4.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 174/27


DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE

tal-15 ta’ Ġunju 2012

rigward ir-reviżjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet tal-finanzjament tal-investimenti (il-Kapitolu 1 tal-Anness II ta’ mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE)

(2012/356/UE)

IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1), kif emendat l-aħħar (minn issa “il-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE”), u partikolarment l-Artikolu 100 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6b tal-Anness II għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE, twettqet evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-użu tal-Faċilità ta’ Investiment tal-AKP u tar-riżorsi proprji tal-Bank Ewropew tal-Investiment fir-reġjun tal-AKP. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ġew ippreżentati fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu kienet li jiġi ggarantit li jkun hemm riżorsi supplimentari għall-għotjiet għall-assistenza teknika.

(2)

Meta wieħed iqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu, il-parti tal-pakkett allokata għas-sussidji tar-rati tal-imgħax li tista’ tintuża għal proġetti relatati ma’ assistenza teknika, kif definita fl-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 2(9) tal-Anness II għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn l-AKP u l-UE, għandha tiżdied minn 10 % għal 15 %,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness II għall-Ftehim bejn l-AKP u l-UE huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Is-sussidji tal-imgħax jistgħu jiġu kapitalizzati jew użati fil-forma ta’ għotjiet. L-ammont tas-sussidju tar-rata tal-imgħax, ikkalkulat f’termini tal-valur tiegħu fil-mument tat-teħid tas-self, jiġi impost fil-konfront tal-allokazzjoni tas-sussidju fuq l-imgħax speċifikat fl-Anness Ib, il-paragrafu 2(c), u jitħallas direttament lill-Bank. Sa 15 % ta’ din l-allokazzjoni għas-sussidji għar-rati tal-imgħax tista’ wkoll tintuża biex issostni assistenza teknika relatata ma’ proġetti fil-pajjiżi tal-AKP.”;

(2)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 9 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“9.   Is-sussidji tal-imgħax jistgħu jiġu kapitalizzati jew użati fil-forma ta’ għotjiet. Sa 15 % tal-baġit għas-sussidji tar-rati tal-imgħax jistgħu jintużaw sabiex isostnu għajnuna teknika relatata ma’ proġetti f’pajjiżi tal-AKP.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul f’Port Vila, il-15 ta’ Ġunju 2012.

Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

Il-President

A. BAPTISTE


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.