31985R3821



Official Journal L 370 , 31/12/1985 P. 0008 - 0021
Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0120
Spanish special edition: Chapter 07 Volume 4 P. 0028
Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0120
Portuguese special edition Chapter 07 Volume 4 P. 0028


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85

ta' l-20 ta' Diċembru 1985

dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropeja, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi r-Regolament (KEE) Nru 1463/70 [4] kif emendat l-aħħar mir-Regolament Nru 2828/77 [5] introduċa apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq;

Billi, wara li jiġu kunsidrati l-emendi li jinsabu 'l quddiem, sabiex jiġu iċċarati l-affarijiet, id-dispożizzjonijiet relevanti kollha għandhom jinġiebu flimkien f'test wieħed, u b'konsegwenza ta' dan, ir-Regolament (KEE) Nru 1463/70 tal-Kunsill għandu jitneħħa; billi, madanakollu, l-eżenzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3(1) fir-rigward ta' ċerti servizzi tat-trasport ta' passiġġieri għandhom jinżammu fis-seħħ għal ċertu żmien;

Billi l-użu ta' apparat ta' reġistrazzjoni li jista' jindika l-perjodi ta' żmien imsemmija fir-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq [6] huwa intiż biex jiżgura li jkun hemm kontroll effettiv ta' dik il-leġislazzjoni soċjali;

Billi l-obbligu li jintuża apparat ta' reġistrazzjoni jista' jiġi impost biss fuq vetturi rreġistrati fl-Istati Membri; billi ukoll ċerti vetturi minn dawn jistgħu, mingħajr ma tinħoloq diffikultà, jiġu esklużi mill-applikazzjoni ta' dan ir- Regolament;

Billi l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati, bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, li jagħtu eċċezzjonijiet lil ċerti vetturi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament f'ċirkostanzi eċċezzjonali; billi f'każijiet urġenti, għandu jkun possibbli li jingħataw dawn l-eċċezzjonijiet għal żmien limitat mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni;

Billi, sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kontroll effettiv, l-apparat irid ikun affidabbli waqt li jkun qiegħed jaħdem, faċli biex jintuża u ddisinjat b'mod li jnaqqas il-possibilità ta' użu qarrieqi; billi għal dan il-għan l-apparat ta' reġistrazzjoni għandu b'mod partikolari jkun kapaċi jipprovdi, fuq formoli separati għal kull sewwieq u f'forma li hija preċiża biżżejjed u li tistà tinqara faċilment, dettalji reġistrati tad-diversi perjodi ta' żmien;

Billi r-reġistrazzjoni awtomatika ta' dettalji oħrajn tal-vjaġġ ta' vettura, bħall-ħeffa u d-distanza koperta, għandha tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għas-sigurtà fuq it-toroq u għandha tinkoraġġixxi sewqan raġonevoli tal-vettura; billi, konsegwentement, jidher illi huwa xieraq li l-apparat irid ikun kapaċi jirreġistra dawn id-dettalji;

Billi huwa neċessarju li jiġu stabbiliti standards Komunitarji ta' kostruzzjoni u ta' installazjoni ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni u li tinħoloq proċedura ta' approvazzjoni tal-KEE, sabiex jiġi evitat fit-territorju kollu ta' l-Istati Membri kull impediment lejn ir-reġistrazzjoni ta' vetturi armati b'apparat ta' reġistrazzjoni ta' din ix-xorta, lejn l-għoti ta' servizzi bihom jew l-użu tagħhom, jew lejn l-użu ta' dan l-apparat;

Billi, f'każ ta' nuqqas ta' qbil bejn l-Istati Membri dwar każijiet ta' approvazzjoni ta' tipi tal-KEE, il-Kummissjoni għandha jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjoni dwar tilwima fi żmien sitt xhur jekk l-Istati kkonċernati ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim;

Billi tkun ta' għajnuna għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament u għall-prevenzjoni ta' abbużi jekk jinħarġu kopji tal-formoli ta' reġistrazzjoni lis-sewwieqa li jitolbuhom;

Billi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet hawn fuq imsemmija li jinżamm kontroll fuq il-perjodi ta' xogħol u ta' mistrieħ, huwa meħtieġ li dawk li jħaddmu u s-sewwieqa jkunu responsabbli sabiex jaraw li l-apparat jaħdem sew u li huma jwettqu b'attenjoni l-operazzjonijiet preskritti;

Billi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw in-numru ta' formoli ta' reġistrazzjoni li sewwieq irid iżomm miegħu iridu jiġu emendati wara li l-ġimgħa flessibbli tiġi mibdula bil-ġimgħa fissa;

Billi l-progress tekniku jeħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jinsabu fl-Annessi ta' dan ir-Regolament jiġu addattati malajr; billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-miżuri neċessarji għal dan il-għan, għandha titwaqqaf proċedura li tistabbilixxi kooperazzjoni mill-viċin bejn l-Istati membri u l-Kummissjoni fi ħdan Kumitat Konsultattiv;

Billi l-Istati Membri għandhom ipartu l-informazzjoni disponibbli dwar vjolazzjonijiet li jinstabu;

Billi, sabiex jiġi żgurat li l-apparat ta' reġistrazzjoni jaħdem b'mod affidabbli u korrett, ikun tajjeb jekk jiġu stabbiliti rekwiżiti uniformi għall-kontrolli perjodiċi u għall-ispezzjonijiet ta' l-apparat wara li jiġi installat,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

IL-KAPITOLU I

Prinċipji u kamp ta' applikazzjoni

L-Artikolu 1

L-apparat ta' reġistrazzjoni skond it-tifsira ta' dan ir-Regolament irid, fir-rigward ta' kostruzzjoni, installazzjoni, użu u testijiet, jaqbel mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u ta' l-Annessi I u II tiegħu, li jiffurmaw parti integrali minn dan ir-Regolament.

L-Artikolu 2

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 għandhom japplikaw.

L-Artikolu 3

1. L-apparat ta' reġistrazzjoni għandu jiġi installat u użat f'vetturi rreġistrati fi Stat Membru li jintużaw għall-ġarr ta' passiġġieri jew ta' merkanzija bit-triq, ħlief għall-vetturi msemmija fl-Artikoli 4 u 14(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85.

2. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw vetturi msemmija fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'kull eżenzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

3. L-Istati Membri jistgħu, wara awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, jeżentaw mill-applikazzjoni ta' dan ir-regolament vetturi użati għall-operazzjonijiet ta' trasport imsemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 3820/85. F'każijiet urġenti huma jistgħu jagħtu eżenzjoni temporanja ta' mhux iktar minn 30 ġurnata, li trid tiġi nnotifikata immedjatament lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika immedjatament lill-Istati Membri l-oħra dwar kull eżenzjoni mogħtija taħt dan ir-Regolament.

4. Fil-każ ta' operazzjonijiet nazzjonali tat-trasport, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu l-istallazzjoni u l-użu ta' apparat ta' reġistrazzjoni skond dan ir-Regolament f'kull waħda mill-vetturi li skond il-paragrafu 1 ma jeħtiġux l-installazzjoni u l-użu ta' l-imsemmi apparat.

IL-KAPITOLU II

Approvazzjoni tat-tip

L-Artikolu 4

Applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-KEE għal tip ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew ta' formola ta' reġistrazzjoni mudell għandha tiġi sottomessa, flimkien ma' l-ispeċifikazzjonijiet xierqa, minn dak li jimanifattura jew mill-aġent tiegħu lil Stat Membru. Ebda applikazzjoni fir-rigward ta' tip wieħed ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew mudell wieħed ta' formola ta' reġistrazzjoni m'għandha tiġi sottomessa lil iktar minn Stat Membru wieħed.

