31985L0374



Official Journal L 210 , 07/08/1985 P. 0029 - 0033
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0239
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 19 P. 0008
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 6 P. 0239
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 19 P. 0008


ID-Direttiva tal-Kunsill

tal-25 ta' Lulju 1985

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi

(KEE 85/374)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b' mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni ([1]),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ([2]);

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ([3]),

Billi l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produttur għall-ħsara kkawżata mid-difetti tal-prodotti tiegħu hija meħtieġa minħabba d-diverġenzi preżenti jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni u jaffettwaw il-moviment tal-prodotti fis-suq komuni u jinvolvu livell differenti ta' protezzjoni tal-konsumatur kontra ħsara kkawżata minn prodott difettuż għal saħħtu jew lil proprjetà tiegħu;

Billi responsabbiltà mingħajr ħsara min-naħa tal-produttur hija l-uniku mezz li bih tissolva l-problema b'mod adekwat, tipiku għal żmienna fejn it-teknikalità qiegħda dejjem qed tikber, ta' distribuzzjoni ġusta tar-riskji intrinsiċi fil-produzzjoni teknoloġika moderna;

Billi responsabbiltà mingħajr ħsara għandha tapplika biss għall-mobbli li kienu manifatturati industrijalment; billi, bħala riżultat, huwa xieraq li teskludi responsabbiltà għall-prodotti agrikoli u kaċċa, bl-eċċezzjoni fejn ikunu għaddew minn proċess ta' natura industrijali li seta' kkawża difett f'dawn il-prodotti; billi r-responsabbiltà li hemm ipprovdut dwarha f'din id-Direttiva għandha wkoll tapplika għall-mobbli li jintużaw fil-bini ta' immobbli jew li jkunu stallati fl-immobbli;

Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tirrikjedi li l-produtturi involuti kollha fil-proċess ta' produzzjoni għandhom jinżammu responsabbli, kemm-il darba l-prodott finalizzat, parti komponenti jew kull materja prima tagħhom fornuta minnhom kienet difettuża; billi, għall-istess raġuni, responsabbiltà għandha testendi għall-importaturi ta' prodotti fil-Komunità u għall-persuni li jippreżentaw lilhom infushom bħala produtturi billi jwaħħlu isimhom, trade mark jew kull karatteristika distintiva oħra jew li jipprovdu prodott li l-produttur tiegħu ma jistax jiġi identifikat;

Billi, f'sitwazzjonijiet fejn diversi persuni huma responsabbli għall-istess ħsara, il-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ li l-persuna li ssofri danni għandha tkun tista' titlob kumpens sħiħ għall-ħsara minn kwalunkwe wieħed minnhom;

billi, sabiex jipproteġi l-benesseri fiżiku u l-proprjetà tal-konsumatur, id-difett fil-prodott għandu jiġi stabbilit b'riferenza mhux għal kemm huwa adattat biex jintuża imma għan-nuqqas ta' sigurtà li l-pubbliku in ġenerali huwa intitolat li jistenna; billi s-sigurtà tiġi stmata billi teskludi kull użu ħażin tal-prodott li ma jkunx raġonevoli fiċ-ċirkustanzi;

Billi distribuzzjoni imparzjali tar-riskju bejn il-persuna korruta u l-produttur timplika li l-produttur għandu jkun jista' jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà jekk huwa jagħti prova għall-eżistenza ta' ċerti ċirkustantanzi li jeżonorawh mir-responsabbilità;

Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ li r-responsabbiltà tal-produttur tibqa' bla ħsara minn atti jew ommissjonijiet ta' persuni oħra li jkunu kkontribwew għall-kawża tal-ħsara; billi, b'danakollu, in-negliġenza kontributorja tal-persuna korruta tista' tiġi kkunsidrata biex tnaqqas jew tħassar din ir-responsabbiltà;

Billi l-protezzjoni tal-konsumatur tinħtieġ kumpens għall-mewt u korriment personali kif ukoll kumpens għall-ħsara fi proprjetà; billi din ta' l-aħħar għandha madankollu tiġi limitata għall-oġġetti għall-użu jew konsum privat u tkun bla ħsara għal tnaqqis fi skaluna aktar l isfel ta' ammont fiss sabiex tevita proċeduri legali f'għadd eċċessiv ta' każi; billi din id-Direttiva m'għandhiex tippreġudika kumpens għall-uġigħ u t-tbatija u ħsarat mhux materjali oħra li jitħallsu, fejn hu xieraq, skond il-liġi applikabbli għall-każ;

