2004L0025 — MT — 20.04.2009 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA 2004/25/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ April 2004

fuq offerti ta’ xiri

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 142, 30.4.2004, p.12)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT (KE) Nru 219/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-11 ta' Marzu 2009

  L 87

109

31.3.2009




▼B

ID-DIRETTIVA 2004/25/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ April 2004

fuq offerti ta’ xiri

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mressqa mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekomomiku u Soċjali Ewropew ( 2 ),

B’ħidma skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat ( 3 ),

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 44(2)(g) tat-Trattat, hija neċessarja l-kordinazzjoni ta’ ċerti salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri u oħrajn, l-Istati Membri jirrikjedu mill-kumpanniji mħarsa bil-liġi ta’ xi Stat Membru, li s-sigurtajiet tiegħu ikunu aċċettati f’suq regolat ta’ Stat Membru, bil-ħsieb li jagħmlu dawn is-salvagwardji l-istess madwar il-Komunità.

(2)

Hija neċessarja l-protezzjoni ta’ l-interessi tad-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpanniji li huma mħarsa mil-liġi ta’ Stat Membru meta dawn il-kumpanniji jkunu suġġetti għall-offerti ta’ xiri jew għat-tibdil fil-kontroll u ta’ mill-inqas ftit mis-sigurtajiet tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ fis-suq regolat ta’ xi Stat Membru.

(3)

Hija neċessarja li madwar il-Komunità tinħoloq stampa ċara u trasparenti rigward materji legali li jkollhom jiġu solvuti f’każi ta’ offerti ta’ xiri u biex tiġi evitata d-distorsjoni fil-metodi ta’ ristrutturar korporattiv fil-Komunità permezz ta’ differenzi arbitrarji fil-kulturi tat-tmexxija u tal-ġestjoni.

(4)

Fuq konsiderazzjoni għall-iskopijiet ta’ interessi pubbliċi mogħtija mill-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri, jidher mhux aċċettabli li dawn għandhom ikunu fil-mira ta’ offerti ta’ xiri. Billi, għal raġunijiet storiċi, is-sigurtajiet ta’ uħud minn dawn il-banek ċentrali huma elenkati fi swieq regolati fl-Istati Membri, hija neċessarja l-esklużjoni totali tagħhom mill-prospettiva ta’ din id-Direttiva

(5)

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità jew awtoritajiet biex jagħmlu superviżjoni ta’ dawk l-aspetti ta’ l-offerti li huma irregolati b’din id-Direttiva and biex jassiguraw li l-partijiet għall-offerti ta’ xiri jikkonformaw mar-regoli magħmula skond din id-Direttiva. Dawk l-awtoritajiet kollha għandhom jikkoperaw flimkien.

(6)

Sabiex ikun effettiv, regolament ta’ xiri għandu jkun flessibli u kapaċi jimxi ma’ ċirkostanzi ġodda li jinħolqu u fejn meħtieġ għandu jkollu l-possibilità ta’ eċċezzjonijiet u derogi. Madankollu, fl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe regola jew eċċezzjoni stabbilita jew fl-għotja ta’ xi deroga, l-awtoritajiet superviżorji għandhom isegwu ċerti prinċipji ġenerali.

(7)

Korpi li jirregolaw lilhom infushom għandom ikunu kapaċi jeżerċitaw is-superviżjoni.

(8)

Skond il-prinċipji ġenerali tal-Liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari id-dritt għal seduta imparzjali, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità superviżorja għandhom f’ċirkostanzi xierqa ikunu suġġetti għal reviżjoni minn qorti jew tribunal indipendenti. Madankollu, għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk id-drittijiet għandhomx ikunu disponibbli għall-użu f’seduti amministrattivi jew ġudizzjarji, jew fi proċeduri kontra xi awtorità superviżorja jew fi proċeduri bejn partijiet għall-offerta.

(9)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lid-detenturi tas-sigurtajiet, b’mod partikolari dawk b’assi f’minoranza, meta jinkiseb il-kontroll tal-kumpanniji tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw din il-protezzjoni billi jobbligaw lill-persuna li tkun kisbet il-kontroll ta’ xi kumpannija biex tagħmel offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli skond id-definizzjoni komuni. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi biex jistabbilixxu strumenti oħra għall-protezzjoni ta’ l-interessi tad-detenturi tas-sigurtajiet, bħal ma huma l-obbligu li ssir offerta parzjali fejn dak li jagħmel l-offerta ma jakkwistax il-kontroll tal-kumpannija u l-obbligu li tiġi żvelata l-offerta fl-istess żmien meta jittieħed il-kontroll tal-kumpannija.

(10)

L-obbligu li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet m’għandiex tapplika għal dawk li jikkontrollaw l-assi diġà eżistenti fid-data ta’ meta tidħol fis-seħħ il-leġislazzjoni nazzjonali li tadotta din id-Direttiva.

(11)

L-obbligu li tinħareġ offerta m’għandiex tapplika f’każ ta’ l-akkwist tas-sigurtajiet li ma jħaddnux id-dritt tal-vot f’laqgħat ġenerali ordinarji ta’ l-azzjonisti. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi jipprovdu li l-obbligu li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tgħodd mhux biss għas-sigurtajiet li għandhom id-dritt tal-vot imma wkoll għas-sigurtajiet li għandhom id-dritt tal-vot biss f’ċirkostanzi speċifiċi jew li m’għandhomx id-dritt tal-vot.

(12)

Biex titnaqqas il-prospettiva ta’ arranġamenti interni, min jagħmel l-offerta għandu l-obbligu li jiddikjara d-deċiżjoni tiegħu/tagħha biex joħroġ offerta minnufiħ u li jinforma lill-awtorità superviżorja bl-offerta.

(13)

Id-detenturi tas-sigurtajiet għandhom ikunu informati tajjeb bit-termini ta’ l-offerta permezz ta’ dokument ta’ l-offerta. Informazzjoni xierqa għandha tingħata wkoll lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpannija jew, jekk dan ma jkunx possibli, tingħata lill-ħaddiema direttament.

(14)

Il-perjodu ta’ żmien allokat għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta għandu jiġi regolat.

(15)

Sabiex ikunu jistgħu iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod sodisfaċenti, l-awtoritajiet superviżorji għandhom, f’kull ħin, ikunu kapaċi jitolbu lill-partijiet għall-offerta fornitura ta’ informazzjoni dwarhom u għandhom jikkoperaw u jagħtu l-informazzjoni b’mod effiċjenti u effettiv, bla dewmien, lill-awtoritajiet l-oħra li jissorveljaw l-iswieq finanzjarji.

(16)

Sabiex jiġu evitati operazzjonijiet li jistgħu jiffrustraw offerta, il-poteri tal-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandhom ikunu limitati f’dak li għandu x’jaqsam mas-sehem tal-bord f’operazzjonijiet eċċezzjonali, mingħajr tfixkil bla bżonn lill-kumpannija li qed tirċievi l-offerta biex din twettaq l-attivitajiet normali tagħha ta’ negozju.

(17)

Il-bord ta’ kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jkun mitlub joħroġ dokument pubbliku li jelenka l-opinjoni tiegħu fuq l-offerta u r-raġunijiet li fuqhom hija ibbażata l-opinjoni, inklużi l-metodi ta’ kif il-bord jara l-effetti ta’ l-implimentazzjoni fuq l-interessi tal-kumpannija, u speċifikamanet fuq l-impiegi.

(18)

Sabiex tiġi msaħħa l-effettività tad-disposizzjonijiet eżistenti li jikkonċernaw il-libertà għat-trattament tas-sigurtajiet tal-kumpanniji koperti b’din id-Direttiva u l-libertà għall-eżerċitazzjoni tad-drittijiet tal-vot, huwa neċessarju li l-istrutturi u l-mekkaniżmi difensivi adottati minn dawn il-kumpanniji ikunu trasparenti u preżentati f’forma ta’ rapporti b’mod regolari fil-laqgħat ġenerali ta’ l-azzjonisti.

