31989R3164



Official Journal L 307 , 24/10/1989 P. 0022 - 0023
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0178
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 30 P. 0178


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3164/89

tat-23 ta’ Ottubru 1989

li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġu applikati miżuri speċjali rigward iż-żerriegħa tal-qanneb

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3698/88 ta’ l-24 ta’ Novembru 1988 li jistabbilixxi miżuri speċjali għaż-żerriegħa tal-qanneb [1], u b’mod partikolari Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi, skond Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1496/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-konċessjoni ta’ għajnuna liż-żerriegħa tal-qanneb [2], l-Istati Membri jridu jdaħħlu arranġamenti tal-kontroll li bihom ikun possibbli li jiġi verifikat jekk iż-żona mogħtija għaż-żerriegħa tal-qanneb li rigward tagħha tiġi ssottomessa applikazzjoni għall-għajnuna taqbilx ma’ dik miżrugħa u maħsuda u jekk jintlaħqux il-ħtiġiet stabbiliti rigward il-kontenut tas-sustanzi intossikanti; billi, għal dan il-għan, il-produtturi kollha jridu jissottomettu applikazzjonijiet għall-għajnuna fejn jagħtu ċertu tagħrif minimu li jippermetti din il-verifika; billi għandha ssir dispożizzjoni sabiex din il-verifika tiġi kondotta b’mod partikolari b’kontroll tat-teħid tal-kampjuni fuq il-post b’numru rappreżentattiv biżżejjed ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna; billi, għall-istess għan, għandhom jiġu speċifikati l-partikolaritajiet li jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri;

Billi għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għalbiex ikopru l-każijiet tad-dikjarazzjonijiet foloz mill-produtturi;

Billi, sabiex tiġi ssimplifikata l-ħidma ta’ l-iskema, għandu jiġi provdut illi l-Istati Membri jridu japplikaw sistema li tixbah lil dik istitwita bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1164/89 tat-28 ta’ April 1989 li tistabbilixxi regoli ddettaljati li jirrigwardaw il-għajnuna għall-fibra tal-kittien u tal-qanneb [3];

Billi għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet uniformi għall-ħlas tal-għajnuna;

Billi l-okkażjoni operattiva li toħloq l-intitolament tiġri meta l-qanneb jiġi prodott; billi, mdankollu, huwa diffiċli ħafna li tiġi stabbilita d-data eżatta tal-produzzjoni ta’ lott partikolari; billi l-esperjenza wriet illi l-produzzjoni tkun kważi tlestiet għal kollox l-iktar tard matul ix-xahar ta’ Awissu ta’ kull sena; billi, sabiex tiġi żgurata l-ħidma uniformi ta’ l-ishma tal-għajnuna, ir-rata tal-kambju wżata sabiex tikkalkola l-ammonti tal-għajnuna fil-munita nazzjonali għandha tkun ir-rata li tapplika fl-aħħar ta’ dan ix-xahar;

Billi l-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taż-Żjut u x-Xaħmijiet,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, ‘ġabra indikattiva’ tfisser il-ġabra għal kull ettaru ta’ żerriegħa tal-qanneb iffissata, matul sena tas-suq partikolari, rigward żona omoġenja tal-poduzzjoni jew iktar.

2. Meta tiġi ffissata l-ġabra indikattiva, għandhom jitqiesu l-ġabriet li jkunu rappreżentattivi tax-xejra ġenerali żvelata mill-kontrolli tat-teħid tal-kampjuni mwettqa mill-Istati Membri fiż-żoni prinċipali tal-produzzjoni.

Dawn il-kontrolli bit-teħid tal-kampjuni għandhom jiġu kondotti fuq l-azjendi u għandhom ikollhom x’jaqsmu ma’ perċentwal rappreżentattiv taż-żoni mħawla bil-qanneb, filwaqt li titqies id-distribuzzjoni ġeografika ta’ dawn iż-żoni.

3. Skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 136/66 [4] għandhom jiġu stabbiliti żona ta’ produzzjoni omoġenja jew iktar kull sena wara l-ħsad b’riferiment għall-fatturi li jinfluwenzaw il-kondizzjonijiet tal-produzzjoni, u fuq il-bażi b’mod partikolari ta’ dawk ir-reġjuni li huma rappreżentattivi rigward iż-żoni maħsuda.

Artikolu 2

1. Il-għajnuna għandha tiġi konċessa biss rigward iż-żoni:

(a) li t-totalità tagħhom tkun ġiet miżrugħa u maħsuda; u

(b) li rigward tagħhom ikunu ġew sottomessi:

- dikjarazzjoni dwar iż-żoni miżrugħa skond Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1164/89,

- applikazzjoni għall-għajnuna skond Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament; u

(ċ) li, minkejja Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament, huma eliġibbli għal għajnuna kif provduta f’Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1308/70 [5].

2. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jikkonċedi l-għajnuna rigward il-qanneb maħsud fit-territorju tiegħu.

3. Għandhom japplikaw għall-għajnuna żerriegħa tal-qanneb Artikoli 7 u t-tieni subparagrafu tat-8 (1) u (4) tar-Regolament (KEE) Nru 1164/89.

