31987R3975



Official Journal L 374 , 31/12/1987 P. 0001 - 0008


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87

ta' l-14 ta' Diċembru 1987

li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 87 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-regoli dwar il-kompetizzjoni jiffurmaw parti mid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat li japplikaw anke għat-trasport bl-ajru; billi r-regoli għall-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet huma jew speċifikati fil-Kapitolu dwar il-kompetizzjoni jew għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċeduri li jinsabu fih;

Billi, skond ir-Regolament tal-Kunsill Nru 141 [4], ir-Regolament tal-Kunsill Nru 17 [5] ma japplikax għas-servizzi tat-trasport; billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1017/68 [6] japplika biss għat-trasport intern; billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4056/86 [7] japplika biss għat-trasport marittimu; billi b'riżultat ta' dan l-Kummissjoni preżentament m'għandha l-ebda mezz sabiex tinvestiga direttament każijiet ta' suspett ta' ksur ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat fit-trasport bl-ajru; billi minbarra dan il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa sabiex min rajha tieħu deċiżjonijiet jew timponi penalitajiet li jkunu meħtieġa sabiex ittemm il-ksur li jkun ġie stabbilit minnha;

Billi t-trasport bl-ajru huwa kkaratterizzat minn fatturi li huma speċifiċi għal dan is-settur; billi, minbarra dan, it-trasport bl-ajru internazzjonali huwa regolat minn sistema interkonnessa ta' akkordji bilaterali bejn Stati li jiddefinixxu l-kondizzjonijiet taħt liema t-trasportaturi bl-ajru nominati mill-partijiet għall-akkordji ikunu jistgħu joperaw rotot bejn it-territorji tagħhom;

Billi l-prattiċi li jaffetwaw il-kompetizzjoni fir-rigward tat-trasport bl-ajru bejn Stati Membri jistgħu ikollhom effett sostanzjali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri; billi huwa għalhekk mixtieq li jiġu stabbiliti regoli li taħthom il-Kummissjoni, f'relazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, tkun tista tieħu l-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għat-trasport bl-ajru internazzjonali bejn l-ajruporti tal-Komunità;

Billi regolament bħal dan għandu jipprovdi għall-proċeduri, poteri ta' teħid ta' deċiżjonijiet u penalitajiet xierqa sabiex jiżgura l-konformità mal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 85(1) u 86 tat-Trattat; billi jridu jiġu meqjusa f'dan ir-rigward id-dispożizzjonijiet proċedurali tar-Regolament (KEE) Nru 1017/68 applikabbli għall-operazzjonijiet tat-trasport intern, li jikkonsidra ċerti fatturi distintivi ta' l-operazzjonijiet tat-trasport meta meqjusa fl-intier tagħhom;

Billi l-impriżi konċernati jridu jingħataw id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni, il-partijiet terzi li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affetwati minn deċiżjoni jridu jingħataw l-opportunità li jissottomettu l-kummenti tagħhom minn qabel, u jrid jiġi żgurat li tingħata pubbliċità wiesgħa lid-deċiżjonijiet meħuda;

Billi d-deċiżjonijiet kollha meħuda mill-Kummissjoni taħt dan ir-Regolament huma soġġetti għar-reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kondizzjonijiet speċifikati fit-Trattat; billi minbarra dan huwa mixtieq, skond l-Artikolu 172, li l-Qorti tal-Ġustizzja tingħata ġurisdizzjoni illimitata fir-rigward ta' deċiżjonijiet li fihom il-Kummissjoni timponi multi jew penalitajiet ta' pagamenti perjodiċi;

Billi huwa xieraq li jiġu eżentati ċerti akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma mill-projbizzjoni mniżżla fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat, sakemm l-objettiv u l-effett waħdieni tagħhom ikun li jinkisbu titjib jew kooperazzjoni teknika;

Billi, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi tat-trasport bl-ajru, huwa primarjament fl-interess ta' l-impriżi nnifishom li jaraw li l-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi miftiehma tagħhom jikkonformaw mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, u n-notifika lill-Kummissjoni m'hemmx bżonn tkun obbligatorja;

Billi l-impriżi jistgħu jkunu jixtiequ japplikaw lill-Kummissjoni f'ċerti każijiet għal konferma li l-akkordji, id-deċiżjonijiet u l-prattiċi miftiehma tagħhom jikkonformaw mal-liġi, u proċedura simplifikata għandha tiġi stabbilita għal każijiet bħal dawn;

Billi dan ir-Regolament ma jippreġudikax l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 90 tat-Trattat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat għas-servizzi tat-trasport bl-ajru.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika biss għat-trasport internazzjonali bl-ajru bejn l-ajruporti tal-Komunità.

