31967L0227



Official Journal 071 , 14/04/1967 P. 1301 - 1303
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0003
Danish special edition: Series I Chapter 1967 P. 0012
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0003
English special edition: Series I Chapter 1967 P. 0014
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0003
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0003
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0003


L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill

tal-11 ta' April 1967

fuq l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ

(67/227/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 99 u 100 tat-Trattat;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali;

Billi l-għan ewlieni tat-Trattat hu li jistabbilixxi, fi ħdan l-istruttura ta' unjoni ekonomika, suq komuni li fih ikun hemm kompetizzjoni b'saħħitha u li l-karatteristiċi tagħha jixbħu lil dawk ta' suq domestiku;

Billi biex jintlaħaq dan il-għan wieħed irid jassumi li fl-Istati Membri tkun diġà ġiet applikata l-leġislazzjoni li għandha x'taqsam mat-taxxi fuq il-bejgħ b'mod li ma jitħarbtux il-kondizzjonijet tal-kompetizzjoni u ma jixxekkilx iċ-ċaqliq ħieles ta' l-oġġetti u s-servizzi fis-suq komuni;

Billi l-leġislazzjoni fis-seħħ bħalissa ma tkoprix dawn il-ħtiġiet; billi hu għalhekk fl-interess tas-suq komuni li tintlaħaq din l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni li tikkonċerna t-taxxi fuq il-bejgħ li għandha telimina, sa fejn hu possibli, fatturi li jistgħu itelfu l-kondizzjonijet ta' kompetizzjoni, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fuq livell ta' Komunità, u li mbagħad għandha tagħmilha possibli li jintlaħaq l-għan tat-tneħħija ta' l-impożizzjoni tat-taxxa fuq l-importazzjoni u r-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri;

Billi, fid-dawl ta' l-istudji li saru, jidher ċar li armonizazzjoni bħal din għandha tirriżulta fit-tneħħija tat-taxxi akkumulattivi u fl-addozzjoni mill-Istati Membri kollha ta' sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud;

Billi sistema ta' taxxa fuq il-valur miżjud tikseb l-ogħla livell ta' sempliċità u ta' newtralità meta t-taxxa hi mħaddma f'manjiera ġenerali kemm jista' jkun u meta tkun tkpori l-istadji kollha tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni u l-provediment tas-servizzi; billi hu għalhekk fl-interess tas-suq komuni u ta' l-Istati Membri li jaddottaw sistema komuni li għandha tapplika wkoll għall-kummerċ bl-imnut;

Billi, madanakollu, l-applikazzjoni ta' dik it-taxxa għall-kummerċ bl-imnut tista' f'xi Stati Membri tiltaqa' ma' diffikultajiet prattiċi u politiċi; billi, għalhekk, l-Istati Membri għandhom jitħallew, skond konsultazzjoni minn qabel, japplikaw is-sistema komuni sa l-istadju tal-kummerċ bil-grossa biss, u japplikaw, kif xieraq, taxxa komplimentarja saparata fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut, jew fl-istadju ta' qabel;

Billi hu meħtieġ li l-progress isir fi stadji, minħabba li l-armonizazzjoni tat-taxxi fuq il-bejgħ għandha twassal għal tibdil sostanzjali fl-istruttura tat-taxxa fl-Istati Membri b'konsegwenzi notevoli fl-oqsma ta' l-estimi, ekonomiċi u soċjali;

Billi l-bidla minn sistemi ta' taxxa akkumulattiva b'ħafna stadji li hemm fis-seħħ bħalissa fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri għal sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud għandha twassal, anke jekk ir-rati u l-eżenzjonijiet ma jkunux armonizzati fl-istess ħin, għal newtralità fil-kompetizzjoni, b'mod li f'kull pajjiż oġġetti simili jġorru l-istess piż ta' taxxa, hu x'inhu t-tul tal-produzzjoni u l-katina tad-distribuzzjoni, u li fil-kummerċ internazzjonali l-ammont ta' piż ta' taxxa fuq l-oġġetti jkun magħruf biex tkun tista' tiġi assigurata ekwalizzazzjoni eżatta ta' dak l-ammont; billi għalhekk għandha ssir dispożizzjoni, fl-ewwel stadju, għall-adozzjoni mill-Istati Membri kollha tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, mingħajr ma jkun hemm ukoll armonizaz zjoni tar-rati u ta' l-eżenzjonijiet;