(19)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu l-possibilità lil kull min jagħmel offerta biex dan jakkwista l-maġġoranza ta’ l-interessi f’kumpanniji oħra u li jeżerċità l-kontroll totali fuqhom. Għal dak il-għan, ir-restrizzjonijiet fuq it-trasferiment tas-sigurtajiet, ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-vot, id-drittijiet ta’ ħatriet straordinarji u d-drittijiet ta’ votazzjonijiet multipli għandhom jitneħħew jew jiġu sospiżi waqt iż-żmien permess għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta u meta l-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti tiddeċiedi fuq miżuri difensivi, fuq emendi għall-artikoli ta’ assoċjazzjoni jew fuq it-tneħħija jew il-ħatra tal-membri tal-bord fl-ewwel laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti wara l-għeluq ta’ l-offerta. Meta d-detenturi tas-sigurtajiet ikunu sofrew telfiet minħabba t-tneħħija ta’ drittijiet, għandu jiġi ipprovdut kumpens raġonevali skond l-arranġamenti tekniċi stabbiliti mill-Istati Membri.

(20)

Id-drittijiet speċjali kollha ta’ l-Istati Membri fil-kumpanniji għandhom jiġu mħarsa fil-kuntest tal-moviment ħieles tal-kapital u d-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat. Id-drittijiet speċjali ta’ l-Istati Membri fil-kumpanniji li huma msemmija fil-liġi nazzjonali privata jew pubblika għandhom jiġu eżentati mir-regola innovattiva jekk ikunu kompatibbli mat-Trattat.

(21)

Fil-waqt li jittieħed kont tad-differenzi eżistenti fil-mekkaniżmi u l-istrutturi tal-liġi tal-kumpannija ta’ l-Istati Membri, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi li ma jirrikjedux mill-kumpanniji stabbiliti fit-territorji tagħhom biex dawn japplikaw id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li tillimita l-poteri tal-bord tal-kumpannija li qed tagħmel l-offerta waqt iż-żmien permess għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta u dawk li jagħmlu ostakoli mhux effettivi, previsti fl-artikoli ta’ l-assoċjazzjoni jew fi ftehim speċifiċi. F’dak il-każ, l-Istati Membri għandhom ta’ l-inqas iħallu lill-kumpanniji stabbiliti fit-territorji tagħhom jagħmlu l-għażla, li għandha tkun riversibbli, li japplikaw dawk id-disposizzjonijiet. Mingħajr preġudizzju għall-ftehim internazzjonali li l-Komunità Ewropea hija parti minnhom, l-Istati Membri għandhom ikollhom permess li ma jirrikjedux mill-kumpanniji li japplikaw dawk id-disposizzjonijiet skond l-arranġamenti mhux obbligatorji biex dawn japplikawhom meta jkunu s-suġġett ta’ l-offerti mressqa minn kumpanniji li ma japplikawx l-istess disposizzjonijiet, bħala riżultat ta’ l-użu ta’ dawn l-arranġamenti mhux obbligatorji.

(22)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jkopru l-possibilità li offerta tiskadi, li jipproteġu d-dritt għar-reviżjoni ta’ l-offerta ta’ min jagħmel l-offerta, li jkabbru l-possibilitajiet ta’ offerti li qed jikkompetu għas-sigurtajiet ta’ kumpannija, li jsostnu l-irrevokabbilità ta’ offerta u tal-kondizzjonijiet permessi.

(23)

L-iżvelar ta’ l-informazzjoni lil u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema ta’ min qed jagħmel l-offerta u l-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandhom jiġu regolati mid-disposizzjonijiet nazzjonali relevanti b’mod partikolari dawk adottati wara d-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta’ Settembru 1994 fuq it-twaqqif tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħolijiet jew proċedura f’intrapriżi fuq skala Komunitarja u gruppi ta’ intrapriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta’ informazzjoni u konsultazzjoni għall-ħaddiema ( 4 ), id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 fuq l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ telf kollettiv ta’ impiegi ( 5 ), id-Direttiva tal-Kunsill 2001/86/KE tat-8 ta’ Ottubru 2001 li tingħaqad ma’ l-istatut għal xi Kumpannija Ewropea rigward l-involviment ta’ impjegati ( 6 ) u d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi gwida ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea – Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fuq ir-rappreżentazzjoni tal-ħaddiema ( 7 ). Il-ħaddiema tal-kumpanniji ikkonċernati, jew ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom xorta waħda jingħataw l-opportunità li jagħtu l-opinjoni tagħhom fuq l-effetti ta’ l-offerta li jkunu mistennija fuq ix-xogħol. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 fuq arranġamenti interni u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) ( 8 ), l-Istati Membri jistgħu dejjem japplikaw jew jintroduċu disposizzjonijiet nazzjonali dwar l-iżvelar ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema ta’ min qed jagħmel l-offerta qabel tinħareġ l-offerta.

(24)

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħtu l-possibilità lil min qed jagħmel l-offerta li, wara li jkun għamel l-offerta ta’ xiri, ikun akkwista persentaġġ speċifiku tal-kapital bi drittijiet tal-vot tal-kumpannija biex jirrikjedi mid-detenturi tal-bqija tas-sigurtajiet biex dawn ibiegħulu/ibiegħulha s-sigurtajiet tagħhom. Bl-istess mod, fejn, wara l-offerta ta’ xiri, dak li għamel l-offerta ikun akkwista persentaġġ speċifiku ta’ kapital bi drittijiet tal-vot ta’ kumpannija, id-detenturi tal-bqija tas-sigurtajiet għandu jkollhom il-possibilità li jirrikjedu lil min għamel l-offerta ta’ xiri biex dan jixtri s-sigurtajiet tagħhom. Dawn il-proċeduri ta’ rtirar u bejgħ għandhom japplikaw biss skond kondizzjonijiet speċifiċi li għandhom x’jaqsmu ma’ l-offerti ta’ xiri. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali għall-proċeduri ta’ rtirar u bejgħ taħt ċirkostanzi oħra.

(25)

Billi l-għanijiet ta’ l-azzjoni mistennija, b’mod partikolari biex jiġu stabbiliti regoli minimi ta’ gwida għall-immaniġġjar ta’ offerti ta’ xiri u biex jiġi assigurat livell ta’ protezzjoni adegwat lid-detenturi tas-sigurtajiet madwar il-Komunità, ma jistgħux jintlaħqu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri minħabba l-bżonn tat-trasparenza u ċertezza legali f’każ ta’ xiri u akkwisizzjonijiet tal-kontroll minn pajjiż għall-ieħor, u li għalhekk jistgħu, minħabba l-kobor u l-effetti ta’ l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tiżboqx dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(26)

L-adozzjoni ta’ Direttiva hija proċedura xierqa għat-twaqqif ta’ bażi li tikkonsisti f’prinċipji speċifiċi komuni u numru limitat ta’ bżonnijiet ġenerali li l-Istati Membri jkollhom jimplimentaw b’regoli aktar dettaljati skond is-sistemi nazzjonali tagħhom u l-kuntesti kulturali tagħhom.

(27)

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għas-sanzjonijiet ta’ kull ksur tal-miżuri nazzjonali li jiġu adottati ma’ din id-Direttiva.

(28)

Gwidi tekniċi u miżuri implimentattivi għar-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva jistgħu minn żmien għal żmien ikunu meħtieġa biex jinżamm kont ta’ l-iżviluppi ġodda fl-iswieq finanzjarji. Għal ċerti disposizzjonijiet, il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, ikollha l-poter li tadotta miżuri implimentattivi sakemm dawn ma jibdlux l-elementi essenzali ta’ din id-Direttiva u ta’ l-atti tal-Kummissjoni skond il-prinċipji stabbiliti f’din id-Direttiva, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ewropew tas-Sigurtajiet stabbilit permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE ( 9 ). Il-miżuri implimentattivi meħtieġa għal din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għat-tħaddim tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni ( 10 ) u bil-konsiderazzjoni dovuta lejn id-dikjarazzjoni magħmula mill-Kummissjoni tal-Parlament Ewropew fil-5 ta’ Frar 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tas-servizzi finanzjarji. Għad-disposizzjonijiet l-oħra, huwa importanti li jiġi maħtur kumitat ta’ kuntatt li jkollu l-kompitu li jgħin lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet superviżorji fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u fejn meħtieġ jagħti pariri lill-Kummissjoni rigward żidiet jew emendi għal din id-Direttiva. Billi jagħmel dan, il-kumitat ta’ kuntatt jista’ jagħmel użu mill-informazzjoni li l-Istati Membri għandhom jipprovdu fuq bażi ta’ din id-Direttiva li tikkonċerna l-offerti ta’ xiri li jsiru fis-swieq regolati tagħhom.

