2014R0208 — MT — 06.10.2015 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 208/2014

tal-5 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina

(ĠU L 066 6.3.2014, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 381/2014 tal-14 ta' April 2014

  L 111

33

15.4.2014

►M2

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/138 tad-29 ta' Jannar 2015

  L 24

1

30.1.2015

►M3

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/357 tal-5 ta' Marzu 2015

  L 62

1

6.3.2015

►M4

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/869 tal-5 ta' Ġunju 2015

  L 142

1

6.6.2015

►M5

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1777 tal-5 ta' Ottubru 2015

  L 259

3

6.10.2015


Ikkoreġut b'

 C1

Rettifika, ĠU L 070, 11.3.2014, p.  36 (208/2014)

►C2

Rettifika, ĠU L 294, 10.10.2014, p.  62 (208/2014)

 C3

Rettifika, ĠU L 350, 6.12.2014, p.  15 (208/2014)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 208/2014

tal-5 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/119/PESK tal-5 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna bl-akbar qawwa kull użu ta’ vjolenza fl-Ukraina. Huwa sejjaħ għat-tmiem immedjat tal-vjolenza, u r-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Ukraina. Huwa sejjaħ lill-Gvern tal-Ukraina biex jeżerċita trażżin massimu u lill-mexxejja tal-oppożizzjoni biex ibiegħdu lilhom infushom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

(2)

Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.

(3)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK.

(4)

Id-Deċiżjoni 2014/119/PESK tipprovdi għall-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-istat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina. Dawk il-persuni, entitajiet u korpi huma elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni.

(5)

Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, bil-ħsieb, b’mod partikolari, li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex dawn ikunu implimentati.

(6)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari d-dritt għal rimedju effettiv, għal smigħ ġust u għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u prinċipji.

▼C2

(7)

Fid-dawl tas-serjetà tas-sitwazzjoni politika fl-Ukraina u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess tal-emendament u r-reviżjoni tal-Anness tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, jeħtieġ li s-setgħa tal-emendament tal-lista fl-Anness I ta' dan ir-Regolament tiġi eżerċitata mill-Kunsill.

▼B

(8)

Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti tar-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi indikati, sabiex jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jitressqu osservazzjonijiet, jew tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta’ dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, l-entità jew il-korp konċernati kif meħtieġ.

(9)

Għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet u dejta oħra rilevanti li jikkonċernaw lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom ikollhom jiġu ffriżati f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandhom isiru pubbliċi. Kull ipproċessar ta’ dejta personali għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) u mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “pretensjoni” tfisser kull talba, sew asserita bi proċeduri legali jew le, magħmula qabel jew wara s-6 ta’ Marzu 2014, taħt jew b’rabta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni, u b’mod partikolari tinkludi:

(i) talba għat-twettiq ta’ kull obbligu li jirriżulta taħt jew b’rabta ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni;

(ii) talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta’ rahan, ta’ garanzija finanzjarja jew ta’ indennizz ta’ kull forma;

(iii) talba għal kumpens marbut ma’ kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) kontrotalba;

(v) talba għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta’ exequatur, ta’ sentenza, ta’ deċiżjoni arbitrali jew ta’ deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(b) “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta’ kwalunkwe forma u irrispettivament mil-liġi applikabbli għaliha, sew jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar, jew obbligi simili, stabbiliti bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” tinkludi rahan, garanzija jew indennità, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennità finanzjarja, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li taqa’ taħt, jew b’konnessjoni ma’, it-tranżazzjoni;

(c) “awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websajts elenkati fl-Anness II;

(d) “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta’ kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(e) “l-iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, beni jew servizzi bi kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(f) “l-iffriżar ta’ fondi” tfisser il-prevenzjoni ta’ kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta’, aċċess għal, jew negozju b’fondi li b’kull mod jirriżulta f’xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt ta’ proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f’bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta’ portafolji;

(g) “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu, iżda mhux limitati għal:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta’ flus, kambjali, ordnijiet ta’ flus u strumenti oħra ta’ ħlas;

(ii) depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta’ dejn;

(iii) titoli u strumenti ta’ dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv) imgħax, dividends jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jakkumula minnhom jew iġġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta’ kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta’ bejgħ; kif ukoll

(vii) dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f’riżorsi finanzjarji;

(h) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

Artikolu 2

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I għandhom jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom jitqiegħdu għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I.

