22001D0086



Official Journal L 238 , 06/09/2001 P. 0039 - 0040


Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Nru 86/2001

tad-19 ta' Ġunju 2001

li temenda l-Anness XXI (Statistika) għall-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim għaż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għalih bħala "l-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1) L-Anness XXI għall-Ftehim ġie emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 57/2001 tat-18 ta' Mejju 2001 [1].

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill taż-ŻEE Nru 1/95 ta' l-10 ta' Marzu 1995 dwar id-daħla fis-seħħ tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għall-Prinċipalità tal-Liechtenstein [2] tipprovdi illi l-Liechtenstein għandu jittrżmetti data fil-qasam ta' statistika ta' kummerċ ma' pajjiżi barranin, kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet relevanti għall-Ftehim mill-1 ta' Jannar 1999.

(3) Reviżjoni ta' dan l-obbligu kellha ssir mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fl-aħħar tal-perjodu ta' transizzjoni, billi tieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-Liechtenstein.

(4) B'riżultat tar-reviżjoni msemmija qabel, il-Liechtenstein għandu jiġi eżentat mill-ġabra ta' ċerti statistiċi dwar il-kummerċ ma' pajjiżi barranin,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness XXI għall-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:

1. L-ewwel paragrafu wara l-intestatura "Statistika ta' Kummerċ Barrani" għandu jitħassar.

2. Li ġej għandu jiġi miżjud fil-punt 8 (Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1172/95) wara t-test ta' addattament:

"(e) Il-Liechtenstein għandu jiġbor id-data meħtieġa minn dan ir-Regolament sa mill-1 ta' Jannar 2000.

(f) Il-Liechtenstein għandu jkun eżentat mill-ġbir ta' data fuq kummerċ bejn l-Isvizzera u l-Liechtenstein.

(g) Il-Liechtenstein għandu jiġbor biss data dwar importazzjonijiet u esportazzjonijiet diretti.

(h) Il-Liechtenstein għandu jkun eżentat mill-ġbir ta' data fuq kummerċ bil-muniti u lingotti tad-deheb u l-fidda.

(i) Il-kliem "inkluż il-kurrent elettriku" fl-Artikolu 2(b) ma għandhomx japplikaw għall-Liechtenstein.

(j) Il-Liechtenstein għandu jipprovdi biss informazzjoni fuq livell ta' sitt ċifri taħt l-Artikolu 8(2).

(k) Fir-rigward tal-Liechtenstein, in-nazzjonalità tal-mezzi ta' trasport li jaqbżu l-fruntjieri fl-Artikolu 10(1)(i) tapplika biss għal trasport bit-triq.

(l) Il-Liechtenstein huwa eżenti milli jitrażmetti id-data meħtieġa mill-Artikolu 10(1)(j).

(m) Fir-rigward tal-Liechtenstein, riżultati statistiċi koperti mill-Artikolu 13(1) li jagħmlu possibbli illi jiġu identifikati b'mod indirett esportaturi u importaturi ma għandhomx jiġu mifruxa u għandha tiġi mifruxa biss informazzjoni ta' livell ta' żewġ ċifri tas-Sistema Armonizzata."

3. Li ġej għandu jiġi miżjud wara t-test ta' addattament fil-punt 10 (Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 840/96):

"(f) Il-Kodiċi Nru 7 fl-Artikoli 6(4)(a) u 6(4)(b) ma għandhomx japplikaw għal-Liechtenstein;

(g) "Propulsjoni proprja" bħala mezz ta' trasport taħt l-Artikolu 10(3) ma huwiex użat għal-Liechtenstein."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar l-20 ta' Ġunju 2001, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [3].

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta', u fis-Suppliment taż-ŻEE għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Ġunju 2001.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

P. Westerlund

[1] ĠU L 165, tat-21.6.2001, p. 63.

[2] ĠU L 86, ta' l-20.4.1995, p. 58.

[3] Ebda ħtiġiet kostituzzjonali indikati.

--------------------------------------------------