Billi perjodu uniformi ta' limitu biex tittieħed azzjoni għall-kumpens huwa fl-interess sew tal-persuna mweġġgħa kif ukoll tal-produttur;

Billi l-prodotti jiqdiemu mal-mogħdija taż-żmien, jiġu żviluppati standards ta' sigurtà ogħla u l-istat tax-xjenza u t-teknoloġija javvanzaw; billi, għalhekk, ma jkunx raġonevoli li l-produttur jinżamm responsabbli legalment għal perjodu ta' żmien bla limitu għal difetti fil-prodott tiegħu; billi, għalhekk, ir-responsabbiltà għandha tiskadi wara tul raġjonevoli ta' żmien, mingħajr preġudizzju għal pretensjonijiet pendenti fil-liġi;

Billi, biex tinkiseb protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, l-ebda deroga kontrattwali m'għandha tkun permessa rigward ir-responsabbiltà tal-produttur relatata mal-persuna mweġġa';

Billi skond is-sistemi legali ta' l-Istati Membri parti mweġġgħa jista' jkollha pretensjoni għad-danni bbażata fuq raġunijiet ta' responsabbiltà kontrattwali jew ibbażati fuq raġunijiet ta' responsabbiltà mhux kontrattwali għajr dik li hemm ipprovdut dwarha f'din id-Direttiva; sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet iservu wkoll biex jilħqu l-għan ta' protezzjoni effettiva tal-konsumaturi, għandhom jibqgħu bla mittiefsa minn din id-Direttiva; billi, sa fejn protezzjoni effettiva tal-konsumaturi fis-settur tal-prodotti farmaċewtiċi diġà nkisbet ukoll fi Stat Membru skond sistema ta' responsabbilta speċjali, pretensjonijiet ibbażati fuq din is-sistema għandhom bl-istess mod jibqgħu possibbli;

Billi, sa fejn ir-responsabbiltà għall-korriment jew ħsara nukleari hija diġà rregolata fl-Istati Membri minn regoli speċjali adekwati, kien possibbli li teskludi ħsara ta' dan it-tip mill-għan ta' din id-Direttiva;

Billi, la darba l-esklużjoni ta' prodotti agrikoli naturali u kaċċa mill-iskop ta' din id-Direttiva tista' tinħass, f'ċerti Stati Membri, fl-isfond ta' dak li hu mistenni għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li tirrestrinġi b'mod mhux xieraq din il-protezzjoni, għandu jkun possibbli għal Stat Membru li jestendi r-responsabbiltà legali għal dawn il-prodotti;

Billi, għal raġunijiet simili, il-possibbiltà mogħtija lil produttur li jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà jekk jipprova li l-qagħda tat-tagħrif xjentifiku u tekniku fil-ħin meta huwa kien qiegħed il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni ma kienx tali li tippermetti s-sejba ta' l-eżistenza ta' difett tista' tinħass f'ċerti Stati Membri li tirrestrinġi b'mod mhux xieraq il-protezzjoni tal-konsumatur; billi għalhekk għandu jkun possibbli għal Stat Membru li jżomm fil-leġislazzjoni tiegħu jew biex jipprovdi b'leġislazzjoni ġdida li din iċ-ċirkustanza eżonoranti ma titħalliex issir; billi, fil-każ ta' leġislazzjoni ġdida, li tagħmel użu minn din id-deroga għandha, b'danakollu, tkun bla ħsara għall-proċedura preżenti tal-Komunità, sabiex tgħolli, jekk huwa possibbli, il-livell ta' protezzjoni b'mod uniformi fil-Komunità kollha;

Billi, waqt li jiġu kkunsidrati t-tradizzjonijiet legali fil-parti l-kbira ta' l-Istati Membri, mhuwiex xieraq li jiġi stabbilit xi limitu finanzjarju għar-responsabbiltà tal-produttur mingħajr tort; billi, safejn hemm, b'danakollu, tradizzjonijiet differenti, jidher possibbli li jiġi ammess li Stat Membru jista' jidderoga mill-prinċipju ta' reponsabbiltà bla limitu billi jipprovdi limitu għar-responsabbiltà totali tal-produttur għall-ħsara li tirriżulta mill-mewt jew korriment personali u li jkunu kkawżati minn oġġetti simili bl-istess difett, kemm-il darba li dan il-limitu jiġi stabbilit f'livell għoli biż-żejjed li jiggarantixxi protezzjoni adekwata tal-konsumatur u l-operat korrett tas-suq komuni;

