2013D0798 — MT — 09.05.2015 — 005.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/798/PESK

tat-23 ta’ Diċembru 2013

dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana

(ĠU L 352 24.12.2013, p. 51)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/125/PESK tal-10 ta’ Marzu 2014

  L 70

22

11.3.2014

 M2

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/382/PESK tat-23 ta' Ġunju 2014

  L 183

57

24.6.2014

►M3

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2014/863/PESK tal-1 ta' Diċembru 2014

  L 346

52

2.12.2014

►M4

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/336 tat-2 ta' Marzu 2015

  L 58

79

3.3.2015

►M5

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/739 tas-7 ta' Mejju 2015

  L 117

49

8.5.2015




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/798/PESK

tat-23 ta’ Diċembru 2013

dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill esprima t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA).

(2)

Fil-5 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2127 (2013), li timponi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (RĊA).

(3)

Aktar azzjoni mill-Unjoni hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  Il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq lir-Repubblika Ċentru-Afrikana (“RĊA”) minn ċittadini ta’ Stati Membri jew li ġejjin minn territorji ta’ Stati Membri jew l-użu ta' bastimenti li jtajru l-bandiera jew l-ajruplani tagħhom għandhom ikunu pprojbiti kemm jekk joriġinaw kif ukoll jekk ma joriġinawx mit-territorji tagħhom.

2.  Għandu jkun pprojbit:

(a) l-għoti ta' assistenza teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħra, inkluż il-forniment ta' persunal merċenarju armat, relatati ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmija hawn fuq, direttament jew indirettament, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha;

(b) l-għoti ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inkluż b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta' assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija u servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-RĊA jew biex jintużaw fiha;

(c) il-parteċipazzjoni, konsapevoli u intenzjonali, f'attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) jew (b).

▼M5

Artikolu 1a

L-Istati Membri, ladarba jiskopru, għandhom jaqbdu, jirreġistraw u jeħilsu minn (pereżempju billi jeqirdu, jagħmlu inoperabbli, jaħżnu jew jittrasferixxu lil Stat ieħor għajr dak minn fejn joriġinaw jew Stati ta' destinazzjoni għar-rimi) oġġetti li l-provvista, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom hija projbita skont l-Artikolu 1.

▼B

Artikolu 2

1.  L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

▼M5

(a) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, u l-għoti ta' assistenza teknika relatata jew finanzjament u assistenza finanzjarja, intenzjonati biss għall-appoġġ ta', jew l-użu mill-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonjiet Uniti fir-RĊA (MINUSCA), it-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (AU-RTF), u l-missjonijiet tal-Unjoni u l-forzi Franċiżi stazzjonati fir-RĊA;

▼B

(b) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ lbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-RĊA minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-mezzi tax-xandir u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(c) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi żgħar u materjal relatat intenzjonati biss biex jintużaw f'pattulji internazzjonali li jipprovdu sigurtà fiż-Żona Protetta nazzjonali bi tliet partijiet tax-Xmara Sangha għad-difiża kontra serq, kuntrabandu tal-ivorju u l-armi, u attivitajiet oħra li jmorru kontra l-liġijiet nazzjonali tar-RĊA jew l-obbligi legali internazzjonali tar-RĊA.

2.  L-Artikolu 1 ma għandux japplika għal:

(a) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir militari mhux letali intenzjonat biss għal użu umanitarju jew protettiv, u assistenza teknika relatata;

(b) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u tagħmir letali relatat ieħor lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, intenzjonati biss għall-appoġġ jew l-użu fil-proċess tar-RĊA għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS);

(c) il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ieħor, u assistenza teknika jew finanzjarja relatata, inkluż persunal;

kif approvat minn qabel mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-KSNU 2127 (2013).

▼M1

Artikolu 2a

▼M5

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu d-dħul fi, jew it-transitu minn, it-territorji tagħħhom tal-persuni deżinjati mill-Kumitat stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-UNSCR 2127 (2013) (“il-Kumitat”) bħala persuni li jingaġġaw fi jew li jagħtu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza, inklużi persuni:

(a) li bl-aġir tagħhom jiksru l-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013) u l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, jew li direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA, jew li rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir tekniku, taħriġ jew assistenza, inkluż finanzjament u assistenza finanzjarja, relatati ma' attivitajiet vjolenti ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA;

(b) involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li tikkostitwixxi abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, fil-mira taċ-ċivili, attakki abbażi ta' etnika jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spustament furzat;

(c) li jirreklutaw jew jużaw tfal f'kunflitt armat fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(d) li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA;

(e) li jostakolaw it-twassil ta' assistenza umanitarja fir-RĊA, jew l-aċċess ta', jew id-distribuzzjoni ta' assistenza umanitarja fir-RĊA;

(f) li huma involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew tal-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-MINUSCA, il-missjonijiet tal-Unjoni u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom;

(g) li huma mexxejja ta' entità deżinjata mill-Kumitat, jew ipprovdew appoġġ għal, jew aġixxew għal jew f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta' persuna jew entità indikata mill-Kumitat, jew entità proprjetà ta' jew ikkontrollata minn persuna jew entità indikata mill-Kumitat;

kif elenkati fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

▼M1

2.  Il-paragrafu 1 ma jobbligax Stat Membru li jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn id-dħul jew it-tranżitu huwa meħtieġ biex isir proċess ġudizzjarju.