L-Artikolu 5

Stat Membru għandu jagħti l-approvazzjoni tal-KEE lil kull tip ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew mudell ta' formola ta' reġistrazzjoni li jaqbel mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, sakemm l-Istat Membru jkun f'pożizzjoni li jikkontrolla li l-mudelli ta' produzzjoni jaqblu mal-prototip approvat.

Xi modifikazzjonijiet fil-mudell approvat jew xi żidiet miegħu iridu jirċievu approvazzjoni tat-tip KEE addizzjonali mill-Istat Membru li jkun ħareġ l-approvazzjoni tat-tip KEE oriġinali.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-applikant marka ta' approvazzjoni tal-KEE, li għandha taqbel mal-mudell muri fl-Anness II, għal kull tip ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew mudell ta' formola ta' reġistrazzjoni li huma japprovaw taħt l-Artikolu 5.

L-Artikolu 7

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip għandhom, fir-rigward ta' kull tip ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew mudell ta' formola ta' reġistrazzjoni li huma japprovaw jew jiċħdu, jew jibagħtu fi żmien xahar lill-awtoritajiet ta' l-Istati Membri l-oħra kopja taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni flimkien ma' kopji ta' l-ispeċifikazzjonijiet relevanti, jew, jekk il-każ ikun hekk, jinnotifikaw lil dawk l-awtoritajiet li l-approvazzjoni ġiet miċħuda; f'każijiet ta' ċaħda huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħhom.

L-Artikolu 8

1. Jekk Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip KEE skond l-Artikolu 5 isib li ċertu apparat ta' reġistrazzjoni jew formoli ta' reġistrazzjoni li jkollhom il-marka ta' approvazzjoni tat-tip KEE li huwa jkun ħareġ ma jkunux jaqblu mal-prototip li huwa jkun approva, huwa għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-mudelli tal-produzzjoni jaqblu mal-prototip approvat. Il-miżuri li jistgħu jittieħdu, jekk dan ikun meħtieġ, jistgħu iwasslu għall-irtirar ta' l-approvazzjoni tat-tip KEE.

2. Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip KEE għandu jirtira din l-approvazzjoni jekk l-apparat ta' reġistrazzjoni jew il-formola ta' reġistrazzjoni li jkunu ġew approvati ma jikkonformawx ma' dan ir-Regolament jew l-Annessi tiegħu jew jekk juru waqt l-użu xi difett ġenerali li jagħmilhom mhux xierqa għall-iskop li huma maħsubin għalih.

3. Jekk Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip KEE jiġi nnotifikat minn Stat Membru ieħor dwar wieħed mill-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, huwa għandu ukoll, wara li jikkonsulta lill-Istat Membru l-ieħor, jieħu l-passi msemmija f'dawk il-paragrafi, mingħajr ħsara għall-paragrafu 5.

4. Stat Membru li jivverifika li seħħ wieħed mill-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jista' jipprojbixxi, sa ma jingħata avviż ieħor, it-tpoġġija fuq is-suq u l-użu ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni jew formoli ta' reġistrazzjoni. L-istess japplika fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew formoli ta' reġistrazzjoni li jkunu ġew eżentati mill-verifikazzjoni inizjali tal-KEE, jekk il-manifatturier, wara li jkun ingħata twissija, ma jġibx l-apparat jaqbel mal-mudell approvat jew mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. F'kull każ, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lil xulxin u lill-Kummissjoni, fi żmien xahar, b'kull irtirar ta' approvazzjonjijiet tat-tip KEE jew b'kull miżuri oħrajn meħuda taħt il-paragrafi 1, 2, u 3, u għandhom jispeċifikaw ir-raġunijet għal din l-azzjoni.

5. Jekk Stat Membru li jkun ħareġ approvazzjoni tat-tip KEE joġġezzjona dwar l-eżistenza ta' xi wieħed mill-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 li jiġu nnotifikati lilu, l-Istati Membri involuti għandhom jippruvaw isolvu t-tilwima u għandhom iżommu lill-Kummissjoni infurmata.

Jekk taħdidiet bejn l-Istati Membri ma jirriżultawx fi ftehim fi żmien erba' xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3 hawn fuq, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta ma' esperti mill-Istati Membri kollha u wara li tkun ikkunsdrat il-fatturi relevanti kollha, eż. fatturi ekonomiċi u tekniċi, għandha tieħu deċiżjoni fi żmien sitt xhur li trid tiġi kkomunikata lill-Istati Membri involuti u fl-istess ħin lill-Istati Membri l-oħra. F'kull każ il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-limitu taż-żmien għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni.

L-Artikolu 9

1. Applikant għal approvazzjoni tat-tip KEE ta' mudell ta' formola ta' reġistrazzjoni jrid jistqarr fl-applikazzjoni tiegħu it-tip jew tipi ta' apparat ta' reġistrazzjoni li l-formola inkwistjoni hija ddisinjata li taħdem fuqhom, u għandu jipprovdi apparat xieraq ta' dan it-tip sabiex tkun tista' tiġi ittestjata l-formola.

2. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom jindikaw fuq iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni għall-mudell tal-formola ta' reġistrazzjoni t-tipi ta' apparat ta' reġistrazzjoni li fuqhom jista' jintuża l-mudell tal-formola.

L-Artikolu 10

L-ebda Stat Membru ma jista' jirrifjuta li jirreġistra xi vettura armata b'apparat ta' reġistrazzjoni, jew jipprojbixxi l-għoti ta' servizzi jew l-użu ta' din il-vettura għal xi raġuni marbuta mal-fatt li l-vettura hija armata b'apparat bħal dan, jekk l-apparat ikollu l-marka ta' approvazzjoni KEE imsemmija fl-Artikolu 6 u l-plakka ta' installazzjoni msemmija fl-Artikolu 12.

L-Artikolu 11

Kull deċiżjoni meħuda taħt dan ir-Regolament li tiċħad jew li tirtira l-approvazzjoni ta' tip ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew mudell ta' formola ta' reġistrazzjoni għandha tispeċifika fid-dettal ir-raġunijet li hija bbażata fuqhom. Deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-parti kkonċernata, li għandha fl-istess ħin tiġi infurmatu dwar ir-rimedji li għandha għad-dispożizzjoni tagħha taħt il-liġijiet ta' l-Istati Membri u dwar il-limiti ta' żmien għall-użu ta' dawn ir-rimedji.

IL-KAPITOLU III

Installazzjoni u spezzjoni

L-Artikolu 12

1. L-apparat ta' reġistrazzjoni jista' jiġi installat jew imsewwi biss minn nies tas-sengħa jew minn ħwienet tax-xogħol appruvati mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għal dak il-għan, wara li dawn ta' l-aħħar, jekk ikunu jixtiequ, ikunu semgħu dak li jkollhom xi jgħidu l-manifatturieri kkonċernati.

2. Il-persuna tas-sengħa jew il-ħanut tax-xogħol approvat għandu jpoġġi marka speċjali fuq is-siġilli li huwa jwaħħal. L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru għandhom iżommu reġistru tal-marki użati.

3. L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil xulxin il-listi tagħhom ta' nies tas-sengħa u ta' ħwienet tax-xogħol approvati u ukoll kopji tal-marki użati.

4. Sabiex jiġi ċċertifikat li l-installazzjoni ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni seħħet skond ir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandha tintuża plakka ta' installazzjoni mwaħħla kif imsemmi f-Anness I.