(29)

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-moviment lejn l-armonizzazzjoni ġusta u bilanċjata tar-regoli ta’ xiri fl-Unjoni Ewropea. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi toħroġ proposti għar-reviżjoni f’waqtha ta’ din id-Direttiva,

ADOTTAW DIN ID-DIRETIVA:



Artikolu 1

Prospettiva

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri li jikkordinaw il-liġijiet, ir-regolamenti, id-disposizzjonijiet amministrattivi, il-kodiċi tal-prattika u arranġamenti oħra ta’ l-Istati Membri, inklużi l-arranġamenti stabbiliti mill-organizzazzjonijiet awtorizzati uffiċċjalment biex jirregolaw is-swieq (minn hawn-il quddiem imsejħa “regoli”), rigward l-offerti ta’ xiri għas-sigurtajiet tal-kumpanniji regolati mil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fejn parti jew is-sigurtajiet kollha ikunu permessi jagħmlu kummerċ f’suq regolat skond id-Direttiva 93/22/KEE ( 11 ) f’wieħed jew aktar Stati Membri (minn hawn-il quddiem imsejħa “suq regolat”).

2.  Din id-Direttiva m’għandiex tapplika għall-offerti ta’ xiri għas-sigurtajiet maħruġa minn kumpanniji, li l-għan tagħhom ikun l-investiment kollettiv ta’ kapital ipprovdut mill-pubbliku, liema kumpanniji joperaw bil-prinċipju ta’ tixrid ta’ riskju u li l-unitajiet tagħhom ikunu, fuq talba tad-detentur, mixtrija jew mogħtija mill-ġdid, b’mod dirett jew indirett, mill-assi ta’ dawk il-kumpanniji. L-azzjoni meħuda minn kumpanniji bħal dawn biex jassiguraw li t-tibdil fuq il-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħhom ma jvarjax b’mod sinnifikanti mill-valur nett ta’ l-assi għandha tiġi ikkonsidrata bħala ekwivalenti għal dan it-tip ta’ xiri mill-ġdid jew redenzjoni.

3.  Din id-Direttiva m’għandiex tapplika għall-offerti ta’ xiri għas-sigurtajiet maħruġa mill-banek ċentrali ta’ l-Istati Membri.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) “offerta ta’ xiri” jew “offerta” għandhom ifissru offerta pubblika (minbarra mill-kumpannija li qed tirċievi l-offerta innifisha) magħmula lid-detenturi tas-sigurtajiet ta’ kumpannija għax-xiri ta’ parti jew is-sigurtajiet kollha msemmija, kemm jekk obbligatorja kif ukoll jekk volontarja, liema offerta ssir wara jew ikollha bħala l-għan tagħha x-xiri tal-kontroll tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta skond il-liġi nazzjonali;

(b) “kumpannija li qed tirċievi l-offerta” għandha tfisser kumpannija li s-sigurtajiet tagħha ikunu suġġetti għall-offerta;

(ċ) “min qed jagħmel l-offerta” għandha tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali regolata mil-liġi pubblika jew privata li qed tagħmel l-offerta;

(d) “persuni li qed jaħdmu flimkien” għandha tfisser persuni naturali jew legali li jikkoperaw ma’ min qed jagħmel l-offerta jew mal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, fuq bażi ta’ ftehim li jsir b’mod espliċitu jew taċitu, jew b’mod verbali jew miktub, li jkun immirat kemm għax-xiri tal-kontroll tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u kemm għat-tfixkil mis-suċċess ta’ offerta;

(e) “sigurtajiet” għandha tfisser sigurtajiet trasferibbli bi drittijiet tal-vot f’kumpannija;

(f) “partijiet għall-offerta” għandha tfisser dak li qed jagħmel l-offerta, il-membri tal-bord ta’ min qed jagħmel l-offerta jekk min qed jagħmel l-offerta tkun kumpannija, il-kumpannija li tirċievi l-offerta, id-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u l-membri tal-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u l-persuni li jaħdmu flimkien ma’ partijiet bħal dawn;

(g) “sigurtajiet b’voti multipli” għandha tfisser sigurtajiet inklużi fi klassi distinta u separata li jkollhom aktar minn vot kull wieħed.

2.  Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(d), persuni ikkontrollati minn persuni oħra skond l-Artikolu 87 tad-Direttiva 2001/34/KE ( 12 ) għandhom jitqiesu bħala persuni li jaħdmu flimkien mal-persuna l-oħra u ma’ xulxin.

Artikolu 3

Prinċipji ġenerali

1.  Għall-iskop li tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu mħarsa:

(a) id-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ta’ l-istess klassi għandhom jiġu trattati b’mod ugwali; aktar minn hekk jekk persuna tikseb il-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi l-oħra tas-sigurtajiet għadhom jiġu protetti;

(b) id-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jkollhom żmien u informazzjoni biżżejjed biex ikunu kapaċi jieħdu deċiżjoni li tkun informata tajjeb fuq l-offerta; fejn jagħtu pariri lid-detenturi tas-sigurtajiet, il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu fuq l-effetti ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-offerta fuq ix-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u l-postijiet ta’ negozju tal-kumpannija;

(ċ) il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jaħdem fl-interessi tal-kumpannija fl-intier tagħha u m’għandux iċaħħad lid-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija milli jkollhom l-opportunità jiddeċiedu fuq il-merti ta’ din l-offerta;

(d) m’għandhomx jinħolqu swieq foloz fis-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, tal-kumpannija li qed tagħmel l-offerta jew ta’ kwalunkwe kumpannija milquta mill-offerta fejn żieda jew roħs tal-prezzijiet tas-sigurtajiet isiru foloz u l-funzjonijiet normali tas-swieq jiġu mfixkla;

(e) min qed jagħmel l-offerta għandu jiddikjara l-offerta tiegħu biss wara li jkun aċċertat li hu jkun jista’ jaderixxi bis-sħiħ kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ flus kontanti, jekk din tiġi offruta, u wara li jittieħdu l-miżuri kollha raġonevoli biex tiġi aċċertata l-implimentazzjoni ta’ kull tip ieħor ta’ konsiderazzjoni;

(f) kumpannija li qed tirċievi l-offerta m’għandiex tiġi mfixkla minn offerta fit-twettieq tax-xogħolijiet tagħha għal żmien itwal milli jkun raġonevoli.

2.  Bl-iskop li tiġi aċċertata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri:

(a) għandhom jassiguraw li l-ħtiġiet minimi kif stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu osservati;

(b) jistgħu jistabbilixxu kondizzjonijiet addizzjonali u disposizzjonijiet aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva għall-kontroll ta’ l-offerti.

Artikolu 4

Awtorità superviżorja u l-liġi applikabbli

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni ta’ l-offerti għall-għanijiet tar-regoli li huma jagħmlu jew jintroduċu skond din id-Direttiva. Għalhekk l-awtoritajiet maħtura għandhom ikunu jew awtoritajiet pubbliċi, assoċjazzjonijiet jew korpi privati rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali jew mill-awtoritajiet pubbliċi li speċifikament ikunu mogħtija l-poter għal dak l-iskop mil-liġi nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawk il-ħatriet, u għandhom jispeċifikaw kull diviżjoni fix-xogħolijiet li tista’ ssir. Huma għandhom jassiguraw li dawk l-awtoritajiet iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod imparzjali u indipendenti mill-partijiet kollha għall-offerta.

2.  

(a) L-awtorità kompetenti biex tissorvelja l-offerta għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru fejn il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkollha l-uffiċċju tagħha irreġistrat, jekk is-sigurtajiet ta’ dik il-kumpannija jkunu aċċettati għall-kummerċ fis-suq regolat f’dak l-Istat Membru.

(b) Jekk is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ma jkunux aċċettati għall-kummerċ fis-suq regolat fl-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha l-uffiċċju irreġistrat, l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni ta’ l-offerta għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru fejn is-sigurtajiet tal-kumpannija jkunu aċċettati għall-kummerċ.

Jekk is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jiġu aċċettati għall-kummerċ fl-iswieq regolati f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtorità kompetenti li tissorvelja l-offerta għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru fejn is-sigurtajiet kienu l-ewwel aċċettati għall-kummerċ fis-suq regolat.