L-Artikolu 2

Eċċezzjonijiet għal ċerti akkordji tekniċi

1. Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat m'għandiex tapplika għall-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma elenkati fl-Anness, sakhemm l-objettiv u l-effett waħdieni tagħhom huwa li jinkiseb titjib tekniku jew kooperazzjoni; Din il-lista mhijiex eżawrenti.

2. Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tissottmetti proposti lill-Kunsill għall-emenda tal-lista fl-Anness.

L-Artikolu 3

Proċeduri fuq ilment jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni stess

1. Meta tirċievi ilment jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, l-Kummissjoni għandha tibda proċeduri sabiex ittemm kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 85(1) jew 86 tat-Trattat.

Il-ilmenti jistgħu jiġu sottomessi minn:

(a) Stati Membri;

(b) persuni fisiċi jew ġuridiċi li jisqarru li għandhom interess leġittimu.

2. Malli ssir applikazzjoni mill-impriża jew mill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati, l-Kummissjoni tista tiċċertifika li, fuq il-bażi tal-fatti fil-pussess tagħha, m' hemm l-ebda raġuni taħt l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat għal azzjoni min-naħa tagħha fir-rigward ta' akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma.

L-Artikolu 4

Riżultat tal-proċeduri fuq ilment jew fuq l-inizzjattiva tal-Kummissjoni stess

1. Meta l-Kummissjoni ssib li kien hemm ksur ta' l-Artikoli 85(1) jew 86 tat-Trattat, hija tista' permess ta' deċiżjoni titlob lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' mpriżi konċernati sabiex itemmu dan il-ksur.

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tindirizza rakkomandazzjonijiet għat-terminazzjoni tal-ksur lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' mpriżi konċernati qabel ma tieħu deċiżjoni taħt is-subparagrafu preċedenti.

2. Jekk il-Kummissjoni, fuq ilment li tkun irċeviet, tikkonkludi li, skond l-evidenza quddiemha m'hemm l-ebda raġuni għal intervent taħt l-Artikoli 85(1) jew 86 tat-Trattat fir-rigward ta' xi akkordju, deċiżjoni jew prattika miftiehma, hija għandha tieħu deċiżjoni fejn tirrespinġi l-ilment bħala waħda infondata.

3. Jekk il-Kummissjoni, kemm jekk taġixxi fuq ilment kif ukoll fuq l-inizjattiva tagħha stess, tikkonkludi li akkordji, deċiżjoni jew prattiċi miftiehma tissodisfa d-dispożizzjonijiet kemm ta' l-Artikolu 85(1) kif ukoll ta' l-Artikolu 86(3) tat-Trattat, hija għandha tieħu deċiżjoni fejn tapplika l-paragrafu 3 ta' l-imsemmi Artikolu. Deċiżjoni bħal din għandha tindika d-data minn meta hija għandu tidħol fis-seħħ. Din id-data tista' tkun qabel dik tad-deċiżjoni.

L-Artikolu 5

L-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-TrattatOġġezzjonijiet

1. Impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi li jixtiequ l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat fir-rigward ta' akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta' l-imsemmi Artikolu li minnhom huma jifformaw parti għandhom jissottomettu applikazzjonijiet lill-Kummissjoni.

2. Jekk il-Kummissjoni tiġġudika applikazzjoni bħala ammissibbli u jkollha fil-pussess tagħha l-evidenza kollha disponibbli, u l-ebda azzjoni taħt l-Artikolu 3 ma tkun ittieħdet kontra l-akkordji, id-deċiżjoni jew il-prattiċi miftiehma inkwestjoni, allura hija għandha tippubblika mill-aktar fis fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej sommarju ta' l-applikazzjoni u għandha tistieden lill-partijiet terzi kollha u lill-Istati Membri interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum. Dawn il-pubblikazzjonijiet għandhom jikkonsidraw l-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