IL-KAPITOLU IV

Użu ta' apparat

Artikolu 13

Dak li jħaddem u s-sewwieqa għandhom ikunu responsabbli sabiex jaraw li l-apparat jaħdem sew.

Artikolu 14

1. Dak li jħaddem għandu joħroġ numru biżżejjed ta' formoli ta' reġistrazzjoni lis-sewwieqa, u għandu jikkunsidra li dawn il-formoli huma ta' karattru personali, it-tul tal-perjodu ta' servizz u l-obbligazzjoni possibbli sabiex jinbidlu formoli li tkun ġratilhom il-ħsara, jew li jkunu ttieħdu minn uffiċjal ta' spezzjoni awtorizzat. Dak li jħaddem għandu jagħti lis-sewwieqa biss dawk il-formoli ta' mudell approvat li huma xierqa għall-użu ma' l-apparat installat fil-vettura.

2. L-impriża għandha żżomm il-formoli ta' reġistrazzjoni fi stat tajjeb għal mill-inqas sena wara li jkunu intużaw u għandha tagħti kopji lis-sewwieqa involuti li jitolbuhom. Il-formoli għandhom jintwerew jew jingħataw meta jiġu mitluba minn uffiċjal ta' spezzjoni awtorizzat.

L-Artikolu 15

1. Is-sewwieqa m'għandhomx jużaw formoli ta' reġistrazzjoni li jkunu maħmuġin jew li tkun ġratilhom il-ħsara. Il-formoli għandhom jiġu protetti adegwatament minħabba dan.

Fil-każ li ssir ħsara lill-formola li jkun fiha xi reġistrazzjonijiet, is-sewwieqa għandhom iwaħħlu l-formola li tkun ġratilha l-ħsara mal-formola żejda użata biex tibdilha.

2. Is-sewwieqa għandhom jużaw il-formoli ta' reġistrazzjoni kuljum meta huma jkunu qegħdin isuqu, u għandhom jibdew mill-mument meta huma jieħdu l-vettura taħt idejhom. Il-formola ta' reġistrazzjoni ma tistax tiġi irtirata qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħidma ta' kuljum sakemm l-irtirar tagħha ma jkunx awtorizzat b'mod ieħor. Ebda formola ta' reġistrazzjoni ma tista' tintuża biex tkopri perjodu itwal minn dak li hija intenzjonata għalih. Meta, minħabba li jkun 'il bogħod mill-vettura, sewwieq ma jkunx jista' juża l-apparat imwaħħal mal-vettura, il-perjodi ta' ħin indikati fil-paragrafu 3, it-tieni inċiz (b), (ċ) u (d) hawn isfel għandhom jiddaħħlu fuq il-formola, jew manwalment, jew permezz ta' reġistrazzjoni awtomatika jew b'mezzi oħra, b'mod li jinqara u mingħajr ma titħammeġ il-formola.

Is-sewwieqa għandhom jemendaw il-formoli ta' reġistrazzjoni skond kif ikun hemm bżonn jekk ikun hemm iktar minn sewwieq wieħed abbord il-vettura, sabiex l-informazzjoni imsemmija fil-Kapitolu II (1) sa (3) ta' l-Anness I tiġi reġistrata fuq il-formola ta' reġistrazzjoni tas-sewwieq li jkun attwalment qiegħed isuq.

3. Is-sewwieqa għandhom:

- jiżguraw li l-ħin reġistrat fuq il-formola jaqbel mal-ħin uffiċjali fil-pajjiż ta' reġistrazzjoni tal-vettura,

- joperaw il-mekkaniżmi ta' l-iswiċċ li jippermettu li l-perjodi ta' ħin li ġejjin jiġu reġistrati separatament u b'mod distint:

(a) taħt is-sinjal

+++++ TIFF +++++

: ħin ta' sewqan;

(b) taħt is-sinjal

+++++ TIFF +++++

: il-perjodi l-oħra kollha ta' xogħol;

(ċ) taħt is-sinjal

+++++ TIFF +++++

: perjodi oħra ta'meta jkun disponibbli, jiġifieri:

- ħin ta' stennija, i.e. il-perjodu meta s-sewwieqa jridu jibqgħu f'posthom biss sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għal sejħiet biex jibdew jew biex ikomplu jsuqu jew biex jagħmlu xogħol ieħor,

- ħin li jqattgħu ħdejn is-sewwieq waqt li l-vettura tkun miexja,

- ħin li jqattgħu fuq sodda waqt li l-vettura tkun miexja,

(d) taħt is-sinjal

+++++ TIFF +++++

: pawżi fi-xogħol u perjodi ta' mistrieħ kuljum.

4. Kull Stat Membru jista' jippermetti li l-perjodi kollha msemmija fil-paragrafu 3, it-tieni inċiz (b) u (ċ), jiġu rreġistrati taħt is-sinjal

+++++ TIFF +++++

fuq il-formoli ta' reġistrazzjoni u użati fuq vetturi rreġistrati fit-territorju tiegħu.

5. Kull membru tal-kru għandu jdaħħal l-informazzjoni li ġejja fuq il-formola ta' reġistrazzjoni tiegħu:

(a) meta jibda juża il-formola — kunjomu u l-ewwel isem tiegħu;

(b) id-data u l-post fejn jibda l-użu tal-formola u d-data u l-post fejn jintemm dan l-użu;

(ċ) in-numru ta' reġistrazzjoni ta' kull vettura li huwa jkun ġie assenjat għaliha, kemm fil-bidu ta' l-ewwel vjaġġ irreġistrat fuq il-formola kif ukoll, fil-każ ta' bdil tal-vettura, waqt l-użu tal-formola;

(d) il-qari ta' l-odometru:

- fil-bidu ta' l-aħħar vjaġġ reġistrat fuq il-formola,

- fit-tmiem ta' l-aħħar vjaġġ reġistrat fuq il-formola,

- fil każ ta' bidla fil-vetturi waqt ġurnata tax-xogħol (il-qari fuq il-vettura li huwa ġie assenjat għaliha u qari fuq il-vettura li jrid jiġi assenjat għaliha);

(e) il-ħin ta' kull bidla tal-vettura.

6. L-apparat għandu jkun iddisinjat b'mod li jkun possibbli għal uffiċjal ta' spezzjoni awtorizzat, jekk ikun hemm bżonn wara li jiftaħ l-apparat, li jaqra r-reġistrazzjonijiet relatati mad-disa' sigħat qabel il-ħin tal-kontroll mingħajr ma tiġi permanentament sfigurata, iddanneġġata jew mħammġa l-formola.

L-apparat għandu, barraminhekk, ikun iddisinjat b'mod li jkun possibbli, mingħajr ma tinfetaħ il-kaxxa, li jiġi verifikat li jkunu qegħdin isiru reġistrazzjonijiet.

7. Kull meta mitlub minn uffiċjal ta' spezzjoni awtorizzat biex jagħmel dan, is-sewwieq irid ikun kapaċi juri l-formoli ta' reġistrazzjoni għall-ġimgħa kurrenti, u f'kull każ għall-aħħar jum tal-ġimgħa ta' qabel meta jkun saq.

L-Artikolu 16

1. Fil-każ ta' ħsara jew operazzjoni difettuża ta' l-apparat, min iħaddem irid jieħdu għat-tiswija għand persuna tas-sengħa jew ħanut tax-xogħol approvat, malli ċ-ċirkostanzi jippermettu.

Jekk il-vettura ma tkunx tista' tittieħed lura lejn il-post fi żmien perjodu ta' ġimgħa kkalkulat mill-ġurnata tal-ħsara jew ta' meta tinstab l-operazzjoni difettuża, it-tiswija għandha ssir fit-triq.

