2000R2658 — MT — 01.05.2004 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2658/2000

tad-29 ta' Novembru 2000

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 304, 5.12.2000, p.3)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date


Emendat bi:

►A1

  L 236

33

23.9.2003




▼B

IR-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2658/2000

tad-29 ta' Novembru 2000

dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2821/71 ta' l-20 ta' Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat lil ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati ( 1 ), emendata l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja, u b'mod partikolari l-Artikolu 1(1)(ċ) tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta' dan ir-Regolament ( 2 ),

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Ristrettivi u Posizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71/jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 81(3) tat-Trattat (li qabel kien l-Artikolu 85(3)) permezz ta' regolament lil ċerti kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 81(1) li għandhom bħala oġġett tagħhom l-ispeċjalizzazzjoni, li jinkludi l-ftehim meħtieġ sabiex jiksbuha.

(2)

Skond ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71, b'mod partikolari, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KEE) Nru 417/85 tad-19 ta' Diċembru 1984 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 85(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni ( 3 ), kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2236/97 ( 4 ). Ir-Regolament (KEE) Nru 417/85 jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2000.

(3)

Regolament ġdid għandu jaderixxi maż-żewġ ħtiġiet li jiżguraw protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u li jipprovdu sigurtà legali adegwata għall-impriżi. L-għan ta' dawn l-oġġettivi huwa li jikkunsidraw il-bżonn li jissimplifikaw is-superviżjoni amministrattiva tal-qafas leġislattiv għall-akbar firxa possibbli. Taħt ċertu livell ta' poter tas-suq jista' jkun preżunt b'mod ġenerali, għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3), li l-effetti pożittivi ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni jkunu ta' valur akbar minn kull effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

(4)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jeħtieġ ir-regolament li jeżenta tal-Kummissjoni biex jiddefinixxi l-kategoriji ta' ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati li japplikaw għalih, sabiex jispeċifikaw ir-restrizzjonijiet jew klawsoli li jistgħu, jew le, jidhru fil-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati, u biex jispeċifikaw il-klawsoli li għandhom jinsabu fil-ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi kkonċertati jew il-kondizzjonijiet l-oħra li għandhom ikunu sodisfatti.

(5)

Huwa xieraq li wieħed iwarrab mill-mod li jitniżżlu l-klawsoli eżentati u li jenfasizza aktar id-definizzjoni tal-kategoriji ta' ftehim li huma eżenti sa ċertu livell ta' poter tas-suq u fuq l-ispeċifikar tar-restrizzjonijiet jew klawsoli li m'għandhomx ikunu f'dan il-ftehim. Dan huwa konsistenti ma' mod ta' xogħol ibbażat fuq l-ekonomija li jistma l-impatt ta' ftehim fuq is-suq rilevanti.

(6)

Għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) permezz ta' regolament, m'huwiex meħtieġ li jiġu definiti dawk il-ftehim li jafu jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 81(1). Fl-istima individwali ta' ftehim taħt l-Artikolu 81(1), għandha tingħata konsiderazzjoni lil ħafna fatturi, u b'mod partikolari lill-istruttura tas-suq fuq is-suq rilevanti.

(7)

Il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali għandu jkun illimitat għal ftehim li jista' jkun preżunt għalihom b'biżżejjed ċertezza li jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(3).

(8)

Ftehim dwar speċjalizzazzjoni fil-produzzjoni ġeneralment jikkontribwixxi għal titjib fil-produzzjoni jew distribuzzjoni ta' l-oġġetti, minħabba li l-impriżi kkonċernati jistgħu jikkonċentraw fuq il-manifattura ta' ċerti prodotti u b'hekk joperaw b'mod aktar effiċjenti u jfornu l-prodotti bi prezz orħos. Ftehim dwar l-ispeċjalizzazzjoni fil-provvediment ta' servizzi jista' jingħad ukoll li ġeneralment iqajjem titjib simili. X'aktarx li, minħabba l-kompetizzjoni effettiva, il-konsumaturi jirċievu sehem ġust tal-benefiċċju li jirriżulta.

