4.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/6


DEĊIŻJONI TAL-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA

Nru 464/13/COL

tas-27 ta' Novembru 2013

li temenda, għall-91 darba, ir-regoli proċedurali u sostantivi fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat billi tintroduċi kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Diċembru 2013, tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' sostenn favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Linji Gwida Bankarji 2013”)

L-AWTORITÀ TA' SORVELJANZA TAL-EFTA (“L-AWTORITÀ”),

Wara li kkunsidrat l-Artikolu 5 (2) (b) tal-Ftehim tas-Sorveljanza u l-Qorti,

Billi:

L-Awtorità tqis li hu meħtieġ li toħroġ Linji gwida fuq regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja.

Fl-1 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' sostenn favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni Bankarja 2013”). (1)

Din il-Komunikazzjoni hija wkoll rilevanti għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

Għandha tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ŻEE dwar għajnuna mill-Istat madwar iż-Żona Ekonomika Ewropea kollha skont l-għan ta' omoġeneità stabbilit fl-Artikolu 1 tal-Ftehim ŻEE.

Skont il-punt II taħt it-titolu “ĠENERALI” fil-paġna 11 tal-Anness XV tal-Ftehim ŻEE, l-Awtorità, wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, għandha tadotta atti li jkunu jikkorrispondu ma' dawk adottati mill-Kummisssjoni Ewropea

L-Awtorità kkonsultat mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Istati EFTA permezz ta' ittri bid-data tal-14 ta' Novembru 2013 dwar dan is-suġġett.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu emendati bl-introduzzjoni ta' kapitolu ġdid dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Diċembru 2013, tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' sostenn favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Linji Gwida Bankarji 2013”)

Il-kapitolu l-ġdid jinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-verżjoni Ingliża ta' din id-deċiżjoni hija l-unika waħda meqjusa bħala awtentika.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Novembru 2013.

Għall-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA

Oda Helen SLETNES

Il-President

Sverrir Haukur GUNNLAUGSSON

Membru tal-Kulleġġ


(1)  ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1.


ANNESS

PARTI VIII — REGOLI TEMPORANJI DWAR IL-KRIŻI FINANZJARJA

Linji gwida dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Diċembru 2013, ta' regoli dwar għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Linji Gwida Bankarji 2013”)  (1)

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja, l-Awtorità ta' Sorveljanza tal-EFTA (“l-Awtorità”) adottat ħames settijiet ta' Linji Gwida ta' Għajnuna mill-Istat (“Linji Gwida dwar il-Kriżi”) kif ukoll Linji Gwida ta' Estensjoni għall-2011 u l-2012 (2). Dawn ipprovdew gwida dettaljata dwar il-kriterji għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fi ħdan iż-Żona Ekomonika Ewropea (“ŻEE”) skont l-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) għas-settur finanzjarju matul il-kriżi finanzjarja.

(2)

Il-Linji Gwida dwar il-Kriżi jipprovdu qafas komprensiv għal azzjoni kkoordinata b'appoġġ għas-settur finanzjarju, sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja waqt li jkunu minimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-banek u l-Istati Membri ŻEE. Huma jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-għajnuna mill-Istat u r-rekwiżiti li jeħtieġ li jiġu żgurati sabiex din l-għajnuna tkun kompatibbli mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE fid-dawl tal-prinċipji dwar l-għajnuna mill-Istat stabbiliti fil-Ftehim. Permezz tal-Linji Gwida dwar il-Kriżi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jirregolaw l-assistenza pubblika għas-settur finanzjarju ġew aġġornati regolarment fejn kien meħtieġ sabiex jiġu adattati skont l-evoluzzjoni tal-kriżi. Il-Komunikazzjonijiet dwar il-Kriżijiet jeħtieġu aġġornament ulterjuri tal-Linji Gwida dwar il-Kriżi.

Bażi legali

(3)

Il-Linji Gwida dwar il-Kriżi kif ukoll id-deċiżjonijiet individwali kollha dwar miżuri u skemi ta' għajnuna li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-Linji Gwida, kienu adottati abbażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE, li b'mod eċċezzjonali jipprevedi biex l-għajnuna tirrimedja taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat ŻEE.

(4)

Sa mill-bidu tal-kriżi ttieħdet azzjoni sinifikanti biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet tas-settur finanzjarju. L-evoluzzjoni tal-kriżi titlob li jiġu mmodifikati xi dispożizzjonijiet tal-qafas dwar l-għajnuna mill-Istat dwar is-salvataġġ u r-ristrutturar ta' ditti f'diffikultà, filwaqt li ma tkunx eskluża b'mod eċċezzjonali, il-possibbiltà ta' aċċess għal appoġġ sinifikanti pubbliku. Minkejja l-użu eċċezzjonali ta' strumenti fiskali u monetarji li għenu biex il-kriżi ma tmurx aktar għall-agħar, l-irkupru ekonomiku għadu ferm fraġli u żbilanċat fiż-ŻEE. Is-setturi finanzjarji f'ċerti Stati ŻEE qegħdin jaffaċċjaw sfidi ulterjuri biex ikollhom aċċess għal finanzjament fuq perjodu ta' żmien u l-kwalità tal-assi, li jirriżultaw mir-riċessjoni ekonomika u mit-tnaqqis fid-dejn pubbliku jew privat. It-tensjoni fis-swieq finanzjarji u r-riskju ta' effetti konsekwenzjali negattivi usa' għadhom hemm.

(5)

It-tensjonijiet persistenti fis-swieq tad-dejn sovran juru bil-qawwa l-volatilità kontinwa fis-swieq finanzjarji. Il-livell għoli ta' interkonnettività u interdipendenza fi ħdan is-settur finanzjarju fiż-ŻEE wassal għal tħassib li s-swieq jistgħu jikkontaġġaw lil xulxin. Il-volatilità għolja tas-swieq finanzjarji u l-inċertezza dwar il-prospetti ekonomiċi kif ukoll ir-riskju kontinwu ta' tfixkil serju li jirriżulta fl-ekonomija tal-Istati EFTA, jiġġustifika li bħala xibka ta' sikurezza tinżamm il-possibbiltà li l-Istati EFTA jagħtu miżuri ta' appoġġ relatati mal-kriżijiet abbażi tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE fir-rigward tas-settur finanzjarju.

(6)

F'dawn iċ-ċirkostanzi ta' tensjoni persistenti fis-swieq finanzjarji, u minħabba r-riskju ta' effetti konsekwenzjali negattivi usa', l-Awtorità tqis li r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 61(3)(b) tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju għadhom jintlaħqu. L-applikazzjoni ta' din id-deroga tibqa' possibbli biss, madankollu, sakemm is-sitwazzjoni ta' kriżi tippersisti u jinħolqu ċirkostanzi ġenwinament eċċezzjonali fejn l-istabbiltà finanzjarja inġenerali tkun f'riskju.

L-istabbiltà finanzjarja bħala l-objettiv ewlieni

(7)

Fit-tweġiba tagħha għall-kriżi finanzjarja, u skont il-Linji Gwida dwar il-Kriżi, l-istabbiltà finanzjarja kienet l-objettiv ewlieni għall-Awtorità, filwaqt li trid tiżgura li l-għajnuna mill-Istat u d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u bejn l-Istati ŻEE jkunu mill-inqas kemm jista' jkun. L-istabbiltà finanzjarja timplika l-ħtieġa li jiġu evitati effetti konsekwenzjali negattivi maġġuri fuq il-bqija tas-sistema bankarja li jistgħu jinħolqu mill-falliment ta' istituzzjoni ta' kreditu, kif ukoll il-bżonn li jiġi żgurat li s-sistema bankarja kollha kemm hi tkompli tipprovdi biżżejjed self lill-ekonomija reali. L-istabbiltà finanzjarja tibqa' ta' importanza ċentrali fil-valutazzjoni tal-Awtorità tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju skont dawn il-Linji Gwida. L-Awtorità għandha twettaq il-valutazzjoni tagħha waqt li tqis l-evoluzzjoni tal-kriżi minn sitwazzjoni ta' emerġenza akuta u sistemika għal sitwazzjoni ta' diffikultajiet ekonomiċi aktar fundamentali f'partijiet miż-ŻEE, b'riskju ogħla li jikkorrispondi mal-frammentazzjoni tas-suq ŻEE.

(8)

Dan l-objettiv ewlieni jidher mhux biss meta l-banek f'diffikultà ikollhom il-possibbiltà ta' aċċess għall-għajnuna mill-Istat f'każ ta' bżonn, għall-istabbiltà finanzjarja, iżda wkoll fil-mod kif il-pjanijiet ta' ristrutturar jiġu vvalutati. F'dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-istabbiltà finanzjarja ma tistax tkun żgurata mingħajr settur finanzjarju b'saħħtu. Il-pjanijiet għaż-żieda tal-kapital għalhekk iridu jiġu vvalutati b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtorità ta' sorveljanza kompetenti bl-għan li tiġi rkuprata l-vijabbiltà f'perjodu ta' żmien raġjonevoli u fuq bażi solida u li ttul; b'mod ieħor l-istituzzjoni li qed tfalli għandha tagħlaq b'mod ordnat.

(9)

Meta jiġu applikati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-każijiet individwali, l-Awtorità minkejja kollox tqis l-ambjent makroekonomiku li jolqot kemm il-vijabbiltà tal-banek kif ukoll il-ħtieġa għall-ekonomija reali ta' Stat EFTA partikolari biex jibqa' jkollu aċċess għal kreditu minn banek b'saħħithom. L-Awtorità, fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet ta' ristrutturar tal-banek tkompli tqis l-ispeċifiċitajiet ta' kull istituzzjoni u Stat EFTA: B'mod partikolari, hija se tagħmel valutazzjoni proporzjonata dwar il-vijabbiltà fuq terminu twil tal-banek fejn il-ħtieġa għall-għajnuna mill-Istat ġejja mill-kriżi tad-dejn sovran u mhijiex riżultat ta' teħid eċċessiv ta' riskju (3), u fil-valutazzjoni tagħha se tidher il-ħtieġa li jinżammu l-kundizzjonijiet newtrali fil-kompetizzjoni fiż-ŻEE, filwaqt li jitqies b'mod partikolari kif evolva l-qsim tal-piżijiet fiż-ŻEE.

(10)

Barra minn hekk, meta partijiet kbar tas-settur finanzjarju ta' Stat EFTA jenħtieġu jiġu rristrutturati, l-Awtorità tagħmel ħilitha biex tieħu approċċ koordinat fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet ta' ristrutturar tal-banek individwali, sabiex tagħti risposta sistemika. B'mod partikolari, l-Awtorità mxiet skont dan l-approċċ għal dawk l-Istati EFTA taħt programm ta' aġġustament ekonomiku. L-Awtorità għandha għalhekk tqis b'mod speċifiku l-effetti aggregati tar-ristrutturar tal-istituzzjonijiet individwali fil-livell tas-settur (pereżempju f'termini ta' struttura tas-suq) u fuq l-ekonomija inġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti adegwat ta' self lill-ekonomija reali fuq bażi b'saħħitha u sostenibbli.

