31964L0221



Official Journal 056 , 04/04/1964 P. 0850 - 0857
Finnish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0028
Danish special edition: Series I Chapter 1963-1964 P. 0109
Swedish special edition: Chapter 5 Volume 1 P. 0028
English special edition: Series I Chapter 1963-1964 P. 0117
Greek special edition: Chapter 05 Volume 1 P. 0016
Spanish special edition: Chapter 05 Volume 1 P. 0036
Portuguese special edition Chapter 05 Volume 1 P. 0036


Id-Direttiva tal-Kunsill

tal-25 ta' Frar 1964

dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika

(64/221/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EKONOMIKA EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 56(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 15 tas-16 ta' Awissu 1961 [1] dwar miżuri tal-bidu li jġibu moviment liberu tal-ħaddiema ġewwa l-Komunità, u b'mod partikolari l-Artikolu 47 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill tas-16 ta' Awissu 1961 [2] dwar proċeduri u prattiċi amministrattivi li jirregolaw id-dħul fi u l-impjieg u r-residenza fi Stat Membru ta' ħaddiema u l-familji tagħhom minn Stati Membri oħra tal-Komunità,

Wara li kkunsidra l-Programmi Ġenerali għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' l-istabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi [3], u b'mod partikolari t-Tolu II ta' kull wieħed minn dawn il-programmi,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964 [4] dwar it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fi ħdan il-Komunità għal ċittadini ta' l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment u l-provvista tas-servizzi,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [5],

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [6],

Billi l-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati b'liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva li jipprovdu trattament speċjali għal ċittadini barranin għar-raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika għandha l-ewwelnett tittratta l-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' Stat Membru li jkunu qegħdin ġewwa l-Komunità jew sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni impjegati jew impjegati għal rashom, jew bħala riċevituri ta' servizzi.

Billi li koordinazzjoni bħal din tkun teħtieġ b'mod partikolari approssimazzjoni tal-proċeduri segwiti f'kull Stat Membru meta jkunu qegħdin jiġu invokati raġunijiet li għandhom x'jaqsmu mal-politika pubblika, mas-sigurtà pubblika jew mas-saħħa pubblika fi kwistjonijiet dwar il-moviment jew ir-residenza ta' ċittadini barranin.

Billi, f'kull Stat Membru, persuni ta' nazzjonalità ta' Stati Membri oħra għandhom ikollhom rimedji legali adekwati disponibbli għalihom għal dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' l-amministrazzjoni f'dawk il-materji.

Billi lista ta' mard u disabbilitajiet li jistgħu jqiegħdu fil-periklu s-saħħa pubblika, il-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika tkun ta' użu prattiku żgħir u huwa diffiċli li din il-lista tkun eżawrjenti; filwaqt li jkun biżżejjed li dawn il-mard u d-disabbilitajiet ikunu kklassifikati fi gruppi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kull ċittadin ta' xi Stat Membru li joqgħod fi jew jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor tal-Komunità, jew sabiex ikompli attività bħala persuna impjegata jew bħala impjegat għal rasu, jew bħala reċipjent ta' servizzi.

2. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-konjuġi u għall-membri tal-familja li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti u direttivi adottati f'dan il-qasam bis-saħħa tat-Trattat.

L-Artikolu 2

1. Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżuri kollha dwar id-dħul fit-territorju tagħhom, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi tar-residenza, jew it-tkeċċija mit-territorju tagħhom, meħuda minn Stati Membri għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2. Dawn ir-raġunijiet m' għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.

L-Artikolu 3

1. Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta' politika pubblika jew ta' sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta' l-individwu kkonċernat.

2. Il-kundanni kriminali ta' qabel ma għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri.

3. L-iskadenza tal-karta ta' l-identità jew tal-passaport użat mill-persuna kkonċernata sabiex tidħol fil-pajjiż ospiti u biex takkwista permess ta' residenza m' għandhomx jiġġustifikaw it-tkeċċija mit-territorju.

4. L-Istat li jkun ħareġ il-karta ta' l-identità jew il-passaport għandu jħalli d-detentur tad-dokument jirritorna lejn it-territorju tiegħu mingħajr ebda formalità anki jekk id-dokument ma jkunx aktar validu jew iċ-ċittadinanza tad-detentur ma tkunx ċara.

L-Artikolu 4

1. L-uniku mard jew disabiltà li jiġġustifika rifjut ta' dħul ġo territorju jew rifjut li jinħareġ l-ewwel permess tar-residenza għandhom ikunu dawk imniżżla fl-Anness għal din id-Direttiva.

2. Il-mard jew id-disabiltà li seħħ wara li jkun inħareġ l-ewwel permess tar-residenza m' għandux jiġġustifika rifjut għal tiġdid tal-permess tar-residenza jew għal tkeċċija mit-territorju.

3. L-Istati Membri għandhom jintroduċu dispożizzjonijiet jew prattiki ġodda li jkunu aktar stretti minn dawk fis-seħħ fid-data tan-notifikazzjoni ta' din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

1. Deċiżjoni sabiex jingħata jew sabiex ikun irrifjutat l-ewwel permess ta' residenza għandha tittieħed kemm jista' jkun malajr u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data ta' l-applikazzjoni għall-permess.

Il-persuna kkonċernata għandha titħalla tibqa' temporanjament fit-territorju sakemm tittieħed deċiżjoni jew li jingħata jew li jiġi rrifjutat il-permess tar-residenza.