3. Sakemm il-Kummissjoni ma tinnotifikax lill-applikanti, fi żmien 90 jum mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, li hemm dubji serji dwar l-applikabilità ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, l-akkordji, id-deċiżjoni u l-prattiċi miftiehma għandhom jitqiesu bħala eżenti, sakemm dawn jikkonformaw mad-deskrizzjoni mogħtija fl-applikazzjoni, mill-projbizzjoni għaż-żmien li diġà jkun għadda u għal massimu ta' sitt snin mid-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Jekk il-Kummissjoni ssib, wara l-iskadenza tal-limitu taż-żmien ta' 90 ġurnata, iżda qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' sitt snin, li l-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat m' humiex sodisfatti, hija għandha toħroġ deċiżjoni fejn tiddikjara li l-projbizzjoni fl-Artikolu 85(1) tapplika. Deċiżjoni bħal din tista' tkun retroattiva meta l-partijiet konċernati jkunu taw informazzjoni mhux preċiża jew fejn huma jabbużaw minn eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) jew ikunu kisru l-Artikolu 86.

4. Il-Kummissjoni tista tinnotifika lill-applikanti kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3; hija għandha tagħmel dan jekk tintalab minn Stat Membru fi żmien 45 ġurnata minn meta tkun bagħtet lill-Istat Membru l-applikazzjoni skond l-Artikolu 8(2). Din it-talba trid tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta' konsiderazzjonijiet relatati mar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat.

Jekk issib illi l-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) u (3) tat-Trattat ikunu sodisfatti, l-Kummissjoni għandha tagħti deċiżjoni fejn tapplika l-Artikolu 85(3). Id-deċiżjoni għandha tindika d-data minn meta hija għandha tidħol fis-seħħ. Din id-data tista' tkun qabel dik ta' l-applikazzjoni.

L-Artikolu 6

Id-dewmien u r-revoka ta' deċiżjonijiet li japplikaw l-Artikolu 85(3)

1. Kull deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 85(3) tat-Trattat meħuda taħt l-Artikoli 4 jew 5 ta' dan ir-Regolament għandha tindika l-perjodu li għalih din għandha tkun valida; normalment dak il-perjodu m' għandux ikun ta' anqas minn sitt snin. Mad-deċiżjoni jistgħu jiġu annessi kondizzjonijiet u obligazzjonijiet.

2. Id-deċiżjoni tista' tiġi mġedda jekk il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat jibqgħu sodisfatti.

3. Il-Kummissjoni tista' tirrevoka jew temenda d-deċiżjoni tagħha jew tipprojbixxi atti speċifiċi mill-partijiet:

(a) meta tkun saret bidla f'xi wieħed mill-fatti li kienu bażilari għat-teħid tad-deċiżjoni; jew

(b) meta l-partijiet iwettqu ksur ta' xi obligazzjoni annessa mad-deċiżjoni; jew

(ċ) meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni skorretta jew li tkun ingħatat b'ingann; jew

(d) meta il-partijiet jabbużaw mill-eżenzjoni mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) tat-Trattat mogħtija lilhom permess tad-deċiżjoni.

Fil-każijiet li jaqgħu taħt is-subparagrafi (b), (ċ) jew (d), id-deċiżjoni tista tiġi revokata b'effett retroattiv.

L-Artikolu 7

Setgħat

Suġġett għar-reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa unika li tagħti deċiżjonijiet skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat.

L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri għandhom iżommu s-setgħa li jiddeċiedu jekk xi każ jaqax taħt id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat, sa dak iż-żmien meta l-Kummissjoni tkun tat bidu għal proċedura bl-iskop li tifformula deċiżjoni dwar il-każ inkwestjoni jew tkun bagħtet in-notifika kif provdut mill-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 8

Relazzjoni ma' l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċeduri stabbiliti f'dan ir-Regolament b'kollaborazzjoni mill-qrib u kostanti ma' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri; dawn l-awtoritajiet għandu jkollhom id-dritt li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar dawk il-proċeduri.

2. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri kopji ta' l-ilmenti u l-applikazzjonijiet u tad-dokumenti l-aktar importanti mibgħuta lilha jew li hija tibgħat matul dawk il-proċeduri.

3. Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkordji u l-Pożizzjonijiet Dominanti fit-Trasport bl-Ajru għandu jiġi konsultat qabel ma tittieħed xi deċiżjoni wara l-proċedura taħt l-Artikolu 3 jew xi deċiżjoni taħt it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3), jew taħt it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' l-istess Artikolu jew taħt l-Artikolu 6. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jiġi konsultat ukoll qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet implimentattivi provduti fl-Artikolu 19.

4. Il-Kumitat Konsultattiv għandu jkun kompost minn uffiċjali kompetenti fl-isfera tat-trasport bl-ajru u akkordji u pożizzjonijiet dominanti. Kull Stat Membru għandu jaħtar żewġu ffiċjali sabiex jirrappreżentawh, li kull wieħed minnhom jista' jiġi mibdul, jekk ma jkunx jista' jattendi, minn uffiċjal ieħor.

5. Il-konsultazzjoni għandha sseħħ waqt laqgħa konġunta msejħa mill-Kummissjoni; din il-laqgħa għandha ssir mhux qabel 14-il-ġurnata wara li tintbagħat in-notifika li ssejjaħ l-istess laqgħa. Fir-rigward ta' kull kas li għandu jiġi eżaminat, din in-notifika għandha tkun akkompanjata minn sommarju tal-kas, flimkien ma' indikazzjoni tad-dokumenti l-aktar importanti, u abbozz preliminari tad-deċiżjoni.

6. Il-Kumitat konsultattiv jista' jagħti opinjoni minkejja li x'uħud mill-membri tiegħu jew is-sostitwiti tagħhom ma jkunux preżenti. Rapport ta' l-eżitu tal-proċedimenti konsultattivi għandu jiġi anness ma' l-abbozz tad-deċiżjoni. Dan m' għandux jiġi ppubblikat.

L-Artikolu 9

Talbiet għall-informazzjoni

1. Waqt li twettaq id-doveri mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' takkwista l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-gvernijiet u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u minn impriżi u assoċjazzjonijiet ta' impriżi.

2. Meta tibgħat talba għall-informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi, il-Kummissjoni għandha fl-istess ħin tgħaddi kopja tat-talba lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-uffiċċju prinċipali ta' l-impriża jew ta' l-assoċjazzjoni ta' impriżi.

3. Fit-talba tagħha, l-Kummissjoni għandha tistqarr il-bażi legali u l-iskop tat-talba u anke l-penalitajiet f'każ li tingħata informazzjoni skorretta skond l-Artikolu 12(1)(b)

4. It-titolari ta' l-impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-kas ta' persuni legali jew ta' kumpanniji, ditti, jew assoċjazzjonijiet li m'għandhomx personalità ġuridika, il-persuna awtorizzata biex tirrappreżenthom skond il-liġi jew skond ir-regoli tagħhom, huma obbligati li jfornu l-informazzjoni mitluba.

5. Meta impriża jew assoċjazzjoni ta' impriżi ma jjipprovdux l-informazzjoni mitluba fi żmien il-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew ifornu informazzjoni skorretta, l-Kummissjoni għandha permess ta' deċiżjoni titlob li l-informazzjoni tiġi provduta. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa, tistabbilixxi limitu ta' żmien xieraq li fih din għandha tiġi pprovduta u tindika l-penalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(b) u fl-Artikolu 13(1)(ċ), kif ukoll id-dritt li ssaqsi għal reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6. Fl-istess ħin il-Kummissjoni għandha tgħaddi kopja tat-talba tagħha lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab l-uffiċċju prinċipali ta' l-impriża jew ta' l-assoċjazzjoni ta' impriżi.

L-Artikolu 10

Investigazzjonijiet mill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri

1. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom iwettqu l-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa taħt l-Artikolu 11(1), jew li hija ordnat permess ta' deċiżjoni adottata skond l-Artikolu 11(3). L-uffiċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri responsabbli għat-tmexxija ta' dawn l-investigazzjonijiet għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom wara li juru awtorizzazzjoni bil-miktub maħruġa mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorji tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni. Awtorizzazjoni bħal din għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni.

2. Jekk ikun mitlub hekk mill-Kummissjoni jew mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni, uffiċjali tal-Kummissjoni jistgħu jgħinu lill-uffiċjali ta' l-awtorità kompetenti fit-twettiq tad-doveri tagħha.