Miżuri meħuda minn Stati Membri taħt l-Artikolu 19 jistgħu jagħtu poter lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jipprojbixxu l-użu tal-vettura f'każijiet fejn ħsara jew operazzjoni difettuża ma tkunx ġiet irranġata skond is-subparagrafi t'hawn fuq.

2. Meta l-apparat ma jkunx jista' jissewwa jew ikun qiegħed jaħdem b'mod difettuż, is-sewwieqa għandhom jimmarkaw fuq il-formola jew formoli ta' reġistrazzjoni, jew fuq formola temporanja li trid titwaħħal mal-formola ta' reġistrazzjoni, l-informazzjoni kollha għad-diversi perjodi ta' żmien li ma tiġix irreġistrata sew mill-apparat.

IL-KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 17

L-emendi meħtieġa sabiex l-Annessi jiġu addattati għall-progress tekniku għandhom jiġu adottati skond il-proċedura li tinsab fl-Artikolu 18.

L-Artikolu 18

1. Qiegħed jiġi stabbilit Kumitat għall-addattament ta' dan ir-Regolament għall-progress tekniku (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Kumitat"); dan għandu jikkonsisti f'rappreżentanti ta' l-Istati Membri, u rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkun president.

2. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

3. Meta l-proċedura stabbilita minn dan l-Artikolu trid tiġi segwita, il-kwistjoni għandha tiġi riferuta lill-Kumitat mill-President, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

4. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jwassal l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fi żmien li l-president jistabbilixxi wara li jikkunsidra l-urġenza tal-biċċa tax-xogħol. L-opinjonijiet għandhom jingħataw permezz ta' maġġoranza kkwalifikata skond l-Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president ma jistax jivvota.

5. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri previsti ma jkunux jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill proposta li tirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk il-Kunsill ma jkunx aġixxa fi żmien tliet xhur wara li l-proposta tkun ġiet sottomessa lilu, il-miżuri proposti għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 19

1. L-Istati Membri għandhom, malajr u wara li jikkonsultaw lill-Kummissjoni, jadottaw dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Dawn il-miżuri għandhom ikopru, inter alia, ir-riorganizzazzjoni, il-proċedura u l-mezzi ta' kontroll fuq osservanza u l-penali li għandhom jiġu imposti fil-każ ta' ksur.

2. L-Istati Membri għandhom jgħinu lil xulxin fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u sabiex jikkontrollaw l-osservanza tiegħu.

3. Fil-qafas ta' din l-għajnuna reċiproka l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jibagħtu lil xulxin regolarment kull informazzjoni disponibbli dwar:

- ksur ta' dan ir-Regolament minn non-residenti u kull penali imposti għal vjolazzjonijiet ta' din ix-xorta;

- penali imposti minn Stat Membru fuq ir-residenti tiegħu għal vjolazzjoni bħal din kommessa fi Stati membri oħra.

L-Artikolu 20

Ir-Regolament (KEE) Nru 1463/70 qiegħed jiġi mħassar.

Madanakollu, l-Artikolu 3(1) ta' l-imsemmi Regolament għandu, sal-31 ta' Diċembru 1989, ikompli japplika għal vetturi u sewwieqa impjegati f'servizzi internazzjonali tal-passiġġiera regolari sakemm il-vetturi użati għal dawn is-servizzi ma jkunux armati b'apparat ta' reġistrazzjoni użat kif preskritt f' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 21

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-29 ta' Settembru 1986.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Krieps

[1] ĠU C 100, tat-12.4.1984. 4. 1984, p. 3, u ĠU C 223, tat-3.9.1985, p. 5.

[2] ĠU C 122, ta' l-20.5.1985, p. 168.

[3] ĠU C 104, tal-25.4.1985, p. 4, u ĠU C 303, tal-25.11.1985, p. 29.

[4] ĠU L 164, tas-27.7.1970, p. 1.

[5] ĠU L 334, ta' l-24.12.1977, p. 11.

[6] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

IR-REKWIŻITI GĦALL-KOSTRUZZJONI, EŻAMINAZZJONI, INSTALLAZZJONI U SPEZZJONI

I. DEFINIZZJONIJIET

F'dan l-Anness:

(a) Apparat ta' reġistrazzjoni tfisser:

apparat intenzjonat għal installazjoni f'vetturi tat-triq sabiex juri u jirreġistra awtomatikament jew semi-awtomatikament dettalji tal-moviment ta' dawk il-vetturi u ta' ċerti perjodi ta' xogħol tas-sewwieqa tagħhom;

(b) Formola ta' reġistrazzjoni tfisser:

formola ddisinjata biex taċċetta u żżomm informazzjoni reġistrata, li trid titpoġġa fl-apparat ta' reġistrazzjoni u li fuqha l-istrumenti li jimmarkaw ta' l-apparat imsemmi iħażżu record kontinwu ta' l-informazzjoni li trid tiġi rreġistrata;

(ċ) Il-kostanti ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni tfisser:

il-karatteristika numerika li tagħti valur lis-sinjal ta' l-input meħtieġa biex turi u tirreġistra distanza vvjaġġata ta' kilometru; din il-kostanti trid tiġi espressa jew bħala rivoluzzjonjiet għal kull kilometru (k =… riv/km), jew bħala impulsi għal kull kilometru (k =… imp/km);

(d) koeffiċjent karratteristiku tfisser:

il-karatteristika numerika li tagħti valur lis-sinjal ta' output li joħroġ mill-parti tal-vettura li tikkonettjaha ma' l-apparat ta' reġistrazzjoni (ix-xaft ta' l-output tal-gearbox jew il-fus) waqt li l-vettura tivvjaġġa distanza ta' kilometru mkejjel taħt kundizzjonijiet ta' eżaminazzjoni normali (ara l-Kapitolu VI, il-punt 4 ta' dan l-Anness). Il-koeffiċjent karratteristiku għandu jiġi espress jew bħala rivoluzzjonijiet għal kull kilometru (w =… riv/km), jew bħala impulsi għal kull kilometru (w =… imp/km);

(e) Ċirkomferenza effettiva tat-tajers tar-roti tfisser:

il-medja tad-distanzi vvjaġġati mir-roti differenti li jmexxu l-vettura (roti tas-sewqan) waqt rotazzjoni waħda sħiħa. Il-kejl ta' dawn id-distanzi jrid isir taħt kundizzjoijiet ta' eżaminazzjoni normali (ara l-Kapitolu VI, il-punt 4 ta' dan l-Anness) u huwa espress fil-forma: 1 =… mm.

II. IL-KARATTERISTIĊI ĠENERALI U L-FUNZJONIJIET TA' L-APPARAT TA' REĠISTRAZZJONI

L-apparat irid ikun kapaċi jirreġistra dan li ġej:

1. id-distanza vvjaġġata mill-vettura;

2. il-ħeffa tal-vettura;

3. il-ħin ta' sewqan;

4. il-perjodi oħra ta xogħol jew ta' disponibbiltà;

5. il-pawżi mix-xogħol u perjodi ta' mistrieħ kuljum;

6. il-ftuħ tal-kaxxa li jkun fiha il-formola ta' reġistrazzjoni.

Fir-rigward ta' vetturi użati minn żewġ sewwieqa l-apparat irid ikun kapaċi jirreġistra simultanjament iżda b'mod distint fuq żewġ formoli separati d-dettalji tal-perjodi mniżżlin taħt 3, 4 u 5.

