2010D0127 — MT — 16.10.2012 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/127/PESK

tal-1 ta' Marzu 2010

dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea

(ĠU L 051, 2.3.2010, p.19)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/414/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010

  L 195

74

27.7.2010

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/632/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012

  L 282

46

16.10.2012




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/127/PESK

tal-1 ta' Marzu 2010

dwar miżuri restrittivi kontra l-Eritrea



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-16 ta’ Frar 2009, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK dwar miżuri ristrettivi kontra s-Somalja ( 1 ) li timplimenta r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1844 (2008)) li introduċiet miżuri restrittivi kontra dawk li jfittxu li jimpedixxu jew jibblukkaw proċess politiku paċifiku, jew dawk li jheddu l-Istituzzjonijiet Federali Transizzjonali (TFIs) tas-Somalja jew tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-forza, jew jieħdu azzjoni li timmina l-istabbiltà fis-Somalja jew fir-reġjun.

(2)

Fl-14 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta UNSCR 1862 (2009) rigward it-tilwim dwar il-fruntieri bejn Ġibuti u l-Eritrea u l-impatt possibbli tiegħu fuq l-istabbiltà u s-sigurtà subreġjonali.

(3)

Fit-23 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta UNSCR 1907 (2009) li timponi embargo fuq l-armi kontra l-Eritrea u tappella lill-Istati kollha biex jispezzjonaw, f’konformità mal-awtoritajiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, u b’konsistenza mal-liġi internazzjonali, il-merkanzija kollha lejn u mill-Eritrea, fit-territorju tagħhom, inklużi portijiet u ajruporti, jekk l-Istat ikkonċernat għandu informazzjoni li tipprovdi raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont dik ir-riżoluzzjoni jew skont l-embargo ġenerali u komplut fuq l-armi għas-Somalja stabbilit skont il-paragrafu 5 tal-UNSCR 733 (1992) u elaborat u emendat b’riżoluzzjonijiet sussegwenti.

(4)

L-UNSCR 1907 (2009) tintroduċi wkoll miżuri restrittivi kontra individwi u entitajiet, inkluż iżda mhux limitat għat-tmexxija politika u militari tal-Eritrea, indikati mill-Kumitat stabbilit skont UNSCR 751 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u estiża permezz ta’ UNSCR 1844 (2008).

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu l-bejgħ jew il-forniment ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha, inklużi armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet tar-rikambju ta’ dawk imsemmijin hawn fuq lill-Eritrea minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew l-użu ta’ bastimenti tal-bandiera jew ajruplani tal-Istati Membri kemm jekk joriġinaw mit-territorji tagħhom kif ukoll le.

2.  Il-forniment lill-Eritrea ta’ assistenza teknika, taħriġ, assistenza finanzjara u assistenza oħra relatata ma’ attivitajiet militari jew il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni jew l-użu tal-oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1, minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri, għandhom ikunu pprojbiti.

3.  L-akkwist mill-Istati Membri permezz ta’ ċittadini, jew permezz tal-użu tal-bastimenti tal-bandiera jew l-ajruplani tagħhom, ta’ oġġetti msemmijin fil-paragrafu 1 mill-Eritrea, kif ukoll il-provvista lil ċittadini tal-Istati Membri mill-Eritrea ta’ assistenza teknika, taħriġ, assistenza finanzjarja jew assistenza oħra relatata ma’ attivitajiet militari jew il-provvista, il-manifattura, il-manutenzjoni jew l-użu tal-oġetti msemmijin fil-paragrafu 1, għandhom ukoll ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw mit-territorju tal-Eritrea kif ukoll jekk le.

▼M2

4.  Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal:

(a) ilbies protettiv inklużi ġkieket antiprojettili u elmi militari, esportati temporanjament lejn l-Eritrea minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, rappreżentanti tal-media u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(b) provvisti ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, kif approvati minn qabel mill-Kumitat stabbilit skont il-UNSCR 751 (1992) u li l-mandat tiegħu ġie estiż mill-UNSCR 1844 (2008) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”).

▼B

Artikolu 2

1.  F’konformità mal-awtoritajiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, u konsistenti mal-liġi internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw il-merkanzija kollha lejn u mill-Eritrea fit-territorju tagħhom, inklużi l-ajruporti u l-portijiet tagħhom, jekk huma għandhom informazzjoni li tipprovdi raġunijiet ġustifikati biex wieħed jemmen li l-merkanzija tinkludi oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni.

2.  Ajruplani u bastimenti li jittrasportaw merkanzija lejn u mill-Eritrea għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżit ta’ informazzjoni addizzjonali qabel il-wasla jew qabel it-tluq għall-merkanzija kollha li tiddaħħal fi Stat Membru jew tinħareġ minnu.

3.  L-Istati Membri għandhom jaqbdu u jiddisponu minn oġġetti (billi jinqerdu jew isiru inoperabbli) li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti skont din id-Deċiżjoni, hekk kif jiskopru dan.