Billi fil-preżent wieħed ma jistax jipprevedi kif u f'liema perjodu l-armonizazzjoni tat-taxxi fuq il-bejgħ tista' tilħaq l-għan tat-tneħħija ta' l-imposizzjoni tat-taxxa fuq l-importazzjoni u r-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri; billi hu għalhekk preferibbli li t-tieni stadju u l-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta' dak l-istadju għandhom ikunu determinati iktar tard fuq il-bażi ta' proposti magħmula mill-Kummissjoni lill-Kunsill;

ADDOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jaqilbu mis-sistema preżenti tagħhom ta' taxxi fuq il-bejgħ għas-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud imfissra fl-Artikolu 2.

F'kull Stati Membru l-leġislazzjoni biex iseħħ dan il-bdil għandha tkun attwata kemm jista' jkun malajr, sa biex tkun tista' tidħol fis-seħħ f'data li għandha tkun stabbilita mill-Istat Membru fid-dawl tas-sitwazzjoni konġunturali; din id-data m'għandiex tkun iktar tard mill-1 ta' Jannar 1970.

Mid-dħul fis-seħħ ta' din il-leġislazzjoni, l-Istati Membri m'għandhom iżommu jew idaħħlu l'ebda miżura li tipprovdi ekwalizazzjoni b'rata waħda ta' taxxi fuq il-bejgħ fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Artikolu 2

Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud tinvolvi d-dħul ta' taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta' l-oġġetti u s-servizzi, hu x'inhu n-numru ta' transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta' produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-isadju li fih titħallas it-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta' l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta' l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż).

Madanakollu, sa kemm titneħħa l-impożizzjoni tat-taxxa fuq l-importazzjoni u r-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu, wara l-konsultazzjoni prevista mill-Artikolu 5, japplikaw din is-sistema biss sa (u inkluż) l-istadju tal-kummerċ bil-grossa, u jistgħu japplikaw, kif jixraq, taxxa komplimentarja separata fl-istadju tal-kummerċ bl-imnut jew fl-istadju prċedenti.

Artikolu 3

Il-Kunsill sa joħroġ, fuq proposta mill-Kummissjoni, it-tieni Direttiva li tikkonċerna l-istruttura u l-proċedura għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

Artikolu 4

Biex tgħin lill-Kunsill biex jiddiskuti dan, u jekk jista' jkun biex jieħu deċiżjonijet qabel tmiem il-prejodu transitorju, il-Kummisjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, qabel l-aħħar ta' l-1968, proposti dwar kif u f'liema perjodu l-armonizazzjoni tat-taxxi fuq il-bejgħ jistgħu jilħqu l-għan tat-tneħħija ta' l-impożizzjoni tat-taxxa fuq l-importazzjoni u r-remissjoni tat-taxxa fuq l-esportazzjoni fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, fil-waqt li jassiguraw in-newtralità ta' dawk it-taxxi fir-rigward ta' l-oriġini ta' l-oġġetti jew servizzi.

Għal dan il-għan, għandha tingħata konsiderazzjoni partikolari lir-relazzjoni bejn it-taxxi diretti u t-taxxi indiretti, liema relazzjoni tvarja minn Stat Membru għal ieħor; lill-effetti tal-bdil fis-sistemi tat-taxxa fuq il-politika tat-taxxa u ta' l-estemi ta' l-Istati Membri; u lill-influwenza li s-sistemi tat-taxxi għandhom fuq il-kondizjonijet tal-kompetizzjoni u fuq il-kondizzjonijet soċjali fil-Komunità.

Artikolu 5

Jekk Stat Membru ikollu f'moħħu li jeżerċita l-poter imfisser fl-aħħar paragrafu ta' l-Artikolu 2, għandu jgħarraf lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien xieraq, wara li jikkunsidra l-Artikolu 102 tat-Trattat.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fil-11 ta' April 1967.

Għall-Kunsill

Il-President

R. Van Elslande

--------------------------------------------------