(ċ) Jekk is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta kienu aċċettati għall-ewwel darba għall-kummerċ fis-swieq regolati f’aktar minn Stat Membru wieħed fl-istess ħin, il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandha tiddeċiedi liema mill-awtoritajiet superviżorji ta’ dawk l-Istati Membri għandha tkun l-awtorità kompetenti li tissorvelja l-offerta billi tavża lil dawk is-swieq regolati u lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom fl-ewwel ġurnata tal-kummerċ.

Jekk is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ikunu diġà ġew aċċettati għall-kummerċ fis-swieq regolati f’aktar minn Stat Membru wieħed fid-data stabbilita fl-Artikolu 21(1) u kienu aċċettati fl-istess żmien, l-awtoritajiet superviżorji ta’ dawk l-Istati Membri għandhom jiftehmu liem minnhom għandha tkun l-awtorità kompetenti li tissorvelja l-offerta f’perjodu ta’ erba’ ġimgħat mid-data stabbilita fl-Artikolu 21(1). Jekk dan ma jkunx il-każ, il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandha tiddeċiedi liem minn dawk l-awtoritajiet għandha tkun l-awtorità kompetenti fl-ewwel ġurnata tal-kummerċ wara dak il-perjodu ta’ erba’ ġimgħat.

(d) L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-deċiżjonijiet imsemmija f’(ċ) isiru pubbliċi.

(e) Fil-każi msemmija f’(b) u (ċ), il-materji li għandhom x’jaqsmu mal-konsiderazzjoni offruta f’każ ta’ offerta, b’mod partikolari il-prezz, u l-materji relatati mal-proċedura ta’ l-offerta, b’mod partikolari l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni ta’ min qed jagħmel l-offerta biex jagħmel l-offerta, il-kontenut tad-dokument ta’ l-offerta u l-iżvelar ta’ l-offerta, għandhom jiġu trattati skond ir-regoli ta’ l-Istati Membri ta’ l-awtorità kompetenti. F’materji relatati ma’ l-informazzjoni li għandha tiġi ipprovduta lill-impjegati tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u f’materji relatati mal-liġi tal-kumpannija, b’mod partikolari il-persentaġġ tad-drittijiet tal-vot li jagħti l-kontroll u kwalunkwe deroga mill-obbligu li tinħareġ offerta, kif ukoll il-kondizzjonijiet skond liema l-bord tal-kumpannija li qed tagħmel l-offerta jista’ jieħu azzjoni li tista’ tirriżulta fil-frustrazzjoni ta’ l-offerta, ir-regoli applikabbli u l-awtorità kompetenti għandhom ikunu dawk ta’ l-Istat Membru fejn il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkollha l-uffiċċju tagħha irreġistrat.

3.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-persuni kollha impjegati jew li kienu impjegati mill-awtoritajiet superviżorji tagħhom ikunu marbuta bis-sigriet professjonali. L-ebda informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali ma tista tiġi mgħoddija lil kwalunkwe persuna jew awtorità ħlief taħt id- disposizzjonijiet stabbiliti bil-liġi.

4.  Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet superviżorji ta’ l-Istati Membri u l-awtoritajiet l-oħra li jissorveljaw l-iswieq kapitali, b’mod partikolari skond id-Direttiva 93/22/KEE, id-Direttiva 2001/34/KE, id-Direttiva 2003/6/KE u d-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003 fuq il-prospektus li għandu jiġi ippubblikat meta s-sigurtajiet jiġu offruti lill-pubbliku jew aċċettati għall-kummerċ, għandhom jikkoperaw u jagħtu lil xulxin informazzjoni fejn meħtieġ għall-applikazzjoni tar-regoli magħmula skond din id-Direttiva u b’mod partikolari fil-każi koperti fil-paragrafi 2(b), (ċ) u (e). L-informazzjoni skambjata b’dan il-mod għandha tkun koperta bl-obbligu tas-sigriet professjonali li għalih huma suġġetti l-persuni impjegati jew li qabel kienu impjegati mill-awtoritajiet superviżorji li qed jirċievu l-informazzjoni. Il-koperazzjoni għandha tinkludi l-kapaċità li jiġu mgħoddija d-dokumenti legali neċessarji biex jiġu nforzati l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti relatati ma’ l-offerti kif ukoll għajnuna oħra simili li tista’ tintalab b’mod raġonevoli mill-awtoritajiet superviżorji li jkunu ikkonċernati mill-iskop ta’ l-investigazzjoni ta’ kull ksur ta’ regoli attwali jew allegati li jsiru jew li jkunu introdotti skond din id-Direttiva.

5.  L-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom il-poteri kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jaqdu d-doveri tagħhom, inkluż dak li jassiguraw li l-partijiet ta’ l-offerta jikkonformaw mar-regoli magħmula jew introdotti skond din id-Direttiva.

Waqt li jkun ipprovdut li l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ikunu rispettati, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu fir-regoli li huma jagħmlu jew jintroduċu skond din id-Direttiva għad-derogi minn dawk ir-regoli:

(i) billi jinkludu derogi ta’ dan it-tip fir-regoli nazzjonali tagħhom, sabiex jieħdu kont taċ-ċirkostanzi stabbiliti fuq livell nazzjonali

u/jew

(ii) billi jagħtu lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom, fejn dawn ikunu kompetenti, il-poteri li jinjoraw regoli nazzjonali bħal dawn, biex jieħdu kont taċ-ċirkostanzi msemmija f’(i) jew f’ċirkostanzi speċifiċi oħra fejn deċiżjoni raġonevoli tkun meħtieġa.

6.  Din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter ta’ l-Istati Membri biex dawn jaħtru awtoritajiet ġudizzjarji jew oħrajn responsabbli biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet u biex jiddeċiedu fuq irregolaritajiet magħmula waqt l-offerti jew il-poter ta’ l-Istati Membri li jirregolaw taħt liema ċirkostanzi l-partijiet ta’ l-offerta jkunu intitolati jressqu proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. B’mod partikolari, din id-Direttiva m’għandiex tolqot il-poter li l-qrati jista’ jkollhom fi Stat Membru biex dawn jiċħdu s-smiegħ tal-proċeduri legali u biex jiddeċiedu jekk proċeduri bħal dawn jolqtux ir-riżultat ta’ l-offerta jew le. Din id-Direttiva m’għandiex taffettwa l-poter ta’ l-Istati Membri li jiddeterminaw il-posizzjoni legali li tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ l-awtoritajiet superviżorji jew li tikkonċerna l-kwistjonijiet bejn il-partijiet ta’ l-offerta.

Artikolu 5

Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli

1.  Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) li, b’żieda ma’ l-assi eżistenti ta’ dawk is-sigurtajiet tagħha u l-assi ta’ dawk is-sigurtajiet tal-persuni li qed jaħdmu magħha, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija. Offerta bħal din għandha tiġi indirizzata fl-aktar opportunità kmieni lid-detenturi kollha ta’ dawk is-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli kif stabbilit fil-paragrafu 4.

2.  Fejn il-kontroll ikun inkiseb wara offerta volontarja magħmula skond din id-Direttiva lid-detenturi tas-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom, l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 biex tinħareġ offerta m’għandux jibqa’ jgħodd.

3.  Il-persentaġġ tad-drittijiet tal-vot li jagħti kontroll għall-għanijiet tal-paragrafu 1 u l-metodu tal-kalkolazzjoni tiegħu għandu jiġi stabbilit permezz tar-regoli ta’ l-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha l-uffiċċju tagħha irreġistrat.

4.  L-għola prezz imħallas għall-istess sigurtajiet minn min qed jagħmel l-offerta, jew mill-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u mhux aktar minn 12-il xahar qabel ma l-offerta msemmija fil-paragrafu 1 tibda titqies bħala l-prezz raġonevoli. Jekk, wara li l-offerta tkun saret pubblika u qabel ma l-offerta tingħalaq għall-aċċettazzjoni, dak li qed jagħmel l-offerta jew kwalunkwe persuna li taħdem flimkien miegħu jixtru sigurtajiet bi prezz għola mill-prezz ta’ l-offerta, dak li qed jagħmel l-offerta għandu jgħolli l-offerta tiegħu biex ma tkunx anqas mill-għola prezz imħallas għas-sigurtajiet miksuba b’dan il-mod.