(11)

Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tagħha dwar il-qsim tal-piżijiet u l-miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-Awtorità tivvaluta l-fattibbiltà tal-miżuri proposti, inklużi ċ-ċessjonijiet, u l-impatt tagħhom fuq l-istruttura tas-suq u l-ostakli għad-dħul. Fl-istess ħin l-Awtorità trid tiżgura li s-soluzzjonijiet imfassla f'xi każ jew Stat EFTA partikolari jkunu koerenti mal-għan li jiġi evitat in-nuqqas kbir ta' simmetrija fl-Istati ŻEE, li jista' jkompli jifframmenta lis-suq ŻEE u jikkawża instabbiltà finanzjarja, li jimpedixxu l-irkupru fi ħdan iż-ŻEE.

L-evoluzzjoni tal-qafas regolatorju u l-ħtieġa ta' reviżjoni tal-Linji Gwida dwar il-Kriżi

(12)

Minn meta bdiet il-kriżi, l-Unjoni Ewropea għamlet għadd ta' tibdiliet istituzzjonali u regolatorji bl-għan li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju u jittejbu l-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet bankarji. Il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jniedi aktar inizjattivi li jpoġġu l-Unjoni Ekonomika u Monetarja fuq sisien aktar sodi permezz tal-ħolqien ta' Unjoni Bankarja, bl-ewwel pass ikunu mekkaniżmu superviżorju uniku (MSU) u mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni għall-istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE li qed jieħdu sehem fl-MSU. L-Istati Membri tal-UE qablu wkoll li jwaqqfu mekkaniżmu ta' stabbiltà li bih ikunu jistgħu jiġu pprovduti riżorsi finanzjarji lill-membri u l-banek tagħhom f'każ ta' bżonn. Fiż-żmien tal-adozzjoni ta' dawn il-Linji Gwida ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar l-involviment possibbli tal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE fl-inizjattivi li jistabbilixxu l-Unjoni Bankarja. (4)

(13)

Dawn il-miżuri inevitabbilment għandhom jiġu implimentati gradwalment, sabiex jippermettu pereżempju li leġiżlazzjoni tidħol fis-seħħ jew sabiex il-fondi ta' riżoluzzjoni jakkumulaw. Xi wħud minnhom huma limitati għaż-żona Ewro. Sadanittant, iż-żieda fid-diverġenzi tal-irkupru ekonomiku fiż-ŻEE, il-ħtieġa li jitnaqqas u jiġi kkonsolidat id-dejn pubbliku u privat u l-eżistenza ta' oqsma vulnerabbli fis-settur finanzjarju, wasslu għal tensjonijiet persistenti fis-swieq finanzjarji u għall-frammentazzjoni li kabbru d-distorsjonijiet fis-suq ŻEE. L-integrità tas-suq ŻEE għandha għaldaqstant, tiġi protetta inkluż permezz ta' reġim imsaħħaħ ta' għajnuna mill-Istat. L-adattament tal-Linji Gwida dwar il-Kriżi jista' jgħin biex ikun hemm tranżizzjoni bla xkiel lejn ir-reġim futur skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Direttiva għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (5) (“BRRD”), billi s-swieq jingħataw aktar ċarezza. Il-Linji Gwida dwar il-Kriżi adattati jistgħu wkoll jiżguraw ristrutturar aktar deċiżiv u qsim tal-piżijiet aktar qawwi għall-banek kollha li qed jirċievu għajnuna mill-Istat fis-suq ŻEE kollu.

(14)

L-eżerċizzju tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju xi kultant jinteraġixxi mar-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet superviżorji fl-Istati tal-EFTA. Pereżempju, f'ċerti każijiet, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fi kwistjonijiet bħal prattiki ta' governanza korporattiva u ta' remunerazzjoni, li ta' spiss jkunu stipulati wkoll fil-pjanijiet ta' ristrutturar għall-banek li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat. F'każijiet bħal dawn, filwaqt li l-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqa' biss il-kompetenza esklussiva tal-Awtorità, huwa importanti li jkun hemm koordinazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet superviżorji kompetenti. Minħabba li x-xenarju regolatorju u superviżorju fiż-ŻEE u b'mod partikolari fiż-żona tal-Euro, qed jevolvi, l-Awtorità se tikkoordina mill-qrib — kif diġà qed tagħmel issa — mal-awtoritajiet superviżorji sabiex tiżgura interazzjoni armonjuża bejn ir-rwoli u r-responsabbiltajiet differenti tal-awtoritajiet kollha involuti.

Il-qsim tal-piżijiet

(15)

Il-Linji Gwida dwar il-Kriżi jiddikjaraw b'mod ċar li anke matul il-kriżi, il-prinċipji ġenerali tal-kontroll fuq l-għajnuna mill-Istat jibqgħu applikabbli. B'mod partikolari, sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bejn il-banek u l-Istati ŻEE kif ukoll jiġi indirizzat il-periklu morali, l-għajnuna għandha tkun limitata għall-minimu neċessarju u l-benefiċjarju tal-għajnuna jrid jipprovdi kontribuzzjoni proprja għall-ispejjeż ta' ristrutturar. Il-bank u d-detenturi tal-kapital tiegħu jridu jikkontribwixxu kemm jista' jkun għar-ristrutturar bir-riżorsi proprji tagħhom (6). Is-sostenn mill-Istat għandu jingħata fuq termini li jirrappreżentaw il-qsim xieraq tal-piżijiet ma' dawk li investew fil-bank.

(16)

Minn mindu bdiet il-kriżi, l-Awtorità, meta eżaminat il-kompatibilità tal-għajnuna lill-banek, riedet mill-inqas grad minimu ta' qsim tal-piżijiet li jkun proporzjonat mal-ammont ta' għajnuna li dawn il-banek ikunu rċevew, b'mod partikolari billi jassorbu t-telf bil-kapital disponibbli u billi jħallsu remunerazzjoni xierqa għall-interventi mill-Istat. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat il-ħruġ ta' fondi, introduċiet regoli dwar ix-xiri lura ta' strumenti ibridi u projbizzjonijiet fuq il-kupuni u d-dividendi. Madankollu, l-Awtorità ma stabbilixxitx limiti ex ante għal kontribuzzjonijiet proprji jew xi rekwiżit ieħor (7).

(17)

Fl-ewwel fażijiet tal-kriżi, l-Istati ŻEE ġeneralment ma marrux lil hinn mir-rekwiżiti minimi stipulati mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-qsim tal-piżijiet ex ante, u l-kredituri ma kinux meħtieġa jikkontribwixxu biex jiġu salvati l-istituzzjonijiet ta' kreditu għal raġunijiet ta' stabbiltà finanzjarja.

(18)

Il-kriżi tad-dejn sovran madankollu, uriet biċ-ċar li politika bħal din ma setgħetx tiżgura stabbiltà finanzjarja fuq terminu twil, b'mod partikolari għall-Istati ŻEE fejn il-kost għas-salvataġġi tal-banek dgħajjef b'mod sinifikanti l-pożizzjoni fiskali tagħhom. Tabilħaqq xi Stati ŻEE kellhom imorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u introduċew oqfsa legali ġodda biex jinfurzaw rekwiżiti ex ante aktar stretti għall-qsim tal-piżijiet. Dan l-iżvilupp wassal għal approċċi diverġenti fost l-Istati ŻEE rigward il-qsim tal-piżijiet, jiġifieri dawk li llimitaw ruħhom għar-rekwiżiti minimi skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u dawk li marru lil hinn minn dawk ir-rekwiżiti, fejn ħtieġu r-rikapitalizzazzjoni interna tal-investituri jew tal-kredituri. Dawn id-differenzi fl-approċċ għall-qsim tal-piżijiet bejn l-Istati ŻEE wasslu għal kostijiet ta' finazjament diverġenti bejn il-banek li ddependew fuq jekk ipperċepixxewx ir-rikapitalizzazzjoni interna bħala parti mill-qawwa fiskali ta' Stat ŻEE. Dawn huma theddida għall-integrità tas-suq ŻEE u qed ipoġġu f'riskju l-kundizzjonijiet newtrali fil-kompetizzjoni li l-għajnuna mill-Istat għandha l-għan li tipproteġi.

(19)

Fid-dawl ta' dawn l-iżviluppi msemmija hawn fuq, ir-rekwiżiti minimi għal qsim tal-piżijiet għandhom jiżdiedu. Qabel ma tingħata kwalunkwe tip ta' għajnuna lil bank, kemm jekk tkun rikapitalizzazzjoni jew miżura għall-assi danneġġati għar-ristrutturar, il-miżuri kollha li jiġġeneraw il-kapital inkluża l-konverżjoni tad-debitu subordinarju li għandu jiġi eżawrit, dejjem jekk id-drittijiet fundamentali jiġu rispettati u l-istabbiltà finanzjarja ma titqegħidx f'riskju. Billi kull għajnuna għar-ristrutturar hija meħtieġa biex tiġi evitata l-possibbiltà ta' falliment diżordinat ta' bank, sabiex l-għajnuna titnaqqas għall-minimu għandhom jiġu rrispettati dawn il-miżuri ta' qsim tal-piżijiet, tkun xi tkun is-solvenza inizjali tal-bank. Għaldaqstant, qabel ma tingħata għajnuna għar-ristrutturar lil bank, l-Istati EFTA jridu jassiguraw li l-azzjonisti tal-Bank u d-detenturi tal-kapital subordinarju jwettqu l-kontribuzzjoni meħtieġa, jew jistabbilixxu l-qafas legali meħtieġ biex dawn il-kontribuzzjonijiet jakkwistahom.

(20)

Fil-prinċipju, l-applikazzjoni ta' miżuri biex tiġi limitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tiddependi fuq il-grad tal-qsim tal-piżijiet, u tqis wkoll il-livell ta' qsim tal-piżijiet li qed jevolvi tal-banek megħjuna fiż-ŻEE. Jekk kollox jitqies bl-istess mod, titjib fil-qsim tal-piżijiet għaldaqstant jimplika inqas bżonn ta' miżuri li jindirizzaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni għandhom ikunu kkalibrati b'tali mod li joqorbu kemm jista' jkun lejn is-sitwazzjoni tas-suq li kienet tinħoloq kieku l-benefiċjarju tal-għajnuna kellu joħroġ mis-suq mingħajr għajnuna.