Artikolu 3

Għandhom jiġu imposti miżuri restrittivi, kif previst fl-Artikoli 4, 5(1), 6(1) u (2) kontra persuni u entitajiet, inkluż iżda mhux limitat għat-tmexxija politika u militari tal-Eritrea, kif ukoll entitajiet governattivi u parastatali, jew kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f’isimhom jew skont id-direzzjoni tagħhom, indikati mill-Kumitat stabbiliti skont UNSCR 751 (1992) u elaborati permezz ta’ UNSCR 1844 (2008) (“il-Kumitat tas-Sanzjonijiet”) li:

 aġixxew bi ksur tal-embargo fuq l-armi u miżuri relatati kif imsemmijin fl-Artikolu 1;

 jipprovdu appoġġ mill-Eritrea lil gruppi armati tal-oppożizzjoni bl-għan li jiddistabbilizzaw ir-reġjun;

 jfixklu l-implimentazzjoni tal-UNSCR 1862 (2009) rigward Ġibuti;

 jaħbu, jiffinanzjaw, jiffaċilitaw, jappoġġaw, jorganizzaw, iħarrġu jew jinċitaw individwi jew gruppi sabiex iwettqu atti ta’ vjolenza jew atti terroristiċi kontra Stati oħrajn jew iċ-ċittadini tagħhom fir-reġjun;

 jfixxklu l-investigazzjonijiet jew il-ħidma tal-Grupp ta’ Monitoraġġ ristabbilit permezz ta’ UNSCR 1853 (2008).

Il-persuni u l-entitajiet rilevanti huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jimpedixxu l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment, dirett jew indirett, ta’ armi u materjal relatat tat-tipi kollha, inklużi armamenti u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet tar-rikambju ta’ dawk imsemmijin hawn fuq u l-forniment ta’ għajnuna teknika jew taħriġ, għajnuna finanzjarja u għajnuna oħra, inkluż investiment, senserija jew servizzi finanzjarji oħrajn relatati ma’ attivitajiet militari jew mal-provvista, il-manifattura, il-manteniment jew l-użu ta’ armamenti u tagħmir militari minn ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li qed jużaw ta’ bastimenti tal-bandiera jew ajruplani tal-Istati Membri lill-persuni u l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3.

Artikolu 5

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, lill-persuni msemmijin fl-Artikolu 3.

2.  Il-paragrafu 1 m’għandux jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta liċ-ċittadini tiegħu stess id-dħul fit-territorju tiegħu.

3.  Il-paragrafu 1 m’għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina fuq bażi ta’ każ b’każ li tali vjaġġar huwa ġustifikat għal raġunijiet ta’ ħtieġa umanitarja, inklużi obbligi reliġjużi, jew fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jikkonkludi li eżenzjoni tippromwovi b’xi mod l-objettivi ta’ paċi u stabbiltà fir-reġjun.

4.  F’każijiet fejn, skont il-paragrafu 3, Stat Membru jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu, jew it-tranżitu minnu, ta’ persuni indikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-iskop li għalih tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

Artikolu 6

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma l-proprjetà ta’ jew huma kkontrollati direttament jew indirettament mill-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3 għandhom jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fondi jew riżorsi ekonomiċi m’għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni jew l-entitajiet imsemmijin fil-paragrafu 1.

3.  L-Isati Membri jistgħu jippermettu eżenzjonijiet mill-miżuri msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 fir-rigward ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi li huma:

(a) meħtieġa għal spejjeż bażiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteka, mediċini u kura medika, taxxi, poloz ta’ assigurazzjoni, u l-ħlasijiet għall-użu ta’ servizzi pubbliċi;

(b) maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ drittijiet professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż li huma kollegati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(ċ) maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ onorarji jew ħlasijiet ta’ servizz, f’konformità mal-liġi nazzjonali, għaż-żamma ta’ rutina jew il-manteniment ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet u b’approvazzjoni minnu;

(e) is-suġġett ta’ rahan jew sentenza ġuridiċi, amministrattivi jew arbitrali, f’liema każ il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jistgħu jintużaw biex jissodisfaw dak ir-rahan jew dik is-sentenza, sakemm ir-rahan jew is-sentenza kienu ddaħħlu qabel id-data tal-UNSCR 1907 (2009) u mhumiex għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, wara notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

4.  Il-paragrafu 2 m’għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta’:

(a) imgħax jew qligħ ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b) pagamenti f’kontijiet ffriżati, dovuti minn kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew oriġinaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet ġew soġġetti għall-miżuri restrittivi,

sakemm kwalunkwe imgħax, qligħ ieħor u ħlasijiet bħal dawn jibqgħu soġġetti għall-paragrafu 1.

5.  L-eżenzjonijiet imsemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 jistgħu jsiru wara notifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-Istat Membru kkonċernat dwar l-intenzjoni li jawtorizza, fejn adatt, aċċess għal tali fondi u assi ekonomiċi oħra, u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien tlett ijiem ta’ ħidma minn tali notifika.

▼M1

Artikolu 7

Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-lista li hemm fl-Anness u jemendaha f'konformità mad-determinazzjonijiet magħmula jew mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

▼M1

Artikolu 7a

1.  Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenkaw persuna jew entità, il-Kunsill għandu jinkludi dik il-persuna jew entità fl-Anness. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, u b'hekk tali persuna jew entità jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

2.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jerġa’ jeżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata b’dan.

Artikolu 7b

1.  L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet elenkati kif ipprovduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

2.  L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet li hija meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward ta' persuni, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet inkluż psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, in-numru tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz, jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju. L-Anness għandu jinkludi wkoll id-data ta' inklużjoni fil-lista mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

▼B

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta, emendata jew revokata kif adatt, f’konformità mad-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 9

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.




ANNESS

Lista ta’ persuni u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3



( 1 ) ĠU L 46, 17.2.2009, p. 73.