Billi l-armonizzazzjoni li tirriżulta minn din ma tistax tkun totali fl-istadju preżenti, iżda tagħti bidu għat-triq lejn armonizzazzjoni akbar; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jirċievi f'intervalli regolari, rapporti mill-Kummissjoni fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, flimkien, skond kif jista' jkun il-każ, ma' proposti xierqa;

Billi huwa b' mod partikolari importanti f'dan ir-rigward li jerġa' jsir eżami ta' dawk il-partijiet tad-Direttiva li jirrigwardaw id-derogi miftuħa għall-Istati Membri, fl-iskadenza ta' perjodu twil biż-żejjed biex jiksbu esperjenza prattika fuq l-effetti ta' dawn id-derogi fuq il-protezzjoni tal-konsumaturi u fuq l-operat tas-suq komuni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-produttur jinżamm responsabbli għal ħsara kkawżata minn difett fil-prodott tiegħu.

Artikolu 2

Għall-fini ta' din id-Direttiva prodott' tfisser il-mobbli kollha, minbarra l-prodotti agrikoli naturali u prodotti tal-kaċċa, anke jekk magħquda f'mobbli jew f'immobbli oħra. Prodotti agrikoli naturali' jfissru l-prodotti mir-raba', mit-trobbija tal-bhejjem u sajd, esklużi prodotti li jkunu għaddew minn ipproċessar inizjali. Prodott' jinkludi l-elettriku.

Artikolu 3

1. Produttur' tfisser manifattur ta' prodott lest, il-produttur ta' kull materja prima jew il-manifattur ta' parti komponenti u kull persuna li, billi tqiegħed isimha, l-marka tan-negozju tagħha jew fattur distintiv ieħor fuq il-prodott tippreżenta lilha stess bħala l-produttur tiegħu.

2. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-produttur, kull persuna li timporta fil-Komunità prodott għall-bejgħ, kiri, jew kull forma oħra ta' distribuzzjoni fil-kors tan-negozju tagħha titqies bħala produttur skond it-tifsira ta' din id-Direttiva u tkun responsabbli bħala produttur.

3. Fejn il-produttur tal-prodott ma jistax jiġi identifikat, kull fornitur tal-prodott għandu jitqies bħala l-produttur tiegħu kemm-il darba huwa ma jgħarrafx lill-persuna li saritilha l-ħsara, fi żmien raġjonevoli, bl-identità tal-produttur jew bil-persuna li tkun fornietu bil-prodott. L-istess għandu jgħodd, fil-każ ta' prodott importat, jekk dan il-prodott ma jindikax l-identità ta' l-importatur imsemmi fil-paragrafu 2, anke jekk l-isem tal-produttur huwa indikat.

Artikolu 4

Il-persuna li saritilha l-ħsara hija meħtieġa tagħti prova tal-ħsara, id-difett u r-relazzjoni kawżali bejn id-difett u d-dannu.

Artikolu 5

Fejn, bħala riżultat tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, żewġ persuni jew aktar huma responsabbli għall-istess danni, għandhom ikunu responsabbli flimkien u separatament, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar id-drittijiet tal-kontribuzzjoni jew rikors.

Artikolu 6

1. Prodott ikun difettuż meta ma jipprovdix is-sigurtà li persuna tkun intitolata li tistenna, waqt li tikkunsidra ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a) il-preżentazzjoni tal-prodott;

(b) l-użu li għalih wieħed jista' raġjonevolment jistenna li jitqiegħed il-prodott;

(ċ) iż-żmien meta l-prodott ikun tqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni.

2. Prodott mgħandux jiġi kkunsidrat difettuż għall-unika raġuni li wara prodott aħjar kien tqiegħed fiċ-ċirkulazzjoni.

Artikolu 7

Il-produttur ma għandux ikun risponsabbli bħala riżultat ta' din id-Direttiva jekk huwa jipprova:

(a) li huwa ma poġġiex il-prodott fiċ-ċirkulazzjoni; jew

(b) li, wara li kkunsidra ċ-ċirkustanzi, ikun possibbli li d-difett li kkawża d-dannu ma kienx jeżisti fil-ħin meta l-prodott tpoġġa minnu fiċ-ċirkulazzjoni jew li dan id-difett ħareġ wara; jew

