31976L0207



Official Journal L 039 , 14/02/1976 P. 0040 - 0042
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0191
Greek special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0070
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0191
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 2 P. 0070
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 2 P. 0070


Id-Direttiva tal-Kunsill

tad-9 ta' Frar 1976

dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol

(76/207/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Billi l-Kunsill, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 1974 dwar programm ta' azzjoni soċjali [3], daħħal fost il-prijoritarjiet azzjoni bl-iskop li tintlaħaq l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi u taħriġ professjonali u promozzjoni u rigward il-kondizzjonijiet tax-xogħol inkluża l-paga;

Billi, fir-rigward tal-paga, il-Kunsill fl-10 ta' Frar 1975 adotta d-Direttiva 75/117/KEE dwar it-tqarrib tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' paga ndaqs għall-irġiel u n-nisa [4];

Billi tidher meħtieġa wkoll azzjoni tal-Komunità biex tilħaq il-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għal impjiegi u t-taħriġ professjonali u l-promozzjoni u l-kondizzjonijiet l-oħra tax-xogħol; billi, it-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Komunità, inkwantu l-armonizzazzjoni tal-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol waqt li jinżamm it-titjib tagħhom għandu fost l-oħrajn jitmexxa 'il quddiem; billi t-Trattat ma jagħtix il-poteri speċifiċi meħtieġa għal dan l-iskop;

Billi d-definizzjoni u l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali fi ħwejjeġ ta' sigurtà soċjali għandhom jiġu żgurati permezz ta' strumenti li jiġu wara,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. L-iskop ta' din id-Direttiva huwa li jdaħħal fis-seħħ fl-Istati Membri l-prinċipju tat-trattament ugwali ghall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-promozzjoni, u taħriġ professjonali u għal dak li għandu x'jaqsam ma' kondizzjonijiet tax-xogħol u, skond il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, sigurtà soċjali. Minn issa 'l quddiem dan il-prinċipju jissejjaħ "il-prinċipju tat-trattament ugwali."

2. Bil-għan li jiżgura l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali fi ħwejjeġ ta' sigurtà soċjali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, ser jadotta dispożizzjonijiet li jiddefinixxu s-sustanza, l-iskop u l-arranġamenti biex jiġi applikat.

L-Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.

2. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membrili jeskludu mill-qasam ta' l-applikazzjoni tagħha dawk l-attivitajiet ta' xogħol u, fejn hu xieraq, it-taħriġ li jwassal għalihom, li għalihom, minħabba l-istess natura tagħhom jew il-kuntest li jsiru fihom, is-sess tal-ħaddiem jikkostitwixxi fattur determinanti.

3. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi disposizzjonijiet rigward il-ħarsien tan-nisa, speċjalment dwar it-tqala u l-maternità.

4. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri li jmexxu 'l quddiem l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, speċjalment billi jneħħu xi inugwaljanzi li jeżistu li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1).

L-Artikolu 3

1. L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-kondizzjonijiet, inklużi l-kriterji tal-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x'ikun is-settur jew il-qasam tal-attività, u għal-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol.

2. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:

(a) il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi kollha li huma kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali għandhom jitneħħew;

(b) id-dispożizzjonijiet kollha kuntrarji għall-prinċipju tat-trattament ugwali li huma mdaħħla fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali tax-xogħol, regoli interni ta' impriżi jew f'regoli li jirregolaw l-impjiegi indipendenti u professjonijiet għandhom, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effett jew jistgħu jiġu emendati;

(ċ) dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li huma kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali meta t-tħassib għall-protezzjoni li nebbħithom oriġinarjament m'għadx għandha bażi soda għandhom jiġu riveduti; u li fejn disposizzjonijiet bħalhom huma mdaħħla fi ftehim kollettiv il-ħaddiema u d-direzzjoni għandhom jintalbu li jagħmlu r-reviżjoni mixtieqa.

