1991L0271 — MT — 01.01.2014 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

ta’ l-21 ta’ Mejju 1991

dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi

(91/271/KEE)

(ĠU L 135, 30.5.1991, p.40)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

Id-direttiva tal-kummissjoni 98/15/KE Test b'relevanza għaż-ŻEE tas-27 ta' Frar 1998

  L 67

29

7.3.1998

►M2

Ir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Settembru 2003

  L 284

1

31.10.2003

►M3

Regolament (KE) Nru 1137/2008 tal-Parlament Ewropew U tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2008

  L 311

1

21.11.2008

►M4

Direttiva tal-Kunsill 2013/64/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013

  L 353

8

28.12.2013




▼B

ID-DIRETTIVA TAL-KUNSILL

ta’ l-21 ta’ Mejju 1991

dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi

(91/271/KEE)



IL-KUNSILL TAL-KOMUNITÀ EWROPEA,

Wara li kkunsidra it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 130s ta’ dan,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew ( 2 ),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali ( 3 ),

Billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1988 dwar il-protezzjoni tal-Baħar tat-Tramuntana u ta’ ibħra oħra fil-Komunità ( 4 ) kienet stiednet lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti għall-miżuri meħtieġa fuq livell ta’ Komunità għat-trattament ta’ ilma urban mormi;

Billi t-tniġġis kkawżat minn trattament insuffiċjenti ta’ ilma mormi fi Stat Membru wieħed ħafna drabi jinfluwenza l-ilmijiet ta’ Stati Membri oħra; billi f’konformità mal-Artikolu 130r, azzjoni fuq livell ta’ Komunità hija meħtieġa;

Billi biex jigi prevenut illi l-ambjent jiġI effetwat negattivament mit-tneħħija ta’ ilma urban mormi li ma jkunx itrattat suffiċjentement, hemm bżonn ġenerali għal trattament sekondarju ta’ ilma urban mormi;

Billi huwa meħtieġ li f’żoni sensittivi jkun hemm aktar trattament strett; billi f’ċertu żoni inqas sensittivi trattament primarju jista’ jkun ikkunsidrat bħala wieħed xieraq;

billi l-ilma industrijali mormi li jinġabar f’sistemi ta’ ġbir kif ukoll l-iskariki ta’ ilma mormi u d-disponiment ta’ ħama minn impjanti tat-trattament ta’ ilma urban mormi għandhom ikunu soġġetti għal regolamenti u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi;

Billi skariki minn ċertu setturi industrijali ta’ ilma industrijali mormi biodegradabbli li ma jidħolx f’impjanti tat-trattament ta’ ilma mormi qabel ma dan jintrema fl-ilmijiet li se jirċevuh għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet xierqa;

Billi r-riċiklar ta’ ħama li ġejja mit-trattament ta’ ilma mormi għandu jkun inkuraġġit; billi d-disponiment ta’ ħama fl-ilma tal-wiċċ għandu jitneħħa b’mod gradwali;

Billi huwa meħtieġ li jkunu sorveljati l-impjanti ta’ trattament, l-ilmijiet li fihom jintefa ’l-ilma mormi u d-disponiment ta’ ħama biex jiġi żgurat li l-ambjent ikun protett mill-effetti negattivi kkawżati mill-iskariki ta’ ilma mormi;

Billi huwa importanti li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar id-disponiment ta’ ilma mormi u ħama tkun disponibbli għall-pubbliku fil-forma ta’ rapporti perjodiċi;

Billi l-Istati Membri għandhom iwaqqfu u jippreżentaw lill-Kummissjoni programmi nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

Billi għandu jitwaqqaf Kumitat biex jgħin lill-Kummissjoni dwar materji li jirrigwardaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u l-adattament tagħha għal progress tekniku,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:



Artikolu 1

Din id-Direttiva tikkonċerna l-ġbir, it-trattament u l-iskariki ta’ ilma mormi urban u t-trattment u l-iskariki ta’ ilma mormi minn ċertu setturi industrijali.

L-għan tad-Direttiva huwa li tipproteġi l-Ambjent minn effetti negattivi iskariki ta’ ilma mormi hawn fuq imsemmija.

Artikolu 2

Għall-għan ta’ din id-Direttiva:

1. “ilma mormi urban” tfisser ilma mormi domestiku jew taħlita ta’ ilma mormi domestiku ma' ilma mormi industrijali u/jew ilma tax-xita;

2. “ilma mormi domestiku” ifisser ilma mormi minn żoni residenzjali u servizzi li joriġinaw l-aktar mill-metaboliżmu uman u minn attivitajiet domestiċi;

3. “ilma mormi industrijali” ifisser kull ilma mormi li joħroġ minn bini użat biex jilqa’ fih kull sengħa jew industrija, li mhuwiex la ilma mormi dometiku u lanqas ilma tax-xita moħli;

4. “agglomerazzjoni” tfsser żona fejn il-popolazzjoni u/jew l-attivitajiet ekonomiċi jkunu konċentrati b’mod suffiċjenti sabiex l-ilma mormi urban ikun jista jinġabar u jittieħed f’impjant ta’ trattament ta’ l-ilma mormi urban jew għall-punt ta’ skarikar finali;

5. “sistema ta’ ġbir” tfisser sistema ta’ pajpijiet li tiġbor u tmexxi l-ilma mormi urban;

