31980L0155



Official Journal L 033 , 11/02/1980 P. 0008 - 0012
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0051
Greek special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0081
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0051
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 2 P. 0095
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 2 P. 0095


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tal-21 ta’ Jannar 1980

dwar il-koordinazzjoni ta’ dispożizzjonijiet stabbiliti b’liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li għandhom x’jaqsmu mal-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet tal-qwiebel

(80/155/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 49, 57 u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, skond l-Artikolu 57 tat-Trattat, id-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva li jirrelataw mal-bidu u l-insegwiment ta’ l-attivitajiet tal-qwiebel għandhom jiġu kkoordinati; billi, huwa neċessarju, għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika li l-Komunità tersaq lejn definizzjoni komuni tal-qasam ta’ l-attività tal-persuni professjonali kkonċernati u tat-taħriġ tagħhom; billi ma kienx maħsub mixtieq li għal dak l-iskop jiġi impost programm unifikat ta’ taħriġ għall-Istati Membri kollha; billi, għandhom, għall-kuntrarju jitħallew fl-ikbar libertà possibbli fl-organizzazzjoni tat-taħriġ; billi għalhekk l-aħjar soluzzjoni hija li jiġu stabbiliti standards minimi;

Billi l-koordinazzjoni ta’ dawn l-attivitajiet, kif maħsuba b’din id-Direttiva, ma teskludix koordinazzjoni sussegwenti;

Billi, safejn hu kkonċernat it-taħriġ, il-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri fil-preżent ma jagħmlux distinzjoni bejn qwiebel li jsegwu l-attivitajiet tagħhom bħala persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom; billi għal din ir-raġuni jidher neċessarju li l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva tiġi estiża għall-qwiebel impjegati,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-bidu u l-insegwiment ta’ attivitajiet tal-qwiebel taħt it-titoli msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/154/KEE [4] kondizzjonali fuq il-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fl-ostetrija kif elenkat fl-Artikolu 3 tad-Direttiva msemmija, li jiggarantixxu illi l-persuna kkonċernata tkun akkwistat tul il-perjodu kollu tat-taħriġ:

(a) tagħrif adegwat dwar ix-xjenzi li fuqhom huma bbażati l-attivitajiet tal-qwiebel, b’mod partikolari l-ostetrija u l-ginekoloġija;

(b) tagħrif adegwat dwar l-etika tal-professjoni u dwar il-leġislazzjoni professjonali;

(ċ) tagħrif dettaljat dwar il-funzjonijiet bijoloġiċi, l-anatomija u l-fiżjoloġija fil-qasam ta’ l-ostetrija u tat-trabi ġodda, kif ukoll tagħrif dwar ir-relazzjoni bejn l-istat tas-saħħa u l-ambjent fiżiku u soċjali tal-bniedem, u dwar l-imġieba tiegħu;

(d) esperjenza klinika adegwata minna istituzzjonijiet approvati taħt is-sorveljanza ta’ persunal kwalifikat fil-professjoni tal-qwiebel u fl-ostetrija;

(e) fehma adegwata tat-taħriġ tal-persunal tas-saħħa u esperjenza ta’ xogħol ma’ dan il-persunal.

2. It-taħriġ imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

- jew kors full-time fl-ostetrija li jinkludi mill-inqas tliet snin ta’ studji prattiċi u teoretiċi, li l-ammissjoni għalih huwa soġġett għat-tkomplija ta’ mill-inqas l-ewwel 10 snin ta’ edukazzjoni ġenerali fi skola,

- jew kors full-time fl-ostetrija ta’ mill-inqas 18-il xahar, li l-ammissjoni għalih huwa soġġett għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali ta’ infermiera responsabbli għall-kura ġenerali msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/452/KEE [5].

3. Il-kors fl-ostetrija previst fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 2 għandu jkopri mill-inqas is-suġġetti tal-programm ta’ taħriġ stabbiliti fl-Anness.

Il-kors previst fit-tieni inċiż tal-paragrafu 2 għandu jkopri mill-inqas is-suġġetti tal-programm ta’ taħriġ stabbiliti fl-Anness li ma ffurmawx parti minn kors ekwivalenti fit-taħriġ ta’ infermiera.

4. L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-istituzzjoni li tħarreġ il-qwiebel tkun responsabbli mill-koordinazzjoni tat-teorija u l-prattika matul il-programm kollu.

It-taħriġ teoretiku u prattiku msemmi fil-Parti A ta’ l-Anness għandu jkun bilanċjat u kkoordinat mat-taħriġ kliniku tal-qwiebel imsemmi fil-Parti B ta’ l-istess Anness hekk li t-tagħrif u l-esperjenza elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jinkisbu f’manjiera adegwata.