L-Artikolu 11

Poteri investigattivi tal-Kummissjoni

1. Fit-twettiq tad-doveri mogħtija lilha minn dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tmexxi l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' mpriżi. Għal dan il-għan l-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni għandhom ikollhom is-setgħa:

(a) li jeżaminaw il-kotba u r-records oħra tan-negozju:

(b) li jieħdu kopji ta', jew siltiet mill-kotba u r-records tan-negozju;

(ċ) li jitolbu spjegazzjonijiet bil-fomm fuq il-post;

(d) li jidħlu f'kull fond, art u vetturi ta' l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' imprizi

2. L-uffiċjali awtorizzati tal-Kummissjoni għandhom jeżerċitaw il-poteri tagħhom wara li juru awtorizzazjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni u l-penalitajiet provduti fl-Artikolu 12(1)(ċ) fil-każijiet meta l-produzzjoni tal-kotba u r-records l-oħra tan-negozju ma tkunx kompluta. Fi żmien tajjeb, qabel l-investigazzjoni, l-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru, li fit-territorju tiegħu din għandha titwettaq, dwar l-investigazzjoni u l-identità ta' l-uffiċjali awtorizzati.

3. L-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi għandhom jissottomettu ruħhom għall-investigazzjonijiet ordnati mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop ta' l-investigazzjoni, tappunta d-data li fiha għandha tibda u tindika l-penalitajiet provduti fl-Artikoli 12(1)(ċ) u 13(1)(d) u d-dritt li ssaqsi għal reviżjoni tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4. Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 wara konsultazzjoni ma' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni.

5. L-uffiċjali ta' l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha ssir l-investigazzjoni jistgħu jgħinu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni fit-twettiq tad-doveri tagħhom, fuq it-talba ta' din l-awtorità jew tal-Kummissjoni.

6. Meta impriża topponi investigazzjoni ordnata skond dan l-Artikolu, l-Istat Membru konċernat għandu jagħti l-assistenza meħtieġa lill-uffiċjali awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex dawn iwettqu l-investigazzjoni tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa wara l-konsultazzjoni mal-Kummissjoni qabel il-31 ta' Lulju 1989.

L-Artikolu 12

Multi

1. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' deċiżjoni, timponi multi fuq l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi minn 100 sa 5000 meta, volontarjament jew b' negliġenza:

(a) jipprovdu informazzjoni skorretta jew qarrieqa f'konnessjoni ma' applikazzjoni skond l-Artikolu 3(2) jew l-Artikolu 5; jew

(b) jipprovdu informazzjoni skorretta fir-risposta għat-talba magħmula skond l-Artikolu 9(3) jew (5), jew ma jipprovdux informazzjoni fil-limitu taż-żmien stabbilit minn deċiżjoni meħuda taħt l-Artikolu 9(5); jew

(ċ) jipproduċu l-kotba u d-dokumenti tan-negozju l-oħra meħtieġa f'forma mhux kompluta matul l-investigazzjonijiet taħt l-Artikolu 10 jew l-Artikolu 11, jew jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni ordnata minn deċiżjoni mogħtija skond l-Artikolu 11(3).

2. Il-Kummissjoni tista', permezz ta' deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi minn 1000 sa ECU 1000000, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tad-dħul fis-sena tal-kummerċ preċedenti ta' l-impriżi li jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-ksur meta, jew volontarjament jew b' negliġenza:

(a) jiksru l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat; jew

(b) jikkommettu ksur ta' xi obbligu impost skond l-Artikolu 6(1) ta' dan ir-Regolament.

Waqt li jiġi ffissat l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

3. l-Artikolu 8 għandu japplika.

4. Deċiżjonijiet meħuda skond il-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx ikunu ta' natura ta' liġi penali.

5. Il-multi pprovduti fil-paragrafu 2(a) m'għandhomx jiġu mposti fir-rigward ta' atti li jseħħu wara n-notifika lill-Kummissjoni u qabel id-deċiżjoni tagħha fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, sakemm dawn jaqgħu fil-limiti ta' l-attività deskritta fin-notifika.

Madankollu, din id-dispożizzjoni m'għandiex ikollha effett meta l-Kummissjoni tkun informat lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati li, wara l-eżami preliminari, din hija tal-fehma li l-Artikolu 85(1) tat-Trattat japplika u li l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) mihijiex ġustifikata.