III. IR-REKWIŻITI TA' KOSTRUZZJONI GĦALL-APPARAT TA' REĠISTRAZZJONI

(a) Punti ġenerali

1. L-apparat ta' reġistrazzjoni għandu jinkludi dan li ġej:

1.1. Strumenti viżwali li juru:

- d-distanza vvjaġġata (reġistratur tad-distanza)

- l-ħeffa (spidometru)

- l-ħin (arloġġ).

1.2. Strumenti ta' reġistrazzjoni li jinkludu:

- reġistratur tad-distanza vjaġġata,

- reġistratur tal-ħeffa,

- reġistratur wieħed jew iżjed tal-ħin li jissodisfaw ir-rekwiżiti li jinsabu fil-Kapitolu III(ċ)4.

1.3. Strument li jimmarka li juri fuq il-formola ta' reġistrazzjoni kull ftuħ tal-kaxxa fejn tinżamm il-formola.

2. Kull inklużjoni fl-apparat ta' strumenti addizzjonali għal dawk elenkati hawn fuq ma jridux jinterferixxu ma' l-operazzjoni kif suppost ta' l-istrumenti mandatarji jew mal-qari tagħhom.

L-apparat irid jiġi sottomess għall-approvazzjoni b'dawn l-istrumenti addizzjonali.

3. Materjali

3.1. Il-partijiet kostitwenti kollha ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni jridu jkunu magħmula minn materjali bi stabbilità biżżejjed u b'saħħa mekkanika u b'karatteristiċi elettriċi u manjetiċi stabbli.

3.2. Kull modifika f'parti kostitwenti ta' l-apparat jew fix-xorta tal-materjali użati għall-manifattura tiegħu trid, qabel ma tiġi applikata fil-manifattura, tiġi sottomessa għall-approvazzjoni lill-awtorità li tkun ħarġet approvazzjoni għat-tip ta' apparat.

4. Kejl tad-distanza vvjaġġata

Id-distanzi vvjaġġati jistgħu jitkejlu u jiġu rreġistrati jew:

- sabiex jinkludu l-moviment bil-quddiem u b'lura, jew

- sabiex jinkludu moviment bil-quddiem biss.

Kull reġistrazzjoni ta' movimenti b'l-ura ma jistgħu bl-ebda mod jaffetwaw iċ-ċarezza u r-reqqa tar-reġistrazzjonijiet l-oħrajn.

5. Kejl ta' ħeffa

5.1. Il-marġni tal-kejl tal-ħeffa għandhom jiġu mistqarra kif inhuma fiċ-ċertifikat ta' l-approvazzjoni tat-tip.

5.2. Il-frekwenza naturali u t-tmewwit ta' l-istrument tal-kejl iridu jkunu tali li l-istrumenti li juru u jirreġistraw il-ħeffa jkunu jistgħu, fil-marġni tal-kejl, isegwu tibdil fl-aċċelerazzjoni sa 2 m/s2, fil-limiti ta' tolleranzi aċċettati.

6. Kejl ta' ħin (arloġġ)

6.1. Il-kontroll tal-mekkaniżmu sabiex jiġi issettjat mill-ġdid l-arloġġ irid ikun jinsab ġewwa l-kaxxa li jkun fiha l-formola ta' reġistrazzjoni; kull ftuħ ta' dik il-kaxxa jrid jiġi awtomatikament irreġistrat fuq il-formola ta' reġistrazzjoni.

6.2. Jekk il-mekkaniżmu għall-moviment bil-quddiem tal-formola ta' reġistrazzjoni tkun ikkontrollata bl-arloġġ, il-perjodu meta din ta' l-aħħar jimxi sew wara li jkun ingħatalu l-ħabel irid ikun ikbar b'ta'mill-inqas 10 % mill-perjodu ta' reġistrazzjoni li jaqbel mat-tagħbija massima ta' formoli ta' l-apparat.

7. Dawl u Protezzjoni

7.1. L-istrumenti viżwali ta' l-apparat irid ikun fihom dawl adegwat li ma jgħammixx l-għajnejn.

7.2. Għal kondizzjonijiet ta' użu normali, il-parti interni ta' l-apparat iridu jkunu protetti kontra l-umdu u kontra t-trab. Iridu wkoll ikunu maħdumin b'mod li ma jistgħux jiġu mbagħbsa permezz ta' kaxxi li jistgħu jiġu ssiġillati.

(b) Strumenti viżwali

1. Indikatur tad-distanza vvjaġġata (reġistratur tad-distanza)

1.1. Il-valur ta' l-iċken grad fuq l-istrument li juri d-distanza vvjaġġata jrid ikun ta' 0,1 kilometru. Figuri li juru ettometri iridu jkunu jintgħarfu b'mod ċar minn dawk li juru kilometri sħaħ.

1.2. Il-figuri fuq ir-reġistratur tad-distanzi jridu jkunu jinqraw b'mod ċar u jrid ikollhom għoli apparenti ta' mill-inqas 4 mm.

1.3. Ir-reġistratur tad-distanza jrid ikun kapaċi jaqra ta' mill-inqas 99999,9 kilometru.

2. Indikaturi tal-ħeffa (spidometru)

2.1. Fil-marġni tal-kejl, l-iskala tal-ħeffa trid tkun iggradata uniformament b' 1, 2, 5 jew 10 kilometri fis-siegħa. Il-valur ta' gradazzjoni ta' ħeffa (spazju bejn żewġ marki suċċessivi) ma jistax jaqbeż l-10 % tal-ħeffa massima murija fuq l-iskala.

2.2. Il-marġni indikati lilhinn minn dak imkejjel m'għandhomx għalfejn ikunu mmarkati b'numri.

2.3. It-tul ta' kull spazju fuq l-iskala li jirrapreżenta differenza fil-ħeffa ta' 10 kilometri fis-siegħa ma jistax ikun inqas minn 10 millimetri.

2.4. Fuq indikatur mingħajr labra, id-distanza bejn il-labra u l-wiċċ ta' l-istrument ma tistax ikun iżjed minn tliet millimetri.

3. Indikatur tal-ħin (arloġġ)

L-indikatur tal-ħin irid ikun viżibbli minn barra l-apparat u jrid jagħti qari ċar, sempliċi u mhux ambigwu.

(ċ) Strumenti ta' reġistrazzjoni

1. Punti ġenerali

1.1. Kull apparat, tkun kif tkun il-forma tal-formola ta' reġistrazzjoni (strippa jew diska) irid ikun fih marka li jippermetti li l-formola ta' reġistrazzjoni tiddaħħal sew, b'mod li jiżgura li l-ħin muri mill-arloġġ u l-immarkar tal-ħin fuq il-formola jaqblu.

1.2. Il-mekkaniżmu li jċaqlaq il-formola ta' reġistrazzjoni irid ikun tali li jiżgura li l-formola tiċċaqlaq sew u tkun tista' tiddaħħal u titneħħa liberament.

1.3. Fir-rigward ta' formoli ta' reġistrazzjoni fil-forma ta' diska, l-istrument li jmexxi ' l quddiem irid jiġi kkontrollat mill-mekkaniżmu ta' l-arloġġ. F'dan il-każ, il-moviment ta' rotazzjoni tal-formola irid ikun kontinwu u uniformi, b'ħeffa minima ta' seba' millimetri fis-siegħa mkejla fil-bordura interjuri taċ-ċirku li jimmarka t-tarf tat-taqsima li tirreġistra l-ħeffa.

F'apparat tat-tip li jkun strippa, jekk l-istrument li jmexxi l-formoli 'l quddiem huwa kkontrollat mill-mekkaniżmu ta' l-arloġġ il-ħeffa tal-moviment ' il quddiem rettilineari trid tkun ta' mill-inqas 10 millimetri fis-siegħa.