Jekk jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom biex jemendaw il-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu fiċ-ċirkostanzi u skond il-kriterji li huma determinati b’mod ċar. Għal dak il-għan, huma jistgħu jagħmlu lista taċ-ċirkostanzi li fihom l-għola prezz jista’ jiġi rranġat -il fuq jew ‘l isfel, per eżempju fejn l-għola prezz ikun stabbilit permezz ta’ ftehim bejn dak li jbiegħ u dak li jixtri, fejn il-prezzijiet tas-suq tas-sigurtajiet imsemmija jiġu manipulati, fejn il-prezzijiet tas-suq in ġenerali jew ċerti prezzijiet tas-suq ikunu partikolarment milquta minn ċirkostanzi eċċezzjonali jew biex tiġi mgħejjuna ditta li tkun f’diffikultà. Huma jistgħu jiddeterminaw ukoll il-kriterji li jiġu applikati f’dawn il-każi, per eżempju il-medja tal-valur tas-suq f’perjodu partikolari, il-valur maqsum ta’ kumpannija jew kriterji oħra ta’ valutazzjoni li ġeneralment jintużaw fl-analiżi finanzjarja.

Kull deċiżjoni ta’ awtorità superviżorja għall-irranġar tal-prezz raġonevoli għandha tiġi verifikata u mressqa għall-pubbliku.

5.  Fuq konsiderazzjoni dak li jagħmel l-offerta jista’ joffri sigurtajiet, flus kontanti jew dawn it-tnejn f’daqqa.

Madankollu, fejn il-konsiderazzjoni offruta minn min qed jagħmel l-offerta ma tkunx tikkonsisti f’sigurtajiet likwidi li jkunu aċċettati għall-kummerċ f’suq regolat, għandha tiġi inkluża alternattiva ta’ flus kontanti.

F’kull każ min qed jagħmel l-offerta għandu joffri konsiderazzjoni ta’ flus kontanti ta’ l-inqas bħala alternattiva fejn huwa/hija jew persuni li jaħdmu flimkien miegħu/magħha, f’perjodu li jibda fl-istess żmien tal-perjodu stabbilit mill-Istati Membri skond il-paragrafu 4 u li jispiċċa meta l-offerta tagħlaq għall-aċċettazzjoni, ikunu xtraw għas-sigurtajiet ta’ flus li jġorru 5 % jew aktar tad-drittijiet tal-vot tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li konsiderazzjoni ta’ flus kontanti tiġi offruta fil-każi kollha mill-inqas bħala alternattiva.

6.  Minbarra l-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal aktar strumenti li jkunu intiżi għall-protezzjoni ta’ l-interessi tad-detenturi tas-sigurtajiet dejjem jekk dawn l-istrumenti ma jfixklux il-kors normali ta’ l-offerta.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar l-offerti

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-deċiżjoni biex issir offerta issir pubblika mingħajr dewmien u li l-awtorità superviżorja tkun informata bl-offerta. Huma jistgħu jirrikjedu li l-awtorità superviżorja tkun informata qabel deċiżjoni bħal din issir pubblika. Hekk kif l-offerta ssir pubblika, il-bords tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u tal-kumpannija li qed tagħmel l-offerta għandhom jinfurmaw lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati rispettivi tagħhom jew, fejn ma jkunx hemm dawn ir-rappreżentanti, lill-impjegati nfishom.

2.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li min jagħmel l-offerta ikun obbligat jagħmel u joħroġ għall-pubbliku fi żmien raġonevoli dokument li jinkludi l-informazzjoni meħtieġa li twassal lid-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta biex dawn jilħqu deċiżjoni informata tajjeb fuq l-offerta. Qabel ma d-dokument ta’ l-offerta joħroġ għall-pubbliku, min qed jagħmel l-offerta għandu jgħaddih lill-awtorità superviżorja. Meta joħroġ għall-pubbliku, il-bords tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u tal-kumpannija li qed tagħmel l-offerta għandhom jgħadduh lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati rispettivi tagħhom jew, fejn ma jkunx hemm dawn ir-rappreżentanti, lill-impjegati nfishom.

Fejn id-dokument ta’ l-offerta msemmi fl-ewwel subparagrafu ikun suġġett għall-approvazzjoni minn qabel ta’ l-awtorità superviżorja u jkun ġie approvat, huwa għandu jiġi rikonoxxut, suġġett għal kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa, f’kull Stat Membru ieħor fis-suq fejn is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkunu aċċettati għall-kummerċ, mingħajr ma tkun meħtieġa l-approvazzjoni ta’ l-awtoritajiet superviżorji ta’ dak l-Istat Membru. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jinħtieġu l-inklużjoni ta’ informazzjoni addizzjonali fid-dokument ta’ l-offerta biss jekk din l-informazzjoni tkun speċifika għas-suq ta’ l-Istat Membru jew l-Istati Membri fejn is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkunu aċċettati għall-kummerċ u tkun tirrelata mal-formalitajiet li jkunu jridu jiġu segwiti biex l-offerta tiġi aċċettata u tirċievi l-konsiderazzjoni xierqa fl-għeluq ta’ l-offerta kif ukoll għall-arranġamenti tat-taxxa li tkun suġġetta għalihom il-konsiderazzjoni offruta lid-detenturi tas-sigurtajiet.

3.  Id-dokument ta’ l-offerta msemmi fil-paragrafu 2 għandu jinkludi ta’ l-inqas:

(a) it-termini ta’ l-offerta;

(b) l-identità ta’ min qed jagħmel l-offerta u, fejn min qed jagħmel l-offerta ikun kumpannija, it-tip, l-isem u l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni ta’ dik il-kumpannija;

(ċ) is-sigurtajiet jew, fejn xieraq, il-klassi jew il-klassijiet tas-sigurtajiet li għalihom saret l-offerta;

(d) il-konsiderazzjoni offruta għal kull sigurtà jew klassi ta’ sigurtajiet u, f’każ ta’ offerta obbligatorja, il-metodu użat biex din ġiet determinata, bid-dettalji tal-mod kif dik il-konsiderazzjoni għandha titħallas;

(e) il-kumpens offrut għad-drittijiet li jistgħu jintilfu bħala riżultat tar-regola innovattiva kif stabbilita fl-Artikolu 11(4), bid-dettalji kollha tal-metodi kif il-kumpens għandu jitħallas u l-metodu li ntuża biex dan ġie stabbilit;

(f) l-akbar u l-inqas persentaġġi jew kwantitajiet ta’ sigurtajiet li dak li qed jagħmel l-offerta jintrabat li jakkwista;

(g) id-dettalji ta’ kwalunkwe assi eżistenti ta’ dak li qed jagħmel l-offerta, u tal-persuni li qed jaħdmu flimkien miegħu/magħha, fil-kumpannija ta’ dak li qed jirċievi l-offerta;

(h) il-kondizzjonijiet kollha li l-offerta hija suġġetta għalihom;

(i) l-intenzjonijiet ta’ min qed jagħmel l-offerta dwar in-negozju ġejjieni tal-kumpannija ta’ min qed jirċievi l-offerta u, sakemm tkun milquta mill-offerta, il-kumpannija ta’ min jagħmel l-offerta u rigward il-protezzjoni ta’ l-impiegi ta’ l-impjegati u tal-ħaddiema amministrattivi tagħhom, inkluż kwalunkwe bidla materjali fil-kondizzjonijiet ta’ l-impieg, u b’mod partikolari il-pjani strateġiċi għaż-żewġ kumpanniji ta’ dak li qed jagħmel l-offerta u r-riperkussjonijiet fuq l-impieg li jistgħu jseħħu u l-postijiet tan-negozju tal-kumpanniji;

(j) il-ħin permess għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta;

(k) fejn il-konsiderazzjoni offruta minn għand min jagħmel l-offerta tinkludi xi tip ta’ sigurtajiet, l-informazzjoni li tikkonċerna dawk is-sigurtajiet;

(l) informazzjoni rigward il-finanzjament ta’ l-offerta;

(m) l-identità tal-persuni li jaġixxu flimkien ma’ min qed jagħmel l-offerta u mal-kumpannija ta’ min qed jirċievi l-offerta u, fil-każ ta’ kumpanniji, it-tipi, l-ismijiet, l-uffiċċji tar-reġistrazzjoni u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ dak li qed jagħmel l-offerta u, fejn possibli, mal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta;

(n) il-liġi nazzjonali li tkun ser tirregola l-kuntratti konklużi bejn dak li qed jagħmel l-offerta u d-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija ta’ min qed jirċievi l-offerta bħala riżultat ta’ l-offerta u l-qrati kompetenti.

▼M1

4.  Il-Kummissjoni tista' tadotta regoli li jimmodifikaw il-lista fil-paragrafu 3. Dawk il-miżuri, mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).

