li mhux sa jkun jista’ jagħti parti sinifikanti mis-servizzi li għandhom jiġu provduti, l-organizzatur għandu jagħmel arranġamenti alternattivi approprjati, mingħajr ħlas żejjed mill-konsumatur, biex jitkompla l-pakkett u meta approprjat jikkompensa lill-konsumatur għad-differenza bejn is-servizzi offruti u dawk mogħtija.

Jekk ma jkunx possibbli li jsiru arranġamenti bħal dawn jew dawn ma jiġux aċċettati mill-konsumatur għal raġunijiet validi, l-organizzatur għandu, fejn ikun approprjat, jipprovdi lill-konsumatur, mingħajr ħlas żejjed, trasport ekwivalenti lura lejn il-post tat-tluq, jew lejn xi post ieħor tar-ritorn li miegħu il-konsumatur ikun qabel u dan għandu, fejn ikun approprjat, jikkompensa lill-konsumatur.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-parti kontraenti li qed tbigħ ikunu responsabbli mal-konsumatur għat-tħaddim approprjat ta’ l-obbligazzjonijiet li joħorġu mill-kuntratt, irrispettivament minn jekk dawn l-obbligazzjonijiet għandhomx jitwettqu minn dak l-organizzatur u/jew bejjiegħ jew minn xi fornituri oħra tas-servizzi mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-organizzatur u/jew tal-bejjiegħ li jduru fuq dawk il-fornituri l-oħra tas-servizzi.

2. F’dak li għandu x’jaqsam mad-danni li jsofri l-konsumatur minħabba n-nuqqas ta’ tħaddim jew it-tħaddim ħażin tal-kuntratt, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ ikun/u responsabli kemm-il darba dan in-nuqqas li jitħaddem jew it-tħaddim ħażin ma jkunx dovut la għal xi tort tagħhom u lanqas għal dak ta’ xi fornitur ieħor tas-servizzi, għax:

- in-nuqqasijiet li jseħħu fit-tħaddim tal-kuntratt ikunu dovuti għall-konsumatur,

- dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal xi terza persuna li ma jkollhiex x’taqsam mal-provvista tas-servizzi mniżżla fil-kuntratt, u jkunu imprevedibbli jew inevitabbli,

- dawn in-nuqqasijiet ikunu dovuti għal xi każ ta’ force majeur bħal dik li hemm definita f’Artikolu 4(6), it-tieni subparagrafu (ii), jew għal xi avveniment li l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ jew il-proveditur tas-servizzi, ukoll bl-attenzjoni kollha approprjata, ma jkunx seta’ jipprevedi jew iwaqqaf minn qabel.

Fil-każi msemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi, l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkunu parti kontraenti jkunu obbligati jagħtu għajnuna pronta lill-konsumatur li jinsab f’diffikultà.

F’dawk li huma danni li joħorġu minn nuqqas ta’ tħaddim jew minn tħaddim ħażin tas-servizzi involuti fil-pakkett, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpens ikun limitat skond il-konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw dawn is-servizzi.

F’dak li huwa dannu li ma jkunx dannu personali li joħroġ min-nuqqas ta’ tħaddim jew mit-tħaddim ħażin tas-servizzi involuti fil-pakkett l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpens ikun limitat skond il-kuntratt. Dan il-limitu m’għandux ikun mingħajr raġuni.

3. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 2, ma jistgħux jitħallew barra permezz ta’ xi klawżola kuntrattwali xi disposizzjonijient tal-paragrafi 1 u 2.

4. Il-konsumatur għandu jikkomunika kwalunkwe nuqqas fit-tħaddim tal-kuntratt li jinduna bih fuq il-post lill-fornitur tas-servizzi konċernati u lill-organizzatur u/jew lill-bejjiegħ bil-miktub jew f’forma oħra approprjata ma’ l-ewwel okkażjoni.

Din l-obbligazzjoni għandha tiġi ddikjarata b’mod ċar u espliċitu fil-kuntratt.