Proċedura ta' ristrutturar effettiva u aktar modernizzazzjoni tal-qafas

(21)

Filwaqt li huwa meħtieġ li jinżammu ċerti faċilitajiet ta' appoġġ għall-banek sabiex jindirizzaw it-taqlib kontinwu fis-swieq finanzjarji, ċerti proċeduri u kundizzjonijiet għandhom jitjiebu u jiġu żviluppati aktar. Huwa meħtieġ ukoll li l-qafas legali jgħaddi minn proċess ta' allinjament mal-evoluzzjoni tas-suq, proċess li beda f'Ġunju tal-2010 permezz taż-żieda fit-tariffa tal-garanzija (8) u kompla bil-Linji Gwida dwar l-Estensjoni tal-2011 (9).

(22)

Il-Linji Gwida Bankarji tal-2008 ppermettew lill-Istati tal-EFTA li jdaħħlu skemi ta' salvataġġ waqt li fl-istess ħin ma jeskludux id-disponibbiltà ta' interventi ad hoc. Minħabba l-iskala tal-kriżi u t-tnawwir ġenerali tal-fiduċja fi ħdan is-settur finanzjarju kollu taż-ŻEE, inter alia, bin-nixfa fis-suq interbankarju, l-Awtorità ddeċidiet li tapprova l-miżuri kollha meħtieġa meħuda mill-Istati tal-EFTA biex tissalvagwardja l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, inklużi l-miżuri ta' salvataġġ u l-iskemi ta' rikapitalizzazzjoni. L-approvazzjoni temporanja tal-għajnuna għas-salvataġġ kemm fil-forma ta' garanziji kif ukoll bir-rikapitalizzazzjoni u bil-miżuri għall-assi danneġġati, irnexxielhom jevitaw il-paniku u ġabu mill-ġdid fiduċja fis-suq.

(23)

Madankollu, fil-kundizzjonijiet tas-suq li nbidlu, hemm inqas ħtieġa għal miżuri ta' salvataġġ strutturali li jingħataw biss abbażi ta' valutazzjoni preliminari li tkun ibbażata fuq il-premessa li pratikament il-banek kollha jridu jiġu salvati, u li tipposponi l-valutazzjoni fil-fond tal-pjan ta' ristrutturar għal stadju aktar tard. Filwaqt li dan l-approċċ evita li jkun hemm il-kollass irrimedjabbli tas-settur finanzjarju kollu, l-isforzi ta' ristrutturar tal-benefiċjarji individwali ġew ħafna drabi ttardjati. Id-dewmien fl-azzjoni biex ikunu indirizzati l-problemi tal-banek rriżulta f'xi każijiet f'kont tal-aħħar ogħla għall-kontribwenti. Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxi l-prinċipju li r-rikapitalizzazzjoni u l-miżuri għall-assi se jiġu awtorizzati biss jekk il-pjan ta' ristrutturar tal-bank jiġi approvat. Dan l-approċċ jiżgura li l-ammont ta' għajnuna jiġi kkalibrat b'mod aktar preċiż, li s-sorsi tal-problemi tal-bank jkunu diġà identifikati u indirizzati fi stadju bikri, u li tkun assigurata l-istabbiltà finanzjarja. Skemi ta' garanzija ser ikomplu jkunu disponibbli sabiex tkun ipprovduta l-likwidità lil banek. Dawn l-iskemi jistgħu, madankollu, jservu biss bħala mezz li jipprovdi likwidità lil banek mingħajr nuqqas fil-kapital kif definit mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti (10).

(24)

Dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-adattamenti neċessarji għall-parametri għall-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat lill-banek relatata mal-kriżi sa mill-1 ta' Diċembru 2013. B'mod partikolari, dawn il-Linji Gwida:

(a)

jissostitwixxu l-Linji Gwida Bankarji tal-2008, u jipprovdu gwida dwar il-kriterji ta' kompatibilità għal appoġġ ta' likwidità;

(b)

jadattaw u jikkumplimentaw il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni u l-Assi Danneġġati;

(c)

jissuplimentaw il-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar billi jipprovdu gwida aktar iddettaljata dwar il-qsim tal-piżijiet minn azzjonisti u kredituri subordinarji;

(d)

jistabbilixxu l-prinċipju li l-ebda rikapitalizzazzjoni jew miżura għall-protezzjoni tal-assi ma jistgħu jingħataw mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel ta' pjan ta' ristrutturar, u jipproponu proċedura għall-awtorizzazzjoni permanenti ta' miżuri bħal dawn;

(e)

jipprovdu gwida dwar il-ħtiġiet ta' kompatibilità għall-għajnuna għal-likwidazzjoni.

2.   KAMP TA' APPLIKAZZJONI

(25)

L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida u fil-Linji Gwida dwar il-Kriżi  (11) kollha għal “istituzzjonijiet ta' kreditu” (magħrufa wkoll bħala “banek”) (12). L-istituzzjonijiet ta' kreditu jesebixxu grad għoli ta' interkonnettività billi l-falliment diżordinat ta' istituzzjoni ta' kreditu waħda jista' jkollu effett negattiv qawwi fuq is-sistema finanzjarja kollha. L-istituzzjonijiet ta' kreditu huma suxxettibbli għat-telf f'daqqa tal-fiduċja li jista' jkollu konsegwenzi serji għal-likwidità u s-solvenza tagħhom. Istituzzjoni kumplessa waħda li tkun f'diffikultà tista' twassal għal stress sistemiku fis-settur finanzjarju, li min-naħa tiegħu jista' jkollu wkoll impatt negattiv qawwi fuq l-ekonomija inġenerali, pereżempju permezz tar-rwol tal-istituzzjonijiet ta' kreditu fis-self lill-ekonomija reali, u għalhekk jista' jipperikola l-istabbiltà finanzjarja.

(26)

L-Awtorità se tapplika mutatis mutandis għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida u l-Linji Gwida dwar il-Kriżi kollha, skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE (13), l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jew l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15).

(27)

L-għajnuna kollha għal dawn l-istituzzjonijiet inkorporati fi Stat tal-EFTA, inklużi s-sussidjarji ta' istituzzjonijiet bħal dawn, u li dawn ikollhom attivitajiet sinifikanti fi Stat tal-EFTA jew Stat Membru tal-UE, se tiġi eżaminata skont dawn il-Linji Gwida.

3.   IR-RIKAPITALIZZAZZJONI U L-MIŻURI GĦALL-ASSI DANNEĠĠATI

(28)

Ir-rikapitalizzazzjoni u l-miżuri għall-assi danneġġati inklużi l-garanziji għall-assi jingħataw tipikament biex ikopru nuqqas fil-kapital. “Nuqqas fil-kapital” għall-finijiet ta' dawn il-Linji Gwida jirreferi għal nuqqas fil-kapital stabbilit f'eżerċizzju ta' kapital, f'testijiet ta' stress, f'rieżami tal-kwalità tal-assi jew f'eżerċizzju ekwivalenti fil-livell taż-ŻEE, ta' żona tal-Ewro jew fil-livell nazzjonali, kkonfermat fejn applikabbli mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti. Dan l-appoġġ pubbliku huwa normalment ta' natura permanenti u ma jistax jitwarrab faċilment.

(29)

Minħabba l-irriversibbiltà fil-prattika ta' dawn il-miżuri u l-implikazzjonijiet fiskali għall-Istati tal-EFTA li jagħtu l-għajnuna u quddiem il-prattika tad-deċiżjoni tal-Awtorità matul il-kriżi, l-Awtorità tista' fil-prinċipju tawtorizzahom biss ladarba l-Istat tal-EFTA konċernat juri li l-miżuri kollha biex jillimita tali għajnuna għall-minimu neċessarju ġew sfruttati kemm jista' jkun. Għal dan l-għan, l-Istati tal-EFTA huma mistiedna jissottomettu pjan għaż-żieda tal-kapital qabel is-sottomissjoni jew bħala parti minn pjan ta' ristrutturar. Pjan għaż-żieda tal-kapital għandu jinkludi b'mod partikolari l-miżuri għaż-żieda tal-kapital mill-bank u l-miżuri potenzjali għall-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u l-kredituri subordinarji tal-bank.

(30)

Pjan għaż-żieda tal-kapital, flimkien ma' rieżami dwar il-kwalità tal-assi tal-bank u valutazzjoni tal-adegwatteza progressiva tal-kapital, għandhom jippermettu lill-Istat tal-EFTA, flimkien mal-Awtorità u l-awtorità ta' sorveljanza kompetenti, sabiex jiddetermina eżatt (ir-residwu) in-nuqqas fil-kapital ta' bank li jeħtieġ jiġi kopert bl-għajnuna mill-Istat. Kwalunkwe nuqqas ta' kapital residwu li jeħtieġ jiġi kopert bl-għajnuna mill-Istat jeħtieġ is-sottomissjoni ta' pjan ta' ristrutturar.

(31)

Il-pjan għal ristrutturar li jinvolvi għajnuna għar-ristrutturar, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti għaż-żieda tal-kapital u l-qsim tal-piżijiet li jridu jiġu inklużi fis-pjan għaż-żieda tal-kapital, kif stabbilit fil-punti (32) sa (34), sottomessi qabel jew bħala parti mill-pjan ta' ristrutturar, se jkomplu jiġu evalwati abbażi tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar.

3.1.   L-INDIRIZZAR TA' NUQQAS FIL-KAPITAL — PRENOTIFIKA U NOTIFIKA TA' GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

(32)

Hekk kif jiġi identifikat nuqqas fil-kapital li x'aktarx jirriżulta f'talba għall-għajnuna mill-Istat, il-miżuri kollha biex jitnaqqas il-kost għall-Istat tal-EFTA li jirrimedja dan in-nuqqas għandhom jiġu implimentati. Għal dan l-għan, l-Istati tal-EFTA huma mistiedna biex jidħlu f'kuntatti mal-Awtorità qabel in-notifika. Matul dawn il-kuntatti volontarji ta' qabel in-notifika, l-Awtorità se toffri l-għajnuna tagħha dwar kif tkun żgurata l-kompatibilità tal-għajnuna għar-ristrutturar u b'mod partikolari dwar kif jistgħu jiġu implimentati r-rekwiżiti tal-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-bażi għal prenotifika se tkun il-pjan għaż-żieda tal-kapital stabbilit mill-Istat tal-EFTA u mill-bank, u approvat mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti. Dan għandu:

(a)

jelenka l-miżuri għaż-żieda tal-kapital li għandhom jittieħdu mill-Bank u l-miżuri (potenzjali) ta' qsim tal-piżijiet għall-azzjonisti u l-kredituri subordinarji;

(b)

ikollu salvagwardji li jevitaw il-ħruġ ta' fondi mill-bank li jista' pereżempju jseħħ waqt li l-Bank jakkwista ishma f'impriżi oħra jew waqt il-ħlas ta' dividendi jew kupuni.

(33)

L-Istat tal-EFTA għandu jipprovdi l-metodoloġija dettaljata u d-dejta tal-input użati sabiex jiġi ddeterminat in-nuqqas fil-kapital, ivvalidat mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti. Il-metodoloġija trid tiġi ppreżentata abbażi ta' segment tan-negozju.

