31977R1868



Official Journal L 209 , 17/08/1977 P. 0001 - 0007
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0053
Greek special edition: Chapter 03 Volume 19 P. 0064
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 9 P. 0053
Spanish special edition: Chapter 03 Volume 13 P. 0028
Portuguese special edition Chapter 03 Volume 13 P. 0028


Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1868/77

tad-29 ta’ Lulju 1977

li jistabbilixxi regoli dettaljati ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2782/75 dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ bajd għat-tfaqqis u ta’ flieles ta’ tjur li jiġru fl-irziezet

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2771/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni komuni tat-tqegħid fis-suq tal-bajd [1], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 368/76 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2777/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-laħam tat-tjur [3], kif emendat bir-Regolament (KEE) Nru 369/76 [4], u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2782/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ bajd għat-tfaqqis u ta’ flieles tat-tjur li jiġru fl-irziezet [5], u b’mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2782/75 jistabbilixxi ċerti regoli għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ bajd għat-tfaqqis u ta’ flieles tat-tjur li jiġru fl-irziezet; billi, l-implimentazjoni ta’ dawn ir-regoli teħtieġ regoli ta’ applikazzjoni dwar l-allokazzjoni ta’ numri ta’ distinzjoni, il-marki li għandhom isiru fuq il-bajd u fuq l-ippakkjar u l-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni meħtieġa;

Billi kull stabbiliment għandu jingħata numru ta’ reġistrazzjoni ta’ distinzjoni li jkun ibbażat fuq kodiċi stabbilit f’kull Stat Membru b’tali mod li jagħmilha possibli li tkun stabbilita l-attività li jkun involut fiha l-istabbiliment;

Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 95/69 tas-17 ta’ Jannar 1969 li jimplementa r-Regolament (KEE) Nru 1619/68 dwar l-istandards tat-tqeghid fis-suq tal-bajd [6], kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2772/75 tad-29 ta’ Ottubru 1975 dwar l-istandards tat-tqegħid fis-suq tal-bajd [7] jipprovdi għall-identifikazzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ bajd inkubat li ma kienx tpoġġa fis-suq qabel ma tqiegħed f’inkubazzjoni u li jkun tqiegħed fis-suq bħala bajd industrijali;

Billi l-istatistika li fuqha huwa bbażat it-tbassir kemm għal perjodu ta’ żmien qasir kif ukoll għal perjodu ta’ żmien fit-tul għandha tkun komparabbli; billi s-sommarji ta’ kull xahar ppreparati mill-Istati Membri għandhom għalhekk jigu armonizzati; billi, barra minn hekk, il-ġbir ta’ l-informazzjoni jista’ jkun magħmul aktar faċli bl-użu ta’ formola regolari għas-sommarju;

Billi l-informazzjoni preżenti dwar il-kummerċ intra-Komunitarju tal-flieles mhuwiex biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti stimi tal-produzzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir; billi għandhom isiru arranġamenti speċjali għal Stati Membri li ma għandhomx il-makkinarju amministrattiv meħtieġ għall-ġbir ta’ informazzjoni bħal din;

Billi għandu jkun għal kull Stat Membru li jistabbilixxi l-penali għall-ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet;

Billi, sabiex ir-regoli jiġu ssimplifikati, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2335/72 tal-31 ta’ Ottubru 1972 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1349/72 dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ bajd għat-tfaqqis u ta’ flieles ta’ tjur li jiġru fl-irziezet [8], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 373/73 [9], għandu jitħassar;

Billi l-miżuri li għalihom hemm ipprovdut f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija għal-Laħam tat-Tjur u l-Bajd,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. L-applikazzjonijiet kollha għar-reġistrazzjoni ta’ wieħed mill-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2782/75 għandhom ikunu indirizzati lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru fit-territorju ta’ liema jkun jinsab l-istabbiliment. L-awtorità għandha talloka numru ta’ distinzjoni lill-istabbiliment li jkun qiegħed jiġi rreġistrat li jkun magħmul mill-ittri kapitali li ġejjin:

B għall-Belġju

D għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja

DK għad-Danimarka

F għal Franza

I għall-Italja

IRL għall-Irlanda

L għall-Lussemburgu

NL għall-Olanda

UK għar-Renju Unit

flimkien ma’ numru ta’ identifikazzjoni allokat b’tali mod li jkun possibbli li tkun tista’ tigi stabbilita l-attività li jkun involut fiha l-istabbiliment.

2. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minghajr dewmien b’xi tibdiliet fil-kodiċi tan-numri ta’ distinzjoni użati sabiex tkun stabbilita l-attività li jkun involut fiha l-istabbiliment.

Artikolu 2

1. Il-bajd għat-tfaqqis għandu jkun immarkat individwalment b’linka sewda li ma titħassarx. L-ittri u l-figuri għandhom ikunu mill-inqas għoljin 2 mm u wiesgħin 1 mm.

2. Iż-żigarella li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2782/75 għandha tkun ta’ lewn aħdar u għandha tkun ta’ tip standard stabbilit mill-awtorità kompetenti. Iż-żigarella għandha tkun imwaħħla b’tali mod li d-dettalji ta’ fuq il-pakkett ma jkunux mgħottija għal kollox u lanqas parti minnhom.

Artikolu 3

Il-marki li għandhom isiru fuq il-pakkett għandhom ikunu magħmulin minn linka sewda li ma titħassarx, b’ittri jew figuri li jkunu mill-anqas 20 mm għolja u 10 mm wiesa, stampati 1 mm ħoxnin.

Artikolu 4

1. Il-formola standard għas-sommarju li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 2782/75 tinsab fl-Anness I. Dan is-sommarju għandu jiġi ppreżentat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni kull xahar mhux aktar tard minn erba’ ġimgħat wara l-aħħar ta’ kull xahar li għalih jirreferu l-figuri.

2. L-Istati Membri jistgħu jużaw formola standard għas-sommarju (Parti I) li tinsab fl-Anness I biex jiġbru mingħand dawk l-imqafes l-informazzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2782/75.

3. L-Istati Membri jistgħu jispeċifikaw li f’dak li għandu x’jaqsam ma’ flieles għandhom isiru diversi kopji tad-dokument li għandu jakkompanjahom li hemm referenza għalih fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2782/75. F’dak il-każ, għandha tintbagħat kopja tad-dokument lill-aġenzija kompetenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 16 tiegħu dwar l-importazzjoni jew l-esportazzjoni jew fiż-żmien tal-kummerċ intra-Komunitarju.

4. L-Istati Membri li jużaw il-proċedura li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 3 għandhom jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom jieħdu dawk il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jimponu l-penali għal xi ksur tar-Regolamenti dwar il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ bajd għat-tfaqqis u ta’ flieles tat-tjur li jiġru fl-irziezet.

Artikolu 6

Qabel it-30 ta’ Jannar ta’ kull sena L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni statistika dwar l-istruttura u l-attività ta’ l-imqafes, billi jużaw il-formoli standard li hemm fl-Anness II.

Artikolu 7

Ir-Regolament (KEE) Nru 2335/72 huwa b’dan il-mezz revokat.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1978.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fi-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-29 ta’ Lulju 1977.

Għal Kummissjoni

Finn Gundelach

Il-Viċi-President

[1] ĠU L 282, ta’l-1.11.1975, p. 49.

[2] ĠU L 45, tal-21.2.1976, p. 2.

[3] ĠU L 282, ta’l-1.11.1975, p. 77.

[4] ĠU L 45, tal-21.2.1976, p. 3.

[5] ĠU L 282, ta’l-1.11.1975, p. 100.

[6] ĠU L 13, tat-18.1.1969, p. 13.

[7] ĠU L 282, ta’l-1.11.1975, p. 56.

[8] ĠU L 252, tat-8.11.1972, p. 1.

[9] ĠU L 39, tat-12.2.1973, p. 37.

--------------------------------------------------

ANNESS 1

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS 2

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------