6. “1 e.p. (ekwivalenti ta’ popolazzjoni)” tfisser it-toqol organiku biodegradabbli li jkollu domanda għall-ossiġenu bio-kemikali ta’ ħamest ijiem (BOD5) ta’ 60 g ta’ ossiġnu kuljum;

7. “trattament primarju” ifisser trattament ta’ ilma mormi urban permezz ta’ proċessi fiżiċi u/jew kemikali li jinvolvu t-tqegħid ta’ solidi sospiżi, jew proċessi oħra li fihom l-BOD5 ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqas b’minn ta’ l-anqas 20 % qabel ma dan jintrema, waqt li s-solidi sospiżi totali ta’ l-ilma mormi li jkun dieħel jitnaqqsu b’minn ta’ lanqas 50 %;

8. “trattament sekondarju” ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi proċessi li jinvolvu ġeneralment trattament bioloġiku bi tqegħid sekondarju, jew proċessi oħra li fihom il-kriterji stabbiliti fit-Tabella 1 ta’ l-Anness I huma rispettati;

9. “trattament xieraq” ifisser trattament ta’ ilma mormi urban bi kwalunkwe proċess u/jew sistema ta’ disponiment li wara l-iskarikar jippermetti li l-ilmijiet riċeventi jilħqu l-għanijiet ta’ kwalità u d-dispożizzjonijiet relevanti ta’ din u ta’ Direttivi oħra tal-Komunità;

10. “Ħama” tfisser ħama residwu, kemm jekk tkun ittrattata u kemm jekk le, minn impjanti tat-trattament ta’ ilma mormi urban;

11. “ewtrofikazzjoni” tfisser li l-ilma jkun mogħni b’nutrijenti, speċjalment b’komposti ta’ nitroġenu u/jew fosfru, li jikkawżaw it-tkabbir mgħaġġel ta’ algae u forom aktar għoljin ta’ pjanti ħajjin biex jipproduċu tfixkil mhux mixtieq lill-bilanċ ta’ organiżmi li jkunu preżenti fl-ilma kif ukoll lill-kwalità ta’ l-ilma kkonċernat;

12. “estwarji” tfisser iż-żona transizzjonali f’bokka ta’ xmara bejn l-ilma ħelu u l-ilma kostali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-limiti esterjuri (lejn il-baħar) ta’ żoni estwarji għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva bħala parti mill-programm ta’ implimentazzjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 17(1) u (2);

13. “ibħra kostali” tfisser l-ilmijiet li jkunu barra l-linja l-baxxa ta’ l-ilma jew barra l-limitu esterjuri taż-żona estwarja.

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban,

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għal dawk li jkollhom popolazzjoni ekwivalenti (e.p.) ta’ aktar minn 15 000 ruħ, u

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal dawk li jkollhom e.p. ta’ bejn l-2 000 u il-15 000 ruħ.

Għall-ilma mormi urban li jispiċċa f’ilmijiet li jilqgħu dan id-drenaġġ u li huma kkunsidrati bħala “żoni sensittivi” kif mfisser taħt l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sistemi ta’ ġbir ikunu disponibbli sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p.

Fejn it-twaqqif ta’ sistemi ta’ ġbir ma jkunx iġġustifikat jew għaliex dan ma jkun jipprovdi l-ebda benefiċċju ambjentali jew għaliex ikun jinvolvi spiża eċċessiva, għandhom jintużaw sistemi individwali jew sistemi adatti oħra li jkunu jilħqu l-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali.

▼M4

(1a)  B'deroga mill-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1, fir-rigward tal-Majott bħala reġjun ultraperiferiku fit-tifsira tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem “il-Majott”) Franza għandha tiżgura li l-agglomerazzjonijiet kollha jkunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir għall-ilma mormi urban:

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 p.e., li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott;

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 2 000 p.e.

▼M3

2.  Is-sistemi ta' ġbir deskritti fil-paragrafu 1 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Taqsima A ta' l-Anness I. Il-Kummissjoni tista' temenda dawk ir-rekwiżiti. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).

▼B

Artikolu 4

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu ma jkun skarikat ikun suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor kif ġej:

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ aktar minn 15 000 e.p.,

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għall-skariki kollha minn agglomerazzjoni ta’ bejnl-10 000 u l-15 000 e.p.,

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2005 għal skariki li jispiċċaw f’ilma ħelu u estwarji minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-2 000 u l-10 000 e.p.

▼M4

(1a)  Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li d-drenaġġ urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir hu, qabel ma jkun skarigat, suġġett għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti:

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 15 000 p.e., flimkien ma l-agglomerazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 5 (2a), li ser ikopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott;

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2027 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 2 000 p.e.

▼B

2.  Skariki ta’ ilma mormi urban għal ġo ilmijiet li jinsabu f’reġjuni ta’ muntanji għoljin (aktar minn 1 500 mil fuq mil-livell tal-baħar), fejn huwa diffiċli li wieħed japplika trattament bioloġiku effettiv minħabba t-temperaturi baxxi, jista jkun suġġett għal trattament inqas strett minn dak preskritt fil-paragrafu 1, sakemm studji dettaljati juru li dawk l-skariki ma jaffettwawx lill-ambjent b’mod negattiv.

▼M3

3.  L-iskariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma mormi urban deskritti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta' l-Anness I. B. Il-Kummissjoni tista' temenda dawn il-kriterji. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).

▼B

4.  It-toqol espress f’termini ta’ e.p. għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi tat-toqol massimu medju ta’ ġimgħa li jidħol fl-impjant ta’ trattament matul is-sena, esklużi biss sitwazzjonijiet mhux tas-soltu bħal dawk li jiġu kkawżati minn xita qalila.