(ċ) li l-prodott la kien immanifatturat minnu għall-bejgħ jew kull forma ta' distribuzzjoni għall-fini ekonomiku l-anqas immanifatturat jew distribwit minnu matul il-kors tan-negozju tiegħu; jew

(d) li d-difett huwa minħabba konformità tal-prodott mar-regolamenti obbligatorji maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi; jew

(e) li l-qagħda tat-tagħrif xjentifiku u tekniku fiż-żmien meta huwa poġġa l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni ma kinetx tali li tippermetti l-eżistenza tad-difett li jinstab; jew

(f) fil-każ ta' manifattur ta' komponent, li d-difett jista' jkun attribwit għad-disinn tal-prodott li fih il-komponent kien iffittjat jew għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur tal-prodott.

Artikolu 8

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar id-dritt ta' kontribut jew rikors, ir-responsabbilta tal-produttur mgħandhiex titnaqqas meta d-dannu jkun ikkawżat sew mid-difett fil-prodott u bl-att jew ommissjoni ta' terzi.

2. Ir-responsabbiltà tal-produttur tista' titnaqqas jew ma tintlaqax meta, wara l-konsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, id-dannu jkun ikkawżat sew b'difett fil-prodott u bi żball tal-persuna korruta jew kull persuna oħra li għaliha l-persuna korruta tkun responsabbli.

Artikolu 9

Għall-fini ta' l-Artikolu 1, ħsara' tfisser:

(a) ħsara kkawżata mill-mewt jew minn korrimenti personali;

(b) ħsara lil, jew qerda ta', kull oġġett ta' proprjetà oħra għajr il-prodott difettuż innifsu, fi skala anqas minn 500 ECU kemm-il darba l-oġġett ta' proprjetà:

(i) huwa ta' tip normalment maħsub għal użu jew konsum privat, u

(ii) kien użat mill-persuna korruta prinċipalment għall-użu jew konsum privat tagħha.

Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward ħsara mhux materjali.

Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvedimenti fil-leġislazzjoni tagħhom li perjodu ta' limitazzjoni ta' tliet snin għandu jgħodd għal proċedimenti għall-irkupru tad-danni kif hemm ipprovdut dwarhom f'din id-Direttiva. Il-perjodu ta' limitazzjoni għandu jibda jiddekorri mill-jum li fih l-attur ikun ġie konsapevoli, jew kellu raġjonevolment isir konsapevoli, mill-ħsara, id-difett u l-identità tal-produttur.

2. Il-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirregolaw is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tal-perjodu ta' limitazzjoni m' għandhomx ikunu affettwati minn din id-Direttiva.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-leġislazzjoni tagħhom li d-drittijiet mogħtija lil persuna li saritilha l-ħsara skond din id-Direttiva jispiċċaw ma' l-iskadenza ta' perjodu ta' 10 snin mid-data li fiha l-produttur ikun poġġa fiċ-ċirkulazzjoni l-prodott attwali li kkawża d-dannu, kemm-il darba l-persuna korruta tkun fil-frattemp tat bidu għal proċedimenti kontra l-produttur.

Artikolu 12

Ir-responsabbiltà tal-produttur li toħroġ minn din id-Direttiva tista', f'relazzjoni mal-persuna korruta, ma tkunx limitata jew eskluża minn dispożizzjoni li tillimita r-responsabbiltà tiegħu jew li teżentah mir-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 13

Din id-Direttiva mgħandha taffettwa l-ebda drittijiet li persuna korruta jista' jkollha skond ir-regoli tal-liġi tar-responsabbiltà kontrattwali jew mhux kontrattwali jew sistema ta' responsabbiltà speċjali eżistenti meta din id-Direttiva tkun ippubblikata.

Artikolu 14

Din id-Direttiva m'għandhiex tgħodd għall-korriment jew ħsara li tirriżulta minn disgrazzji nukleari u li jaqgħu taħt konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mill-Istati Membri.

Artikolu 15

1. Kull Stat Membru jista':

(a) permezz ta' deroga mill-Artikolu 2, jipprovdi fil-leġislazzjoni tiegħu li fit-tifsira ta' l-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva prodott' tfisser ukoll prodotti agrikoli naturali u kaċċa;

(b) permezz ta' deroga mill-Artikolu 7(e), iżomm jew, bla ħsara għall-proċedura stipulata fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jipprovdi f'din il-leġislazzjoni li l-produttur ikun risponsabbli ukoll jekk jipprova li l-istat ta' tagħrif xjentifiku u tekniku fil-ħin meta huwa ppoġġa l-prodott fiċ-ċirkulazzjoni ma kienx tali li jippermetti li jinstab l-eżistenza ta' difett.