Artikolu 6

F’każi ta’ lment, l-organizzatur u/jew il-bejjiegħ jew ir-rappreżentant lokali tiegħu, jekk ikun hemm, għandu jagħmel sforz fil-pront biex isib soluzzjonijiet approprjati.

Artikolu 7

L-organizzatur u/jew il-bejjiegħ li jkun parti kontraenti għandu jipprovdi xiehda biżżejjed ta’ sigurtà għar-rifużjoni tal-flus li jkunu tħallsu u għar-ripatrijazzjoni tal-konsumatur fil-każ ta’ xi falliment.

Artikolu 8

L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew jirritornaw dispożizzjonijiet aktar stretti fil-qasam kopert minn din id-Direttiva biex jipproteġu lill-konsumatur.

Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel il-31 ta’ Diċembru 1992. Huma għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni fil-pront.

2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom..

Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 1990.

F’isem il-Kunsill

Il-President

D. J. O’malley

[1] ĠU C 96, tat-12.4.1988, p. 5.

[2] ĠU C 69, ta’ l-20.3.1989, p. 102 uĠU C 149, ta’ l-18.6.1990, p. 102

[3] ĠU C 102, ta’ l-24.4.1989, p. 27.

[4] ĠU C 165, tat-23.6.1981, p. 24.

[5] ĠU C 115, tat-30.4.1984, p. 1.

[6] ĠU C 118, tas-7.3.1986, p. 28.

--------------------------------------------------

ANNESS

L-elementi li għandhom jiddaħħlu fil-kuntratt jekk ikunu relevanti għall-pakkett partikulari;

(a) id-deskrizzjoni(jiet) tal-vjaġġ u, meta jkunu involuti l-perjodi tas-soġġorn, il-perjodi relevanti, bid-dati;

(b) il-mezzi, il-karatteristiċi u l-kategoriji tat-trasport li sejrin jintużaw, id-dati, il-ħinijiet u l-postijiet tat-tluq u tar-ritorn;

(ċ) meta l-pakkett ikun jinkludi l-akkomodazzjoni, il-post fejn din tinstab, il-kategorija turistika jew il-livell ta’ kumdità, il-karatteristiċi ewlenin tagħha, il-konformità mar-regoli ta’ l-Istat Membru konċernat li jkun qed jilqa’ u l-pjan ta’ l-ikel;

(d) jekk ikunx meħtieġ għadd minimu ta’ persuni biex isir il-pakkett u, f’dak il-każ, l-aħħar data biex jiġi nfurmat il-konsumatur jekk jitħassar;

(e) l-itinerarju;

(f) iż-żjarat, l-eskursjonijiet jew servizzi oħra li jkunu inklużi fil-prezz totali miftiehem għall-pakkett;

(g) l-isem u l-indirizz ta’ l-organizzatur, tal-bejjiegħ u, fejn ikun approprjat ta’ min ikun qed jassigura;

(h) il-prezz tal-pakkett, indikazzjoni tal-possibiltà ta’ reviżjoni fil-prezz skond Artikolu 4(4) u indikazzjoni ta’ xi drittijiet, taxxi jew imposti pagabbli għal ċerti servizzi (taxxi għall-atterraġġ, l-imbarkazzjoni u d-disimbarkazzjoni f’portijiet u ajruporti, taxxi tat-turisti) fejn dawn il-ħlasijiet ma jkunux imdaħħla fil-pakkett;

(i) l-iskeda tal-ħlas u l-mod kif isir il-ħlas;

(j) xi ħtiġiet speċjali li l-konsumatur ikun ikkomunika lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ waqt li kienet qed issir il-prenotazzjoni, u li t-tnejn ikunu aċċettaw;

(k) il-perjodi li fihom il-konsumatur għandu jagħmel xi lment dwar in-nuqqas ta’ tħaddim jew it-tħaddim ħazin tal-kuntratt.

--------------------------------------------------