▼B

5.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-partijiet għall-offerta jkunu meħtieġa jipprovdu lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ l-Istat Membru tagħhom f’kwalunkwe ħin u fuq talba, l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħhom dwar l-offerta, li tkun neċessarja għall-awtorità ta’ superviżjoni biex din ittemm il-funzjonijiet tagħha.

Artikolu 7

Żmien permess għall-aċċettazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-ħin permess għall-aċċettazzjoni ta’ offerta ma jkunx inqas minn ġimgħatejn u lanqas aktar minn 10 ġimgħat mid-data tal-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ l-offerta. Waqt li jkun ipprovdut li l-prinċipju ġenerali stabbilit fl-Artikolu 3(1)(f) ikun rispettat, L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-perjodu ta’ 10 ġimgħat jiġi mtawwal bil-kondizzjoni li min jagħmel l-offerta jagħti avviż ta’ mill-inqas ġimgħatejn ta’ l-intenzjoni tiegħu/tagħha li tingħalaq l-offerta.

2.  F’każi speċifiċi l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 li jibdlu l-perjodu. Stat Membru jista’ jawtorizza awtorità ta’ superviżjoni biex tikkonċedi deroga mill-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 sabiex il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkollha l-opportunità ssejjaħ laqgħa għall-azzjonisti biex dawn jikkonsidraw l-offerta.

Artikolu 8

L-Iżvelar

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li offerta ssir pubblika b’tali mod li jkunu garantiti t-trasparenza fis-suq u l-integrità għas-sigurtajiet tal-kumpannija ta’ min qed jirċievi l-offerta, ta’ min qed jagħmel l-offerta jew ta’ kwalunkwe kumpannija oħra milquta mill-offerta, b’mod partikolari sabiex jipprevenu l-pubblikazzjoni u t-tixrid ta’ informazzjoni falza u qarrieqa.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-iżvelar ta’ l-informazzjoni kollha u tad-dokumenti meħtieġa skond l-Artikolu 6 b’tali mod li dawn ikunu t-tnejn disponibbli f’qasir żmien għad-detenturi tas-sigurtajiet mill-inqas f’dawk l-Istati Membri fis-swieq regolati fejn is-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jkunu aċċettati għall-kummerċ u għar-rappreżentanti ta’ l-impjegati tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u ta’ min qed jagħmel l-offerta jew, fejn ma jkunx hemm dawn ir-rappreżentanti, għall-impjegati nfishom.

Artikolu 9

Obbligi tal-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li r-regoli stabbiliti f’paragrafi 2 sa 5 ikunu mħarsa.

2.  Fi żmien il-perjodu msemmi fit-tieni paragrafu, il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jikseb minn qabel l-awtorizzazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti li tingħata għal dan l-iskop qabel jieħu kwalunkwe azzjoni, minflok ifittex offerti alternattivi, li jistgħu jirriżultaw fil-frustrazzjoni ta’ l-offerta u b’mod partikolari qabel jinħarġu kwalunkwe ishma li jistgħu jwasslu għal impediment fit-tul għal min qed jagħmel l-offerta biex dan jikseb il-kontroll tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta.

Din l-awtorizzazzjoni għandha tkun obbligatorja mill-inqas miż-żmien meta l-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jirċievi l-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 6(1) li tikkonċerna l-offerta u sakemm ir-riżultat ta’ l-offerta jsir pubbliku jew l-offerta tiskadi. L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li din l-awtorizzazzjoni tinkiseb fi stadju aktar kmieni, per eżempju hekk kif il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jsir jaf li l-offerta hija imminenti.

3.  Rigward id-deċiżjonijiet li jittieħdu qabel il-bidu tal-perjodu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 li ma jkunux għadhom ġew implimentati parzjalment jew fl-intier tagħhom, il-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti għandha tapprova jew tikkonferma kwalunkwe deċiżjoni li ma tkunx tagħmel parti mill-kors normali tat-tħaddim tal-kumpannija u li l-implimentazzjoni tagħhom tista’ twassal biex l-offerta tiġi frustrata.

4.  Bl-iskop li tinkiseb minn qabel l-awtorizzazzjoni, l-approvazzjoni jew il-konferma tad-detenturi tas-sigurtajiet msemmija fil-paragrafi 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli li jippermettu s-sejħa f’qasir żmien ta’ laqgħa ġenerali għall-azzjonisti, sakemm il-laqgħa ma ssirx fi żmien ġimgħatejn minn meta tkun ingħatat in-notifika.

5.  Il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu jagħmel u joħroġ għall-pubbliku dokument li fih jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-offerta u r-raġunijiet li fuqha din tkun ibbażata, inklużi il-ħsibijiet tiegħu fuq l-effetti ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-offerta fuq l-interessi kollha tal-kumpannija u b’mod speċifiku ix-xogħol, u fuq il-pjani strateġiċi ta’ min qed jagħmel l-offerta u r-riperkussjonijiet li jistgħu iseħħu fuq ix-xogħol u l-postijiet tan-negozju tal-kumpannija kif stabbiliti fid-dokument ta’ l-offerta skond l-Artikolu 6(3)(i). Il-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta għandu fl-istess żmien jikkomunika dik l-opinjoni lir-rappreżentanti ta’ l-impjegati tiegħu jew, fejn ma jkunx hemm dawn ir-rappreżentanti, lill-impjegati nfishom. Meta l-bord tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta jirċievi f’ħin adattat opinjoni oħra minn għand ir-rappreżentanti ta’ l-impjegati dwar l-effetti ta’ l-offerta fuq ix-xogħol, dik l-opinjoni għandha tkun inkluża mad-dokument.

6.  Għall-iskopijiet ta’ paragrafu 2, fejn kumpannija ikollha struttura ta’ bord fuq żewġ binarji “bord” għandha tfisser kemm il-bord ta’ ġestjoni kif ukoll il-bord ta’ superviżjoni.

Artikolu 10

Informazzjoni fuq kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1(1)

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-kumpanniji kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) jippubblikaw informazzjoni dettaljata fuq li ġej:

(a) l-istruttura tal-kapital tagħhom, inklużi s-sigurtajiet li mhumiex aċċettati għall-kummerċ f’suq regolat fi Stat Membru, u fejn xieraq b’indikazzjoni tal-klassijiet differenti ta’ l-ishma u, għal kull klassi ta’ l-ishma, id-drittijiet u l-obbligi relatati magħhom u l-persentaġġ tal-kapital totali mill-ishma li jirrapreżenta;

(b) kwalunkwe restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ sigurtajiet, bħal limitazzjonijiet fuq id-detenzjoni ta’ sigurtajiet jew il-bżonn li tinkiseb l-approvazzjoni tal-kumpannija jew ta’ detenturi oħrajn tas-sigurtajiet, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 46 tad-Direttiva 2001/34/KE;

(ċ) pussess ta’ ishma diretti jew indiretti sinnifikanti (inkluż il-pussess ta’ ishma indiretti permezz ta’ strutturi piramidali u pussess ta’ ishma maqsuma) fis-sens ta’ l-Artikolu 85 tad-Direttiva 2001/34/KE;

(d) id-detenturi ta’ kwalunkwe sigurtajiet bi drittijiet speċjail ta’ kontroll u d-deskrizzjoni ta’ dawn id-drittijiet;

(e) is-sistema ta’ kontroll ta’ kull skema ta’ ishma għall-impjegati fejn id-drittijiet tal-kontroll ma jkunux eżerċitati direttament mill-impjegati;

(f) kwalunkwe restrizzjoni fuq id-drittijiet tal-vot, bħal limitazzjonijiet fuq id-drittijiet tal-vot ta’ persentaġġ magħruf jew numru ta’ voti għad-detenturi, fuq termini perentorji għall-eserċitar ta’ drittijiet tal-vot, jew fuq sistemi li permezz tagħhom, bil-koperazzjoni tal-kumpannija, id-drittijiet finanzjarji relatati mas-sigurtajiet ikunu separati mid-detenzjoni tas-sigurtajiet;

(g) il-ftehim kollu bejn l-azzjonisti li l-kumpannija tkun mgħarrfa bihom u li jistgħu jirriżultaw f’restrizzjonijiet għat-trasferiment ta’ sigurtajiet u/jew drittijiet ta’ votazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2001/34/KE;

(h) ir-regoli li jirregolaw il-ħatra u t-tibdil ta’ membri tal-bord u l-emendi ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni;

(i) il-poteri tal-membri tal-bord, u b’mod partikolari il-poter li joħorġu jew jerġgħu jixtru l-ishma;

(j) kwalunkwe ftehim sinnifikanti li l-kumpannija tkun parti minnhom u li jidħlu fis-seħħ, jinbidlu jew jintemmu hekk kif isseħħ il-bidla fil-kontroll wara l-offerta ta’ xiri, u l-effetti tagħhom, ħlief f’każi fejn l-iżvelar tal-ftehim jista’ jippreġudika lill-kumpannija; din l-eċċezzjoni m’għandiex tapplika meta l-kumpannija tkun speċifikament obbligata tiżvela din l-informazzjoni fuq bażi ta’ ħtiġiet oħra legali;

(k) kwalunkwe ftehim bejn il-kumpannija u l-membri tal-bord jew l-impjegati li jipprovdu għall-kumpens jekk huma jirriżenjaw jew jekk jispiċċaw bla xogħol mingħajr raġuni valida jew jekk l-impieg tagħhom jintemm minħabba offerta ta’ xiri.

