31980L0987



Official Journal L 283 , 28/10/1980 P. 0023 - 0027
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0121
Greek special edition: Chapter 05 Volume 4 P. 0035
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 2 P. 0121
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0219
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0219


Id–Direttiva tal-Kunsill

ta' l-20 ta' Ottubru 1980

dwar it-taqrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f'każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom

(80/987/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u speċjalment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi jeħtieġ li jsiru dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta' l-impjegati fil-każ ta' l-insolvenza ta' min iħaddimhom, speċjalment biex jiġu garantiti pretensjonijiet mhux imħallsa, tenut kont tal-ħtieġa għall-iżvilupp bilanċjat ekonomiku u soċjali fil-Komunità;

Billi għad baqa' xi differenzi bejn l-Istati Membri għal dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni ta' l-impjegati f'dan l-aspett; billi għandu jsir sforz biex jitnaqqsu dawn id-differenzi, li jistgħu ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq komuni;

Billi t-taqrib tal-liġijiet f'dan il-qasam għandu, għalhekk, jiġi nkoraġġit waqt li jinżamm it-titjib skond it-tifsira tal-Artikolu 117 tat-Trattat;

Billi bħala riżultat tal-qagħda ġeografika u l-istrutturi tax-xogħol li hemm bħalissa f'dik iż-żona, is-suq tax-xogħol fi Greenland huwa fondamentalment differenti minn dak taż-żoni l-oħra tal-Komunità;

Billi inkwantu r-Repubblika Ellenika għandha ssir membru tal-Komunità Ekonomika Ewropea fl-1 ta' Jannar 1981 skond l-Att dwar il-Kondizzjonijiet tat-Tisħib tar-Repubblika Ellenika u l-Aġġustamenti li saru lit-Trattati, huwa xieraq li jiġu stipulati fl-Anness għad-Direttiva taħt it-titolu "il-Greċja", dawk il-kategoriji ta' impjegati li l-pretensjonijiet tagħhom jistgħu jitħallew barra skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA 1

Intenzjoni u definizzjonijiet

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tapplika għal pretensjonijiet tal-impjegati bbażati fuq kuntratti tax-xogħol jew relazzjonijiet tax-xogħol u li jeżistu kontra persuni li jħaddmuhom u li jinsabu fi stat ta' insolvenza skond it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1).

2. L-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni, jeskludu l-pretensjonijiet ta' xi kategoriji ta' impjegati mill-iskop ta' din id-Direttiva, minħabba fin-natura speċjali tal-kuntratt tax-xogħol ta' l-impjegat jew relazzjoni ta' xogħol jew minħabba li jkunu jeżistu forom oħra ta' garanzija li joffru lill-impjegat protezzjoni li ssarraf daqs dik li toħroġ minn din id-Direttiva.

Il-kategorji ta' impjegati msemmija fl-ewwel subparagrafu huma elenkati fl-Anness.

3. Din id-Direttiva ma tapplikax għall-Greenland. Din l-eċċezzjoni għandha terġa' tiġi eżaminata mill-ġdid fil-każ ta' xi żvilupp fl-istrutturi tax-xogħol f'dak ir-reġjun.

L-Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, wieħed li jħaddem għandu jitqies li qiegħed fi stat ta' insolvenza:

(a) meta tkun saret talba għall-ftuħ ta' proċeduri li jinvolvu l-assi ta' min iħaddem, skond kif provdut mil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istat Membru interessat, biex jissodisfaw kollettivament il-pretensjonijiet tal-kredituri u li jagħmluh possibli li jkunu kkunsidrati l-pretensjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1), u

(b) meta l-awtorità li tkun kompetenti bis-saħħa ta' dawn l-istess liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi tkun:

- jew iddeċidiet li tibda l-proċeduri,

- inkella stabbiliet li l-impriża jew in-negozju ta' min ikun qed iħaddem tkun għalqet darba għal dejjem u li l-assi disponibbli ma jkunux biżżejjed biex jippermettu li jinbdew il-proċeduri.

2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mad-definizzjoni tal-kliem "impjegat", "min iħaddem", "paga", "dritt li jagħti titolu immedjat" u "dritt li jagħti titolu fil-ġejjieni".

IT-TAQSIMA II

Dispożizzjonijiet dwar l-istituzzjonijiet ta' garanzija

L-Artikolu 3

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta' garanzija jiggarantixxu, skond l-Artikolu 4, il-ħlas tal-pretensjonijiet ta' l-impjegati li jkunu għadhom ma tħallsux li joħorġu minn kuntratti ta' xogħol jew relazzjonijiet ta' xogħol u konnessi mal-paga għall-perjodu li jiġi qabel id-data li tiġi iffissata.