Artikolu 3

1.  L-Anness I għandu jinkludi l-persuni li, f’konformità mal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2014/119/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina, u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom.

▼M2

1a.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1, persuni identifikati bħala responsabbli għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludi persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

(a) għall-miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali misapproprjazzjoni; jew

(b) għall-abbuż tal-uffiċċju bħala detentur ta' pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza u li b'hekk jikkawża telf ta' fondi pubbliċi jew assi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f'tali abbuż.

▼B

2.  L-Anness I għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi konċernati.

3.  L-Anness I għandu jinkludi, fejn tkun disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi konċernati. Fir-rigward ta’ persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet inklużi psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 4

1.  B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kondizzjonijiet li jidhrilhom xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi konċernati huma:

(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi kif elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, għall-kera jew għall-garanziji ipotekarji, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż marbutin mal-forniment ta’ servizzi legali;

(c) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti fuq servizz ta’ rutina għaż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni qabel l-awtorizzazzjoni.

2.  L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 5

1.  B’deroga mill-Artikolu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ikunu l-oġġett ta’ deċiżjoni arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmijin fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru konċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklussivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c) id-deċiżjoni mhijiex għall-benefiċċju ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fost dawk elenkati fl-Anness I; u

(d) ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru konċernat.

2.  L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 6

1.  B’deroga mill-Artikolu 2 u sakemm il-pagament minn xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp minn dawk elenkati fl-Anness I ikun dovut taħt kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew taħt obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp konċernati, qabel id-data meta tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ġew inklużi fl-Anness 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew ta’ riżorsi ekonomiċi, sakemm l-awtorità kompetenti konċernata tkun iddeterminat li:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jintużaw għal pagament minn xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fost dawk elenkati fl-Anness I; u

(b) il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 2(2).

2.  L-Istat Membru konċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1.

Artikolu 7

1.  L-Artikolu 2(2) ma għandux jimpedixxi l-akkreditar ta’ kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta’ kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont tal-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp minn dawk elenkati, dejjem jekk kwalunkwe kreditu f’dawn il-kontijiet jiġi ffriżat ukoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti bi kwalunkwe tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.

2.  L-Artikolu 2(2) ma għandux japplika għall-akkreditar tal-kontijiet iffriżati ta’:

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawn il-kontijiet;

(b) pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 2 ġew inklużi fl-Anness I; jew

(c) pagamenti dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru konċernat,

sakemm kwalunkwe tali imgħax, dħul ieħor u pagamenti oħrajn ikunu ffriżati skont l-Artikolu 2(1).

Artikolu 8

1.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi għandhom:

(a) jagħtu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma’ dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 2 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu kwalunkwe tali informazzjoni, direttament jew permezz l-Istat Membru lill-Kummissjoni; u

(b) jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b’kull mod.

2.  Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Istati Membri.

3.  Kull informazzjoni li tingħata jew li tiġi riċevuta skont dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet pprovduta jew riċevuta.

4.  Il-paragrafu 3 m’għandux jimpedixxi l-Istati Membri milli jikkondividu dik l-informazzjoni, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, mal-awtoritajiet rilevanti tal-Ukraina u ma’ Stati Membri oħrajn, fejn dan ikun meħtieġ, sabiex jassistu fl-irkupru ta’ fondi misapproprjati.

Artikolu 9

Il-parteċipazzjoni b’mod konxju u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artiklu 2 hija pprojbita.

Artikolu 10

1.  L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li dawn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, li jsiru bona fede abbażi li dawn l-azzjonijiet ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament, ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta’ responsabbiltà fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jimplimentawh, la għad-diretturi u lanqas għall-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma minħabba negliġenza.