(34)

Wara s-sottomissjoni ta' pjan għaż-żieda tal-kapital u l-inkorporazzjoni tar-riżultati tar-rieżami dwar il-kwalità tal-assi tal-bank kif ukoll il-valutazzjoni tal-adegwatteza progressiva tal-kapital, l-Istat tal-EFTA għandu jiddetermina n-nuqqas fil-kapital residwu li jrid jiġi kopert mill-għajnuna mill-Istat. L-Awtorità se toffri lill-Istat EFTA biex huma jiddiskutu l-pjan ta' ristrutturar qabel in-notifika tiegħu. Ladarba jintlaħaq ftehim dwar il-pjan ta' ristrutturar, l-Istat tal-EFTA jista' jinnotifika uffiċjalment il-pjan ta' ristrutturar. L-Awtorità se tawtorizza kwalunkwe miżura għal rikapitalizzazzjoni jew għall-assi danneġġati bħala għajnuna għar-ristrutturar wara li jintlaħaq ftehim dwar pjan ta' ristrutturar biss.

3.1.1.   Miżuri għaż-żieda tal-kapital mill-Bank

(35)

Fil-pjan għaż-żieda tal-kapital approvat mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti, il-benefiċjarju għandu jidentifika u, sa fejn ikun possibbli mingħajr ma jipperikola l-vijabbiltà, iwettaq il-miżuri għaż-żieda tal-kapital kollha li jistgħu jiġu implimentati. Miżuri bħal dawn għandhom jinkludu b'mod partikolari:

(a)

l-emissjoni bi drittijiet preferenzjali:

(b)

il-konverżjoni volontarja ta' strumenti tad-dejn subordinat f'ekwità fuq il-bażi ta' inċentiv relatat mar-riskju;

(c)

eżerċizzi tal-ġestjoni tal-passivi li fil-prinċipju għandhom ikunu 100 % jiġġeneraw il-kapital, jekk in-nuqqas fil-kapital ma jistax jingħeleb kollu kemm hu u għalhekk l-għajnuna mill-Istat tkun meħtieġa;

(d)

bejgħ ta' assi u portafolji li jiġġeneraw il-kapital;

(e)

it-titolizzazzjoni tal-portafolji sabiex jiġi ġġenerat kapital minn attivitajiet li mhumiex ewlenin;

(f)

iż-żamma tal-qligħ;

(g)

miżuri oħra li jnaqqsu l-ħtiġijiet ta' kapital.

(36)

Jekk il-miżuri identifikati jiġu indikati fil-pjan għaż-żieda tal-kapital bħala dawk li ma jistgħux jiġu implimentati fi żmien sitt xhur mis-sottomissjoni ta' dan il-pjan, l-Awtorità se tikkonsulta lill-awtorità ta' superviżjoni kompetenti biex tivvaluta jekk għandhiex tqis dawn il-miżuri proposti bħala miżuri għaż-żieda tal-kapital.

(37)

L-amministrazzjonijiet tal-banek għandu jkollhom inċentivi biex fi żminijiet tajbin iwettqu ristrutturar estensiv, u b'hekk inaqqsu l-ħtieġa li jkollhom jirrikorru għall-appoġġ mill-Istat. Għaldaqstant, jekk ir-rikors għall-għajnuna mill-Istat seta' b'mod raġonevoli jiġi evitat permezz ta' ġestjoni xierqa u fil-ħin, kwalunkwe entità li tiddependi minn għajnuna mill-Istat għar-ristrutturar tagħha jew għall-istralċ b'mod ordnat għandha normalment tissostitwixxu l-Kap Eżekuttiv tal-Bank, kif ukoll membri tal-bord skont il-każ.

(38)

Għall-istess raġunijiet, dawn l-entitajiet għandhom japplikaw politiki stretti dwar ir-remunerazzjoni tal-eżekuttivi. Dan jirrikjedi limitu fuq ir-remunerazzjoni flimkien mal-inċentivi li jitħallsu lill-persunal eżekuttiv, biex jiġi żgurat li l-Bank ikun qed jimplimenta l-pjan tiegħu ta' ristrutturar b'objettivi sostenibbli fuq terminu twil għall-kumpanija. Għalhekk, kwalunkwe bank li jirċievi għajnuna mill-Istat f'forma ta' rikapitalizzazzjoni jew miżuri għall-assi danneġġati għandu jillimita r-remunerazzjoni totali tal-persunal, inklużi tal-membri tal-Bord u tal-maniġment superjuri, għal livell xieraq. Dan il-limitu fuq ir-remunerazzjoni totali għandu jinkludi l-komponenti u l-pensjonijiet fissi u varjabbli kollha possibbli, u jkun konformi mal-Artikoli 93 u 94 tad-Direttiva tal-UE dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD IV). (16)

Ir-remunerazzjoni totali ta' kwalunkwe individwu ma tistax taqbeż bi 15-il darba s-salarju nazzjonali medju tal-Istat tal-EFTA fejn il-benefiċjarju jkun stabbilit (17), jew b'10 darbiet is-salarju medju tal-impjegati tal-bank benefiċjarju.

Ir-restrizzjonijiet fuq ir-remunerazzjoni għandhom japplikaw sa tmiem il-perjodu ta' ristrutturar jew sakemm il-bank ikun ħallas lura l-għajnuna mill-Istat, skont liema minnhom iseħħ l-ewwel.

(39)

Kwalunkwe bank li jirċievi għajnuna mill-Istat f'forma ta' rikapitalizzazzjoni jew miżuri għall-assi danneġġati, m'għandux fil-prinċipju jagħmel ħlasijiet għat-temma tal-impjieg ogħla minn dawk li titlob il-liġi jew il-kuntratt.

3.1.2.   Il-qsim tal-piżijiet mill-azzjonisti u mill-kredituri subordinarji

(40)

L-appoġġ mill-Istat jista' joħloq periklu morali u jdgħajjef id-dixxiplina tas-suq. Sabiex jitnaqqas il-periklu morali, l-għajnuna għandha tingħata biss fuq termini li jinvolvu qsim tal-piżijiet adegwat minn investituri eżistenti.

(41)

Il-qsim tal-piżijiet adegwat normalment jinvolvi, wara li t-telf l-ewwel jiġi assorbit mill-ekwità, kontribuzzjonijiet minn detenturi ta' kapital ibridu u minn detenturi tad-dejn subordinat. Id-detenturi ta' kapital ibridu u tad-dejn subordinat iridu jikkontribwixxu biex inaqqsu n-nuqqas fil-kapital kemm jista' jkun possibbli. Dawn il-kontribuzzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta' konverżjoni għal Grad 1 (18) tal-Ekwità Komuni, jew billi jseħħ tnaqqis fil-valur tal-istrumenti ewlenin. Fi kwalunkwe każ, il-ħruġ ta' flus mingħand il-benefiċjarju għad-detenturi ta' dawn it-titoli irid jiġi evitat sakemm ikun legalment possibbli.

(42)

L-Awtorità mhux se teħtieġ kontribuzzjoni minn detenturi tad-dejn superjuri (b'mod partikolari minn depożiti assigurati, depożiti mhux assigurati, bonds u dejn superjuri) bħala komponent obbligatorju għall-qsim tal-piżijiet skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, la permezz tal-konverżjoni f'kapital u lanqas permezz ta' tniżżil fil-valur tal-istrumenti.

(43)

Fejn il-proporzjon tal-kapital tal-Bank li għandu identifikat nuqqas fil-kapital, jibqa' ogħla mil-livell minimu regolatorju taż-ŻEE, il-Bank għandu normalment ikun kapaċi jtejjeb il-pożizzjoni tal-kapital bil-mezzi tiegħu stess, b'mod partikolari permezz ta' miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt (35). Jekk m'hemmx possibilitajiet oħra, inkluża kull azzjoni superviżorja oħra bħalma huma miżuri ta' intervent bikri jew azzjonijiet ta' rimedju oħrajn, sabiex jingħeleb in-nuqqas ikkonfermat mill-awtorità superviżorja jew tar-riżoluzzjoni kompetenti, f'dan il-każ id-dejn subordinat għandu jiġi kkonvertit f'ekwità, fil-prinċipju qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat.

(44)

F'każijiet fejn il-bank ma jibqax jilħaq ir-rekwiżiti regolatorji minimi ta' kapital, id-dejn subordinat irid jiġi kkonvertit jew jitnaqqas, fil-prinċipju, qabel tingħata l-għajnuna mill-Istat. L-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tingħata qabel mal-ekwità, il-kapital ibridu u d-dejn subordinat ikunu kkontribwew bis-sħiħ sabiex jiġi kkumpensat kwalunkwe telf.

(45)

Tista' ssir eċċezzjoni għar-rekwiżiti tal-punti 43 u 44, meta l-implimentazzoni ta' dawn il-miżuri tista' tipperikola l-istabbiltà finanzjarja jew twassal għal riżultati sproporzjonati. Din l-eċċezzjoni tista' tkopri każijiet fejn l-ammont tal-għajnuna li l-bank għandu jirċievi ikun żgħir meta mqabbel mal-assi tal-bank bil-piż differenzjat skont ir-riskju u n-nuqqas fil-kapital ikun tnaqqas b'mod sinifikanti, b'mod partikolari permezz ta' miżuri għaż-żieda tal-kapital skont kif stabbilit fil-punt 35. Jistgħu jiġu indirizzati wkoll ir-riżultati sproporzjonati jew ir-riskju għall-istabbiltà finanzjarja billi jiġi kkonsidrat mill-ġdid is-sekwenzjar tal-miżuri li jindirizzaw in-nuqqas fil-kapital.

(46)

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-punti 43 u 44, irid jinżamm “il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” (19). Għalhekk, kredituri subordinarji m'għandhomx jirċievu inqas f'termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata.