Artikolu 5

1.  Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 għandhom jidentifikaw żoni sensittivi skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun, qabel ma jippermettu l-iskarikar tiegħu f’żoni sensittivi, soġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 1998 għall-skariki kollha minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 e.p.

▼M4

(2a)  B'deroga mill-paragrafu 2, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tiżgura li d-drenaġġ urban mormi li jidħol f’sistemi ta’ ġbir hu, qabel ma jkun skarigat, suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4

 sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 għal agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 10 000 p.e., flimkien mal-agglomerazzjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4(1a), li se jkopru mill-inqas 70 % tat-tagħbija ġġenerata fil-Majott.

▼M3

3.  L-iskariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma mormi urban deskritti fil-paragrafu 2 għandhom jilħqu l-kriterji rilevanti ta' l-Anness I B. Il-Kummissjoni tista' temenda dawn il-kriterji. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).

▼B

4.  Alternattivament, kriterji għall-impjanti individwali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 hawn fuq m’għandhomx għalfejn ikunu applikabbli f’żoni sensittivi fejn jista’ jintwera li l-persentaġġ minimu ta’ tnaqqis tat-toqol ġenerali li jidħol fl-impjanti tat-trattament ta’ l-ilma mormi kollha f’dik iż-żona jkun minn ta’ lanqas 75 % għall-fosfru totali u minn ta lanqas 75 % għan-nitroġenu totali.

5.  Skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban li jkunu jinsabu fiz-żoni li fihom jinġabar l-ilma relevanti ta’ żoni sensittivi u li jikkontribwixxu għat-tniġġis ta’ dawn iż-żoni għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 2, 3 u 4.

F’każijiet fejn iż-żoni li jinġabar fihom l-ilma msemmija fuq ikunu jinsabu kompletament jew parzjalment fi Stat Membru ieħor, għandu japplika l-Artikolu 9.

6.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identifikazzjoni ta’ żoni sensittivi tkun riveduta f’intervalli ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

7.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żoni identifikati bħala sensittivi wara li jkunu ġew riveduti taħt il-paragrafu 6 għandhom jilħqu l-kriterji hawn fuq imsemmija fi żmien seba’ snin.

8.  Stat Membru m’għandux għalfejn jidentifika żoni sensittivi għall-għan ta’ din id-Direttiva jekk dan jimplimenta t-trattament stabbilit taħt il-paragrafi 2, 3 u 4 fit-territorju kollu tiegħu.

Artikolu 6

1.  Għall-għanijiet tal-paragrafu 2, l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1993 jistgħu jidentifikaw żoni inqas sensittivi f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Anness II.

2.  Skariki ta’ ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-10 000 u l-150 000 e.p. għall-ilmijiet kostali u dawk minn agglomerazzjonijiet ta’ bejn l-2 000 u l-10 000 e.p. għal ilmijiet estwarji li jinsabu fiż-żoni deskritti fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal trattament inqas strett minn dak preskritt fl-Artikolu 4 sakemm:

 dawn l-skariki jirċievu minn ta’ lanqas trattament primarju kif definit fl-Artikolu 2(7) f’konformità mal-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness I D,

 studji komprensivi juru li dawk l-skariki ma jaffettwawx lill-Ambjent b’mod negattiv.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni relevanti kollha li tikkonċerna l-istudji hawn fuq msemmija.

3.  Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ma jkunux intlaħqu, hija għandha tissottometti lill-Kunsill proposta xierqa.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-identifikazzjoni ta’ żoni inqas sensittivi tkun riveduta f’ intervalli ta’ mhux aktar minn erba’ snin.

5.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li żoni mhux identifikabbli aktar bħala inqas sensittivi għandhom jilħqu f’seba’ snin il-kriterji ta’ l-Artikoli 4 u 5 kif ikun xieraq.

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sal-31 ta’ Diċembru 2005, ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir għandu, qabel ma dan jintrema, jkun suġġett għal trattament adattat kif definit fl-Artikolu 2(9) f’dawn il-każijiet li ġejjin:

 għal skariki f’ilma ħelu u estwarju minn agglomerazzjonijiet ta’ inqas minn 2 000 e.p.,

 għal skariki f’ilmijiet kostali minn agglomerazzjonijiet ta’ inqas minn 10 000 e.p.

▼M4

B'deroga mill-ewwel paragrafu,fir-rigward tal-Majott, il-limitu ta' żmien definit fih għandu jkun il-31 ta' Diċembru 2027.

▼B

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali minħabba problemi tekniċi u għal gruppi ta’ popolazzjoni li huma definiti ġeografikament, jagħmlu talba speċjali lill-Kummissjoni għal perjodu itwal li jikkonforma mal-Artikolu 4.

2.  Din it-talba, li għaliha għandhom jingħataw ir-raġunijiet minn qabel u kif suppost, għandha tistabbilixxi d-diffikultajiet tekniċi li kien hemm u għandha tipproponi programm ta’ azzjoni b’orarju adattat bl-iskop li dan jimplimenta l-oġġettiv ta’ din id-Direttiva. Dan l-orarju għandu jkun inkluż fil-programm għall-implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 17.

3.  Raġunijiet tekniċi biss jistgħu jiġu adottati, waqt li l-perjodu itwal msemmi fil-paragrafu 1 ma jistax jestendi wara l-31 ta’ Diċembru 2005.