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ippubblikata fir-rapport annwali tal-kumpannija kif ipprovdut fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 78/660/KEE ( 13 ) u l-Artikolu 36 tad-Direttiva 83/349/KEE ( 14 ).

3.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-każ ta’ kumpanniji li s-sigurtajiet tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ f’suq regolat ta’ Stat Membru, l-bord jippreżenta rapport ta’ spjegazzjoni lill-azzjonisti fil-laqgħa ġenerali annwali fuq il-materji msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 11

Innovazzjoni

1.  Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u obbligi oħra msemmija fil-liġi tal-Komunità għall-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjonijiet stabbiliti f’paragrafi 2 sa 7 japplikaw meta l-offerta ssir pubblika.

2.  Kull restrizzjoni fuq it-trasferiment ta’ sigurtajiet msemmija fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta m’għandhomx japplikaw għal min qed jagħmel l-offerta waqt iż-żmien allokat għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta stabbilita fl-Artikolu 7(1).

Ir-restrizzjonijiet kollha fuq it-trasferiment ta’ sigurtajiet li huma msemmija fil-ftehim kuntrattwali bejn il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u d-detenturi tas-sigurtajiet tagħha, jew fil-ftehim kuntrattwali bejn id-detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta li daħlu fis-seħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, m’għandhomx japplikaw għal min qed jagħmel l-offerta waqt iż-żmien allokat għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta stabbilita fl-Artikolu 7(1).

3.  Ir-restrizzjonijet fuq id-drittijiet tal-vot li huma msemmija fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta m’għadhomx ikollhom effett fuq il-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti li tiddeċiedi fuq kwalunkwe miżura difensiva skond l-Artikolu 9.

Restrizzjonijiet fuq id-drittijiet msemmija fil-ftehim kuntrattwali bejn il-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u d-detenturi ta’ sigurtajiet, jew fil-ftehim kuntrattwali bejn detenturi tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta li daħlu fis-seħħ wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, m’għandhomx ikollhom effett fuq il-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti li tiddeċiedi fuq kwalunkwe miżura difensiva skond l-Artikolu 9.

Sigurtajiet b’voti multipli għandu jkollhom vot wieħed biss kull wieħed fil-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti li tiddeċiedi fuq kwalunkwe miżura difensiva skond l-Artikolu 9.

4.  Fejn, wara li ssir offerta, dak li qed jagħmel l-offerta jżomm 75 % jew aktar tal-kapital bi drittijiet tal-vot, l-ebda restrizzjoni m’għandha tapplika li tkun fuq it-trasferiment tas-sigurtajiet jew fuq id-drittijiet tal-vot msemmija fil-paragrafi 2 u 3 u lanqas fuq kwalunkwe drittijiet oħra straordinarji ta’ l-azzjonisti li jikkonċernaw il-ħatra jew it-tneħħija ta’ membri tal-bord imsemmija fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta; siguratjiet b’voti multipli għandu jkollhom vot wieħed biss kull wieħed fl-ewwel laqgħa ġenerali wara l-għeluq ta’ l-offerta, li tissejjaħ minn min qed jagħmel l-offerta biex jemenda l-artikoli ta’ assoċjazzjoni jew biex ineħħi jew jaħtar il-membri tal-bord.

Għal dak il-għan, min qed jagħmel l-offerta għandu jkollu d-dritt li jsejjaħ fi żmien qasir laqgħa ġenerali għall-azzjonisti, sakemm il-laqgħa ma ssirx f’perjodu ta’ inqas minn ġimgħatejn wara n-notifika.

5.  Fejn jitneħħew drittijiet fuq bażi tal-paragrafi 2,3 jew 4 u/jew l-Artikolu 12, kumpens aċċettabbli għandu jiġi ipprovdut għat-telf li jkunu sofrew id-detenturi ta’ dawk id-drittijiet. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu t-termini li jiddeterminaw dan il-kumpens u l-arranġamenti għall-ħlas tiegħu.

6.  Il-paragrafi 3 u 4 m’għandhomx japplikaw għas-sigurtajiet fejn ir-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-vot jiġu kumpensati permezz ta’ vantaġġi pekunjarji speċifiċi.

7.  Dan l-Artikolu m’għandux japplika kemm fejn Stati Membri jkollhom sigurtajiet fil-kumpannija li qed tirċievi l-offerta li tagħti drittijiet speċjali lill-Istati Membri, liema drittijiet ikunu kompatibbli mat-Trattat, u kemm għad-drittijiet speċjali msemmija fil-liġi nazzjonali li jkunu kompatibli mat-Trattat jew għall-koperattivi.

Artikolu 12

Arranġamenti mhux obbligatorji

1.  L-Istati Membri jistgħu jirriservaw id-dritt li ma jirrikjedux mill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1(1) li jkollhom l-uffiċċji ta’ reġistrazzjoni fit-territorji tagħhom l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9(2) u (3) u/jew l-Artikolu 11.

2.  Meta l-Istati Membri jagħmlu użu mill-għażla msemmija fil-paragrafu 1, madankollu huma xorta għandhom jagħtu l-għażla, li tista’ tkun riversibbli, lill-kumpanniji li jkollhom l-uffiċċji ta’ reġistrazzjoni fit-territorji tagħhom li dawn japplikaw l-Artikolu 9(2) u (3) u/jew l-Artikolu 11, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(7).

Id-deċiżjoni tal-kumpannija għandha tittieħed mill-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni skond ir-regoli li jkunu applikabbli għall-emenda ta’ l-artikoli ta’ assoċjazzjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi ikkomunikata lill-awtorità superviżorja ta’ l-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha l-uffiċċju ta’ reġistrazzjoni tagħha u lill-awtoritajiet kollha ta’ superviżjoni ta’ l-Istati Membri fejn is-sigurtajiet tagħha jkunu aċċettati għall-kummerċ fis-swieq regolati jew fejn din l-aċċettazzjoni tkun ġiet mitluba.

3.  L-Istati Membri jistgħu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali, jeżentaw lill-kumpanniji li japplikaw l-Artikolu 9(2) u (3) u/jew l-Artikolu 11 milli japplikaw l-Artikolu 9(2) u (3) u/jew l-Artikolu 11 jekk dawn ikunu suġġetti għal xi offerta ta’ kumpannija li ma tapplikax l-istess Artikoli li japplikaw huma, jew ta’ kumpannija ikkontrollata, b’mod dirett jew indirett, minn din ta’ l-aħħar skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 83/349/KEE.

4.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li d-disposizzjonijiet applikabbli għall-kumpanniji rispettivi jkunu żvelati mingħajr dewmien.

5.  Kwalunkwe miżura li tiġi applikata skond il-paragrafu 3 għandha tkun suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, liema awtorizzazzjoni għandha tingħata mhux aktar kmieni minn 18-il xhar qabel l-offerta tkun saret pubblika skond l-Artikolu 6(1).

Artikolu 13

Regoli oħra applikabbli fl-immaniġġjar ta’ offerti

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu wkoll regoli li jirregolaw l-immaniġġjar ta’ l-offerti, mill-inqas f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan li ġej:

(a) l-iskadenza ta’ l-offerti;

(b) ir-reviżjoni ta’ l-offerti;

(ċ) offerti f’kompetizzjoni;

(d) l-iżvelar tar-riżultati ta’ l-offerti;

(e) l-irrevokabbilità ta’ l-offerti u l-kondizzjonijiet permessi.

