31989L0465



Official Journal L 226 , 03/08/1989 P. 0021 - 0022
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0014
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 2 P. 0014


It-Tmintax-il Direttiva tal-Kunsill

tat-18 ta' Lulju 1989

dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq it-turnover - Abolizzjoni ta' ċerti derogi stabbiliti fl-Artikolu 28 (3) tas-Sitt Direttiva, 77/388/KEE

(89/465/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 99 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, 77/388/KEE, tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-taxxi fuq it-turnover - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima [4], kif l-aħħar emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' Spanja u tal-Portugall, jippermetti lill-Istati Membri li japplikaw miżuri li jidderogaw mir-regoli normali tas-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud matul perjodu transitorju; billi dan il-perjodu taż-żmien kien oriġinarjament iffissat għal ħames snin; billi l-Kunsill intrabat li jaġixxi, fuq proposta mill-Kummissjoni, qabel it-tmiem ta' dan il-perjodu taż-żmien, dwar l-abolizzjoni, fejn xierqa, ta' xi wħud minn dawn id-derogi jew tagħhom kollha;

Billi ħafna minn dawn id-derogi joħolqu, fis-sistema tar-riżorsi tal-Komunitajiet stess, diffikultajiet fil-kalkolu tal-kumpens kif stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta' Mejju 1989 dwar l-arranġamenti definittivi uniformi għall-ġbir tar-riżorsi tal-Komunità li jidħlu mit-taxxa fuq il-valur miżjud [5]; billi, sabiex jiġi assigurat li din is-sistema taħdem b'iktar effiċjenza, jeżistu raġunijiet għall-abolizzjoni ta' dawn id-derogi;

Billi l-abolizzjoni ta' dawn ir-regoli għad tikkontribwixxi wkoll għal newtralità ikbar fis-sistema ta' taxxi fuq il-valur miżjud fil-livell tal-Komunità;

Billi xi wħud mid-derogi msemmija għandhom jiġu aboliti mill-1 ta' Jannar 1990, l-1 ta' Jannar 1991, l-1 ta' Jannar 1992 u l-1 ta' Jannar 1993, rispettivament;

Billi, wara li jitqiesu d-disposizzjonijiet ta' l-Att ta' Adeżjoni, ir-Repubblika Portugiża tista’, mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1994, tippostponi l-abolizzjoni ta' l-eżenzjoni tat-transazzjonijiet msemmija fil-punti 3 u 9 fl-Anness F tad-Direttiva 77/338/KEE;

Billi huwa xieraq illi, qabel l-1 ta' Jannar 1991, il-Kunsill għandu, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, jagħmel eżaminazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-derogi l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 77/388/KEE, inkluża d-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, u li għandu jieħu deċiżjoni, fuq proposta mill-Kummissjoni, dwar l-abolizzjoni ta' dawn id-derogi, filwaqt li jiftakar illi kull tgħawwiġ tal-kompetizzjoni li jirriżulta mill-applikazzjoni tagħhom jew li jista’ jinħoloq dwar il-kompetizzjoni futura fis-suq intern,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 77/388/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. It-transazzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 3 sa 6, 8, 9, 10, 12, 13 u 14 ta' l-Anness E għandhom jiġu aboliti b'effett mill-1 ta' Jannar 1990.

Dawk l-Istati Membri li, fl-1 ta' Jannar 1989, issoġġettaw għat-taxxa fuq il-valur miżjud it-transazzjonijiet imniżżla fil-lista fil-punti 4 u 5 ta' l-Anness E, huma awtorizzati li japplikaw il-kondizzjonijiet ta' l-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 13A (2) (a), anke fuq is-servizzi mogħtija u fuq l-oġġetti kunsinnati, kif imsemmija fl-Artikolu 13A (1) (j/m) u (k/n), fejn dawn l-attivitajiet jitwettqu minn korpi regolati bil-liġi pubblika.

2. Fl-Anness F:

(a) It-transazzjonijiet imsemmija fil-punti 3, 14 u 18 sa 22 għandhom jiġu aboliti b'effett mill-1 ta' Jannar 1990;

(b) It-transazzjonijiet imsemmija fil-punti 4, 13, 15 u 24 għandhom jiġu aboliti b'effett mill-1 ta' Jannar 1991;

(ċ) It-transazzjoni msemmija fil-punt 9 għandha tiġi abolita b'effett mill-1 ta' Jannar 1992;

(d) It-transazzjoni msemmija fil-punt 11 għandha tiġi abolita b'effett mill-1 ta' Jannar 1993.

Artikolu 2

Ir-Repubblika Portugiża tista’ tħalli għal mhux iktar tard mill-1 ta' Jannar 1994 id-dati msemmija fil-punt 2(a) ta' l-Artikolu 1, sabiex jitħassar il-punt 3 mill-Anness F, u msemmija wkoll fil-punt 2(ċ) ta' l-Artikolu 1 sabiex jitħassar il-punt 9 mill-Anness F.

Artikolu 3

Sa l-1 ta' Jannar 1991 il-Kunsill, fuq il-bażi ta' rapport mll-Kummissjoni, għandu jagħmel eżaminazzjoni mill-ġdid tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-derogi l-oħra preskritti fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 77/388/KEE, inkluża d-deroga msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt 1 ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva, u huwa u jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi jekk dawn id-derogi għandhomx jiġu aboliti, fil-waqt li jikkunsidra kull tgħawwiġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta minħabba li jkunu ġew applikati jew li jistgħu jinħolqu minn miżuri biex jagħmlu komplet is-Suq Intern.

Artikolu 4

Rigward it-transazzjonijiet msemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jirrigwardaw it-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud sabiex jipprevjienu totalment jew parzjalment illi l-persuni taxxabbli konċernati jieħdu vantaġġi mhux mistħoqqa jew isofru żvantaġġi mhux mistħoqqa.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mid-dati preskritti fl-Artikoli 1 u 2.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bid-dispożizzjonijiet prinċipali li huma jadottaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom fil-qasam regolat b'din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-18 ta' Lulju 1989.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Dumas

[1] ĠU C 347, tad-29.12.1984, pġ. 3 and ĠU C 183, tal-11.7.1987, pġ. 9.

[2] ĠU C 125, tal-11.5.1987, pġ. 27.

[3] ĠU C 218, tad-29.8.1985, pġ. 11.

[4] ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1.

[5] ĠU L 155, tas-7.6.1989, pġ. 9.

--------------------------------------------------