▼M3

4.  Il-Kummissjoni għandha teżamina dik it-talba u tieħu l-miżuri meħtieġa konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).

▼B

5.  F’ċirkustanzi eċċezzjonali, meta jista’ jintwera li trattament aktar avvanzat ma jkunx se jipproduċi benefiċċji ambjentali, skariki ta’ ilma mormi f’żoni inqas sensittivi minn agglomerazzjonijiet ta’ aktar minn 150 000 e.p. jistgħu ikunu soġġetti għat-trattament li hemm ipprovdut fl-Artikolu 6 għal ilma mormi minn agglomerazzjoni ta’ bejn l-10 000 u l-150 000 e.p.

▼M3

F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw minn qabel id-dokumentazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha teżamina l-każ u tieħu l-miżuri adatti konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).

▼B

Artikolu 9

Fejn l-ilmijiet li jkunu fiż-żona ta’ ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jkunu affettwati b’mod negattiv minn skariki ta’ ilma mormi minn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li l-ilmijiet tiegħu huma affettwati jistgħu javżaw lill-Istat Membru l-ieħor u lill-Kummissjoni dwar il-fatti relevanti.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jorganizzaw, fejn ikun xieraq mal-Kummissjoni, il-konċentrazzjoni neċessarja biex jidentifikaw l-skariki in kwistjoni u l-miżuri li għandhom jittieħdu fis-sors biex jiġu protetti l-ilmijiet li jkunu affettwati u biex b’hekk tiġi żgurata konformità mad- dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 10

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban mibnija biex iħarsu l-kriterji ta’ l-Artikoli 4, 5, 6 u 7 ikunu ppjanati, mibnija, mħaddma u miżmuma biex jiżguraw operat suffiċjenti taħt il-kondizzjonijiet klimatiċi normali kollha. Meta dawn l-impjanti jkunu qed jiġu mfassla, għandhom jiġu kkunsidrati varjazzjonijiet tat-toqol skond l-istaġuni tas-sena.

Artikolu 11

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-31 ta’ Diċembru 1993, l-iskariki ta’ ilma mormi industrijali f’sistemi ta’ ġbir u impjanti tat-trattament ta’ ilma mormi urban ikun suġġett minn qabel għal regolamenti u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi mill-awtorità jew mill-entità kompetenti.

▼M3

2.  Ir-Regolamenti u/jew awtorizzazzjoni speċifika għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-Taqsima C ta' l-Anness. Il-Kummissjoni tista' temenda dawk ir-rekwiżiti. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).

▼B

3.  Regolamenti u awtorizzazzjonijiet speċifiċi għandhom ikunu riveduti u jekk hemm bżonn adattati f’intervalli regolari.

Artikolu 12

1.  Ilma mormi trattat għandu jerġa’ jintuża meta jkun xieraq. Rotot ta’ disponiment għandhom inaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti negattivi fuq l-Ambjent.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jiżguraw li l-iskariki ta’ l-ilma mormi minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban ikun suġġett minn qabel għal regolamenti u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi.

▼M3

3.  Ir-Regolamenti preċedenti u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi ta' skariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma mormi urban, magħmula taħt il-paragrafu 2 fi ħdan agglomerazzjonijiet ta' bejn l-2 000 u l-10 000 e.p. fil-każ ta' rimi f'ilma ħelu jew ilmijiet estwarji u f'agglomerazzjonijiet ta' 10 000 e.p. jew aktar fir-rigward ta' l-iskariki kollha, għandhom jinkludu kondizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fit-Taqsima B ta' l-Anness I. Il-Kummissjoni tista' temenda dawk ir-rekwiżiti. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(3).

▼B

4.  Regolamenti u/jew awtorizzazzjoni għandhom ikunu riveduti u jekk hemm bżonn ikunu adattati f’intervalli regolari.

Artikolu 13

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2000 l-ilma mormi industrijali biodegradabbli minn impjanti li jappartjenu lis-setturi industrijali elenkati fl-Anness III li ma jidħolx f’impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban qabel ma jiġi skarikat fl-ilmijiet riċeventi, għandu, qabel ma jiġi skarikat, jirrispetta l-kondizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti jew mill-entita’ adattat f’regolamenti magħmula minn qabel u/jew awtorizzazzjonijiet speċifiċi, fejn jidħlu l-skariki kollha minn impjanti li jirrappreżentaw 4 000 e.p. jew aktar.

2.  Sal-31 ta’ Diċembru 1993 l-awtorità kompetenti jew l-entita adatta f’kull Stat Membru għandha tistabbilixxi l-kriterji xierqa għan-natura ta’ l-industrija kkonċernata għall-iskarikar ta’ dan l-ilma mormi.

3.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel paragun tal-kriterji ta’ l-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 1994. Hija għandha tippubblika r-riżultati f’rapport u jekk ikun meħtieg tagħmel proposta adattata.

Artikolu 14

1.  Ħama li tiġi minn trattament ta’ ilma mormi għandha tintuża meta jkun xieraq. Rotot ta’ disponiment għandhom inaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti ħżiena fuq l-Ambjent.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jiżguraw li qabel il-31 ta’ Diċembru 1998 id-disponiment ta’ ħama minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban ikun suġġett għal regolamenti ġenerali jew reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 1998 id-disponiment ta’ ħama fl-ilmijiet tal-wiċċ minn rimi li jsir mill-vapuri, minn skariki minn pajpijiet jew inkella b’mezzi oħra għandu jitneħħa gradwalment.

