26.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 326/1


TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA (VERŻJONI KONSOLIDATA)

IT-TIENI PARTI

NON-DISKRIMINAZZJONI U ĊITTADINANZA TA' L-UNJONI

Artikolu 20

(ex Artikolu 17 TKE)

1.   Qed tiġi stabbilita ċ-Ċittadinanza ta' l-Unjoni. Kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru hija ċittadina ta' l-Unjoni. Iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni għandha tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex.

2.   Iċ-ċittadini ta' l-Unjoni għandhom igawdu d-drittijiet u jintrabtu bid-dmirijiet previsti fit-Trattati. Huma għandhom, fost l-oħrajn:

a)

id-dritt ta' moviment liberu u d-dritt ta' residenza libera fit-territorju ta' l-Istati Membri;

b)

id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew kif ukoll fl-elezzjonijiet muniċipali fl-Istat Membru fejn huma jirrisjedu, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

c)

id-dritt li jgawdu, fit-territorju ta' pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni ta' l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta' kwalunkwe Stat Membru, taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat;

d)

id-dritt li jressqu petizzjoni lill-Parlament Ewropew, id-dritt li jirrikorru għall-Ombudsman Ewropew, kif ukoll id-dritt li jindirizzaw lill-istituzzjonijiet u l-korpi konsultattivi ta' l-Unjoni fi kwalunkwe lingwa tat-Trattat u d-dritt li jirċievu tweġiba bl-istess lingwa.

Dawn id-drittijiet għandhom ikunu eżerċitati skond il-kondizzjonijiet u fil-limiti definiti fit-Trattati u permezz tal-miżuri adottati għall-applikazzjoni tagħhom.