2. Stat Membru li jixtieq jintroduċi l-miżura speċifikata fil-paragrafu 1 (b) għandu jgħarraf bit-test tal-miżura proposta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bihom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jżomm milli tidħol fis-seħħ għal disa' xhur il-miżura proposta wara li l-Kummissjoni tkun mgħarrfa u kemm-il darba fil-frattemp il-Kummissjoni ma tkunx issottomettiet lill-Kunsill proposta li temenda din id-Direttiva fuq il-materja relevanti. B'danakollu, jekk fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni msemmija, il-Kummissjoni ma tagħtix parir lill-Istat Membru relatat li bi ħsiebha tissottometti tali proposta lill-Kunsill, l-Istat Membru jista' jieħu minnufih il-miżura proposta.

Jekk il-Kummissjoni ma tissottomettix lill-Kunsill din il-proposta li temenda din id-Direttiva fiż-żmien imsemmi aktar qabel ta' disa' xhur, l-Istat Membru relatat għandu jżomm il-miżura proposta milli jdaħħalha fis-seħħ għal perjodu ieħor ta' 18-il xahar mid-data li fiha tkun ġiet sottomessa l-proposta.

3. Għaxar snin wara d-data ta' notifika ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport dwar l-effett li deċiżjonijiet mill-qrati rigward l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 7(e) u l-paragrafu 1 (b) ta' dan l-Artikolu jkollhom fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u l-operat tas-suq komuni. Fl-isfond ta' dan ir-rapport il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u skond it-termini ta' l-Artikolu 100 tat-Trattat, għandu jiddeċidi jekk jirrevokax l-Artikolu 7(e).

Artikolu 16

1. Kull Stat Membru jista' jipprovdi li responsabbiltà ta' produttur għad-dannu li jirriżulta minn mewt jew korriment personali u jkun ikkawżat minn oġġetti simili bl-istess difett għandhom ikunu limitati għal ammont li ma jistax ikun anqas minn 70 miljun EKU.

2. Għaxar snin wara d-data ta' notifika ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill rapport fuq l-effett fuq il-protezzjoni tal-konsumatur u l-operat tas-suq komuni ta' l-implimentazzjoni tal-limitu finanzjarju fuq ir-responsabbiltà minn dawk l-Istati Membri li jkunu għamlu l-għażla li hemm ipprovdut dwarha fil-paragrafu 1. Fl-isfond ta' dan ir-rapport il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u skond it-termini ta' l-Artikolu 100 tat-Trattat, għandu jiddeċidi jekk jirrevokax il-paragrafu 1.

Artikolu 17

Din id-Direttiva m' għandhiex tapplika għal prodotti mqiegħda fiċ-ċirkulazzjoni qabel id-data li fiha jidħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 19.

Artikolu 18

1. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-ECU għandu jkun dak imfisser mir-Regolament (KEE) Nru 3180/78 ([4]), kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru. 2626/84 ([5]). L-ekwivalenti fil-munita nazzjonali għandu fil-bidu jiġi kkalkolat bir-rata li tkun fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

2. Kull ħames snin, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, jirrevedi l-ammonti f'din id-Direttiva, fl-isfond ta' andamenti ekonomiċi u monetarji, fil-Komunità.

Artikolu 19

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, mhux aktar tard minn tliet snin mid-data ta' notifika ta' din id-Direttiva, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni bihom ([6]

).

2. Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) għandha tapplika mid-data ta' notifika ta' din id-Direttiva.

Artikolu 20

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw wara fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 21

Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Kunsill fuq l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, għandha tissottometti proposti xierqa għaliha.

Artikolu 22

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Lulju 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

J. POOS

[1] ĠU C 241, ta' l-14.10.1976, p. 9 u ĠU C 271, tas-26.10.1979, p. 3.

[2] ĠU C 127, tal-21.5.1979, p. 61.

[3] ĠU C 114, tal-5.7.1979, p. 15.

[4] ĠU L 379, tat-30.12.1978, p. 1.

[5] ĠU L 247, tas-16.9.1984, p. 1.

[6] Din id-Direttiva kienet innotifikata lill-Istati Membri fit-30 ta' Lulju 1985.