L-Artikolu 13

Ħlasijiet ta' penalitajiet perjodiċi

1. Permezz ta' deċiżjoni l-Kummissjoni tista' timponi ħlasijiet ta' penalitajiet perjodiċi fuq impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi ta' minn ECU 50 sa ECU1000 għal kull ġurnata, ikkalkolati mid-data appuntata mid-deċiżjoni, sabiex iġġegħelhom:

(a) itemmu l-ksur ta' l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat, li t-temma tiegħu ikun ġie ordnat skond l-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament;

(b) joqogħdu lura minn kull att projbit taħt l-Artikolu 6(3);

(ċ) jipprovdu informazzjoni kompluta u korretta li tkun intalbet minn deċiżjoni, meħuda skond l-Artikolu 9(5);

(d) jissottomettu ruħhom għal investigazzjoni li tkun ġiet ordnata permezz ta' deċiżjoni meħuda skond l-Artikolu 11(3).

2. Meta l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi jkunu ssodisfaw l-obbligu li minħabba fih ġew imposti l-ħlasijiet ta' penalitajiet perjodiċi, il-Kummissjoni tista' tiffissa l-ammont totali tal-ħlas ta' penali perjodiku f'figura iżgħar minn dik li kieku kienet tirriżulta taħt id-deċiżjoni oriġinali.

3. L-Artikolu 8 għandu japplika.

L-Artikolu 14

Reviżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata fis-sens ta' l-Artikolu 172 tat-Trattat li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew ħlas ta' penali perjodiku; din tista' tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas ta' penali perjodiku impost.

L-Artikolu 15

Unità ta' kont

Għall-iskop ta' l-applikazjzoni ta' l-Artikoli 12 sa 14 l-ECU għandu jiġi adottat fit-tfassil tal-budget tal-Komunità skond l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat.

L-Artikolu 16

Is-smigħ tal-partijiet u ta' terzi persuni

1. Qabel ma tirrifjuta ċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 3(2), jew tieħu deċiżjonijiet kif pprovdut fl-Artikoli 4, 5(3), t-tieni subparagrafu, u 5(4), 6(3), 12 u 13, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi konċernati l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni ssib, jew tkun sabet, oġġezzjoni.

2. Jekk il-Kummissjoni jew l-awtoritá kompetenti ta' l-Istati Membri jikkonsidraw li huwa meħtieġ, huma jistgħu jisimgħu persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra. Applikazzjonijiet minn persuni bħal dawn sabiex jinstemgħu għandhom jingħataw meta dawn juru biżżejjed interess.

3. Meta l-Kummissjoni tkun beħsiebha tieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 85(3) tat-Trattat, hija għandha tippubblika sommarju ta' l-akkordji, deċiżjoni jew prattiċi miftiehma relevanti fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u tistieden lit-terzi partijiet interessati kollha sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom fil-limitu taż-żmien, li ma jkunx anqas minn xahar, li hija għandha tiffissa. Il-pubblikazzjoni għandha tikkonsidra l-interess leġittimu ta' l-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

L-Artikolu 17

Segretezza professjonali

1. L-informazzjoni akkwistata b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 9 sa 11għandha tintuża biss għall-iskop tat-talba jew l-investigazzjoni relevanti.

2. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 16 u 18, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri, l-uffiċjali tagħhom u l-qaddejja oħra m'għandhomx jiżvelaw informazzjoni tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali u li tkun akkwistata minnhom b'riżultat ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jipprevjenu l-pubblikazzjoni ta' informazzjoni ġenerali jew ta' stħarriġli ma jkunx fihom informazzjoni li tirrigwarda impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' impriżi partikolari.

L-Artikolu 18

Pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet

1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li hija tieħu skond l-Artikoli 3(2), 4, 5(3) it-tieni subparagrafu, 5(4) u 6(3).

2. Il-pubblikazzjoni għandha tistqarr l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni; hija għandha tikkonsidra l-interessi leġittimi ta' l-impriżi fil-ħarsien tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

L-Artikolu 19

Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta dispożizzjonijiet implimentattivi li jirrigwardaw il-forma, il-kontenut u dettalji oħra ta' ilmenti skond l-Artikolu 3, l-applikazzjonijiet skond l-Artikoli 3(2) u 5 u s-smigħ provdut fl-Artikolu 16(1) u (2).