Artikolu 3

1. L-applikazzjonijiet għall-għajnuna kif riferit f’Artikolu 2 għandhom mill-inqas jinkludu l-partikolaritajiet li ġejjin:

(a) iż-żona li fiha ġiet maħsuda ż-żerriegħa;

(b) jekk twettqet it-tneħħija taż-żerriegħa mid-dikjarant: il-kwantità ta’ żerriegħa maħsuda u l-post fejn din iż-żerriegħa nħażnet jew, jekk kienet mibjugħa jew kunsinnata, il-kunjom, l-isem/ismijiet u l-indirizz tal-bejjiegħ, flimkien ma’ l-ammonti kunsinnati;

(ċ) jekk it-tneħħija taż-żerriegħa ma twettqitx mid-dikjarant: il-post fejn ikun maħżun it-tiben tal-qanneb jew, jekk kienet mibjugħa jew kunsinnata, il-kunjom, l-isem/ismijiet u l-indirizz tal-bejjiegħ, flimkien ma’ l-ammonti ta’ tiben kunsinnati.

2. Jekk l-applikazzjoni għall-għajnuna ma jkunx fiha l-partikolaritajiet speċifikati fil-paragrafu 1, id-dikjarant irid jibgħathom lill-awtoritajiet kompetenti fil-limitu taż-żmien stabbilit għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna.

Artikolu 4

Ir-rata tal-kambju li trid tiġi applikata għall-għajnuna għandha tkun ir-rata rappreżentattiva fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru ta’ wara l-bidu ta’ kull sena tas-suq.

Artikolu 5

1. Għall-għan tal-kontrolli provduti f’Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 1496/89, l-Istati Membri għandhom iwettqu kontrolli fuq il-post bit-teħid tal-kampjuni dwar it-twettiq tal-ħidmiet normali li għandhom x’jaqsmu mal-ħsad taż-żerriegħa tal-qanneb. Dawn il-kontrolli għandhom isiru fuq mill-inqas 5 % ta’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna, filwaqt li titqies id-distribuzzjoni ġeografika taż-żoni interessati. Il-għan tagħhom għandu jkun b’mod partikolari li jiġi vverifikat jekk il-qanneb ġiex maqlugħ jew maqtugħ biss wara l-formazzjoni kompleta taż-żerriegħa.

Meta jinħolqu irregolaritajiet sinifikanti li jkollhom x’jaqsmu ma’ 6 % jew iktar tal-kontrolli mwettqa, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom minnufiħ u għandhom jiddikjaraw x’miżuri ġew adottati.

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu minn għand dawk li jkabbru kull dokument meqjus meħtieġ.

2. Jekk kontroll kif ipprovvdut f’dan il-paragrafu 1 juri illi ż-żona li rigward tagħha jkun hemm applikazzjoni għall-għajnuna hija:

(a) inqas minn dik aċċertata matul il-kontroll, għandha tintuża ż-żona aċċertata;

(b) ikbar minn dik aċċertata matul il-kontroll, mingħajr preġudizzju għal kull penali provduta skond il-liġijiet nazzjonali u d-dispożizzjonijiet tal-punt (ċ), għandha tiġi aċċertata ż-żona wżata mnaqqsa bid-differenza bejn iż-żona li għaliha tkun ġiet magħmula applikazzjoni u dik aċċertata, għajr meta d-differenza tkun meqjusa ġustifikata mill-Istat Membru interessat; f’dan l-aħħar każ għandha tintuża ż-żona aċċertata;

(ċ) ikbar minn dik aċċertata matul il-kontroll u jekk, għall-persuna li tagħmel id-dikjarazzjoni fil-kwistjoni, iż-żoni indikati fid-dikjarazzjoni jew fl-applikazzjonijiet ikunu ġew imnaqqsa matul l-istess sena tas-suq jew dik ta’ qabilha skond Artikoli 7 jew 8 tar-Regolament (KEE) Nru 1164/89 jew skond il-punt (b) ta’ dan ir-Regolament, għajr fejn id-differenza titqies ġustifikata mill-Istat Membru interessat, l-applikazzjoni għall-għajnuna għandha tiġi rifjutata.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda skond dan il-paragrafu.

Artikolu 6

L-Istati Membri produtturi għandhom iħallsu l-għajnuna qabel il-31 ta’ Marzu wara t-tmiem tas-sena tas-suq.

Artikolu 7

1. Qabel il-15 ta’ Frar ta’ kull sena l-Istati Membri produtturi għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni biż-żoni maħsuda, bil-kwantitajiet taż-żerriegħa indikati fl-applikazzjonijiet sottomessi għall-għajnuna u bir-riżultat ta’ kull wieħed mill-kontrolli bit-teħid tal-kampjuni riferit f’Artikolu 1(2).

2. L-Istati Membri produtturi għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, l-iktar tard sat-tmiem tax-xahar ta’ wara dak li fih ikun ġie effettwat il-ħlas tal-għajnuna għal kull sena tas-suq, biż-żoni li rigward tagħhom tkun ġiet imħallsa l-għajnuna.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika b’effett mis-sena tas-suq 1989/90.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Ottubru 1989.

Għall-Kummissjoni

Ray Mac Sharry

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 325, tad-29.11.1988, p. 2.

[2] ĠU L 148, ta’ l-1.6.1989, p. 3.

[3] ĠU L 121, tad-29.4.1989, p. 4.

[4] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

[5] ĠU L 146, ta’ l-4.7.1970, p. 1.

--------------------------------------------------