4.  Sakemm jitneħħew kompletament il-forom ta’ disponiment imsemmi fil-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont totali ta’ materjali tossiċi, persistenti jew bioakkumulattivi f’ħama li tkun intremiet fl-ilmijiet tas-superfiċi jkun liċenzjat għal disponiment u jitnaqqis progressivament.

Artikolu 15

1.  L-awtoritjiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jissorveljaw:

 l-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban biex jivverifikaw il-konformità mal-kriterji ta’ l-Anness I. B, skond il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fl-Anness I. D,

 l-ammonti u l-komposizzjoni tal-ħama li tintrema fl-ilmijiet tas-superfiċi.

2.  L-awtoritajiet kompetenti jew l-entitajiet xierqa għandhom jissorveljaw l-ilmijiet fejn iseħħu skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban u skariki diretti, hekk kif deskritt fl-Artikolu 13, f’każijiet fejn huwa mistenni li l-ambjent riċeventi se jkun affettwat b’mod sinifikanti.

3.  Fil-każ ta’ skarika suġġetta għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 u fil-każ ta’ disponiment ta’ ħama fl-ilmijiet tas-superfiċi, l-Istati Membri għandhom jissorveljaw u jagħmlu studji relevanti oħra biex jivverifikaw li l-emissjoni jew id-disponiment ma jkunx jaffettwa lill-ambjent b’mod negattiv.

4.  L-informazzjoni miġbura mill-awtoritjiet kompetenti jew mill-entitajiet xierqa f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tinżamm fl-Istat Membru u tkun disponibbli lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-irċevuta ta’ talba.

▼M3

5.  Il-Kummissjoni tista' tifformula linji gwida dwar is-sorveljanza msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, konformement mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2).

▼B

Artikolu 16

Mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE tas-7 ta’ Ġunju 1990 dwar il-libertà t’aċċess għall-informazzjoni fuq l-Ambjent ( 5 ), l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi kull sentejn l-awtoritajiet jew l-entitajiet relevanti jippubblikaw rapporti tas-sitwazzjoni dwar id-disponiment ta’ l-ilma mormi urban u l-ħama fiz-zoni tagħhom. Dawn ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-Istati Membri hekk kif ikunu ppubblikati.

Artikolu 17

1.  L-Istati Membri għandhom sal-31 ta’ Diċembru 1993 iwaqqfu programm għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

▼M4

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tistabbilixxi programm għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2014.

▼B

2.  L-Istati Membri għandhom sat-30 ta’ Ġunju 1994 jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-programm.

▼M4

B'deroga mill-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Majott, Franza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-programm sal-31 ta’ Diċembru 2014.

▼B

3.  L-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jipprovdu lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sentejn b’aġġornament ta’ l-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 2.

▼M3

4.  Il-Kummissjoni għandha tiddetermina, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 18(2), il-metodi u l-formati li għandhom jiġu adottati għar-rappurtar fuq il-programmi nazzjonali. Kwalunkwe emenda għal dawn il-metodi u formati għandha tiġi adottata skond dik il-proċedura.

▼B

5.  Kull sentejn il-Kummissjoni għandha tirrevedi u tagħmel stima ta’ l-informazzjoni li hija tkun ireċeviet skond il-paragrafi 2 u 3 t’hawn fuq, u għandha tippubblika rapport fuqha.

▼M2

Artikolu 18

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjunha minn kumitat.

▼M3

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu previst fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a minn (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

▼B

Artikolu 19

1.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1993. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

2.  Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva u għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-Metodi ta’ kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbilità mill-Istati Membri.

3.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 20

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




L-ANNESS I

REKWIŻITI GĦALL-ILMA MORMI URBAN

A.   Sistemi ta' ġbir ( 6 )

Is-sistemi ta' ġbir għandhom jikkunsidraw il-kriterji tat-trattament ta' l-ilma mormi.

Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistemi ta' ġbir għandhom isru skond l-aħjar għarfien tekniku li ma jkunx jinvolvi spejjeż eċċessivi, partikolarment dwar:

 il-volum u l-karatteristi ta' l-ilma mormi urban,

 prevenzjoni ta' tnixxijiet,

 limitazzjoni ta' tniġġis fl-ilmijiet minħabba tifwir ta' ilma tax-xita.

B.   Skarikar minn impjanti ta' trattament ta' ilma mormi għall-ilmijiet li riċeventi (6) 

1. Impjanti tat-trattament ta' l-ilma mormi għandhom ikunu ppjanati u modifikati biex kampjun rappreżentattiv ta' l-ilma mormi li jkun dieħel u l-effluwent ittrattat ikun jista' jinkiseb qabel ma dan jintrema fl-ilmijiet riċeventi.

2. Skariki minn impjant tat-trattment ta' l-ilma mormi urban soġġetti għat-trattament skond l-Artikoli 4 u 5 għandhom jilħqu l-kondizzjonijiet murija fit-Tabella 1.

3. Skariki minn impjanti ta' trattament ta' ilma mormi urban għal ġo dawk iż-żoni sensittivi li huma soġġetti għal ewtrofikazzjoni, kif identifikati fl-Anness II. A (a), għandhom jilħqu wkoll il-kriterji murija fit-Tabella 2 ta' dan l-Anness.

4. Kriterji aktar stretti minn dawk murija fit-Tabella 1 u/jew Tabella 2 għandhom ikunu applikati fejn huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-ilmijiet ri1eventi jissodisfaw kwalunkwe Direttiva relevanti oħra.