L-Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1988.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-14 ta' Diċembru 1987.

Għall-Kunsill

Il-President

U. Ellemann-Jensen

[1] ĠU C 182, tad-9.7.1984, p. 2.

[2] ĠU C 182, tad-19.7.1982, p. 120 u ĠU C 345 tal-21.12.1987.

[3] ĠU C 77, tal-21.3.1983, p. 20.

[4] ĠU 124, tat-28.11.1962, p. 2751/62.

[5] ĠU 13, tal-21.2.1962, p. 204/62.

[6] ĠU L 175, tat-23.7.1968, p. 1.

[7] ĠU L 378, tal-31.12.1986, p. 4.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IL-LISTA LI SSIR REFERENZA GĦALIHA FL-ARTIKOLU 2

(a) L-introduzzjoni jew l-applikazzjoni uniformi ta' standards tekniċi obbligatorji jew rakkomandati għal ajruplani, partijiet ta' ajruplani, tagħmir u provvisti ta' l-ajruplani, meta dawn l-istandards ikunu ġew stabbiliti minn organizzazjzoni li normalment tingħata rikonoxximent internazzjonali, jew minn fabbrikant ta' ajruplani jew ta' tagħmir.

(b) l-introduzzjoni jew l-applikazzjoni uniformi ta' standards tekniċi għal installazjonijiet fissi għall-ajruplani, meta dawn l-istandards ikunu stabbiliti minn organizzazzjoni li normalment tingħata rikonoxximent internazzjonali.

(ċ) it-tpartit, il-kiri, is-self, jew il-manutenzjoni ta' ajruplani, partijiet minn ajruplani jew installazjonijiet fissi bl-iskop li jiġu operati servizzi ta' l-ajru u x-xiri konġunt ta' partijiet minn ajruplani, sakemm dawn l-arranġamenti isiru fuq bażi mhux diskriminatorja;

(d) l-introduzzjoni, l-operazzjoni u l-manutenzjoni ta' sistemi interkonnessi tekniċi ta' komunikazzjoni, sakemm dawn l-arranġamenti jsiru fuq bażi mhux diskriminatorja;

(e) it-tpartit, is-self u t-taħriġ ta' personal għal skopijiet tekniċi jew għal operazzjonijiet;

(f) l-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni ta' operazzjonijiet ta' transport ta' sostituzzjoni għall-passiġġiera, posta u bagalji, fil-kas ta' waqfien/dewmien ta' l-ajruplani, ħlief jekk ikunu tat-tip charter jew permezz tal-provvista ta' ajruplani ta' sostituzzjoni taħt arranġamenti kontrattwali;

(g) l-organizzajzzoni u l-eżekuzzjoni ta' operazzjonijiet suċċessivi jew supplimentari ta' operazzjonijiet ta' transport bl-ajru, u l-iffissar u l-applikazzjoni ta' rati inklużivi u kondizzjonijiet għal operazzjonijiet ta' din ix-xorta;

(h) il-konsolidazzjoni ta' kunsinni individwali;

(i) l-istabbiliment jew l-applikazzjoni ta' regoli uniformi li jirrigwardaw l-istruttura u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-applikazzjoni ta' tariffi tat-trasport, sakemm dawn ir-regoli ma jiffissawx direttament jew indirettament prezzijiet u kondizzjonijiet tat-trasport;

(j) arranġamenti dwar il-bejgħ, iċ-ċertifikazzjoni u l-aċċettanza ta' biljetti bejn trasportaturi bl-ajru (interlining) kif ukoll l-iskemi ta' rifużjoni, ta' prorata u ta' kontabilità stabbiliti għal dawn l-iskopijiet;

(k) l-approvazzjoni u l-ħlas ta' kontijiet bejn trasportaturi bl-ajru permezz ta' karma ta' l-approvazzjoni, inklużi dawk is-servizzi li jistgħu jkunu meħtieġa jew inċidentali; l-approvazzjoni u l-ħlas ta' kontijiet bejn trasportaturi bl-ajru u l-aġenti maħtura tagħhom permezz ta' pjan jew sistema ċentralizzata u awtomatika ta' ħlas, inklużi dawk is-servizzi li jistgħu jkunu meħtieġa jew inċidentali għalihom.

--------------------------------------------------