31977L0212



Official Journal L 066 , 12/03/1977 P. 0033 - 0034
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0061
Greek special edition: Chapter 13 Volume 6 P. 0020
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 2 P. 0061
Spanish special edition: Chapter 13 Volume 7 P. 0023
Portuguese special edition Chapter 13 Volume 7 P. 0023


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-8 ta’ Marzu 1977

li temenda d-Direttiva 70/157/KEE dwar il-livell permissibbli tal-ħoss u tas-sistema ta’ l-exhaust tal-vetturi bil-mutur

(77/212/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 70/157/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirigwardaw il-livell permissibbli tal-ħoss u tas-sistema ta’ l-exhaust tal-vetturi bil-mutur [3], kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 73/350/KEE [4], tistipula fl-Anness tagħha il-limiti tal-livelli tal-ħoss għall-vetturi bil-mutur intiżi għall-użu fit-triq, b’qafas tal-vetturi jew mingħajru, u li għandhom mill-inqas erba’ roti u veloċità ddisinjata massima li teċċedi 25 km/h, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi li jimxu fuq il-linji, tratturi u makkinarju agrikoli jew tal-foresta u vetturi ta’ xgħolijiet pubbliċi;

Billi għall-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali mill-inkonvenjent tal-ħoss, miżuri xierqa huma meħtieġa sabiex jitnaqqas il-livell tal-ħoss tal-vetturi bil-mutur; billi tnaqqis bħal dan huwa possibbli bil-progress tekniku fil-kostruzzjoni tal-vetturi bil-mutur;

Billi l-Anness tad-Direttiva 70/157/KEE għandu ghalhekk kun emendat bit-tnaqqis tal-valuri tal-livell permissibli tal-ħoss espressi f’dB (A) għal kull kategorija ta’ vettura msemmija hemmhekk,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Fl-Anness tad-Direttiva 70/157/KEE, it-tabella fis-sezzjoni I.1 għandha tkun mibdula bit-tabella li ġejja:

Kategorija ta’ vetturi | Valur espress f’dB (A) Deċibali (A) |

I.1.1.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-’ passiġġieri u li ma jkollhomx aktar minn disa’ sedili inkluż is-sedil tas-sewwieq | 80 |

I.1.2.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-passiġġieri li jkollhom aktar minn disa’ sedili inkluż is-sedil tas-sewwieq, u li jkollhom toqol massimu permessibbli li ma jeċċedix it-3.5 tunnellati metriċi | 81 |

I.1.3.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija u li jkollhom toqol massimu permessibbli li ma jeċċedix it-3.5 tunnellati metriċi | 81 |

I.1.4.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-passiġġieri li jkollhom aktar minn disa’ sedili inkluż is-sedil tas-sewwieq, u li jkollhom toqol massimu permessibbli li jeċċedi it-3.5 tunnellati metriċi | 82 |

I.1.5.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija u li jkollhom toqol massimu permessibbli li jeċċedi it-3.5 tunnellati metriċi | 86 |

I.1.6.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-passiġġieri li jkollhom aktar minn disa’ sedili inkluż is-sedil tas-sewwieq, u li jkollhom qawwa tal-magna ugwali għal jew li aktar minn 200 hp DIN | 85 |

I.1.7.Vetturi maħsuba għat-trasport tal-merkanzija jew ta’ materjal, u li jkollhom qawwa tal-magna ugwali għal jew aktar minn 200 hp DIN u toqol massimu permessibbli li jeċċedi it-12-il tunnellata metrika | 88 |

Artikolu 2

1. B’effett mill-1 ta’ April 1977, l-ebda Stat Membru ma’ għandu, għal raġunijiet li jirrigwardaw il-livell tal-ħoss u s-sistema ta’ l-exhaust:

- jiċħad l-approvazzjoni tat-tip tal-KEE, jew il-ħruġ tad-dokument imsemmi fl- Artikolu 10(1), it-tielet inċiż, tad-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom [5], kif emendata bl-Att ta’ l-Adeżjoni, jew l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal kwalunkwe tip ta’ vettura bil-mutur,

- jew jipprojbixxu d-dħul inizjali fis-servizz ta’ vetturi,

jekk il-livell tal-ħoss u s-sistema ta’ l-exhaust ta’ dan it-tip ta’ vettura jew vetturi jissodisfaw il-ħtiġiet tad-Direttiva 70/157/KEE, kif emendata bid-Direttiva preżenti.

2. B’effett mill-1 ta’ April 1980, l-Istati Membri:

- m’għandhomx aktar joħorġu d-dokument li hemm disposizzjoni dwaru fl-Artikolu 10(1), tielet inċiż, tad-Direttiva 70/156/KEE għal tip ta’ vettura li l-livell tal-ħoss u s-sistema ta’ l-exhaust tagħha ma jissodisfawx il-ħtiġiet tad-Direttiva 70/157/KEE, kif emendata bid-Direttiva preżenti,

- jistgħu jiċħdu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tip ta’ vettura li l-livell tal-ħoss u s-sistema ta’ l-exhaust tagħha ma jissodisfawx il-ħtiġiet tad-Direttiva 70/157/KEEC, kif emendata bid-Direttiva preżenti.

B’danakollu, għal vetturi fil-kategorija I.1.6 kif murija fit-tabella fl-Artikolu 1, id-data " 1 ta’ April 1980 " għandha tinbidel bid-data " 1 ta’ April 1982 ".

3. B’effett mill-1 ta’ Ottubru 1982, l--Istati Membri jistgħu jipprojbixxu d-dħul inizjali fis-servizz ta’ vetturi li l-livell tal-ħoss u s-sistema ta’ l-exhaust tagħhom ma jissodisfawx il-ħtiġiet tad-Direttiva 70/157/KEE, kif emendata bid-Direttiva preżenti.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw id-disposizzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sa l-1 ta’ April 1977 u għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ Marzu 1977.

Għall-Kunsill

Il-President

D. Owen

[1] ĠU C 5, tat-8.1.1975, p. 54.

[2] ĠU C 62, tal-15.3.1975, p. 33.

[3] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 16.

[4] ĠU L 321, tat-22.11.1973, p. 33.

[5] ĠU L 42, tat-23.2.1970, p. 1.

--------------------------------------------------