2.  Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi bl-ebda mod ma għandhom joħolqu xi responsabbiltà, ta’ kwalunkwe tip, għalihom jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 11

1.  L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ rahan, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi indikati li jkunu elenkati fl-Anness I;

(b) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’, jew f’isem, waħda mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a).

2.  Fi kwalunkwe proċediment għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-oneru tal-prova li mhuwiex ipprojbit, mill-paragrafu 1, l-adempiment tal-pretensjoni, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jfittxu l-infurzar ta’ dik il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa bla preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità ta’ non-adempiment ta’ obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin dwar il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u għandhom jikkondividu kull informazzjoni oħra rilevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom b’rabta ma’ dan ir-Regolament, partikolarment informazzjoni:

(a) fir-rigward ta’ fondi ffriżati taħt l-Artikolu 2 u awtorizzazzjonijiet mogħtija taħt l-Artikoli 4, 5 u 6;

(b) fir-rigward ta’ ksur u ta’ diffikultajiet ta’ infurzar u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tkun tista’ tinċidi fuq l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 14

1.  Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissoġġetta persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 2, huwa għandu jemenda l-Anness I kif meħtieġ.

2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, b’mod dirett, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, biex b’hekk tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jeżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont il-każ.

4.  Il-lista fl-Anness I għandha tiġi eżaminata mill-ġdid f’intervalli regolari u għall-inqas kull 12-il xahar.

Artikolu 15

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmijin fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara s-6 ta’ Marzu 2014 u għandhom jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti li ssirilhom.

Artikolu 16

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq il-websajts elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull tibdil fl-indirizzi tal-websajts tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b’kull emenda sussegwenti.

3.  Fejn dan ir-Regolament jistipula xi rekwiżit li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li għandha li ssir xi komunikazzjoni magħha xorta oħra, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li jintużaw għal din il-komunikazzjoni għandhom ikunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 17

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c) għal kwalunkwe persuna fit-territorju tal-Unjoni jew lil hinn minnu li tkun ċittadina ta’ Stat Membru;

(d) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 18

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M3




ANNESS I

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 2



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

Viktor Fedorovych Yanukovych

(Вiктор Федорович Янукович),

Viktor Fedorovich Yanukovich

(Виктор Фёдорович Янукович)

imwieled fid-9 ta' Lulju 1950f'Yenakiieve (Donetsk oblast), eks President tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

2.

Vitalii Yuriyovych Zakharchenko

(Вiталiй Юрiйович Захарченко),

Vitaliy Yurievich Zakharchenko

(Виталий Юрьевич Захарченко)

imwieled fl-20 ta' Jannar 1963, f'Kostiantynivka (Donetsk oblast) eks Ministru għall-Affarijiet Interni

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

3.

Viktor Pavlovych Pshonka

(Вiктор Павлович Пшонка)

imwieled fis-6 ta' Frar 1954 f'Serhiyivka (Donetsk oblast), eks Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

▼M4

4.

Olena Leonidivna Lukash (Олена Леонiдiвна Лукаш), Elena Leonidovna Lukash (Елена Леонидовна Лукаш)

imwielda fit-12 ta' Novembru 1976 f'Rîbnița (Moldova), eks Ministru tal-Ġustizzja

Persuna soġġetta għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni għallinvolviment fil-miżapproprjazzjoni ta' fondi pubbliċi

6.3.2014

▼M3

5.

Andrii Petrovych Kliuiev

(Андрiй Петрович Клюєв),

Andriy Petrovych Klyuyev

imwieled fit-12 ta' Awwissu 1964 f'Donetsk, eks-Kap tal-Amministrazzjoni tal-President tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u b'rabta mal-abbuż tal-uffiċċju minn uffiċjal b'kariga pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti, u b'hekk ikkawża telf għall-baġit jew l-assi pubbliċi Ukreni.

6.3.2014

6.

Viktor Ivanovych Ratushniak

(Вiктор Iванович Ратушняк)

imwieled fis-16 ta' Ottubru 1959, eks Viċi Ministru għall-Affarijiet Interni

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan

6.3.2014

7.