L-istruzzjoni klinika għandha tieħu l-forma ta’ taħriġ fuq ix-xogħol taħt sorveljanza f’dipartimenti ta’ sptarijiet jew servizzi tas-saħħa oħrajn approvati mill-awtoritajiet jew mill-korpi kompetenti. Bħala parti minn dan it-taħriġ, il-qwiebel studenti għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet tad-dipartimenti kkonċernati safejn u sakemm dawk l-attivitajiet jikkontribwixxu għat-taħriġ tagħhom. Għandhom jiġu mgħallma r-responsabbiltajiet involuti fl-attivitajiet tal-qwiebel.

L-Artikolu 2

Wara eżami perjodiku tar-riżultati tal-korsijiet varji ta’ taħriġ previsti fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel l-ewwel rapport tagħha lill Kunsill sitt snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva. L-eżami msemmi għandu jitwettaq bl-assistenza tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Taħriġ tal-Qwiebel.

Fid-dawl tar-riżultati ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti għal emendi mmirati li jallinjaw il-kriterji minimi stabbiliti fil-korsijiet ta’ taħriġ imsemmija skond il-kondizzjonijiet preskritti fl-ewwel subinċiż ta’ l-ewwel inċiż u fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 80/154/KEE. Il-Kunsill għandu jaġixxi minnufih fuq dawn il-proposti.

L-Artikolu 3

Minkejja l-Artikolu 1, l-Istati Membri jistgħu jippermettu taħriġ part-time taħt kondizzjonijiet approvati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Il-perjodu totali ta’ taħriġ part-time ma jistax ikun inqas minn dak ta’ taħriġ full-time. L-istandard stabbilit tat-taħriġ ma jistax jiġi mfixkel minn natura part-time tiegħu.

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jassiguraw illi l-qwiebel ikunu mill-inqas intitolati li jibdew u jsegwu l-attivitajiet li ġejjin:

1. li jipprovdu tagħrif sod u pariri dwar l-ippjanar tal-familja;

2. li jagħmlu dijanjosi tat-tqala u jagħmlu monitoraġġ ta’ tqala normali; li jsegwu l-eżamijiet neċessarji għall-monitoraġġ ta’ l-iżvilupp tat-tqala normali;

3. li jippreskrivu jew jagħtu pariri dwar l-eżamijiet neċessarji għad-dijanjosi l-iktar kmieni possibbli ta’ tqala fir-riskju;

4. li jipprovdu programm ta’ preparazzjoni għall-ġenituri u preparazzjoni kompleta dwar il-ħlas inklużi pariri dwar l-iġjene u n-nutrizzjoni;

5. li jieħdu ħsieb u jassistu lill-omm waqt il-ħlas u li jagħmlu monitoraġġ tal-kondizzjoni tal-fetu fl-utru bil-mezzi kliniċi u tekniċi approprjati;

6. li jamministraw ħlas spontanju inkluż meta meħtieġ episjotomija u f’każijiet urgenti ħlas bil-qsim;

7. li jagħrfu s-sinjali ta’ twissija ta’ anormalitajiet fl-omm jew fit-tarbija li jeħtieġu li jiġi infurmat tabib u li jassistu lil dan ta’ l-aħħar meta xieraq; li jieħdu l-miżuri neċessarji ta’ emerġenza fl-assenza ta’ tabib, b’mod partikolari fit-tneħħija bl-idejn tal-plaċenta, possibbilment segwita b’eżami manwali ta’ l-utru;

8. li jeżaminaw u jieħdu ħsieb it-tarbija tat-twelid; li jieħdu l-inizjattivi kollha meħtieġa li huma neċessarji f’każ ta’ bżonn u li jsegwu meta neċessarju risuxxitazzjoni immedjata;

9. li jieħdu ħsieb u jagħmlu monitoraġġ tal-progress ta’ l-omm fil-perjodu wara l-ħlas u li jagħtu l-pariri kollha neċessarji lill-omm dwar il-kura tat-tarbija biex jgħinuha tassigura l-progress ottimu tat-tarbija tat-twelid;

10. li jsegwu t-trattament preskritt minn tabib;

11. li jżommu r-reġistri kollha neċessarji.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri li, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema fil-Komunità [6], qegħdin isegwu jew sejrin isegwu, bħala persuni impjegati, waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 80/154/KEE.

L-Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin min-notifika tagħha u għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 7

Meta Stat Membru jiltaqa’ ma’ diffikultajiet maġġuri f’ċerti oqsma fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina dawn id-diffikultajiet flimkien ma’ dak l-Istat Membru u għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat ta’ l-Uffiċjali Anzjani dwar is-Saħħa Pubblika stabbilit taħt id-Deċiżjoni 75/365/KEE [7], kif l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni 80/157/KEE [8].