4.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat jiddetermina skont il-każ li:

(a) l-ivvjaġġar ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' ħtieġa umanitarja, inkluż obbligu reliġjuż;

(b) eżenzjoni tkun tiffaċilita l-objettivi ta' paċi u rikonċiljazzjoni nazzjonali fir-RĊA u l-istabbiltà reġjonali.

5.  F'każijiet fejn, skont il-paragrafu 3 jew 4, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuna elenkata fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih ingħatat u għall-persuna kkonċernata minnha.

Artikolu 2b

▼M5

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha bis-sjieda ta' jew kontrollati direttament jew indirettament minn persuni jew entitajiet deżinjati mill-Kumitat bħala li jingaġġaw fi jew li jagħtu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet transitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta' transizzjoni politika, inkluża t-transizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jinstigaw il-vjolenza, inklużi persuni u entitajiet li:

(a) li bl-aġir tagħhom jiksru l-embargo fuq l-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013) u l-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni, jew li direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA, jew li rċevew armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir tekniku, taħriġ jew assistenza, inkluż finanzjament u assistenza finanzjarja, relatati ma' attivitajiet vjolenti ta' gruppi armati jew netwerks kriminali fir-RĊA;

(b) involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet umani jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li tikkostitwixxi abbużi jew ksur tad-drittijiet umani, fir-RĊA, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, fil-mira taċ-ċivili, attakki abbażi ta' etnika jew reliġjon, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u ħtif u spustament furzat;

(c) li jirreklutaw jew jużaw tfal f'kunflitt armat fir-RĊA, bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(d) li jipprovdu appoġġ għal gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament jew il-kummerċ illeċitu tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti, id-deheb, l-annimali selvaġġi u l-prodotti mill-annimali selvaġġi fi jew mir-RĊA;

(e) li jostakolaw it-twassil ta' assistenza umanitarja fir-RĊA, jew l-aċċess ta', jew id-distribuzzjoni ta' assistenza umanitarja fir-RĊA;

(f) li huma involuti fl-ippjanar, id-direzzjoni, l-isponsorjar, jew it-twettiq ta' attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew tal-preżenzi tas-sigurtà internazzjonali, inkluż il-MINUSCA, il-missjonijiet tal-Unjoni u l-operazzjonijiet Franċiżi li jappoġġawhom;

(g) li huma mexxejja ta' entità deżinjata mill-Kumitat, jew ipprovdew appoġġ għal, jew aġixxew għal jew f'isem, jew taħt id-direzzjoni ta' persuna jew entità indikata mill-Kumitat, jew entità proprjetà ta' jew ikkontrollata minn persuna jew entità indikata mill-Kumitat;

għandhom ikunu ffriżati.

Il-persuni u l-entitajiet imsemmijin f'dan il-paragrafu huma elenkati fl-Anness.

▼M1

2.  L-ebda fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma għandhom ikunu disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju ta' kwalunkwe persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.

3.  Stat Membru jista' jippermetti eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a) neċessarji għal spejjeż bażiċi, inkluż ħlasijiet għal prodotti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, primjums ta' assigurazzjoni, u ħlasijiet tal-użu ta' servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklużivament għall-pagament ta' onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba li huma assoċjati mal-provvista ta' servizzi legali;

(c) maħsubin esklużivament għall-pagament ta' miżati jew l-ispejjeż tas-servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta' fondi ffriżati, assi finanzjarji oħra u riżorsi ekonomiċi;

wara li ssir notifika lill-Kumitat mill-Istat Membru kkonċernat dwar il-ħsieb tal-awtorizzazzjoni, fejn ikun il-każ, tal-aċċess għal tali fondi u riżorsi ekonomiċi, u fin-nuqqas ta' deċiżjoni negattiva mill-Kumitat fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol minn tali notifika.

4.  Stat Membru jista' jippermeti wkoll għal eżenzjonijiet mill-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta' fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a) neċessarji għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat u approvazzjoni minn dan tal-aħħar;

(b) is-suġġett ta' privileġġ jew ta' sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, li f'dak il-każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw sabiex jissodisfaw dak il-privileġġ jew dik is-sentenza bil-kondizzjoni li l-privileġġ jew is-sentenza saru qabel it-28 ta' Jannar 2014, u ma jkunux għall-benefiċċju ta' persuna jew entità msemmija f'dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat.