(9)

Dawn il-vantaġġi jistgħu jitqajmu ugwalment minn ftehim li fihom parteċipant wieħed jieqaf mill-manifattura ta' ċerti prodotti jew mill-provvediment ta' ċerti servizzi favur parteċipant ieħor (“speċjalizzazzjoni unilaterali”), minn ftehim li fihom kull parteċipant jieqaf mill-manifattura ta' ċerti prodotti jew mill-provvediment ta' ċerti servizzi favur parteċipant ieħor (“speċjalizzazzjoni reċiproka”) u minn ftehim li bihom il-parteċipanti jiftiehmu li jimmanifatturaw b'mod konġunt ċerti prodotti jew jipprovdu ċerti servizzi (“produzzjoni konġunta”).

(10)

Peress li ftehim ta' speċjalizzazzjoni unilaterali bejn impriżi li ma jikkompetux jista' jibbenefika mill-block exemption ipprovdut mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 tat-22 ta' Diċembru 1999 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat lil kategoriji ta' ftehim vertikali u prattiċi kkonċernati ( 5 ), l-applikazzjoni tar-Regolament preżenti għal ftehim ta' speċjalizzazzjoni unilaterali għandu jkun illimitat għal ftehim bejn il-kompetituri.

(11)

Il-ftehim kollu l-ieħor li l-impriżi jidħlu għalihom relatati mal-kondizzjonijiet li fihom jispeċjalizzaw fil-produzzjoni ta' oġġetti u/jew servizzi għandu jaqa' fi ħdan l-iskop ta' dan ir-Regolament. L-eżenzjoni ġenerali għandha tapplika wkoll għad-disposizzjonijiet li jinsabu fi ftehim ta' speċjalizzazzjoni li ma jikkostitwixxux l-oġġett primarju ta' dan il-ftehim, iżda li huma rrelatati direttament magħhom u huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, u għal ċerti ftehim tax-xiri u immarkittjar irrelatati.

(12)

Sabiex ikun żgurat li l-benefiċċji ta' l-ispeċjalizzazzjoni jimmaterjalizzaw mingħajr ma jitlaq partit mill-produzzjoni, ftehim ta' speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproku għandu jkun kopert biss minn dan ir-Regolament fejn jipprovdu għall-obbligi tal-forniment u xiri. Dawn l-obbligi jistgħu, iżda m'għandhomx għalfejn ikunu, ta' natura esklussiva.

(13)

Jista' jkun preżunt li, fejn is-sehem ta' l-impriżi parteċipanti tas-suq rilevanti ma jaqbiżx l-20 %, ftehim ta' speċjalizzazzjoni kif definit f'dan ir-Regolament, bħala regola ġenerali, iqajjem benefiċċji ekonomiċi fil-forma ta' ekonomiji ta' skala jew skop jew teknoloġiji ta' produzzjoni aħjar, filwaqt li jippermettu lill-konsumaturi sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw.

(14)

Dan ir-Regolament m'għandux jeżenta ftehim li jinkludi restrizzjonijiet li m'humiex indispensabbli sabiex jiksbu l-effetti pożittivi msemmijin hawn fuq. Fil-prinċipju, ċerti restrizzjonijiet severi kontra l-kompetittività relatati ma' l-iffissar tal-prezzijiet iċċarġjati lil terzi partijiet, il-limitazzjoni ta' produzzjoni jew bejgħ, u allokazzjoni ta' swieq jew klijenti għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali mwaqqfa minn dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem tas-suq ta' l-impriżi kkonċernati.

(15)

Il-limitazzjoni tas-sehem tas-suq, in-nuqqas ta' eżenzjoni ta' ċerti ftehim u l-kondizzjonijiet li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament normalment jiżguraw li l-ftehim li japplikaw għalihom l-eżenzjoni ġenerali ma jawtorizzawx lill-impriżi parteċipanti sabiex jeliminaw il-kompetizzjoni b'rispett għal parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.

(16)

F'każi partikolari li fihom il-ftehim li jaqgħu taħt dan ir-Regolament xorta għandhom effetti li m'humiex kompatibbli ma' l-Artikolu 81(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni tista' tirtira mill-benefiċċju ta' l-eżenzjoni ġenerali.

(17)

Sabiex tkun iffaċilitata l-konklużjoni ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni, li jistgħu jkollhom piż fuq l-istruttura ta' l-impriżi parteċipanti, il-perjodu ta' validità ta' dan ir-Regolament għandu jkun iffissat għal 10 snin.