1.4. Ir-reġistrazzjoni tad-distanza vvjaġġata, tal-ħeffa tal-vettura u ta' kull ftuħ tal-kaxxa li jkun fiha il-formola jew formoli ta' reġistrazzjoni trid tkun awtomatika.

2. Reġistrazzjoni tad-distanza vvjaġġata

2.1. Kull kilometru ta' distanza vvjaġġata jrid jiġi rappreżentat fuq ir-record b'varjazzjoni ta' mill-inqas millimetru wieħed fuq il-koordinat relattiv.

2.2. Anki f'veloċitajiet li jilħqu l-limitu ta' fuq tal-marġni ta' kejl, ir-record ta' distanzi xorta jrid ikun jista' jinqara b'mod ċar.

3. Ħeffa ta' reġistrazzjoni

3.1. Tkun xi tkun il-forma tal-formola ta' reġistrazzjoni, l-istilus li jirreġistra l-ħeffa irid normalment jiċċaqlaq f'linja dritta u f'kantuniera mad-direzzjoni ta' fejn tkun miexja il-formola ta' reġistrazzjoni.

Madanakollu, il-moviment ta' l-istilus jista' jkun kurvilineari, sakemm ikunu ssodisfati l-kundizjzonjiet li ġejjin:

- it-traċċa mħażża mill-istilus trid tkun perpendikolari għaċ-ċirkomferenza medja (fil-każ ta' formoli f'forma ta' diski) jew għall-fus (fil-każ ta' formoli fil-forom ta' strippi) tat-taqsima rriservata għar-reġistrazzjoni tal-ħeffa,

- ir-ratio bejn ir-radjus ta' kurvatura tat-traċċa mħażża mill-istilus u l-wisgħa tat-taqsima rriservata għar-reġistrazzjoni tal-ħeffa irid ikun mhux inqas minn 2,4 sa 1 tkun xi tkun il-forma tal-formola ta' reġistrazzjoni,

- il-marki fuq l-iskala tal-ħin iridu jaqbżu t-taqsima ta' reġistrazzjoni f'kurvatura ta' l-istess radjus daqs it-traċċa mħażża mill-istilus. L-ispazji bejn il-marki fuq l-iskala tal-ħin iridu jirrappreżentaw perjodu ta' mhux iktar minn siegħa.

3.2. Kull varjazzjoni fil-ħeffa ta' 10 kilometri fis-siegħa trid tiġi rrappreżentata fuq ir-record b'varjazzjoni ta' mill-inqas 1,5 millimetru fuq il-koordinat relattiv.

4. Ħin ta' reġistrazzjoni

4.1. L-apparat ta' reġistrazzjoni jrid jinbena b'mod li jkun possibbli, permezz ta' l-operazzjoni ta' swiċċ fejn huwa meħtieġ, li jirreġistra awtomatikament u separatament erba' perjodi ta' ħin kif indikat fl-Artikolu 15 tar-Regolament.

4.2. Irid ikun possibbli, mill-karatteristiċi tat-traċċi, il-pożizzjonijiet relattivi tagħhom u jekk hemm bżonn is-sinjali li jinsabu fl-Artikolu 15 tar-Regolament li wieħed jiddistingwi b'mod ċar bejn id-diversi perjodi ta' ħin.

Id-diversi perjodi ta' ħin għandhom jiġu ddifferenzjati minn xulxin fuq ir-record b'differenzi fil-ħxuna tat-traċċi relevanti, jew b'kull sistema oħra ta' mill-inqas effikaċja ugwali mill-perspettiva ta' kemm jista' jinqara u kemm huwa faċli biex jiġi interpretat ir-record.

4.3. Fil-każ ta' vetturi b'ekwipaġġ li jikkonsisti f'iktar minn sewwieq wieħed, ir-reġistrazzjonijiet imsemmija fil-punt 4.1 iridu jsiru fuq żewġ formoli separati, u kull formola għandha tiġi allokata lil sewwieq wieħed. F' dan il-każ, il-moviment bil-quddiem tal-formoli separati jrid jiġi effett wat jew b'mekkaniżmu wieħed jew permezz ta' mekkaniżmi separati sinkronizzati.

(d) Strument li jagħlaq

1. Il-kaxxa li jkun fiha il-formola jew formoli ta' reġistrazzjoni u l-kontroll tal-mekkaniżmu sabiex jerġa' jiġi issettjat l-arloġġirid ikun fiha serratura.

2. Il-kaxxa li jkun fiha il-formola jew il-formoli ta' reġistrazzjoni u l-kontroll tal-mekkaniżmu sabiex jerġa' jiġi issettjat l-arloġġ irid ikun fiha serratura.

(e) Marki

1. Dawn il-marki li ġejjin iridu jidhru fuq il-wiċċ ta' l-istrumenti ta' l-apparat:

- viċin tal-figura murija mir-reġistratur tad-distanza, l-unità ta' kejl tad-distanza, indikata bl-abbrevazzjoni "km",

- ħdejn l-iskala tal-ħeffa, il-marka "km/s",

- il-marġni ta' kejl ta' l-ispidometru fil-forma "Vmin… km/s, Vmax… km/s". Din il-markatura m'hijiex meħtieġa jekk tintwera fuq il-plakka deskrittiva ta' l-apparat.

Madanakollu, dawn ir-rekwiżiti m'għandhomx japplikaw għal apparat ta' reġistrazzjoni approvat qabel l-10 ta' Awwissu 1970.

2. Il-plakka deskrittiva trid tinbena ġewwa l-apparat u trid turi l-markaturi li ġejjin, li jridu jkunu jidhru fuq l-apparat meta jiġi installat:

- l-isem u l-indirizz tal-manfatturier ta' l-apparat,

- in-numru tal-manifatturier u s-sena ta' kostruzzjoni,

- il-marka ta' approvazjoni għat-tip ta' apparat,

- il-kostanti ta' l-apparat fil-forma "k = … riv/km" or "k = … imp/km" ;

- jekk wieħed irid, il-marġni ta' kejl tal-ħeffa, fil-forma indikata fil-punt 1,

- jekk is-sensitività ta' l-istrument għall-angolu ta' inklinazzjoni tkun tista' taffett wa l-qari mogħti mill-apparat iżjed milli jista' jiġi ttollerat, l-angolu permissibbli espress bħala:

+++++ TIFF +++++

fejn α huwa l-angolu mkejjel mill-pożizzjoni orizzontali tal-wiċċ ta' quddiem (imwaħħal kif suppost) ta' l-apparat li għalih l-istrument huwa kkalibrat, waqt li β u γ jirrappreżentaw rispettivament id-devjazzjonijiet massimi permissibbli 'l fuq u 'l isfel mill-angolu ta' kalibrazzjoni α.

(f) Tolleranzi massimi (strumenti viżwali u ta' reġistrazzjoni)

1. Fuq il-bank tat-testijiet qabel l-installazjoni:

(a) distanza vvjaġġata:

1 % iżjed jew inqas mid-distanza reali, meta d-distanza tkun ta' mill-inqas kilometru;

(b) il-ħeffa:

3 km/s jew inqas mill-ħeffa reali;

(ċ) il-ħin:

± żewġ minuti kuljum b'massimu ta' 10 minuti għal kull sebat ijiem f'każijiet fejn il-perjodu kemm idum għaddej l-arloġġ wara li jitreġġa' lura m'huwiex inqas minn dak il-perjodu.