5.  Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni persuna jew entità indikata milli tagħmel pagament dovut skont kuntratt magħmul qabel ma tali persuna jew entità ġiet elenkata, dment li l-Istat Membru rilevanti jkun iddetermina li l-pagament mhuwiex irċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 u wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat dwar l-intenzjoni li jsiru jew li jiġu rċevuti tali pagamenti jew li jiġi awtorizzat, fejn adatt, ir-rilaxx ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal dan il-għan, għaxart ijiem ta' xogħol qabel tali awtorizzazzjoni.

6.  Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a) imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b) pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għal miżuri restrittivi taħt din id-Deċiżjoni;

dment li tali imgħax, dħul u pagamenti oħrajn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.

Artikolu 2c

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista fl-Anness u għandu jemendaha f'konformità mad-deċiżjonijiet meħudin mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.

Artikolu 2d

1.  Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat jagħżel persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar ta' dik il-persuna jew entità, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz huwa magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' notifika, li tipprovdi lil dik il-persuna jew l-entità b'opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

2.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa' jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew entità kif adatt.

Artikolu 2e

1.  L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.

2.  L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inkluż il-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data tan-nomina mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat.

▼B

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M3




ANNESS

LISTA TA' PERSUNI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2a U TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 2b

A.   Persuni

1.   François Yangouvonda BOZIZÉ (magħruf ukoll bħala: a) Bozize Yangouvonda )

Data tat-twelid: 14 ta' Ottubru 1946.

Post tat-twelid: Mouila, il-Gabon.

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Indirizz: L-Uganda.

Informazzjoni oħra: Ommu jisimha Martine Kofio.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Bozize ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”.

Informazzjoni addizzjonali

Bil-kollaborazzjoni tas-sostenituri tiegħu, Bozize ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Minn dakinhar, kompla jipprova jmexxi operazzjonijiet ta' destabilizzazzjoni sabiex jinżammu t-tensjonijiet fil-kapitali tar-RĊA. Ġie rappurtat li Bozize ħoloq il-grupp tal-milizzja anti-Balaka qabel ma ħarab mir-RĊA fl-24 ta' Marzu 2013. F'komunikat, Bozize ħeġġeġ lill-milizzja tiegħu biex tkompli bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti. Ġie rappurtat li Bozize pprovda appoġġ finanzjarju u materjali lill-ġellieda tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-tranżizzjoni attwali u biex Bozize jerġa jkun fil-poter. Il-parti l-kbira tal-anti-Balaka huma mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li tferrxu fil-kampanja wara l-kolp ta' stat u sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid minn Bozize.

Bozize u s-sostenituri tiegħu jikkontrollaw aktar minn nofs l-unitajiet anti-Balaka. Il-forzi leali lejn Bozize kienu armati b'azzarini tal-assalt, artiljerija tal-murtali u rocket-launchers u qed jieħdu sehem dejjem aktar f'attakki ta' tpattija kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Is-sitwazzjoni fir-RĊA marret malajr għall-agħar wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 f'Bangui mill-forzi anti-Balaka meta nqatlu aktar minn 700 persuna.

2.   Nourredine ADAM (magħruf ukoll bħala: a) Nureldine Adam; b) Nourreldine Adam; c) Nourreddine Adam; d) Mahamat Nouradine Adam)

Deżinjazzjoni: a) Ġeneral; b) Ministru għas-Sigurtà; c) Direttur Ġenerali għall-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi”.

Data tat-twelid: a) 1970 b) 1969 c) 1971 d) 1 ta' Jannar 1970.

Post tat-twelid: Ndele, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Nru tal-passaport: D00001184

Indirizz: Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Nourredine ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA”.

Informazzjoni addizzjonali

Noureddine hu wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Seleka. Ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Seleka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi u li l-akronimu tiegħu hu magħruf ukoll bħala CPJP. Bħala kap preċedenti tal-grupp “Fundamental” li nqata' mill-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi (CPJP/F), kien il-koordinatur militari tal-ex Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn il-bidu ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-għajnuna u r-relazzjoni mill-qrib ta' Noureddine mal-Forzi Speċjali taċ-Ċad, x'aktarx li s-Seleka ma kienx jirnexxielhom jaħtfu l-poter mill-ex President tar-RĊA Francois Bozize.

Sa mill-ħatra, bħala president interim, ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-ex-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-ex-Seleka, il-forzi preċedenti tas-Seleka li ntqal li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ u direzzjoni sinifikanti lill-ex-Seleka li jaħdmu fir-RĊA.

Nourredine kien elenkat ukoll fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(b) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ”.

Informazzjoni addizzjonali

Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-'Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi' (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiquesCEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li ma għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali wara l-operazzjoni mdemmija f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Seleka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' Francois Bozize u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Seleka qatlu għexieren ta' ċittadini ċivili u nfexxew jisirqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu.

Nourredine kien ukoll elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(d) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ipprovda appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali”.

Informazzjoni addizzjonali

Lejn il-bidu tal-2013, Nourredine Adam qeda rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-ex-Séléka. Ivvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għar-ribelljoni preċedenti. Ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Ċadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad.

▼M4 —————

▼M3

B.   Entitajiet