(18)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 82 tat-Trattat.

(19)

F'konformità mal-prinċipju tal-preminenza tal-liġi tal-Komunità, l-ebda miżura meħuda skond il-liġijiet nazzjonali dwar il-kompetizzjoni m'għandha tippreġudika l-applikazzjoni uniformi fis-suq komuni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni fil-Komunità jew l-effett sħiħ ta' kull miżura adottata fl-implimentazzjoni ta' dawk ir-regoli, li jinkludu dan ir-Regolament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

L-Eżenzjoni

1.  Skond l-Artikolu 81(3) tat-Trattat u suġġett għad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, huwa ddikjarat li l-Artikolu 81(1) m'għandux japplika għall-ftehim li ġejjin li għalihom daħlu żewġ impriżi jew aktar (minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-partijiet”) li jirrelataw għall-kondizzjonijiet li fihom dawk l-impriżi jispeċjalizzaw fil-produzzjoni ta' prodotti (minn hawn 'il quddiem imsejħin “ftehim ta' speċjalizzazzjoni”):

(a) ftehim ta' speċjalizzazzjoni unilaterali, li bis-saħħa tiegħu parti taqbel li tieqaf mill-produzzjoni ta' ċerti prodotti jew iżżomm lura milli tipproduċi dawn il-prodotti u tixtrihom minn impriża kompetittiva, filwaqt li l-impriża kompetittiva taqbel li tipproduċi u tforni biss dawk il-prodotti; jew

(b) ftehim ta' speċjalizzazzjoni reċiproku, li bis-saħħa tagħhom żewġ partijiet jew aktar jiftiehmu fuq bażi reċiproka li jżommu lura milli jipproduċu ċerti iżda prodotti differenti u biex jixtru dawn il-prodotti mingħand il-partijiet, li jaqblu li jfornuhom; jew

(ċ) ftehim ta' produzzjoni konġunta, li bis-saħħa tagħhom żewġ partijiet jew aktar jaqblu li jipproduċu ċerti prodottu b'mod konġunt.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sakemm dawn il-ftehim ta' speċjalizzazzjoni jkun fihom restrizzjonijiet ta' kompetizzjoni li jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat.

2.  L-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għad-disposizzjonijiet li jinsabu fi ftehim ta' speċjalizzazzjoni, li ma jikkostitwixxux l-oġġett primarju ta' dawn il-ftehim, iżda huma rrelatati direttament magħhom u meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma dawk li jikkonċernaw in-nominazzjoni jew użu ta' drittijiet intellettwali tal-proprjetà.

L-ewwel sottoparagrafu, iżda, ma japplikax għad-disposizzjonijiet li għandhom l-istess oġġettiv bħalma għandhom ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni elenkati fl-Artikolu 5(1).

Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament:

1. “Ftehim” ifisser ftehim, deċiżjoni ta' assoċjazzjoni ta' impriżi jew prattika konċertata.

2. “Impriżi parteċipanti” tfisser impriżi li huma parti għall-ftehim u l-impriżi rispettivi konnessi magħhom.

3. “Impriżi konnessi” tfisser:

(a) impriżi li fihom, parti fil-ftehim, direttament jew indirettament:

(i) għandha l-poter li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii) għandha l-poter li tinnomina aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, bord ta' l-immaniġġjar jew korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii) għandha d-dritt li timmaniġġja l-affarijiet ta' l-impriża;

(b) impriżi li direttament jew indirettament għandhom, aktar mill-parti fil-ftehim, id-drittijiet jew poteri mniżżlin f'(a);

(ċ) impriżi li fihom, impriża li saret referenza għaliha f'(b) għandha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew poteri mniżżlin f'(a);

(d) impriżi li fihom, parti fil-ftehim flimkien ma' impriża waħda jew aktar li saret referenza għaliha f'(a), (b) jew (ċ), jew li fihom, żewġ impriżi jew aktar minn dawn ta' l-aħħar, għandhom id-drittijiet jew poteri mniżżlin f'(a) b'mod konġunt;

(e) impriżi li fihom id-drittijiet jew il-poteri mniżżlin f'(a) jinżammu b'mod konġunt minn:

(i) partijiet fil-ftehim jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom li saret referenza għalihom f'(a) sa (d), jew

(ii) parti waħda jew aktar fil-ftehim jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom li saret referenza għalihom f'(a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

4. “Prodott” ifisser oġġett u/jew servizz, li jinkludu sew oġġetti u/jew servizzi intermedjarji u oġġetti u/jew servizzi finali, bl-eċċezzjoni ta' servizzi ta' distribuzzjoni u kiri.