2. Il-pajjiż ospiti jista', f'każijiet fejn dan ikun ikkunsidrat essenzjali, jitlob lill-Istat Membru ta' l-oriġini ta' l-applikant, u jekk ikun hemm bżonn lil Stati Membri oħra, biex jipprovdu l-informazzjoni dwar kwalunkwe dokumentazzjoni preċedenti dwar il-kondotta mill-pulizija. Investigazzjonijiet bħal dawn m' għandhomx isiru bħala rutina. L-Istat Membru kkonsultat għandu jagħti r-risposta tiegħu fi żmien xahrejn.

L-Artikolu 6

Il-persuna kkonċernata għandha tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika, jew saħħa pubblika li fuqhom tkun qed tiġi bbażata d-deċiżjoni fil-każ tagħha, sakemm din ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà ta' l-Istat involut.

L-Artikolu 7

Il-persuna kkonċernata għandha tiġi nnotifikata uffiċjalment bi kwalunkwe deċiżjoni ta' rifjut tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-permess tar-residenza jew dwar it-tkeċċija tagħha mit-territorju. Il-perjodu permess sabiex dik il-persuna tħalli t-territorju għandu jiġi ddikjarat f'din in-notifika. Minbarra f'każi ta' urġenza, dan il-perjodu m' għandux ikun ta' anqas minn ħmistax-il ġurnata jekk il-persuna kkonċernata tkun għadha ma ngħatatx il-permess tar-residenza u mhux inqas minn xahar fil-każijiet l-oħrajn kollha.

L-Artikolu 8

Il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-istess rimedji legali f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwalunkwe deċiżjoni dwar id-dħul, jew dwar ir-rifjut tal-ħruġ jew tat-tiġdid tal-permess tar-residenza, jew dwar l-ordni għat-tkeċċija mit-territorju, kif dawn ikun disponibbli għaċ-ċittadini ta' l-Istat ikkonċernat f'dak li għandu x'jaqsam ma' atti ta' l-amministrazzjoni.

L-Artikolu 9

1. Fejn ma jkunx hemm ebda dritt għall-appell quddiem qorti tal-liġi, jew fejn dan l-appell jista' jsir biss f'dak li għandu x'jaqsam mal-validità legali tad-deċiżjoni, jew fejn l-appell ma jkunx jista' jkollu effett ta' sospensjoni, ma għandhiex tittieħed deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija tad-detentur tal-permess tar-residenza mit-territorju mill-awtorità amministrattiva, minbarra f'każijiet ta' urġenza, sakemm ma tingħatax opinjoni mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż ospiti li fih il-persuna kkonċernata tkun tgawdi dawk id-drittijiet ta' difiża u ta' assistenza jew rappreżentanza bħalma jkun ipprovdut bil-liġi domestika ta' dak il-pajjiż.

Din l-awtorità ma għandhiex tkun l-istess bħal dik li tingħata s-setgħa li tieħu d-deċiżjoni li tirrifjuta t-tiġdid tal-permess tar-residenza jew li tordna t-tkeċċija.

2. Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta' permess ta' l-ewwel residenza jew li tordna tkeċċija tal-persuna konċernata qabel il-ħruġ tal-permess għandha, fejn dik il-persuna hekk titlob, tiġi rriferita għall-kunsiderazzjoni lill-awtorità fejn tkun meħtieġa l-opinjoni preċedenti tagħha taħt il-paragrafu I. Il-persuna kkonċernata għandha mbagħad tkun intitolata li tagħti d-difiża tagħha hi nnifisha, minbarra fejn din tmur kontra l-interessi ta' sigurtà nazzjonali.

L-Artikolu 10

1. L-Istati Membri għandhom, fi żmien sitt xhur min-notifikazzjoni ta' din id-Direttiva, idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha u dawn għandhom jinfurmaw mill-ewwel lill-Kummissjoni bihom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 11

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Frar 1964

Għall-Kunsill

Il-President

H. Fayat

[1] ĠU 57, tas-26.8.1961, p. 1073/61.

[2] ĠU 80, tat-13.12.1961, p. 1513/61.

[3] ĠU 2, tal-15.1.1962, pp. 32/62 u 36/62.

[4] ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 845/64.

[5] ĠU 134, ta' l-14.12.1962, p. 2861/62.

[6] ĠU 56, ta' l-4.4.1964, p. 856/64.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

A. Mard li jista' jqiegħed fil-periklu s-saħħa pubblika:

1. Mard soġġett għall-kwarantina elenkat fir-Regolament Internazzjonali tas-Saħħa Nru 2 ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-25 ta' Mejju 1951;

2. Tuberkolożi tas-sistema respiratorja fi stat attiv jew li turi t-tendenza li tiżviluppa;

3. Sifilide;

4. Mard infettuż jew mard parasitiku ieħor li jittieħed jekk dawn ikunu s-suġġett ta' dispożizzjonijiet għall-protezzjoni ta' ċittadini tal-pajjiż ospiti.

B. Mard u diżabiltajiet li jistgħu iqiegħdu fil-periklu l-politika pubblika jew is-sigurtà pubblika:

1. Il-vizzju tad-droga;

2. Id-disturbi mentali profondi; il-kondizzjonijiet ċari ta' disturbi psikotiċi b'aġitazzjoni, delirju, alluċinazzjonijiet jew konfużjoni.

--------------------------------------------------