Meta neċessarju, l-Kummissjoni għandha tissottometti proposti approprjati lill-Kunsill.

L-Artikolu 8

Mhux iktar tard minn sitt snin wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara li jkun talab l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv, għandu jiddeċiedi jekk id-deroga prevista fit-tielet punt fil-Parti B ta’ l-Anness għandhiex tiġi irtirata jew il-kamp ta’ l-applikazzjoni tagħha mnaqqsa.

L-Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-21 ta’ Jannar 1980.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Marcora

[1] ĠU C 18, tat-12.2.1970, p. 1.

[2] ĠU C 101, ta’ l-4.8.1970, p. 26.

[3] ĠU C 146, tal-11.12.1970, p. 17.

[4] ĠU L 33, tal-21.1.1980, p. 1.

[5] ĠU L 176, tal-15.7.1977, p. 1.

[6] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

[7] ĠU L 167, tat-30.6.1975, p. 19.

[8] ĠU L 33, tal-21.1.1980, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ GĦALL-QWIEBEL

Il-programm ta’ taħriġ għall-ksib ta’ diploma, ċertifikat jew prova oħra ta’ kwalifiki formali fl-ostetrija jikkonsisti fiż-żewġ partijiet li ġejjin:

A. ISTRUZZJONI TEORETIKA U TEKNIKA

(a) Suġġetti ġenerali

1. Anatomija u fiżjoloġija bażiċi

2. Patoloġija bażika

3. Batterjoloġija, viroloġija u parasitoloġija bażiċi

4. Bijofiżika, bijokimika u radjoloġija bażiċi

5. Pedjatrija, b’referenza partikolari għal trabi tat-twelid

6. Iġjene, edukazzjoni dwar is-saħħa, mediċina preventiva, dijanjosi bikrija tal-mard

7. Nutrizzjoni u djetetika, b’referenza partikolari għan-nisa, it-trabi tat-twelid u t-trabi żgħar

8. Soċjoloġija basika u kwistjonijiet soċjo-mediċi basiċi

9. Farmakoloġija bażika

10. Psikoloġija

11. Prinċipji u metodi ta’ tagħlim

12. Leġislazzjoni soċjali u dwar is-saħħa u l-organizzazzjoni tas-saħħa

13. Etika professjonali u leġislazzjoni professjonali

14. Edukazzjoni sesswali u l-ippjanar tal-familja

15. Protezzjoni legali ta’ l-omm u t-tarbija

(b) Suġġetti speċifiċi għall-attivitajiet tal-qwiebel

1. Anatomija u l-fiżjoloġija

2. Embrijoloġija u żvilupp tal-fetu

3. Tqala, ħlas u pweperju

4. Ginekoloġija u patoloġija ostetrika

5. Preparazzjoni għat-twelid u għall-ġenituri, inklużi aspetti psikoloġiċi

6. Preparazzjoni għall-ħlas (inkluż it-tagħrif dwar u l-użu tat-tagħmir tekniku ta’ l-ostetrija)

7. Analġesija, anestesija u risuxxitazzjoni

8. Fiżjoloġija u l-patoloġija tat-tarbija tat-twelid

9. Kura u s-sorveljanza tat-tarbija tat-twelid

10. Fatturi psikoloġiċi u soċjali

B. IT-TAĦRIĠ PRATTIKU U KLINIKU

Dan it-taħriġ għandu jingħata taħt sorveljanza approprjata:

1. Għoti ta’ pariri lil nisa tqal, li jinvolvi mill-inqas 100 eżami ta’ qabel il-ħlas

2. Sorveljanza u l-kura ta’ mill-inqas 40 mara tqila

3. Kondotta mill-istudent/a ta’ mill-inqas 40 ħlas; meta dan in-numru ma jistax jintlaħaq minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ nisa fi ħlas, jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ 30, sakemm l-istudent/a j/tassisti f’20 ħlas ieħor.

4. Assistenza fi ħlas wieħed jew tnejn bil-qsim.

5. Esperjenza ta’ episjotomija u inizjazzjoni fil-ħjata tal-ponti (is-sutura)

6. Sorveljanza u l-kura ta’ 40 mara tqila f’riskju

7. Mill-inqas 100 eżami ta’ wara t-twelid u eżamijiet ta’ trabi normali tat-twelid

8. Sorveljanza u l-kura ta’ l-ommijiet u t-trabi tat-twelid, inklużi trabi li jkunu twieldu qabel iż-żmien, wara ż-żmien, taħt il-piż jew morda

9. Kura ta’ każijiet patoloġiċi fl-oqsma tal-ginekoloġija u l-ostetrija, u l-mard tat-trabi tat-twelid u tat-trabi żgħar

10. Introduzzjoni fil-kura ta’ każijiet ġenerali patoloġiċi fil-mediċina u l-kirurġija.

--------------------------------------------------