2. Malli ssir l-installazzjoni:

(a) id-distanza vvjaġġata:

2 % iżjed jew inqas mid-distanza reali, meta d-distanza tkun ta' mill-inqas kilometru;

(b) il-ħeffa:

4 km/h jew inqas mill-ħeffa reali;

(ċ) il-ħin:

± żewġ minuti kuljum

± 10 minuti għal kull sebat ijiem

3. Waqt li jkun qiegħed jintuża:

(a) id-distanza vjaġġata:

4 % iżjed jew inqas mid-distanza reali, meta d-distanza tkun ta' mill-inqas kilometru;

(b) il-ħeffa:

6 km/h jew inqas mill-ħeffa reali;

(ċ) il-ħin:

± żewġ minuti kuljum

± 10 minuti għal kull sebat ijiem

4. It-tolleranzi massimi li jinsabu fil-punti 1, 2 u 3 huma validi għal temperaturi bejn iż-0 (°) až u l-40 °C, bit-temepraturi jittieħdu viċin l-apparat.

5. Kejl tat-tolleranzi massimi li jinsabu fil-punti 2 u 3 għandhom iseħħu taħt il-kundizzjonijiet li jinsabu fil-Kapitolu VI.

IV. FORMOLI TA' REĠISTRAZZJONI

(a) Punti ġenerali

1. Il-formoli ta' reġistrazzjoni iridu jkunu tali li ma jimpedxxux il-funzjonament normali ta' l-istrument u li r-records li jkun fihom ma jistgħux jitħassru u jistgħu jinqraw u jiġu identifikati faċilment.

Il-formoli ta' reġistrazzjoni jridu jżommu d-dimensjonijiet tagħhom u kull reġistrazzjonijiet magħmula fuqhom taħt kondizzjonijiet ta' umdità u temperatura normali.

Irid ikun possibbli ukoll li wieħed ikun jista' jikteb fuq il-formoli l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament, mingħajr ma jagħmlilhom ħsara u mingħajr ma jaffetwa l-leġibiltà tar-reġistrazzjonijiet.

Taħt kundizzjonijiet normali ta' ħżin, ir-reġistrazzjonijiet iridu jibqgħu jinqraw ċari għal ta' mill-inqas sena.

2. Il-kapaċità minima ta' reġistrazzjoni tal-formoli, tkun kif tkun il-forma tagħhom, trid tkun ta' 24 siegħa.

Jekk bosta diski jiġu konnessi flimkien sabiex tiżdied il-kapaċità għal reġistrazzjoni kontinwa li tista' tintlaħaq mingħajr intervent min-naħa ta' impjegati, il-konnessjonijiet bejn id-diski varji jridu jsiru b'tali mod li ma jkun hemm ebda ksur jew irkib ta' reġistrazzjonijiet fil-punti ta' meta jsir trasferiment minn diska għall-oħra.

(b) Taqsimiet ta' reġistrazzjoni u l-gradazzjoni tagħhom

1. Il-formoli ta' reġistrazzjoni jridu jinkludu l-taqsimiet ta' reġistrazzjoni li ġejjin:

- żona esklussivament riservata għal informazzjoni relatata mal-ħeffa,

- żona esklussivament riservata għal informazzjoni relatata mad-distanza vvjaġġata,

- żona waħda jew iżjed relatata mal-ħin ta' sewqan, ma' perjodi oħra ta' xogħol u disponibbiltà, ma' pawżi mix-xogħol u ma' perjodi ta' mistrieħ tas-sewwieqa.

2. It-taqsima għar-reġistrazzjoni tal-ħeffa trid tkun skalata f'diviżjonijiet ta' 20 kilometru fis-siegħa jew inqas. Il-ħeffa li taqbel ma' kull marka fuq l-iskala trid tintwera f'figuri kontra dik il-markatura. Is-simbolu "km/s" irid jintwera ta' mill-inqas darba fiż-żona. L-aħħar markatura fuq l-iskala trid taqbel mal-limitu ta' fuq tal-marġni ta' kejl.

3. It-taqsima għar-reġistrazzjoni tad-distanza vvjaġġata trid tkun b'mod li n-numru ta' kilometri vvjaġġati jistgħu jinqraw mingħajr diffikultà.

4. It-taqsima jew taqsimiet riservati għar-reġistrazzjoni tal-perjodi msemmija fil-punt 1 iridu jkunu mmarkati b'tali mod li jkun possibbli li tiddistingwi bejn il-perjodi ta' ħin varji.

(ċ) Informazzjoni li għandha tiġi stampata fuq il-formoli ta' reġistrazzjoni

Kull formola trid turi, f'forma stampata, l-informazzjoni li ġejja:

- l-isem u l-indirizz tal-manifatturier ta' l-apparat,

- marka ta' approvazzjoni għall-mudell tal-formola,

- marka ta' approvazzjoni għat-tip jew tipi ta' apparat li l-formola tista' tintuża fihom,

- il-limitu ta' fuq tal-marġni tal-kejl tal-ħeffa, stampati bħala kilometri fis-siegħa.

Bħala rekwiżiti addizzjonali minimi, kull formola trid turi, f'forma stampata, skeda tal-ħin iggradata b'mod li l-ħin jista' jinqara direttament f'intervalli ta' ħmistax-il minuta waqt li kull intervall ta' ħames minuti jista' jiġi ddeterminat mingħajr diffikultà.

(d) Spazju liberu għal inserzjonijiet miktuba bl-idejn

Spazju liberu jrid jitħalla fuq il-formoli sabiex is-sewwieqa jkunu jistgħu jiktbu minimament id-dettalji li ġejjin:

- il-kunjom u l-ewwel isem tas-sewwieq,

- id-data u l-post fejn jibda l-użu tal-formola u d-data u l-post fejn jintemm dan l-użu,

- in-numru jew numri ta' reġistrazzjoni tal-vettura jew vetturi li s-sewwieq huwa assenjat għaliha jew għalihom waqt l-użu tal-formola,

- il-qari ta' l-odometru mill-vettura jew vetturi li s-sewwieq huwa assenjat għaliha jew għalihom waqt l-użu tal-formola,

- il-ħin meta jseħħ xi tibdil tal-vettura.

V. INSTALLAZJONI TA' APPARAT TA' REĠISTRAZZJONI

1. L-apparat ta' reġistrazzjoni jrid jitpoġġa fil-vettura b'mod li s-sewwieq ikollu vista ċara mis-siġġu tiegħu ta' l-ispidometru, tar-reġistratur tad-distanza u l-arloġġ waqt li fl-istess ħin il-partijiet kollha ta' dawk l-istrumenti, inklużi l-partijiet ta' sewqan, ikunu protetti kontra ħsara aċċidentali.

2. Irid ikun possibbli li l-kostanti ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni jiġi addattat għall-koeffiċjent karatteristiku tal-vettura permezz ta' strument xieraq, imsejjaħ l-adapter.

Vetturi b'żewġ ratios tal-fus ta' wara jew iżjed irid jitwaħħlilhom swiċċ li permezz tiegħu dawn ir-ratios varji jistgħu awtomatikament jinġiebu jaqblu mar-ratio li għalih l-apparat ġie addattat għall-vettura.

3. Wara li l-apparat ikun ġie kkontrollat wara l-installazjoni, għandha titwaħħal plakka ta' installazzjoni mal-vettura ħdejn l-apparat jew ġewwa l-apparat innifsu u b'mod li jkun jidher ċar. Wara kull spezzjoni minn persuna tas-sengħa jew ħanut tax-xogħol approvat li teħtieġ bidla fis-setting ta' l-installazjoni nnifisha, trid titwaħħal plakka ġdida minflok dik ta' qabel.