Oleksandr Viktorovych Yanukovych

(Олександр Вiкторович Янукович)

imwieled fl-10 ta' Lulju 1973f'Yenakiieve (Donetsk oblast), iben l-eks President, negozjant

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

▼M4 —————

▼M3

9.

Artem Viktorovych Pshonka

(Артем Вiкторович Пшонка)

imwieled fid-19 ta' Marzu 1976f'Kramatorsk (Donetsk oblast), iben l-eks Prosekutur Ġenerali, Viċi Kap tal-fazzjoni tal-Partit tar-Reġjuni fil-Verkhovna Rada tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għal kompliċità b'rabta ma' dan.

6.3.2014

▼M5

10.

Serhii Petrovych Kliuiev

(Сергiй Петрович Клюєв),

Serhiy Petrovych Klyuyev

Imwieled fid-19 ta' Awwissu 1969, ħu s-Sur Andrii Kliuiev, negozjant.

Persuna soġġetta għal proċedimenti kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għal involviment fil-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi. Persuna assoċjata ma' persuna indikata (Andrii Petrovych Kliuiev) soġġetta għal proċedimenti kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għal miżapproprijazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

▼M3

11.

Mykola Yanovych Azarov

(Микола Янович Азаров),

Nikolai Yanovich Azarov

(Николай Янович Азаров)

imwieled fis-17 ta' Diċembru 1947 f' Kaluga (ir-Russja), Prim Ministru tal-Ukrajna sa Jannar 2014

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

12.

Serhiy Vitaliyovych Kurchenko

(Сергiй Вiталiйович Курченко)

imwieled fil-21 ta' Settembru 1985 f' Kharkiv, negozjant

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

6.3.2014

▼M4

13.

Dmytro Volodymyrovych Tabachnyk (Дмитро Володимирович Табачник)

Imwieled fit-28 ta' Novembru 1963 fi Kiev, eks Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xjenza

Persuna soġġetta għal investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukreni għallinvolviment fil-miżapproprijazzjoni ta' fondi pubbliċi.

6.3.2014

▼M3

14.

Raisa Vasylivna Bohatyriova

(Раїса Василiвна Богатирьова),

Raisa Vasilievna Bogatyreva

(Раиса Васильевна Богатырёва)

imwielda fis-6 ta' Jannar 1953 f'Bakal (Chelyabinsk oblast, ir-Russja), eks Ministru għas-Saħħa

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi

6.3.2014

15.

Serhiy Hennadiyovych Arbuzov

(Сергiй Геннадiйович Арбузов),

Sergei Gennadievich Arbuzov

(Сергей Геннадиевич Арбузов)

imwieled fl-24 ta' Marzu 1976f'Donetsk, eks Prim Ministru tal-Ukrajna

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

15.4.2014

16.

Yuriy Volodymyrovych Ivanyushchenko

(Юрiй Володимирович Iванющенко)

imwieled fil-21 ta' Frar 1959f'Yenakiieve (Donetsk oblast), Membru Parlamentari tal-Partit tar-Reġjuni

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi

15.4.2014

17.

Oleksandr Viktorovych Klymenko

(Олександр Вiкторович Клименко)

imwieled fis-16 ta' Novembru 1980 f'Makiivka (Donetsk oblast), eks Ministru għad-Dħul u l-Ħlasijiet

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi u għall-abbuż tal-uffiċċju bħala persuna b'kariga pubblika sabiex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih innifsu jew għal terza parti u li b'hekk ikkawża telf ta' fondi jew assi pubbliċi Ukreni.

15.4.2014

18.

Edward Stavytskyi,

Eduard Anatoliyovych Stavytsky

(Едуард Анатолiйович Ставицький)

imwieled fl-4 ta' Ottubru 1972 f' Lebedyn (Sumy oblast), eks Ministru għall-Karburanti u l-Enerġija tal-Ukrajna

Irrappurtat li hu residenti f'Iżrael. Madankollu, għadu fil-pussess taċ-ċittadinanza Ukrajna tiegħu

Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta' fondi jew assi pubbliċi.

15.4.2014

▼B




ANNESS II

Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu.



( 1 ) Ara paġna 26 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

( 3 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).