5. Il-punti ta' skarikar ta' l-ilma mormi urban għandhom ikunu magħżula, kemm jista' jkun possibbli, biex jitnaqqsu l-effetti fuq l-ilmijiet riċeventi.

C.   Ilma mormi industrijali

L-ilma mormi industrijali li jidħol f'sistemi ta' ġbir u f'impjanti ta' trattament ta' l-ilma mormi urban għandu jkun soġġett għal trattament minn qabel kif ikun meħtieġ biex:

 jipproteġi s-saħħa ta' l-impjegati li jaħdmu f'sistemi ta' ġbir u f'impjanti ta' trattament,

 jiżgura li sistemi ta' ġbir, impjanti ta' trattamen ta' ilma mormi u tagħmir assoċjat ma jiġrilhom l-ebda difett,

 jiżgura li l-operazzjoni ta' l-impjanti ta' trattament ta' ilma mormi u tat-trattament ta' ħama ma jkunux ostakolati,

 jiżgura li r-rimi minn impjanti ta' trattament ma jkunx jaffettwa lill-ambjent b'mod negattiv, jew jipprevjeni l-ilma li qed jilqa' fih dan ir-rimi milli jikkonforma ma' Direttivi oħra tal-Komunità,

 jiżgura li jkun jista' jsir disponiment tal-ħama mingħajr l-ebda periklu u b'mod li jkun ambjentalment aċċettabbli.

D.   Metodi ta' referenza għal sorveljanza u evalwazzjoni tar-riżultati

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun applikat Metodu ta' sorveljanza li jkun jikkorrispondi għal ta' lanqas mal-livell tal-kriterji deskritti hawn taħt.

Metodi alternattivi għal dawk imsemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 jistgħu jintużaw, sakemm jintwera li jintlaħqu riżultati ekwivalenti.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni relevanti kollha li tikkonċerna l-Metodu li jkun ġie applikat. Jekk il-Kummissjoni tkun tikkunsidra li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3 u 4 ma jkunux intlaħqu, hi għandha tissottometti proposta xierqa lill-Kunsill.

2.

Kampjuni ta' ħamla flow-proportional jew dawk ibbażati fuq perjodu ta' 24 siegħa għandhom jinġabru fl-istess post definit tajjeb fl-iżbokk u jekk ikun meħtieġ fid-daħla ta' l-impjant tat-trattament biex tiġi sorveljata l-konformità mal-kriterji ta' l-ilma mormi skarikat hekk kif stabbilit f'din id-Direttiva.

Għandhom ikunu applikati prattiċi tajbin internazzjonali tal-laboratorju li għandhom l-għan li jnaqqsu d-degradazzjoni tal-kampjuni bejn il-kollezzjoni u l-analiżi.

3.

In-numru minimu annwali ta' kampjuni għandu jkun determinat skond il-qies ta' l-impjant tat-trattament u dawn għandhom jinġabru f'intervalli regolari matul is-sena:



- 2 000 sa 9 999 e.p.:

12-il kampjun matul l-ewwel sena.

Erba' kampjuni fis-snin ta' wara, jekk ikun jista' jintwera li l-ilma matul l-ewwel sena ikun jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva; jekk wieħed mill-erba' kampjuni ifalli, għandhom jittieħdu 12-il kampjun fis-sena ta' wara.

- 10 000 sa 49 999 e.p.:

12-il kampjun.

- 50 000 e.p. jew aktar:

24 kampjun.

4.

L-ilma mormi ittrattat għandu jitqies li jikkonforma mal-parametri relevanti jekk, għal kull parametru relevanti kkunsidrat individwalment, il-kampjuni ta' l-ilma juru li dan ikun jikkonforma mal-valuri parametriċi relevanti bil-mod kif ġej:

(a) għall-parametri speċifikati fit-Tabella 1 u l-Artikolu 2(7), in-numru massimu ta' kampjuni li jistgħu ma jissodisfawx il-kriterji, espressi f'termini ta' konċentrazzjonijiet u/jew tnaqqis fil-perċentaġġi fit-Tabella 1 u fl-Artikolu 2(7), huwa speċifikat fit-Tabella3;

(b) għall-parametri tat-Tabella 1 espressi f'konċentrazzjonijiet, il-kampjuni li jeħlu li jkunu ttieħdu taħt kondizzjonijiet normali ta' użu m'għandhomx jiddevjaw mill-valuri parametriċi b'aktar minn 100 %. Għall-valuri parametriċi f'konċentrazzjoni li għandha x'taqsam mas-solidi sospiżi totali, devjazzjonijiet sa 150 % jistgħu jkunu aċċettati;

(ċ) għal dawk il-parametri speċifikati fit-Tabella 2 il-medja annwali tal-kampjuni għal kull parametru għandha tikkonforma mal-valuri parametriċi relevanti.

5.

Valuri estremi għall-kwalità ta' l-ilma in kwistjoni m'għandhomx jiġu kkunsidrati meta dawn ikunu r-riżultat ta' sitwazzjonijiet mhux tas-soltu, bħal ma hi xita qawwija.



Tabella 1:  Ħtiġiet għar-rimi minn makkinarju għat-trattament ta' skart urban ta' ilma skond l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-persentaġġ ta' tnaqqis għandhom japplikaw.

Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentaġġ minimu ta' tnaqqis (1)

Metodu ta' referenza ta' kejl

Domanda għal ossiġnu bio-kemikali (BOD5 f'temperatura ta' 20 °C) mingħajr nitrifikazzjoni (2)

5 mg/l O2

70-90

Kampjun omoġeneizzat, mhux iffiltrat u mhux imsawwab. Determinazzjoni ta' ossiġnu maħlul qabel u wara inkubazzjoni ta' ħamest ijiem f'temperatura ta' 20 °C ± 1 °C fi dlam komplet. Zjieda ta' inibitur ta' nitrifikazzjoni.

40 taħt l-Artikolu 4(2)

Domanda għal ossiġnu kemikali (DOK)

125 mg/l O2

75

Kampjun ta' potassium dichromate omoġeneizzat, mhux iffiltrat u mhux imsawwab.

Solidi totali sospiżi

35 mg/l (3)

90 (3)

— Iffiltrar ta' kampjun rappreżentattiv minn ġo filtru tal-membrane ta' 0,45 mm

— Ċentrufugar ta' kampjun rappreżentattiv (għal ta' lanqas ħames minuti b'aċċelerazzjoni medja ta' 2 800 sa 3 200 g), li jinxef f'temperatura ta' 105 °C u jiżen

35 taħt l-Artikolu 4(2) (aktar minn 10 000 e.p.)

90 taħt l-Artikolu 4(2) (aktar minn 10 000 e.p.)

60 taħt l-Artikolu 4(2) (2 000-10 000 e.p.)

70 taħt l-Artikolu 4(2) (2 000-10 000 e.p.)

(1)   Tnaqqis f'relazzjoni għat-toqol ta'l-influwent.

(2)   Il-parametru jista' jinbidel b'ieħor: il-karbon organiku kollu (TOC) jew id-domanda totali għall-ossiġnu (TOD) jekk tista' tiġi stabbilità relazzjoni bejn BOD5 u l-parametru sostitut.

(3)   Dan il-kriterju huwa diskrezzjonali.

Analiżi li jikkonċernaw skariki minn lagunar għandhom isiru fuq kampjuni ffiltrati; iżda, il-konċentrazzjoni tas-solidi totali sospiżi f'kampjuni ta' l-ilma mhux iffiltrati m'għandhiex teċċedi aktar minn 150 mg/l.

▼M1



Tabella 2:  Rekwiżiti ghal tnixxijiet minn impjanti ta' l-ilma ta' l-iskart urban għal wesgħat sensittivi li huma suġġetti għal ewtrofikazzjoni kif identifikat fl-Anness II.A(a). Parametru wieħed jew it-tnejn li huma jistgħu jiġu applikati, skond is-sitwazzjoni lokali. Il-valuri għall-konċentrazzjoni jew għall-perċentwal tat-tnaqqis għandhom jgħoddu.

Parametri

Konċentrazzjoni

Perċentaġġ Minimu tat- Tnaqqis (1)

Metodu ta' Referenza tal-Kejl

Fosforu Totali

2 mg/l (10 000-100 000 p.e.)

80

Molecular absorbtion spectrophotometry

1mg/l (iktar minn 100 000 p.e.)

Nitroġenu Totali (2)

15-il mg/l (10 000-100 000) (3)

70-80

Molecular absorbtion spectrophotometry

10-il mg/l (iktar minn 100 000 p.e.) (3)

(1)   Tnaqqis relatat mat-tgħabija ta' l-influent.

(2)   Total ta' nitroġenu ifisser it-total tan-nitroġenu Kjeldahl totali (nitroġenu organiku u nitroġenu fl-ammonja), in-nitroġenu fin-nitrati u n-nitroġenu fin-nitriti.

(3)   Dawn il-valuri tal-konċentrazzjoni huma medji annwali kif imsemmi fil-Paragrafu D.4(ċ) ta' l-Anness I. Madankollu, ir-rekwiżiti tan-nitroġenu jistgħu jiġu verifikati permezz tal-medja ta' kull jum meta jkun hemm provi li, skond il-Paragrafu D.1 ta' l-Anness I, jinkiseb l-istess livell ta' protezzjoni. F'dan il-każ, il-medja ta' kull jum m'għandhiex taqbeż l-20 mg/l ta' nitroġenu totali għall-kampjuni kollha meta t-temperatura mill-effluwent tar-reattur bioloġiku tkun ogħla minn 12-il grad Celcius. Il-kondizzjonijiet tat-temperatura jistgħu jinbidlu b'limitu impost fuq il-ħin ta' l-operazzjoni biex b'hekk tkun kunsidrata l-klima reġjonali.

▼B



Tabella 3

Serje ta' kampjuni meħuda f'sena

In-numru massimu permess ta' kampjuni li jonqsu milli jikkonformaw

4-7

1

8-16

2

17-28

3

29-40

4

41-53

5

54-67

6

68-81

7

82-95

8

96-100

9

111-125

10

126-140

11

141-155

12

156-171

13

172-187

14

188-203

15

204-219

16

220-235

17

236-251

18

252-268

19

269-284

20

285-300

21

301-317

22

318-334

23

335-350

24

351-365

25




L-ANNESS II

KRITERJI GĦALL-IDENTIFIKAZZJONI TA' ŻONI SENSITTIVI U INQAS SENSITTIVI

A.   Żoni sensittivi

Massa ta ilma għandha tkun identifikata bħala waħda sensittiva jekk din taqa’ f'wieħed minn dawn il-gruppi li ġejjin:

(a) għadajjar naturali b'ilma ħelu, masses oħrajn ta' ilma ħelu, ilmijiet estwarji u kostali li jinsab li huma ewtrofiċi jew li fil-futur qrib jistgħu isiru ewtrofiċi jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni protettiva.