2. Fuq għażla ta' l-Istati Membri, id-data imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun:

- jew dik tal-bidu ta' l-insolvenza ta' min iħaddem;

- jew dik tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat interessat minħabba fl-insolvenza ta' min iħaddem;

- jew dik tal-bidu ta' l-insolvenza ta' min iħaddem jew dik li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol ma' l-impjegat interessat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta' min iħaddem.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom l-għażla li jillimitaw ir-responsabbiltà ta' l-istituzzjonijiet ta' garanzija, imsemmija fl-Artikolu 3.

2. Meta l-Istati Membri jeżerċitaw l-għażla msemmija fil-paragrafu 1, huma għandhom:

- fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), l-ewwel inċiż, jiżguraw il-ħlas tal-pretensjonijiet kollha li għadhom ma tħallsux fuq il-paga ta' l-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni tax-xogħol li jaqgħu fi żmien perjodu ta' sitt xhur qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta' min iħaddem;

- fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tieni inċiż, jiżguraw li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar tliet xhur tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta' xogħol qabel id-data tan-notifika tas-sensja maħruġa lill-impjegat minħabba l-insolvenza ta' min iħaddem;

- fil-każ imsemmi fl-Artikolu 3(2), it-tielet inċiż, jiżgura li l-ħlas tal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux fuq il-paga għall-aħħar 18-il xahar tal-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta' xogħol qabel id-data tal-bidu tal-insolvenza ta' min iħaddem jew id-data li fiha l-kuntratt tax-xogħol jew relazzjoni ta' xogħol ma' l-impjegat twaqqfet minħabba l-insolvenza ta' min iħaddem. F'dan il-każ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw ir-responsabbilità li jħallsu għall-paga li tikkorrispondi għal perjodu ta' tmien ġimgħat jew għal numru ta' perjodi iqsar li kollha flimkien jagħmlu tmien ġimgħat.

3. Madanakollu, biex jevitaw li jħallsu somom li jaqbżu l-għan soċjali ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw limitu massimu għar-responsabbilità ta' min iħaddem għal-pretensjonijiet li għadhom ma tħallsux ta' l-impjegati.

Meta l-Istati Membri jagħmlu din il-għażla, għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-metodi li użaw biex jiffissaw dan il-limitu massimu.

L-Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom ifasslu regoli dettaljati għall-organizzazzjoni, iffinanzjar u tħaddim ta' l-istituzzjonijiet ta' garanzija, li jissodisfaw b'mod speċjali l-prinċipji li ġejjin:

(a) l-assi ta' l-istituzzjonijiet għandhom ikunu indipendenti mill-kapital li qed jitħaddem mill-persuna li tħaddem u ma jkunx aċċessibbli għall-proċeduri ta' l-insolvenza;

(b) min iħaddem għandu jikkontribwixxi għall-iffinanzjar, sakemm dan ma jkunx kopert għal kollox mill-awtoritajiet pubbliċi.

(ċ) ir-responsabbilitajiet ta' l-istituzzjonijiet m'għandhomx jiddipendu fuq jekk l-obbligazzjonijiet ta' kontribuzzjonijiet għall-iffinanzjar ġewx sodisfatti jew le.

IT-TAQSIMA III

Dispożizzjonijiet dwar sigurtà soċjali

L-Artikolu 6

L-Istati Membri jistgħu jistipulaw li l-Artikoli 3, 4 u 5 ma japplikawx għall-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru għal skemi statutorji nazzjonali ta' sigurtà soċjali jew taħt xi skemi supplementari tal-kumpanija jew bejn il-kumpaniji li ma jidħlux fl-iskemi statutorji nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li n-nuqqas li jitħallsu l-kontribuzzjonijiet obbligatorji dovuti minn min iħaddem, qabel il-bidu ta' l-insolvenza, lill-istutuzzjonijiet tas-sigurtà skond l-iskemi nazzjonali ta' sigurtà soċjali statutorji ma jafftettwax ħażin it-titolu ta' l-impjegati għall-benefiċċji fejn għandhom x'jaqsmu dawn l-istituzzjonijiet ta' assigurazzjoni sakemm il-kontribuzzjonijiet ta' l-impjegati jkunu tnaqqsu mill-ewwel mill-ħlas li jkun sarilhom.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġu mħarsa l-interessi ta' l-impjegati u tal-persuni li jkunu ġa telqu mill-impriża jew negozju ta' min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew fil-ġejjieni għall-benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa' ħaj, skond skemi supplementari tal-kumpanija jew skemi ta' pensjoni tal-kumpanija li ma jaqawx taħt l-iskemi nazzjonali ta' sigurtà soċjali statutorji.