5. “Produzzjoni” tfisser il-manifattura ta' oġġetti jew il-provvediment ta' servizzi u jinkludi produzzjoni permezz ta' subkuntrattar.

6. “Suq rilevanti” jfisser il-prodott rilevanti u s-suq(swieq) ġeografiċi li għalihom jappartjenu l-prodotti, li huma l-argument tas-suġġett ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni.

7. “Impriża kompetittiva” tfisser impriża li hija attiva fis-suq rilevanti (kompetitur attwali) jew impriża li, f'raġunijiet realistiċi, timpriża l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew kull spiża oħra meħtieġa għall-i switching sabiex tkun tista' tidħol fis-suq rilevanti bħala risposta għal żieda żgħira u permanenti fi prezzijiet relattivi (kompetitur potenzali).

8. “Obbligu esklussiv għall-forniment” ifisser obbligu li impriża ma tfornix lil impriża kompetittiva ħlief xi parti fil-ftehim bil-prodott li jirrelata għalih il-ftehim ta' speċjalizzazzjoni.

9. “Obbligu esklussiv għax-xiri” jfisser obbligu li impriża tixtri l-prodott li jirrelata għalih il-ftehim ta' speċjalizzazzjoni mingħand il-parti li taqbel li tfornih biss.

Artikolu 3

Arranġamenti ta' xiri u mmarkittjar

L-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1 għandha tapplika wkoll fejn:

(a) il-partijiet jaċċettaw obbligu esklussiv għax-xiri u/jew forniment fil-kuntest ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni unilaterali jew reċiproku jew ftehim ta' produzzjoni konġunta, jew

(b) il-partijiet li ma jbiegħux il-prodotti li huma l-oġġett tal-ftehim ta' speċjalizzazzjoni indipendentement iżda jipprovdu għal distribuzzjoni konġunta jew jaqblu li jinnominaw lil terza parti bħala distributur jew fuq bażi esklussiva jew mhux esklussiva fil-kuntest ta' ftehim ta' produzzjoni konġunta sakemm dik it-terza parti m'hijiex impriża kompetittiva.

Artikolu 4

Limitu dwar sehem fis-suq

L-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1 għandha tapplika bil-kondizzjoni li s-sehem tas-suq ikkumbinat ta' l-impriżi parteċipanti ma jaqbiżx l-20 % tas-suq rilevanti.

Artikolu 5

Ftehim mhux kopert mill-eżenzjoni

1.  L-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1 m'għandhiex tapplika fil-ftehim li, direttament jew indirettament, waħedhom jew f'kombinazzjoni ma' fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala oġġett tagħhom:

(a) l-iffissar tal-prezzijiet meta jbiegħu l-prodotti lil terzi partijiet;

(b) il-limitazzjoni ta' produzzjoni jew bejgħ; jew

(ċ) l-allokazzjoni ta' swieq jew klijenti.

2.  Il-Paragrafu 1 m'għandux japplika għal:

(a) disposizzjonijiet dwar l-ammont miftiehem ta' prodotti fil-kuntest ta' ftehim ta' speċjalizzazzjoni unilaterali jew reċiproku jew l-iffissar tal-kapaċità u volum ta' produzzjoni ta' intrapriża bejn tnejn jew aktar fil-kuntest ta' ftehim ta' produzzjoni konġunta;

(b) l-iffissar ta' miri ta' bejgħ u l-iffissar ta' prezzijiet tal-produzzjoni li l-intrapriża bejn tnejn jew aktar tiċċarġja lill-klijenti immedjati tagħha fil-kuntest tal-punt (b) ta' l-Artikolu 3.