Artikolu 14

Informazzjoni għal u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti ta’ l-impjegati

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti u, jekk l-Istati Membri jippermettu, għad-determinazzjoni konġunta ma’ l-impjegati ta’ min qed jagħmel l-offerta u l-kumpannija li qed tirċievi l-offerta regolata permezz tad-disposizzjonijiet nazzjonali relevanti, u b’mod partikolari dawk adottati skond id-Direttivi 94/45/KE, 98/59/KE, 2001/86/KE u 2002/14/KE.

Artikolu 15

Id-dritt ta’ l-irtirar

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, wara li ssir offerta għas-sigurtajiet kollha lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, il-paragrafi 2 sa 5 għandhom japplikaw.

2.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li min jagħmel l-offerta ikun jista’ jirrikjedi lid-detenturi tal-bqija tas-sigurtajiet biex dawn ibiegħu dawk is-sigurtajiet bi prezz raġonevoli. L-Istati Membri għandhom jintroduċu dan id-dritt f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a) fejn min jagħmel l-offerta jkollu sigurtajiet li jirrapreżentaw mhux inqas minn 90 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot u 90 % tad-drittijiet tal-vot fil-kumpannija li qed tirċievi l-offerta,

jew

(b) fejn, wara l-aċċettazzjoni ta’ l-offerta, hu/hi jkunu akkwistaw jew ikunu għamlu kuntratt biex jakkwistaw sigurtajiet li jirrapreżentaw mhux inqas minn 90 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta u 90 % tad-drittijiet tal-vot inklużi fl-offerta.

Fil-każ msemmi f’(a), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu massimu aktar għoli li, iżda, ma jistax ikun aktar għoli minn 95 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot u 95 % tad-drittijiet tal-vot.

3.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun hemm regoli fis-seħħ li jagħmlu l-kalkolazzjoni possibli meta l-limitu massimu jintlaħaq.

Fejn kumpannija li qed tirċievi offerta tkun ħarġet aktar minn klassi waħda ta’ sigurtajiet, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta’ l-irtirar jiġi eżerċitat biss fil-klassi fejn il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 2 ikun intlaħaq.

4.  Jekk min jagħmel l-offerta ikun jixtieq jagħmel użu mid-dritt ta’ l-irtirar hu/hi għandhom jagħmlu dan fi żmien tliet xhur minn meta jintemm iż-żmien allokat għall-aċċettazzjoni ta’ l-offerta msemmija fl-Artikolu 7.

5.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jkun hemm garanzija ta’ prezz raġonevoli. Il-prezz għandu jkun l-istess forma bħal konsiderazzjoni offruta fl-offerta jew għandu jkun f’forma ta’ flus kontanti. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-flus kontanti ikunu mill-inqas offruti bħala alternattiva.

Wara li ssir offerta volontarja, fiż-żewġ każi msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b), il-konsiderazzjoni offruta fl-offerta għandha titqies bħala raġonevoli fejn, permezz ta’ l-aċċettazzjoni ta’ l-offerta, dak li jagħmel l-offerta ikun akkwista sigurtajiet li jirrapreżentaw mhux inqas minn 90 % tal-kapital bi drittijiet tal-vot inkluż fl-offerta.

Wara li ssir offerta obbligatorja, il-konsiderazzjoni offruta fl-offerta għandha titqies bħala raġonevoli.

Artikolu 16

Id-dritt għall-bejgħ

1.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li wara li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw.

2.  L-Istati Membri għandhom jassiguraw li detentur tal-bqija tas-sigurtajiet ikun jista’ jitlob lil min qed jagħmel l-offerta biex jixtri s-sigurtajiet minn għandu bi press raġonevoli skond l-istess ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.  L-Artikolu 15(3) sa (5) għandu japplika mutatis mutandis.

Artikolu 17

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu s-sanzjonijiet li jiġu imposti għall-ksur tal-miżuri nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jaċċertaw li dawn jidħlu fis-seħħ. Is-sanzjonijiet provduti b’dan il-mod għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u tat-tip li jipperswadu. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawn il-miżuri mhux aktar tard mid-data stabbilita fl-Artikolu 21(1) u b’kwalunkwe bidliet relatati li jsiru wara mill-aktar fis possibli.

Artikolu 18

Il-proċedura tal-Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna mill-Kumitat Ewropew għas-Sigurtajiet stabbilit permezz tad-Deċiżjoni 2001/528/KE (minn hawn “il quddiem imsejjaħ il-Kumitat”).

▼M1

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 19

Kumitat ta’ kuntatt

1.  Għandu jitwaqqaf kumitat ta’ kuntatt li jkollu bħala l-funzjonijiet tiegħu:

(a) li jiffaċilita, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 226 u 227 tat-Trattat, l-applikazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva permezz ta’ laqgħat regolari li jkunu jitrattaw il-problemi prattiċi li jinħolqu fl-applikazzjoni tagħha;

(b) biex fejn meħtieġ javża lill-Kummissjoni fuq żidiet jew emendi għal din id-Direttiva.

2.  M’għandiex tkun il-funzjoni tal-kumitat ta’ kuntatt li jevalwa l-merti tad-deċiżjonijiet li l-awtoritajiet superviżorji jieħdu f’każi individwali.

Artikolu 20

Reviżjoni

Ħames snin wara d-data stabbilita fl-Artikolu 21(1), il-Kummissjoni għandha tanaliżża din id-Direttiva fid-dawl ta’ l-esperjenza li tkun inkisbet fl-applikazzjoni tagħha u, fejn meħtieġ, tipproponi li tiġi riveduta. Din l-analiżi għandha tinkludi studju ta’ l-istrutturi tal-kontroll u l-ostakoli għall-offerti ta’ xiri li ma jkunux koperti b’din id-Direttiva.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom kull sena jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni fuq l-offerti ta’ xiri li jkunu nħarġu kontra kumpanniji li s-sigurtajiet tagħhom ikunu aċċettati fis-swieq regolati tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi in-nazzjonalità tal-kumpanniji involuti, ir-riżultati ta’ l-offerti u kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti li twassal biex wieħed jifhem kif joperaw fil-prattika l-offerti ta’ xiri.

Artikolu 21

Transposizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jkunu meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-20 ta’ Mejju 2006. Huma għandhom jinformaw b’mod immedjat lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bit-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fl-oqsma koperti b’din id-Direttiva.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.



( 1 ) ĠU C 45 E, 25.02.03, p. 1.

( 2 ) ĠU C 208, 03.09.03, p. 55.

( 3 ) L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2004.

( 4 ) ĠU L 254, 30.09.94, p. 64. Id-Direttiva kif emendata permezz tad-Direttiva 97/74/KE (ĠU L 10, 16.01.98, p. 22).

( 5 ) ĠU L 225, 12.08.98, p. 16.

( 6 ) ĠU L 294, 10.11.01, p. 22.

( 7 ) ĠU L 80, 23.03.02, p. 29.

( 8 ) ĠU L 96, 12.04.03, p. 16.

( 9 ) ĠU L 191, 13.07.01, p. 45. Id-Deċiżjoni kif emendata permezz tad-Deċiżjoni Nru 2004/8/KE (ĠU L 3, tas-7.1.2004, p. 33).

( 10 ) ĠU L 184, 17.07.99, p. 23.

( 11 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE: ta’ l-10 ta’ Mejju 1993 dwar is-servizzi ta’ l-investiment fil-qasam tas-sigurtajiet (ĠU L 141, tal-11.6.1993, p. 27). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, tal-11.2.2003, p. 1).

( 12 ) Id-Direttiva 2001/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2001 fuq l-aċċettazzjoni ta’ sigurtajiet fuq il-lista uffiċjali tal-borża u fuq l-informazzjoni li għandha tiġi ippubblikata fuq dawk is-sigurtajiet (ĠU L 184, tas-6.7.2001, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 64).

( 13 ) Ir-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE: tal-25 ta’ Lulju 1978 fuq il-kontijiet annwali ta’ ċertu tipi ta’ kumpanniji (ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 2003/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 178, tas-17.7.2003, p. 16).

( 14 ) Is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE: tat-13 ta’ Ġunju 1983 fuq il-kontijiet konsolidati (ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 2003/51/KE.