Il-plakka trid ta' mill-inqas turi id-dettalji li ġejjin:

- l-isem, l-indirizz jew l-isem tan-negozju tal-persuna tas-sengħa jew tal-ħanut tax-xogħol approvat,

- koeffiċjenti karatteristika tal-vettura, fil-forma ta' "w = … riv/km" or "k = … imp/km)";

- ċirkomferenza effettiva tat-tajers tar-roti fil-forma "1 = … mm",

- id-dati meta il-koeffiċjent karaterristiku tal-vettura ġie ddeterminat u ċ-ċirkomferenza effettiva mkejla tat-tajers tar-roti.

4. Siġill

Il-partijiet li ġejjin iridu jkunu ssiġillati:

(a) il-plakka ta' installazjoni, sakemm ma tkunx imwaħħla b'tali mod li ma tistax titneħħa mingħajr ma jinqerdu l-marki fuqha;

(b) iż-żewġt itruf tal-konnessjoni bejn l-apparat ta' reġistrazzjoni u l-vettura;

(ċ) l-adapter innifsu u l-punti fejn jiddaħħal fiċ-ċirkwit;

(d) il-mekkaniżmu ta' swiċċ għal vetturi b'żewġ ratios tal-fus jew iżjed;

(e) il-konnessjonijiet li jgħaqqdu l-adapter u l-mekkaniżmu ta' l-iswiċċ mal-kumplament ta' l-apparat;

(f) il-kaxxi meħtieġa taħt il-Kapitolu III(a)7.2.

F'każijiet partikolari, iktar siġilli jistgħu jintalbu fuq l-approvazzjoni tat-tip ta' apparat u nota tal-pożizzjoni ta' dawn is-siġilli trid issir fuq iċ-ċertifikat ta' approvazzjoni.

Is-siġilli msemmija f' (b), (ċ) u (e) biss jistgħu jitneħħew f'każijiet ta' emerġenza; għal kull okkażjoni meta dawn is-siġilli jinkisru trid tiġi ppreparata stqarrija bil-miktub u din trid tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti.

VI. KONTROLLI U SPEZZJONIJIET

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-organi li għandhom iwettqu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet.

1. Ċertifikazzjoni ta' strumenti ġodda jew imsewwija

Kull strument individwali, kemm jekk ġdid jew imsewwi, għandu jiġi ċċertifikat fir-rigward ta' l-operazzjoni korretta tiegħu u r-reqqa tal-qari u tar-reġistrazzjonijiet tiegħu, fil-limiti preskritti fil-Kapitolu III(f)1, permezz ta' siġill skond il-Kapitolu V(4)(f).

Għal dan l-iskop l-Istati Membri jistgħu jistipulaw verifika inizjali, li tikkonsisti f'kontroll u konferma tal-konformita' ta' strument ġdid jew imsewwi mal-mudell li t-tip tiegħu ikun ġie approvat u/jew mar-rekwiżiti tar-Regolament u l-Annessi tiegħu, jew jistgħu jiddelegaw il-poter ta' ċertifikazzjoni lill-manifatturieri jew lill-aġenti awtorizzati tagħhom.

2. Installazzjoni

Meta jkun qiegħed jitwaħħal ġewwa vettura, l-apparat u l-installazzjoni kollha iridu jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet dwar tolleranzi massimi li jinsabu fil-Kapitolu III(f)2.

It-testijiet ta' spezzjoni iridu jiġu mwettqa mill-persuna tas-sengħa jew mill-ħanut tax-xogħol approvati fuq responsabbiltà tagħhom.

3. Spezzjonijiet perjodiċi

(a) Għandhom isiru spezzjonijiet perjodiċi ta' l-apparat armat fil-vetturi ta' mill-inqas kull sentejn u dawn jistgħu isiru flimkien ma' testijiet li jaraw jekk il-vetturi humiex tajbin għal fuq it-triq.

Dawn l-ispezzjonijiet għandhom jinkludu l-kontrolli li ġejjin:

- li l-apparat qiegħed jaħdem sew,

- li l-apparat għandu l-marka ta' approvazzjoni tat-tip,

- li l-plakka ta' installazjoni hija mwaħħla,

- li s-siġilli fuq l-apparat u fuq il-partijiet l-oħra ta' l-installazzjoni m'humiex mimsusa,

- iċ-ċirkomferenza attwali tat-tajers.

(b) Għandha ssir spezzjoni sabiex tiżgura li jkun hemm konformità mad-dispożizzjoni tal-Kapitolu III(f)3 dwar it-tolleranzi massimi fl-użu ta' mill-inqas darba kull sitt snin, għalkemm kull Stat Membru jista' jistipula intervall iqsar għall-ispezzjonijiet ta' vetturi rreġistrati fit-territorju tiegħu. Dawn l-ispezzjonijiet iridu jinkludu l-bdil tal-plakka ta' installazzjoni.

4. Kejl ta' żbalji

Il-kejl ta' żbalji waqt l-installazzjoni u waqt l-użu għandhom jitwettqu taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin, li għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu kundizzjonijiet standard għat-testijiet:

- vettura mhux mgħobbija, li taħdem u f'kondizjoni normali,

- pressjoni fit-tajers skond l-istruzzjonijiet tal-manifatturier,

- użu tat-tajers fil-limiti permessi mil-liġi,

- moviment tal-vettura: il-vettura trid timxi, misjuqa bil-magna tagħha stess, f'linja dritta u fuq wita, b'ħeffa ta' 50 ± 5 km/s; sakemm ikun ta' reqqa kumparabbli, it-test jista' jsir ukoll fuq bank tat-testijiet xieraq.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

MARKA TA' APPROVAZZJONI U ĊERTIFIKAT

I. MARKA TA' APPROVAZZJONI

1. Il-marka ta' approvazzjoni trid tkun magħmula minn:

- rettangolu, li ġo fih trid tiddaħħal l-ittra "e" segwita minn numru jew ittra li tiddistingwi l-pajjiż li jkun ħareġ l-approvazzjoni skond is-sinjali konvenzjonali li ġejjin:

Il-Belġju | 6, |

Id-Danimarka | 18, |

Il-Ġermanja | 1, |

Il-Greċja | GR, |

Spanja | 9, |

Franza | 2, |

L-Irlanda | IRL, |

L-Italja | 3, |

Il-Lussemburgu | 13, |

L-Olanda | 4, |

Il-Portugall | 21, |

Ir-Renju Unit | 11, |

u,

- numru ta' approvazzjoni li jaqbel man-numru taċ-ċertifikat ta' approvazzjoni għall-prototip ta' l-apparat ta' reġistrazzjoni jew il-formola ta' reġistrazzjoni, impoġġi xi mkien viċin ta' dan ir-rettangolu.

2. Il-marka ta' approvazzjoni trid tintwera fuq il-plakka deskrittiva ta' kull sett ta' apparat u fuq kull formola ta' reġistrazzjoni. Trid tkun ma titħassarx u trid dejjem tibqa' tinqara b'mod ċar.

3. Id-dimensjonijiet tal-marka ta' approvazzjoni impinġija hawn isfel huma espressi bħala millimetri, u dawn id-dimensjonijiet huma minimi. Ir-ratios bejn id-dimensjonijiet iridu jinżammu.

+++++ TIFF +++++

II. IĊ-ĊERTIFIKAT TA' APPROVAZZJONI

Stat li jkun ħareġ approvazzjoni għandu joħroġ lill-applikant ċertifikat ta' approvazzjoni, li l-mudell tiegħu qiegħed jingħata hawn isfel. Meta jinforma lill-Istati Membri oħra dwar approvazzjonijiet maħruġa jew, jekk tinqala' l-okkażjoni, irtirati, Stat Membru għandu juża kopji ta' dak iċ-ċertifikat.

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------