3.1.3.   Il-prevenzjoni ta' ħruġ ta' fondi qabel deċiżjoni ta' ristrutturar

(47)

Sabiex l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju, il-flussi 'l barra tal-fondi jridu jiġu evitati fl-aktar stadju bikri possibbli. Għalhekk, minn meta l-ħtiġijiet kapitali jkunu magħrufa jew kellhom ikunu magħrufa għall-bank, l-Awtorità tqis li l-Bank għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonserva l-fondi tiegħu. B'mod partikolari, minn dan il-mument 'l quddiem, dawk l-istituzzjonijiet li għandhomi identifikati ħtiġijiet ta' kapital jew li suppost għandhom identifikati ħtiġijiet ta' kapital:

(a)

m'għandhomx iħallsu dividendi fuq ishma jew kupuni fuq strumenti ta' kapital ibridu (jew kwalunkwe strument ieħor li għalih il-ħlas ta' kupun huwa diskrezzjonali);

(b)

m'għandhomx jixtru mill-ġdid kwalunkwe sehem minn tagħhom stess jew opzjoni ta' strumenti ta' kapital ibridu tul il-perjodu ta' ristrutturar mingħajr l-approvazzjoni minn qabel mill-Awtorità; u

(c)

m'għandhomx jixtru lura strumenti ta' kapital ibridu, jekk tali miżura, possibilment flimkien ma' oħrajn, ma tippermettix lill-istituzzjoni biex tassorbi b'mod sħiħ in-nuqqas fil-kapital tagħha, u sseħħ f'livelli qrib tas-suq attwali (20) u f'mhux aktar minn 10 % 'l fuq mill-prezz tas-suq; kwalunkwe xiri lura huwa suppett għal approvazzjoni minn qabel mill-Awtorità;

(d)

m'għandhomx iwettqu l-ebda tranżazzjoni għall-ġestjoni tal-kapital mingħajr l-approvazzjoni minn qabel mill-Awtorità;

(e)

m'għandhomx jieħdu sehem fi prattiki kummerċjali aggressivi; u

(f)

m'għandhomx ikollhom ishma fl-ebda impriża, kemm jekk ikunu assi kif ukoll jekk isir trasferiment tal-ishma. Dan ir-rekwiżit ma jkoprix: (i) l-akkwisti li jsiru fil-kors ordinarju tal-kummerċ bankarju fil-ġestjoni ta' pretensjonijiet eżistenti fir-rigward ta' impriżi li jinsabu f'diffikultà; u (ii) l-akkwist ta' ishma f'impriżi bil-kundizzjoni li l-prezz tax-xiri mħallas ikun inqas minn 0,01 % tal-aħħar ammont disponibbli tal-karta tal-bilanċ tal-istituzzjoni f'dak il-mument, u li l-prezzijiet tax-xiri kumulattiv mħallsa għal kull akkwist ieħor bħal dan minn dak il-mument sa tmiem il-perjodu ta' ristrutturar tkun inqas minn 0,025 % tal-aħħar ammont disponibbli tal-karta tal-bilanċ f'dak il-mument; (iii) l-akkwist ta' negozju, wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Awtorità, biex f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jekk ikun meħtieġ, tissawwar mill-ġdid l-istabbiltà finanzjarja jew biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni effikaċi;

(g)

għandhom jieqfu mir-reklamar li jirreferi għal għajnuna mill-Istat u milli jwettqu kwalunkwe strateġija kummerċjali aggressiva li mingħajr l-appoġġ tal-Istat tal-EFTA kieku ma tistax titwettaq.

(48)

Billi jrid jiġi żgurat li l-għajnuna tkun limitata għall-minimu neċessarju, jekk bank iwettaq azzjonijiet li mhumiex konformi mar-rekwiżiti elenkati fil-punt 47 f'punt fiż-żmien meta l-bżonn tiegħu għal kapital addizzjonali kellujkun evidenti għal negozju amministrat b'mod tajjeb, l-Awtorità żżid, bil-għan li jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, ammont ekwivalenti għall-ħruġ tal-fondi mal-ammont tal-għajnuna.

3.1.4.   L-għajnuna għar-ristrutturar li tkopri n-nuqqas fil-kapital residwu

(49)

Jekk wara l-implimentazzjoni ta' miżuri għaż-żieda tal-kapital u għall-qsim tal-piżijiet ikun għad hemm nuqqas fil-kapital, dan fil-prinċipju jista' jiġi kopert b'rikapitalizzazzjoni pubblika, b'miżuri għall-assi danneġġati jew kombinazzjoni tat-tnejn li huma. Sabiex din l-għajnuna tkun kompatibbli, irid jitressaq lill-Kummissjoni pjan ta' ristrutturar li jrid ikun konformi mat-taqsimiet korrispondenti tal-Linji Gwida dwar il-Kriżi.

3.2.   GĦAJNUNA GĦAS-SALVATAĠĠ FIL-FORMA TA' RIKAPITALIZZAZZJONI U TA' MIŻURI GĦALL-ASSI DANNEĠĠATI

(50)

Ladarba l-Awtorità tibda tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawnil-Linji Gwida, Stat tal-EFTA jrid jinnotifika pjan ta' ristrutturar lill-Awtorità, u jikseb approvazzjoni għall-għajnuna mill-Istat qabel ma jittieħdu miżuri għar-rikapitalizzazzjoni jew għall-assi danneġġati. Madankollu, l-Awtorità eċċezzjonalment tista' tawtorizza lill-Istat tal-EFTA biex fuq bażi temporanja jagħti miżuri bħal dawn, bħala għajnuna għas-salvataġġ, qabel ma pjan għar-ristrutturar jiġi approvat, jekk miżuri bħal dawn huma meħtieġa biex tinżamm l-istabbiltà finanzjarja. Jekk Stat tal-EFTA jinvoka din il-klawżola għall-istabbiltà finanzjarja, l-Awtorità titlob analiżi ex ante mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti li tikkonferma li jeżisti attwalment (mhux fil-futur) nuqqas fil-kapital, li jġiegħel lill-kontrollur biex immedjatament jirtira l-liċenzja bankarja tal-istituzzjoni jekk ma jittieħdux miżuri bħal dawn. Barra minn hekk, kwalunkwe analiżi bħal din trid turi li r-riskju eċċezzjonali għall-istabbiltà finanzjarja ma jistax jiġi evitat b'kapital privat f'perjodu biżżejjed qasir ta' żmien, jew permezz ta' kwalunkwe miżura temporanja oħra li toħloq inqas distorzjoni bħal garanzija mill-Istat.

(51)

Kwalunkwe miżura ta' salvataġġ li taqa' taħt il-punt 50 trid tiġi nnotifikata lill-Awtorità. Sabiex tkun approvata temporanjament mill-Awtorità, miżura bħal din għandha tikkonforma mar-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni u l-qsim tal-piżijiet ta' dawn il-miżuri stabbiliti fil-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni, il-Linji Gwida dwar l-Estensjoni tal-2011, u fejn applikabbli, fil-Linji Gwida dwar l-Assi Danneġġati.

(52)

Barra minn hekk, għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta' rikapitalizzazzjoni u ta' miżuri għall-assi danneġġati m'għandhomx jimpedixxu konformità mar-rekwiżiti għall-qsim tal-piżijiet stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida. Konsegwentement, jew il-miżuri meħtieġa għall-qsim tal-piżijiet iridu jiġu implimentati bħala parti mill-għajnuna għas-salvataġġ, inkella l-miżuri ta' rikapitalizzazzjoni jew għall-assi danneġġati jridu jiġu rranġati b'tali mod li jippermettu l-implimentazzjoni ex post ta' miżuri għall-qsim tal-piżijiet. Tali implimentazzjoni ex post tista' tinkiseb pereżempju, bir-rikapitalizzazzjoni tal-ekwità f'forma li hija superjuri għall-istrumenti eżistenti tal-kapital u tad-dejn subordinat, filwaqt li tibqa' konformi mal-qafas regolatorju u superviżorju applikabbli.

(53)

Wara l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, l-Istat tal-EFTA għandu jissottometti pjan ta' ristrutturar konformi mal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar fi żmien xahrejn mid-data tad-deċiżjoni li b'mod temporanju tapprova l-għajnuna. Il-pjan ta' ristrutturar se jiġi evalwat abbażi tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta' qsim tal-piżijiet deskritti f'dawn il-Linji Gwida.

3.3.   SKEMI TA' RIKAPITALIZZAZZJONI U TA' RISTRUTTURAR TA' ISTITUZZJONIJIET ŻGĦAR

(54)

L-għajnuna lil banek żgħar għandha t-tendenza taffettwa inqas il-kompetizzjoni mill-għajnuna mogħtija lil banek akbar. Għal din ir-raġuni u sabiex jiġi żgurat trattament amministrattiva proporzjonat, huwa xieraq li jkun hemm proċedura aktar sempliċi rigward il-banek żgħar, filwaqt li jkun żgurat li d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni jkunu limitati għall-minimu. Għalhekk, l-Awtorità hija lesta li tawtorizza skemi ta' rikapitalizzazzjoni u ta' ristrutturar għall-istituzzjonijiet żgħar fejn skemi bħal dawn ikollhom ambitu ċar u jkunu limitati għal perjodu ta' sitt xhur, dejjem jekk dawn jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti fil-Linji Gwida dwar il-Kriżi u b'mod partikolari r-rekwiżiti għall-qsim tal-piżijiet ta' dawn il-Linji Gwida. L-applikazzjoni ta' kwalunkwe skema bħal din barra minn hekk għandha tkun ristretta għal banek b'karta tal-bilanċ li t-total tagħha mhux aktar minn EUR 100 miljun. L-ammont tal-karti tal-bilanċi tal-banek li jirċievu l-għajnuna taħt l-iskema ma għandux jaqbeż il-1,5 % tal-assi totali miżmuma mill-banek fis-suq domestiku tal-Istat tal-EFTA kkonċernat.

(55)

L-Awtorità se tevalwa kull skema ta' dan it-tip sabiex tivverifika jekk din tilħaqx l-objettiv tagħha u hix qed tiġi implimentata b'mod korrett. Għal dan l-għan, l-Istat tal-EFTA jrid jipprovdi rapport ta' kull sitt xhur dwar l-użu tal-iskema, wara l-awtorizzazzjoni tal-iskema.

4.   IL-GARANZIJI U L-APPOĠĠ TA' LIKWIDITÀ, LI JMORRU LIL HINN MILL-PROVVISTA TAL-LIKWIDITÀ TAL-BANK ĊENTRALI

(56)

L-appoġġ ta' likwidità u garanziji fuq l-obbligazzjonijiet temporanjament jistabbilizzaw in-naħa tal-obbligazzjoinijiet tal-karta tal-bilanċ ta' bank. Għalhekk, kontra r-rikapitalizzazzjoni jew il-miżuri għall-assi danneġġati, li fil-prinċipju jridu jkunu ppreċeduti bin-notifika ta' pjan ta' ristrutturar mill-Istat tal-EFTA kkonċernat u bl-approvazzjoni tal-Awtorità qabel ma jkunu jistgħu jingħataw, l-Awtorità tista' taċċetta li l-Istati tal-EFTA jinnotifikaw il-garanziji u l-appoġġ ta' likwidità li għandhom jingħataw wara l-approvazzjoni temporanja tagħhom bħala għajnuna għas-salvataġġ, qabel ma pjan ta' ristrutturar jiġi approvat.

(57)

Il-garanziji u l-appoġġ ta' likwidità jistgħu jiġu nnotifikati individwalment lill-Awtorità; barra minn hekk, l-Awtorità tista' tawtorizza wkoll skemi li jipprovdu miżuri ta' likwidità għal perjodu massimu ta' sitt xhur.