L-Artikolu 4

L-applikazzoni tal-priniċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għat-tipi kollha u għal-livelli kollha ta' tmexxija professjonali, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avanzat u taħriġ mill-ġdid, tfisser li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li:

(a) il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

(b) id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma mdaħħla fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta' xogħol, regoli interni ta' l-impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effett jew jistgħu jiġu emendati;

(ċ) mingħajr preġudizzju għal-libertà mogħtija f'xi Stati Membri lil xi stabbilimenti privati ta' taħriġ, it-tmexxija professjonali, taħriġ professjonali, taħriġ professjonali avanzat u taħriġ mill-ġdid jintlaħaq fuq il-bażi ta' l-istess kriterji u fuq l-istess livelli mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

L-Artikolu 5

1. L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għal dak li għandu x'jaqsam mal-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw is-sensji, tfisser li l-irġiel u n-nisa għandhom ikunu garantiti l-istess kondizzjonijiet mingħajr diskriminazzjoni minħabba s-sess.

2. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li:

(a) il-liġijiet kollha, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali jitneħħew;

(b) id-dispożizzjonijiet kollha li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali li huma inklużi fi ftehim kollettiv, kuntratti individwali ta' xogħol, regoli interni ta' impriżi jew regoli li jirregolaw ix-xogħol indipendenti u l-professjonijiet huma, jew jistgħu jiġu ddikjarati, nulli u bla effet jew jistgħu jiġu emendati;

(ċ) dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jmorru kontra l-prinċipju tat-trattament ugwali meta it-tħassib għall-protezzjoni li oriġinarjament nebbħithom m'għadx għandha bażi soda huma riveduti; u li fejn hemm dispożizzjonijiet bħalhom imdaħħla fi ftehim kollettiv il-ħaddiema u d-direzzjoni għandhom jintalbu jagħmlu r-reviżjoni mixtieqa.

L-Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-sistema legali nazzjonali tagħhom dawk il-miżuri li jenħtieġu biex il-persuni kollha li jqisu li sarilhom xi tort bin-nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali skond it-tifsira ta' l-Artikoli 3, 4 u 5, ikunu jistgħu ikomplu t-talbiet tagħhom permezz ta' proċedura ġudizzjarja wara li jkunu possibilment irrikorrew għand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu lill-impjegati minn tkeċċija minn min iħaddimhom bħala reazzjoni għal xi lment fl-impriża jew minn xi proċeduri legali li jkollhom l-għan li jinfurzaw konformità mal-prinċipju tat-trattament ugwali.

L-Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb li d-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva, flimkien ma' dispożizzjonijiet rilevanti li huma diġà fis-seħħ, jinġiebu għall-attenzjoni ta' l-impjegati bil-mezzi kollha xierqa, per eżempju fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

L-Artikolu 9

1. L-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jiġu konformi ma' din id-Direttiva fi żmien 30 xahar min-notifika tagħha u għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummisjoni b'dan.

Madanakollu, għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-ewwel parti ta' l-Artikolu 3(2)(ċ) u l-ewwel parti ta' l-Artikolu 5(2)(ċ), l-Istati Membri għandhom jagħmlu stħarriġ preliminari u jekk hemm bżonn reviżjoni preliminari tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fihom fi żmien erba' snin min-notifika ta' din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom minn żmien għall-ieħor jivvalutaw l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) biex jiddeċiedu, fid-dawl ta' l-iżviluppi soċjali, jekk hemmx xi ġustifikazzjoni biex jinżammu l-esklużjonijiet konċernati. Għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bir-riżultati ta' din il-valutazzjoni.

3. L-Istati Membri għandhom jgħaddu wkoll lill-Komunità it-test oriġinali tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jadottaw fil-qasam li jaqa' taħt din id-Direttiva.

L-Artikolu 10

Fi żmien sentejn mill-għeluq tal-perjodu ta' 30 xahar imniżżel fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 9(1), l-Istati Membrigħandhom jgħaddu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex jippermettulha tfassal rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li jintbagħat lill-Kunsill.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fid-9 ta' Frar 1976.

Għall-Kunsill

Il-President

G. Thorn

[1] ĠU C 111, ta' l-20.5.1975, p. 14.

[2] ĠU C 286, tal-15.12.1975, p. 8.

[3] ĠU C 13, tat-12.2.1974, p. 1.

[4] ĠU L 45, tad-19.2.1975, p. 19.

--------------------------------------------------