L-elementi li ġejjin jistgħu jiġu evalwati meta wieħed jikkunsidra liema nutrijent għandu jitnaqqas permezz ta' trattament ieħor:

(i) għadajjar u nixxigħat li jilħqu għadajjar/ġibjuni/bajjiet magħluqa li jkollhom skambju fqir ta' ilma, u li permezz t'hekk tkun tista’ tifforma l-agglomerazzjoni. F'dawn iż-żoni, it-tneħħija tal-fosfru għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta' dan ma jkollha l-ebda effett fuq il-livell ta' ewtrofikazzjoni. Fejn isiru skariki minn agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tan-nitroġenu tista’ tkun ukoll kunsidrata;

(ii) estwarji, bajjiet u ilmijiet kostali oħra li jkollhom skambju fqir ta' ilma, jew li jirċievu kwantitajiet kbar ta' nutrijenti. Skariki minn agglomerazzjonijiet żgħar f'dawk iż-żoni normalment ikunu ta' importanza minima, iżda għal agglomerazzjonijiet kbar, it-tneħħija tal-fosfru u/jew nitroġenu għandha tkun inkluża, kemm-il darba jintwera li t-tneħħija ta' dan ma tħalli l-ebda effett fuq il-livell ta' ewtrofikazzjoni;

(b) ilma ħelu tas-superfiċi maħsub għall-astrazzjoni ta' ilma tajjeb għax-xorb li jista’ jkun fih aktar mill-konċentrazzjoni ta' nitrat stipulata mid-dispożizzjonijiet relavanti tad-Direttiva tal-Kunsill 75/440/KEE tas-16 ta' Ġunju 1975 li tirrigwarda l-kwalità meħtieġa ta' ilma tal-wiċċ maħsub għall-astrazzjoni ta' ilma tajjeb għax-xorb fl-Istati Membri ( 7 ), jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni;

(ċ) żoni fejn trattament differenti minn dak preskritt fl-Artikolu 4 ta' din id-Direttiva ikun meħtieġ biex jaderixxi għad-Direttivi tal-Kunsill.

B.   Żoni inqas sensittivi

Massa ta' ilma baħar jew żona tista’ tkun identifikata bħala waħda inqas sensittiva jekk l-emissjoni ta' ilma mormi ma jkunx jaffettwa lill-ambjent b'mod negattiv bħala konsegwenza tal-morfolġija, idroloġija jew il-kondizzjonijiet idrawliċi speċifiċi li jkunu jeżistu f'dik iż-żona.

Meta jiġu identifikati żoni inqas sensittivi, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw ir-riskju li t-toqol li jkun intrema jista’ jinġarr għal żoni fil-qrib fejn dan jista’ jikkawża effetti detrimentali fuq l-ambjent. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-preżenza ta' żoni sensittivi barra mill-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom.

L-elementi li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu identifikati żoni inqas sensittivi:

Bajjiet miftuħa, ilmijiet estwarji u kostali oħrajn li jkollhom skambju tajjeb ta' ilma u mhux soġġetti għall-ewtrofikazzjoni jew għat-tnaqqis fl-ossiġnu, jew dawk li diffiċilment isiru ewtrofiċi jew li fihom jiżviluppa tnaqqis fl-ossiġnu minħabba l-iskarikar ta' ilma mormi urban.




L-ANNESS III

SETTURI INDUSTRIJALI

1. L-ipproċessar tal-ħalib

2. Manifattura ta' prodotti tal-frott u l-ħaxix

3. Manifattura u bbottiljar ta' luminati

4. Ipproċessar tal-patata

5. L-industrija tal-laħam

6. Birreriji

7. Produzzjoni ta' alkoħol u xorb alkoħoliku

8. Manifattura ta' għalf ta' l-annimali minn prodotti tal-pjanti

9. Manifattura tal-ġelatina u ta' kolla minn ġild u għadam

10. Bini li jintuża fil-produzzjoni tal-birra mix-xgħir

11. L-industrija ta' l-ipproċessar tal-ħut



( 1 ) ĠU C 1, ta’ l-4.1.1990, p. 20

u ĠU C 287, tal-15.11.1990, p. 11.

( 2 ) ĠU C 260, tal-15.10.1990, p. 185.

( 3 ) ĠU C 168, ta’ l-10.7.1990, p. 36.

( 4 ) ĠU C 209, tad-9.8.1988, p. 3.

( 5 ) ĠU L 158, tat-23.6.1990, p. 56.

( 6 ) Peress li fil-prattika mhux possibbli li jinbnew sistemi ta' ġbir u impjanti ta' trattament b'tali mod illi l-ilma tad-drenaġġ kollu jkun jista' jiġi ttrattat f'sitwazzjonijiet bħalma huma xita qawwija mhux tas-soltu, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq il-miżuri li bihom jillimitaw it-tniġġis minn tifwir ta' xita qawwija. Dawn il-miżuri jistgħu jkunu bbażati fuq ir-rati jew il-kapaċita tad-dilwizzjoni f'relazzjoni maċ-ċirkulazzjoni ta' temp xott, jew jistgħu jispeċifikaw ċertu numru aċċettabbli ta' tifwir kull sena.

( 7 ) ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 26 kif emendata bid-Direttiva 79/869/KEE (ĠU L 271, tad-29.10.1979, p. 44).