(58)

Skemi bħal dawn iridu jkunu ristretti għal banek li ma jkollhomx nuqqqas fil-kapital. Meta bank b'nuqqas fil-kapital ikollu bżonn urġenti ta' likwidità, hija meħtieġa notifika individwali lill-Awtorità. (21) F'każijiet bħal dawn, l-Awtorità se tapplika mutatis mutandis il-proċedura stabbilita fil-punti 32 sa 34, inkluż ir-rekwiżit ta' ristrutturar jew għal pjan ta' stralċ, jekk l-għajnuna ma titħallasx lura fi żmien xahrejn

(59)

Il-garanziji u l-appoġġ ta' likwidità sabiex jiġu approvati mill-Awtorità, iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-garanziji jistgħu jingħataw biss għal kwistjonijiet ġodda ta' dejn superjuri ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (huwa eskluż id-dejn subordinat);

(b)

il-garanziji jistgħu jingħataw biss fuq strumenti ta' dejn b'maturità minn tliet xhur sa ħames snin (jew il-massimu ta' seba' snin fil-każ ta' bonds koperti). Garanziji b'maturità ta' aktar minn tliet snin iridu, ħlief f'każijiet iġġustifikati kif dovut, jkunu limitati għal terz tal-garanziji pendenti mogħtija lill-Bank individwali;

(c)

il-livell minimu ta' remunerazzjoni tal-garanziji mill-Istat irid ikun konformi mal-formola stipulata fil-Linji Gwida dwar l-Estensjoni tal-2011;

(d)

il-pjan ta' ristrutturar għandu jiġi sottomess lill-Awtorità fi żmien xahrejn għal kull istituzzjoni ta' kreditu mogħtija garanziji fuq obbligazzjonijiet ġodda jew obbligazzjonijiet mġedda, li meta tingħata l-garanzija l-ġdida għalihom, l-obbligazzjonijiet garantiti pendenti totali (inklużi l-garanziji mogħtija qabel id-data ta' din id-deċiżjoni) jaqbżu kemm il-proporzjon ta' 5 % tal-obbligazzjonijiet totali kif ukoll l-ammont totali ta' EUR 500 miljun;

(e)

għal kull istituzzjoni ta' kreditu li taqa' fuq il-garanzija, iridu jitressqu ristrutturar individwali jew pjan ta' stralċ fi żmien xahrejn wara li l-garanzija tkun ġiet attivata;

(f)

ir-riċevituri ta' garanziji u ta' appoġġ ta' likwidità jridu jieqfu mir-reklamar li jirreferi għall-għajnuna mill-Istat, u milli jwettqu kwalunkwe strateġija kummerċjali aggressiva li mingħajr l-appoġġ tal-Istat tal-EFTA kieku ma tistax titwettaq.

(60)

Għall-garanziji u l-iskemi ta' appoġġ ta' likwidità, il-kriterji addizzjonali li ġejjin iridu jiġu sodisfatti:

(a)

l-iskema għandha tkun ristretta għall-banek li ma għandhomx nuqqas fil-kapital kif iċċertifikat mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti skont il-punt 28;

(b)

garanziji b'maturità ta' aktar minn tliet snin iridu jkunu limitati għal terz tal-garanziji totali mogħtija lill-Bank individwali;

(c)

l-Istati tal-EFTA Membri għandhom jirrapportaw lill-Awtorità kull tliet xhur dwar: (i) it-tħaddim tal-iskema, (ii) l-emissjonijiet tad-dejn iggarantit u (iii) it-tariffi realment mitluba;

(d)

L-Istati tal-EFTA jridu jissupplimentaw ir-rapporti tagħhom dwar it-tħaddim tal-iskema bl-informazzjoni disponibbli aġġornata dwar il-kost tal-ħruġ ta' dejn mhux iggarantit li jista' jiġi pparagunat (in-natura, il-volum, il-klassifikazzjoni, il-munita).

(61)

F'każijiet eċċezzjonali jistgħu jiġu approvati wkoll garanziji li jkopru l-iskoperturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment lejn banek bil-għan li jerġa' jsir mill-ġdid is-self lill-ekonomija reali f'pajjiżi li għandhom kundizzjonjiet ta' self f'diffikultà serja meta mqabblin mal-medja taż-ŻEE. Fil-valutazzjoni ta' miżuri bħal dawn, l-Awtorità se teżamina b'mod partikolari jekk dawn jagħtux benefiċċju żejjed li jista' pereżempju jservi biex jiżviluppa attivitajiet oħra kummerċjali ta' dawn il-banek. Garanziji bħal dawn jistgħu jkopru biss perjodu ta' mhux iktar minn seba' snin. Garanziji bħal dawn, jekk jiġu approvati mill-Awtorità, ma jiskattawx l-obbligu għall-bank li jippreżenta pjan ta' ristrutturar.

5.   IL-PROVVISTA TA' LIKWIDITÀ MINN BANEK ĊENTRALI U L-INTERVENT BI SKEMI TA' GARANZIJA TAD-DEPOŻITI U B'FONDI TA' RIŻOLUZZJONI

(62)

L-attivitajiet ordinarji tal-banek ċentrali relatati mal-politika monetarja, bħall-operazzjonjiet fuq is-suq miftuħ u l-faċilitajiet permanenti, ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Appoġġ immirat lejn istituzzjoni ta' kreditu speċifika (komunement imsejħa “assistenza ta' emerġenza fil-likwidità”) jista' jikkostitwixxi għajnuna sakemm ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin (22):

(a)

l-istituzzjoni ta' kreditu tkun temporanjament nonlikwida iżda solventi fil-mument tal-provvediment tal-likwidità li jseħħ f'ċirkustanzi eċċezzjonali u li ma jkunx parti minn xi pakkett ta' għajnuna ikbar,

(b)

il-faċilità tkun kompletament garantita minn kollateral li għalih jiġi applikat tnaqqis adegwat, skont il-kwalità u l-valur fis-suq tagħha,

(c)

il-bank ċentrali jeżiġi ħlas ta' rata ta' interess li tippenalizza mingħand il-benefiċarju,

(d)

il-miżura tiġi meħuda fuq inizjattiva tal-bank ċentrali nnifsu, u b'mod partikolari ma tkunx sostnuta b'xi kontrogaranzija mill-Istat.

(63)

Interventi minn fondi ta' garanzija tad-depożiti li jirrimborżaw lid-depożituri f'konformità mal-obbligi tal-Istati EFTA skont id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) mhumiex għajnuna mill-Istat. (24) Madankollu, l-użu ta' dawn il-fondi jew fondi simili li jassistu fir-ristrutturar tal-istituzzjonijiet ta' kreditu jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Għalkemm il-fondi inkwistjoni jistgħu jiġu mis-settur privat, jistgħu jikkostitwixxu għajnuna sal-punt li dawn jaqgħu taħt il-kontroll tal-Istat, u d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-Fondi tkun attribwibbli lill-Istat (25). L-Awtorità se tivvaluta l-kompatibilità tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' interventi bħal dawn fid-dawl ta' dawn il-Linji Gwida.

(64)

Għajnuna mill-Istat fil-forma ta' interventi permezz ta' fond ta' riżoluzzjoni se tiġi vvalutata skont dawn il-Linji Gwida biex tiġi vvalutata l-kompatibilità tagħha mal-Ftehim ŻEE.

6.   KONSIDERAZZJONIJIET SPEĊIFIĊI RIGWARD L-GĦAJNUNA TA' LIKWIDAZZJONI

6.1.   PRINĊIPJI ĠENERALI

(65)

L-Istati tal-EFTA għandhom jinkuraġġixxu l-ħruġ mis-suq ta' operaturi mhux vijabbli filwaqt li jippermettu li l-proċess ta' ħruġ iseħħ b'mod ordnat, sabiex iħarsu l-istabbiltà finanzjarja. Il-likwidazzjoni ordnata ta' istituzzjoni ta' kreditu f'diffikultà għandha dejjem titqies meta l-istituzzjoni ma tistax terġa' tkun vijabbli b'mod kredibbli fuq terminu twil.

(66)

L-Awtorità tagħraf li, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u fin-nuqqas ta' mekkaniżmi li jippermettu r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu mingħajr ma tiġi mhedda l-istabbiltà finanzjarja, jista' ma jkunx fattibbli li tiġi llikwidata istituzzjoni ta' kreditu skont il-proċedimenti ordinarji ta' insolvenza. Għal din ir-raġuni, miżuri Statali li jappoġġaw il-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li qed ifallu jistgħu jitqiesu bħala għajnuna kompatibbli, jekk ikunu konformi mar-rekwiżit speċifikat fil-punt 44.

(67)

L-għan ta' likwidazzjoni ordnata jrid ikun il-waqfien tal-attivitajiet ta' istituzzjoni ta' kreditu f'diffikultà, tul perjodu ta' żmien limitat. Dan l-għan jimplika li ma jistax isir kummerċ ġdid ma parti terza. Madankollu, dan ma jwaqqafx it-twettiq ta' kummerċ eżistenti, jekk dan inaqqas l-ispejjeż tal-likwidazzjoni. Barra minn hekk, il-likwidazzjoni għandu jkollha kemm jista' jkun possibbli l-għan li tbigħ partijiet tan-negozju jew l-assi permezz ta' proċess kompetittiv. Fi proċedura ta' likwidazzjoni ordnata l-proċedimenti ta' kwalunkwe bejgħ ta' assi jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-likwidazzjoni.

(68)

L-Istati tal-EFTA jistgħu jagħżlu għadd ta' għodod biex jorganizzaw il-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu f'diffikultà. Kwalunkwe miżura ta' għajnuna mill-Istat implimentata biex tappoġġa likwidazzjoni bħal din għandha tikkonforma mal-prinċipji speċifikati fil-punt 69 sa 82.

6.2.   KUNDIZZJONIJIET GĦALL-AWTORIZZAZZJONI TAL-GĦAJNUNA GĦAL-LIKWIDAZZJONI

(69)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipprovdu pjan għal-likwidazzjoni ordnata tal-istituzzjoni ta' kreditu.

(70)

L-Awtorità ser tivvaluta l-kompatibilità tal-miżuri ta' għajnuna li għandhom jiġu implimentati bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-istituzzjonijiet ta' kreditu fuq l-istess linji, mutatis mutandis, kif stabbiliti fit-taqsimiet 2, 3 u 4 tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar għall-għajnuna għar-ristrutturar.

(71)

In-natura partikolari ta' likwidazzjoni ordnata twassal għall-kunsiderazzjonijiet stipulati f'punti 72 sa 78.

6.2.1.   Limitazzjoni tal-kostijiet ta' likwidazzjoni

(72)

L-Istati tal-EFTA għandhom jagħtu prova li l-għajnuna tippermetti lill-istituzzjoni ta' kreditu li jsirilha stralċ b'mod ordnat, filwaqt li jillimitaw l-ammont tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ biex iżommuha għaddejja matul il-likwidazzjoni minħabba l-għan li jrid jintlaħaq u li huwa konformi mar-rekwiżit tal-qsim tal-piżijiet ta' dawn il-Linji Gwida.