IT-TAQSIMA IV

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta' l-Istati Membri li japplikaw jew idaħħlu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li jaqblu aktar lill-impjegati.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta' l-Istati Membri:

(a) li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jevitaw l-abbużi;

(b) li ma jaċċettawx jew inaqqsu r-responsabbiltà msemmija fl-Artikolu 3 jew l-obbligazzjoni ta' garanzija msemmi fl-Artikolu 7 jekk ikun jidher li ma jkunx ġustifikat li wieħed jissodisfa l-obbligazzjoni minħabba li jkun hemm irbit speċjali bejn l-impjegat u min iħaddem u interessi komuni li jirriżultaw minn kollużjoni bejniethom.

L-Artikolu 11

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jaderixxu ma' din id-Direttiva fi żmien 36 xahar min-notifika tagħha. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

2. L-Istati Membri għandhom jgħaddu wkoll lill-Komunità l-kliem oriġinali tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 12

Fi żmien 18-il xahar mill-għeluq tal-perjodu ta' 36 xahar imniżżel fl-Artikolu 11(1), l-Istati Membri għandhom jgħaddu l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni biex jippermettulha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li jintbagħat lill-Kunsill.

L-Artikolu 13

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-20 ta' Frar 1980.

Għall-Kunsill

Il-President

J. Santer

[1] ĠU Ċ 135, tad-9.6.1978, p.2.

[2] ĠU Ċ 39, tat-12.2.1979, p.26.

[3] ĠU Ċ 105, tas-26.4.1979, p.15.

--------------------------------------------------

L – ANNESS

Kategoriji ta' impjegati li l-pretensjonijiet tagħhom jistgħu jitħallew barra mill-iskop ta' din id-Direttiva skond l-Artikolu 1(2)

I. Impjegati li jkollhom xi kuntratt ta' xogħol, jew xi relazzjoni ta' xogħol, ta' natura speċjali

A. IL-GREĊJA

Il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ ta' xi bastiment tas-sajd, jekk u sa fejn jitħallsu b'sehem fil-profitti jew dħul gross tal-bastiment.

B. L-IRLANDA

1. Ħaddiema fuq barra (i.e. persuni li jagħmlu xogħol bl-imqietgħa fi djarhom stess), sakemm ma jkollhomx kuntratt ta' xogħol bil-miktub.

2. Nies li jiġu mill-qrib minn min iħaddem, mingħajr kuntratt ta' xogħol bil-miktub, li xogħolhom għandu x'jaqsam ma' xi dar privata jew razzett, jew li fiha joqogħdu min iħaddem jew xi nies li jiġu minnu mill-qrib.

3. Persuni li normalment jaħdmu anqas minn 18-il siegħa fil-ġimgħa għal xi sid wieħed jew aktar sidien u li ma jaqilgħux l-għixien tagħhom bażiku mill-ħlas għal dan ix-xogħol.

4. Persuni li jaħdmu fis-sajd bis-sehem fuq bażi staġjonali, każwali jew part-time.

5. Min hu miżżewweġ lil min iħaddem.

Ċ. L-OLANDA

Sefturi fid-djar impjegati minn persuna naturali u li jaħdmu anqas minn tlett ijiem fil-ġimgħa għall-persuna naturali kkonċernata.

D. IR-RENJU UNIT

1. Il-kaptan u l-membri ta' l-ekwipaġġ ta' xi bastiment tas-sajd li jitħallsu b'sehem fil-profitti jew dħul gross tal-bastiment.

2. Min hu miżżewweġ lil min iħaddem.

II. L-impjegati li jidħlu taħt xi forom oħra ta' garanzija

A. IL-GREĊJA

L-ekwipaġġi ta' bastimenti tal-baħar.

B. L-IRLANDA

1. L-impjegati permanenti u pensjonabbli ta' l-awtoritajiet lokali jew awtoritajiet oħra pubbliċi jew impriżi statutorji tat-trasport.

2. Għalliema pensjonabbli impjegati f'dawn li ġejjin: skejjel nazzjonali, skejjel sekondarji, skejjel komprensivi, kulleġġi ta' taħriġ għall-għalliema.

3. Impjegati permanenti u pensjonabbli ta' xi wieħed mill-isptarijiet volontarji ffinanzjati mill-Fondi Statali.

Ċ. L-ITALJA

1. L-impjegati li jaqgħu taħt il-benefiċċji stabbiliti mil-liġi li tiggarantixxi l-pagi tagħhom ikomplu jitħallsu fil-każ li l-impriża tintlaqat minn xi kriżi ekonomika.

2. L-ekwipaġġi ta' bastimenti tal-baħar.

D. IR-RENJU UNIT

1. Ħaddiema tat-tarzna rreġistrati li m'humiex dawk li jaħdmu għal kollox jew l-aktar f'xogħol li mhux xogħol tat-tarzna.

2. L-ekwipaġġi ta' bastimenti tal-baħar.

--------------------------------------------------