Artikolu 6

Applikazzjoni ta' limitu fis-sehem tas-suq

1.  Għall-għanijiet li jiġi applikat limitu fis-sehem tas-suq, li hemm ipprovdut għalih fl-Artikolu 4, għandhom jgħoddu r-regoli li ġejjin:

(a) is-sehem tas-suq għandu jiġi kkalkulat fuq il-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk l-informazzjoni dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq m'hijiex disponibbli, estimi bbażati fuq informazzjoni oħra tas-suq ta' min jafdaha, li jinkludu volumi ta' bejgħ fis-suq, li jistgħu jintużaw sabiex jitwaqqaf is-sehem tas-suq ta' l-impriża kkonċernata;

(b) is-sehem tas-suq għandu jiġi kalkulat fuq informazzjoni rrelatata mas-sena kalendarja ta' qabel;

(ċ) is-sehem tas-suq miżmum mill-impriżi li saret referenza għalihom fil-punt 3(e) ta' l-Artikolu 2 għandu jkun imqassam ugwalment għal kull impriża li għandha d-drittijiet jew il-poteri mniżżla fil-punt 3(a) ta' l-Artikolu 2.

2.  Jekk is-sehem tas-suq li saret referenza għalih fl-Artikolu 4 inizjalment m'huwiex aktar minn 20 % iżda sussegwentment jitla' 'l fuq minn dan il-livell mingħajr ma jaqbeż il-25 %, l-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta' sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fih inqabeż il-limitu ta' 20 %.

3.  Jekk is-sehem tas-suq li saret referenza għalih fl-Artikolu 4 inizjalment m'huwiex aktar minn 20 % iżda sussegwentment jitla' 'l fuq minn 25 %, l-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta' sena kalendarja wara s-sena li fih inqabeż il-livell ta' 25 % l-ewwel darba.

4.  Il-benefiċċju tal-paragrafi 2 u 3 ma jistgħux jingħaqdu sabiex jaqbżu perjodu ta' sentejn kalendarji.

Artikolu 7

L-Irtirar

Il-Kummissjoni tista' tirtira l-benefiċċju ta' dan ir-Regolament, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE) Nru 2821/71, fejn, jew bl-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru jew ta' persuna naturali jew legali li għandha interess leġittimu, issib f'każ partikolari li ftehim li tapplika għalih l-eżenzjoni li hemm ipprovdut għaliha fl-Artikolu 1, xorta waħda għandha effetti li huma inkompatibbli mal-kondizzjonijiet imqiegħda fl-Artikolu 81(3) tat-Trattat, u b'mod partikolari fejn:

(a) il-ftehim m'huwiex jipproduċi riżultati sinifikattivi f'termini ta' razzjonalizzazzjoni jew il-konsumaturi m'humiex jirċievu sehem ġust tal-benefiċċju li jirriżulta, jew

(b) il-prodotti li huma s-suġġett ta' l-ispeċjalizzazzjoni li m'humiex suġġetti fis-suq komuni jew parti sostanzjali minnhom għal kompetizzjoni effettiva minn prodotti identiċi jew prodotti li huma kkunsidrati mill-utenti li huma ekwivalenti mil-lat tal-karatteristiċi, prezz, u użu maħsub tagħhom.

Artikolu 8

Il-Perjodu transizzjonali

Il-projbizzjoni mqiegħda fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat m'għandhiex tapplika fil-perjodu mill-1 ta' Jannar 2001 sat-30 ta' Ġunju 2002 b'rispett ta' ftehim li diġà qegħdin fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2000 li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm ipprovdut għalihom f'dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni li hemm ipprovdut għalihom fir-Regolament (KEE) Nru 417/85.

▼A1

Artikolu 8a

Il-projbizzjoni fl-Artikolu 81(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika għal akkordji li kienu jeżistu fid-data ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja u li, minħabba l-adeżjoni, jaqgħu fi ħdan l-iskop ta' l-Artikolu 81(1) jekk, fi żmien sitt xhur mid-data ta' l-adeżjoni, dawn ikunu emendati b'mod illi jsiru konformi mal-kondizzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 9

Il-Perjodu ta' validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2001.

Jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 285, tad-29.12.1971, pġ. 46.

( 2 ) ĠU C 118, tas-27.4.2000, pġ. 3.

( 3 ) ĠU L 53, tat-22.2.1985, pġ. 1.

( 4 ) ĠU L 306, tal-11.11.1997, pġ. 12.

( 5 ) ĠU L 336, tad-29.12.1999, pġ. 21.