6.2.2.   Limitazzjoni fid-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni

(73)

Sabiex jiġu evitati distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, il-fażi tal-istralċ għandha tkun limitata għall-perjodu strettament neċessarju għal likwidazzjoni ordnata.

(74)

Sakemm l-istituzzjoni ta' kreditu benefiċjarja tkompli topera, ma tistax tikkompeti b'mod attiv fis-suq jew tidħol għal attivitajiet ġodda. L-operazzjonijiet tagħha għandhom fil-prinċipju jkunu limitati għat-tkomplija u t-tlestija tal-attivitajiet pendenti għall-klijenti eżistenti. Kull attività ġdida mal-klijenti eżistenti trid tkun limitata għat-tibdil fil-kundizzjonijiet ta' kuntratti eżistenti u għar-ristrutturar ta' self eżistenti, dejjem jekk dawn il-bidliet itejbu l-valur preżenti nett tal-assi rispettivi.

(75)

Il-politika tal-ipprezzar tal-istituzzjoni ta' kreditu li jrid isirilha stralċ trid timmira li tinkuraġġixxi lill-klijenti jsibu alternattivi aktar attraenti.

(76)

Meta hija meħtieġ liċenzja bankarja, pereżempju għal bank tal-assi ħżiena jew għal istituzzjoni temporanja stabbilita biss għal-likwidazzjoni ordnata ta' istituzzjoni ta' kreditu (“bank tranżitorju”), din għandha tkun limitata għall-attivitajiet strettament neċessarji għall-istralċ. Il-liċenzja bankarja għandha tiġi rtirata mill-aktar fis possibbli mill-awtorità ta' sorveljanza kompetenti.

6.2.3.   Il-qsim tal-piżijiet

(77)

Fil-kuntest ta' likwidazzjoni ordnata, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi mminimizzat il-periklu morali, b'mod partikolari billi għajnuna addizzjonali ma tiġix ipprovduta għall-benefiċċju tal-azzjonisti u tad-detenturi tad-dejn subordinat. Għalhekk, il-pretensjonijiet tal-azzjonisti u tad-detenturi tad-dejn subordinat ma għandhomx ikunu ttrasferiti għal xi attività ekonomika li għadha għaddejja.

(78)

It-Taqsimiet 3.1.2 u 3.1.3 għandhom jiġu rrispettati mutatis mutandis.

6.3.   IL-BEJGĦ TA' ISTITUZZJONI TA' KREDITU WAQT PROĊEDURA TA' LIKWIDAZZJONI ORDNATA

(79)

Il-bejgħ ta' istituzzjoni ta' kreditu waqt proċedura ta' likwidazzjoni ordnata jista' jinvolvi għajnuna mill-Istat għax-xerrej, dejjem jekk il-bejgħ ikun effettwat permezz ta' offerti kompetittivi miftuħa u bla kundizzjonijiet u l-assi jinbiegħu lil dak li jagħmel l-ogħla offerta. Offerti kompetittivi bħal dawn għandhom, fejn neċessarju, jippermettu l-bejgħ ta' partijiet tal-istituzzjoni lil offerenti differenti.

(80)

B'mod partikolari, meta jkun qed jiġi determinat jekk ikunx hemm għajnuna għax-xerrej tal-istituzzjoni ta' kreditu jew ta' partijiet minnha, l-Awtorità se teżamina jekk:

(a)

il-proċess ta' bejgħ huwiex miftuħ, bla kundizzjonijiet u nondiskriminatorju;

(b)

il-bejgħ isirx bil-kundizzjonijiet tas-suq;

(c)

l-istituzzjoni ta' kreditu jew il-Gvern, (skont l-istruttura magħżula) jimmassimizzawx il-prezz tal-bejgħ għall-assi u l-obbligazzjonijiet involuti.

(81)

Meta l-Awtorità ssib li x-xerrej ġie megħjun, l-Awtorità se tivvaluta l-kompatibilità ta' din l-għajnuna separatament.

(82)

Jekk tingħata għajnuna lill-attività ekonomika li tkun se tinbiegħ (u mhux lix-xerrej ta' din l-attività), il-kompatibilità ta' din l-għajnuna se tkun suġġetta għal eżami individwali skont dawn il-Linji Gwida. Jekk il-proċess ta' likwidazzjoni jinvolvi l-bejgħ ta' entità ekonomika li għandha sehem sinifikanti mis-suq, l-Awtorità se tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri li jillimitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li l-għajnuna mogħtija lil din l-entità ekonomika tkun ġabet magħha, u se tivverifika jekk l-entità wara l-bejgħ hijiex vijabbli. Fil-valutazzjoni tal-vijabbiltà tal-entità, l-Awtorità se tqis b'mod xieraq id-daqs u s-saħħa tax-xerrej meta mqabblin mad-daqs u s-saħħa tan-negozju akkwistat.

6.4.   KUNDIZZJONIJIET GĦALL-AWTORIZZAZZJONI TA' SKEMI GĦAL-LIKWIDAZZJONI ORDNATA

(83)

L-implimentazzjoni mill-Istati tal-EFTA ta' skemi għal istituzzjonijiet ta' kreditu li jinsabu f'diffikulta tista' tinkludi l-possibbiltà ta' għoti ta' għajnuna sabiex tiġi żgurata l-likwidazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li jinsabu f'diffikultà, filwaqt li jiġu limitati l-effetti negattivi fuq is-settur u fuq l-ekonomija inġenerali.

(84)

L-Awtorità tqis li skemi ta' għajnuna għal-likwidazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu ta' daqs limitat (26) jistgħu jiġu approvati, dejjem jekk dawn ikunu mfassla sew biex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti għall-qsim tal-piżijiet bejn l-azzjonisti u d-detenturi tad-debitu subordinat stabbiliti fil-punt 44, u biex jitneħħa l-periklu morali u tħassib ieħor dwar il-kompetizzjoni.

(85)

Il-kompatibilità ta' skemi bħal dawn se tiġi evalwata fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsima 3. Meta jinnotifikaw skema lill-Awtorità l-Istati tal-EFTA jridu, għaldaqstant, jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar il-proċess u dwar il-kundizzjonijiet għall-interventi favur l-istituzzjonijiet benefiċjarji.

(86)

Billi l-grad fid-distorsjoni tal-kompetizzjoni jista' jvarja skont in-natura tal-istituzzjoni benefiċjarja u l-pożizzjoni tagħha fis-suq, valutazzjoni individwali tista' tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-proċess ma jwassalx għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni bla bżonn. Għalhekk, il-miżuri ta' għajnuna skont skema approvata favur l-istituzzjonijiet ta' kreditu b'assi totali ta' aktar minn EUR 3 000 miljun iridu jiġu nnotifikati individwalment għall-approvazzjoni.

6.5.   MONITORAĠĠ

(87)

L-Istati tal-EFTA jridu jipprovdu rapporti regolari, mill-inqas fuq bażi annwali, dwar l-operat ta' kull skema awtorizzata skont it-taqsima 6.4. Dawn ir-rapporti jridu jipprovdu wkoll informazzjoni għal kull istituzzjoni ta' kreditu li tkun qed tiġi likwidata skont it-taqsima 6.4.

(88)

Sabiex l-Awtorità tkun tista' tagħmel monitoraġġ fuq il-progress tal-proċess ta' likwidazzjoni ordnata, u l-impatt tiegħu fuq il-kompetizzjoni, l-Istati tal-EFTA jridu jressqu rapporti regolari (mill-inqas fuq bażi annwali) dwar l-iżviluppi fil-proċess ta' likwidazzjoni ta' kull bank f'likwidazzjoni, u rapport finali fl-aħħar tal-proċedura tal-istralċ. F'ċerti każijiet, fiduċjarju tal-monitoraġġ, fiduċjarju taċ-ċessjoni jew it-tnejn li huma, jistgħu jinħatru biex tiġi żgurata konformità ma' kull kundizzjoni u obbligazzjoni li tkun il-bażi tal-awtorizzazzjoni għall-għajnuna.

7.   ID-DATA TAL-APPLIKAZZJONI U T-TUL TA' ŻMIEN

(89)

L-Awtorità se tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawn il-Linji Gwida mill-1 ta' Diċembru 2013.

(90)

In-notifiki rreġistrati mill-Awtorità qabel l-1 ta' Diċembru 2013 se jiġu eżaminati fid-dawl tal-kriterji fis-seħħ fi żmien in-notifika.

(91)

L-Awtorità għandha teżamina l-kompatibilità mal-Ftehim ŻEE ta' kwalunkwe għajnuna mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 1(3) tal-Parti I tal-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta' Awtorità ta' Sorveljanza u ta' Qorti tal-Ġustizzja fuq il-bażi ta' dawn il-Linji Gwida jekk xi wħud jew kollha ta' dik l-għajnuna hija mogħtija wara l-pubblikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Supplement taż-ŻEE tiegħu.

(92)

F'kull każ ieħor hija se tagħmel eżami fuq il-bażi tal-Linji Gwida dwar il-Kriżi fis-seħħ, fi żmien l-għoti tal-għajnuna.

(93)

L-Awtorità se tirrevedi, meta neċessarju, dawn il-Linji Gwida, b'mod partikolari sabiex timxi mal-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq jew fl-ambjent regolatorju li jistgħu jaffettwaw ir-regoli li tistipula.

(94)

Il-Lnji Gwida Bankarji tal-2008 se jiġu rtirati b'effett mit-30 ta' Novembru 2013.

(95)

Il-punt 47 u l-Anness 5 tal-Linji Gwida dwar l-Assi Danneġġati ġew irtirati.

(96)

Il-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar ġew emendati kif ġej:

 

Fil-Punt 4, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej: “F'każ li istituzzjoni finanzjarja tkun irċeviet għajnuna mill-Istat, l-Istat tal-EFTA jrid iressaq pjan ta' ristrutturar sabiex jikkonferma jew jistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fuq terminu twil tal-banek individwali mingħajr il-bżonn tal-appoġġ mill-Istat.”

 

In-nota 6 ta' qiegħ il-paġna li għandha x'taqsam mal-punt 4 tneħħiet.

 

Fil-punt 7, it-tielet inċiż jinbidel b'dan li ġej: “L-Awtorità, waqt li tibqa' tikkunsidra s-sitwazzjoni globali tas-settur finanzjarju, se tapplika l-prinċipju bażiku tal-qsim xieraq tal-piżijiet bejn l-Istati tal-EFTA u l-banek benefiċjarji”.

 

Il-punt 8 ġie rtirat.

 

Fin-nota 28 ta' qiegħ il-paġna li għandha x'taqsam mal-punt 21, l-ewwel sentenza tinbidel b'dan li ġej: “Ara t-Taqsima 6 tal-Linji Gwida Bankarji tal-2013”.

 

Il-punt 25 jinbidel b'dan li ġej: “Kwalunkwe deroga mill-qsim xieraq tal-piżijiet ex ante, li setgħet ingħatat b'mod eċċezzjonali qabel ma ġie approvat pjan għar-ristrutturar għal raġunijiet ta' stabbiltà finanzjarja, trid tagħmel tajjeb għaliha kontribuzzjoni addizzjonali fi stadju ulterjuri tar-ristrutturar, pereżempju fil-forma ta' klawżoli ta' restituzzjoni u/jew ristrutturar aktar estiż, inklużi miżuri addizzjonali biex jillimitaw id-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni.”


(1)  Dawn il-Linji Gwida jikkorrispondu mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta' Awwissu 2013, ta' regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta' sostenn favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“Komunikazzjoni Bankarja 2013”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).

(2)  Il-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tal-Arikoli 61 u 62 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 1 tal-Protokol 3 tal-Ftehim dwar is-Sorveljanza u l-Qorti, (“il-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat”), adottati u maħruġa mill-Awtorità fid-19 ta' Jannar 1994, ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'l quddiem imsejjaħ il-ĠU) (ĠU L 231, 3.9.1994, p. 1 u s-Supplement taż-ŻEE Nru 32; 3.9.1994, p. 1). Il-linji gwida kienu emendati l-aħħar fit-23 ta' Ottubru 2013. Il-verżjoni aġġornata tal-Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat hija ppubblikata fuq il-websajt tal-Awtorità: http://www.eftasurv.int/state-aid/legal-framework/state-aid-guidelines/. Parti VIII tal-Linji Gwida dwar għajnuna mill-Istat tistipula r-regoli temporanji rigward il-kriżi finanzjarja f'dan is-sett ta' Linji Gwida dwar il-Kriżi:

1.

l-applikazzjoni tar-regoli ta' għajnuna mill-Istat għal miżuri meħuda fir-relazzjoni ma' istituzzjonijiet finanzjarji (“Il-Linji Gwida Bankarji”), (ĠU L 17, 20.1.2011, p. 1 u s-Supplement ŻEE Nru 3; 20.1.2011, p. 1),

2.

ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji (“Il-Linji Gwida dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU L 17, 20.1.2011, p. 1 u s-Supplement ŻEE Nru 3; 20.1.2011, p. 1),

3.

il-qafas temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat għal appoġġ ta' aċċess għall-finanzi fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (“il-Linji Gwida ta' Qafas Temporanju”) (ĠU L 17, 20.1.2011, p. 1 u s-Supplement ŻEE Nru 3; 20.1.2011, p. 1),

4.

it-trattament ta' assi indeboliti fis-settur bankarju taż-ŻEE (“il-Linji Gwida dwar Assi Indeboliti”) (ĠU L 23, 27.1.2011, p. 31 u s-Supplement ŻEE Nru 4; 27.1.2011, p. 1),

5.

ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta' miżuri ta' ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (“il-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar”) (ĠU L 282, 24.10.2013, p. 72 u s-Supplement ŻEE Nru 58, 24.10.2013, p. 1).

Il-linji gwida dwar il-kriżi finanzjarja ġew prolongati darbtejn, fl-2011 (“Il-Linji Gwida ta' Prolongazzjoni għall-2011”) (ĠU L 332, 15.12.11, p. 20 u s-Supplement ŻEE Nru 67, 15.12.2011, p. 7) u fl-2012 (“Il-Linji Gwida ta' Prolongazzjoni għall-2012”) (ĠU L 282, 24.10.2013, p. 72 u s-Supplement ŻEE Nru 58, 24.10.2013, p. 1).

(3)  Ara l-Linji Gwida dwar il-Prolongazzjoni tal-2011, il-punt 14.

(4)  L-inizjattivi li jistabilixxu l-Unjoni Bankarja ġew maħsuba primarjament għaż-żona Ewro, minħabba li l-membri tal-ewro għandhom bosta strumenti komuni iżda l-ebda superviżjoni kondiviża. L-Istati Membri tal-UE li mhumiex fiż-żona ewro madankollu se jkollhom il-possibbiltà li jipparteċipaw jekk ikunu jixtiequ jagħmlu dan. Bħalissa mhuwiex ċar sa liema punt l-Istati Membri tal-UE barra ż-żona ewro jistgħu jiddeċiedu li jipparteċipaw f'dawn l-inizjattivi. Fir-rigward tal-Istati tal-EFTA taż-ŻEE, il-Grupp ta' Ħidma dwar is-servizzi finanzjarji segwa l-iżviluppi min-naħa tal-UE b'interess kbir u ġie ppreżentat b'informazzjoni min-naħa tal-UE dwar l-Unjoni Bankarja. Madankollu, l-ebda diskussjoni għadha ma saret s'issa dwar involviment possibbli tal-Istati tal-EFTA.

(5)  Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment tas- 6 ta' Ġunju 2012, COM(2012) 0280 finali. Il-Grupp ta' Ħidma tal-EFTA dwar is-Servizzi Finanzjarji qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi min-naħa tal-UE. Jidher li din il-proposta tista' tiġi meqjusa bħala relevanti għaż-ŻEE u għalhekk x'aktarx li tiġi inkorporata fil-Ftehim taż-ŻEE ladarba tiġi adottata min-naħa tal-UE.

(6)  Ara pereżempju l-punt 22 tal-Linji Gwida dwar ir-Ristrutturar.

(7)  Ibid, punt 24.

(8)  Ara t-taqsima 1.2 tal-Linji Gwida Qafas Temporanji tal-Awtorità u r-referenza li tinsab fihom għad-dokument ta' ħidma tal-Persunal tad-DĠ Kompetizzjoni tat-30 ta' April 2010, “L-applikazzjoni ta' regoli dwar l-għajnuna mill-istat għall-iskemi ta' garanziji tal-gvernijiet li jkopru d-djun tal-banek li għandhom joħorġu wara t-30 ta' Ġunju 2010”.

(9)  Dawk il-Linji Gwida jistipulaw il-ħtieġa li jiġi sottomess pjan ta' ristrutturar għall-banek kollha li jibbenefikaw minn għajnuna mill-Istat fil-forma ta' kapital jew miżuri għall-assi danneġġati, irrilevanti mill-ammont tal-għajnuna.

(10)  “L-awtorità ta' sorveljanza kompetenti” tfisser kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti maħtura mill-Istat ŻEE parteċipanti skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1) kif adattat għall-Ftehim ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 65/2008 (ĠU L 257, 25.9.2008, p. 27 u s-Supplement ŻEE Nru 58, 25.9.2008, p. 9) jew il-Bank Ċentrali Ewropew fil-kompiti ta' sorveljanza tiegħu kif konferiti fl-Artikolu 1 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew dwar politiki relatati mas-superviżjoni prudenti ta' istituzjonijiet ta' kreditu għal istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fi Stati Membru parteċipanti fil-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku. F'dak li jirrigwarda l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill imsemmi hawn fuq, il-Grupp ta' Ħidma dwar is-servizzi finanzjarji tal-EFTA qed isegwi mill-qrib l-iżviluppi min-naħa tal-UE.

(11)  Ara n-nota nru 2.

(12)  Kif definit fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2006/48/KE, kif adattat għall-Ftehim ŻEE mid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 65/2008 (ara n-nota ta' qigħ il-paġna 10 għal referenzi ta' pubblikazzjoni).

(13)  L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta' Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta' assigurazzjoni diretta ħlief għal assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3), kif adattat għall-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 78/2011 (ĠU L 262, 6.10.2011, p. 45 u s-Supplement ŻEE Nru.54, 6.10.2011, p. 57).

(14)  Id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1), kif adattata għall-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 60/2004 (ĠU L 277, 26.8.2004, p. 172 u s-Supplement ŻEE Nru. 43, 26.8.2004, p. 156).

(15)  Id-Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 October 1998 dwar is-supervizjoni supplementari tal-impriżi tal-assigurazzjoni fi grupp ta' assigurazzjoni, (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 1), kif adattata għall-Ftehim ŻEE bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 95/1999 tas-16 ta' Lulju 1999 (ĠU L 296, 23.11.2000, p. 61 u s-Supplement ŻEE Nru. 55, 23.11.2000, p. 160).

(16)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338). L-att għadu ma ġiex inkorporat fil-Ftehim ŻEE.

(17)  Kif ippubblikat mill-OECD fuq il-websajt tagħha taħt il-Pagi Medji Annwali fi prezzijiet kostanti għall-aħħar sena disponibbli, http://stats.oecd.org/Index.aspx.

(18)  Kif definit fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment, (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1). Tħejjija għall-inkorporazzjoni tal-att huwa għaddej min-naħa tal-EFTA.

(19)  Dan jista' jinkiseb pereżempju bil-ħolqien ta' kumpanija azzjonarja. Is-sjieda tal-Bank tkun irreġistrata fuq in-naħa tal-assi tal-kumpanija azzjonarja, filwaqt li l-ekwità, l-ibridi u d-dejn subordinat li jkunu fil-bank qabel l-intervent tal-għajnuna mill-Istat jikkostitwixxu n-naħa tal-obbligi tal-kumpanija azzjonarja bl-istess struttura superjuri bħala dik li kienet teżisti fil-bank qabel l-intervent.

(20)  Pereżempju jekk ix-xiri lura jseħħ bi skont ta' ċifra doppja f'punti perċentwali tal-valur nominali mill-prezz tas-suq (jew fin-nuqqas ta' suq, indikatur tal-prezz tas-suq) sabiex jiġu ġġenerati l-profitti, jew jekk ix-xiri lura huwa parti ta' skambju li jipprovdi lill-istituzzjoni ta' kreditu b'kapital ta' kwalità ogħla li jċekken it-telf.

(21)  Banek li jkunu diġà rċevew għajnuna għas-salvataġġ approvata fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dawn il-Linji Gwida, li madankollu ma jkunux għadhom kisbu l-approvazzjoni finali tal-għajnuna għar-ristrutturar, jistgħu jirċievu appoġġ taħt skema ta' likwidità mingħajr notifika individwali.

(22)  F'dawn il-każijiet, il-miżuri sussegwentement se jiġu vvalutati bħala parti mill-pjan ta' ristrutturar.

(23)  Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti (ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5), kif imsemmi fil-punt 19a tal-Kapitolu II (ii) tal-Anness IX għall-Ftehim ŻEE.

(24)  Ara, b'analoġija, il-Kawża T-351/02 Deutsche Bahn vs il-Kummissjoni [2006] Ġabra II-1047, paragrafu 114, kif ukoll il-Kawża C-460/07 Puffer [2009] Ġabra I-3251, il-paragrafu 70.

(25)  Ara l-iskema Daniża ta' stralċ, ĠU C 312, 17.11.2010, p. 5.

(26)  Ara pereż. N 407/2010, Danish winding-up scheme for banks, ĠU C 312, 17.11.2010, p. 7.