5.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CA 299/1


Pubblikazzjoni ta’ post vakanti għal Direttur Eżekuttiv tal-IMpriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika, fi Brussell

(Aġent Temporanju Grad AD14)

COM/2014/10364

2014/C 299 A/01

 

Min aħna

L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika (JU) hija sħubija pubblika-privata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Konsorzju tal-Industriji b'bażi Bijoloġika (BIC). L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika hi stabbilita fi Brussell skont il-liġi Ewropea għal perjodu sal-31.12.2024. L-Intrapriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika se timplimenta Inizjattiva Teknoloġika Konġunta immirata lejn il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp ta' settur sostenibbli tal-industriji b'bażi bijoloġika fl-Ewropa.

L-objettiv tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta fuq l-Industriji b'bażi Bijoloġika huwa li jiġi implimentat programm ta' riċerka u innovazzjoni fl-Ewropa li jivvaluta l-fattibilità tal-istabbiliment ta' ktajjen ta' valur b'bażi bijoloġika sostenibbli u kompetittiva. Dawn l-attivitajiet se jitwettqu permezz ta' kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati mill-komunità ta' riċerka tul il-ktajjen ta' valur b'bażi bijoloġika kollha, inkluż l-industriji tal-produzzjoni u tal-ipproċessar ewlenin u l-utenti aħħarin. L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika se tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni ta' SMEs biex tiżgura l-involviment sħiħ tagħhom fil-programm.

L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika se torganizza sejħiet kompetittivi għal proposti biex tappoġġa u tiffaċilita attivitajiet ta' riċerka, innovazzjoni u mobilizzazzjoni, li se jilagħbu rwol importanti biex tikseb l-objettivi tagħha. Se jiġu żviluppati sinerġiji mill-qrib ma' politiki oħra tal-Unjoni Ewropea f'setturi bħall-kompetittività industrijali u l-SMEs, l-agrikoltura, l-enerġija u l-ambjent, u azzjonijiet relatati mal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment jew l-Iżvilupp Rurali .

L-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta se timpenja madwar EUR 3,7 biljun għall-perjodu 2014 – 2024, li jinkludi (i) kontribuzzjoni (fi flus) mill-Komunità Ewropea lill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika li ma teċċedix EUR 975 miljun mill-Programm Qafas Orizzont 2020, (ii) kontribuzzjoni ekwivalenti (in natura u fi flus) mill-BIC; (iii) attivitajiet addizzjonali ta' mill-anqas EUR 1  800 miljun mill-BIC. Il-kost operazzjonali tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika se jinqasam b'mod ugwali bejn il-Kummissjoni fuq naħa waħda u l-BIC fuq in-naħa l-oħra.

Għal aktar informazzjoni ġentilment ikkonsulta dan is-sit elettroniku: www.bbi-europe.eu

X'qed nipproponu

Id-Direttur Eżekuttiv huwa r-rappreżentant legali u l-immaġni pubblika tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika. Huwa/hija jwettaq/twettaq il-ħidmiet tiegħu/tagħha b’mod indipendenti, u jkun/tkun responsabbli lejn il-Bord ta' Tmexxija.

Id-Direttur Eżekuttiv se jmexxi u jimmaniġġja l-Impriża Konġunta u jassumi r-responsabbiltà sħiħa għall-operazzjonijiet tagħha, inkluża l-implimentazzjoni baġitarja, filwaqt li jiżgura li jintlaħqu l-objettivi tal-Intrapriża Konġunta.

Id-Direttur Eżekuttiv se jkun responsabbli għall-immaniġġjar ta' kuljum tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika skont id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija. Dan jinkludi:

L-istabbiliment ta' kuntatti strateġiċi u n-negozjar ta' kull ftehim li jkun meħtieġ mar-rappreżentanti tal-partijiet interessati kollha u l-membri tal-Impriża Konġunta;

L-organizzazzjoni u l-immaniġġjar tas-sejħa għal proposti u l-process ta' evalwazzjoni kif ukoll in-negozjar u l-konklużjoni tal-ftehmiet ta' għotja għall-proposti magħżula, l-iżgurar ta' sorveljar perjodiku sussegwenti u s-segwitu tal-proġetti, il-preparazzjoni ta' rapporti tekniċi u finanzjarji;

Il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-Pjan Annwali ta' Implimentazzjoni u l-Pjan Annwali tal-Baġit tal-Impriża Konġunta. L-elaborazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Attività, il-Kontijiet Annwali u tal-karti bilanċjali li jintbagħtu lill-Bord ta' Tmexxija għall-approvazzjoni;

Il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-Baġit tal-Impriża Konġunta u l-iżgurar illi dan huwa ġestit b'mod effiċjenti skont ir-Regolamenti Finanzjarji tal-Intrapriża Konġunta;

Il-ħatra u s-superviżjoni ta' persunal tal-Impriża Konġunta u t-trawwim ta' spirtu ta' tim u ta' ambjent tax-xogħol tajjeb;

L-istabbiliment u l-assigurazzjoni tal-funzjonament ta' sistema ta' kontroll interna effettiva u effiċjenti;

L-assigurazzjoni li jitwettqu l-valutazzjoni tar-riskju u l-immaniġġjar tar-riskju;

Il-provvediment ta' rapporti tekniċi u finanzjarji lill-Membri tal-Bord ta' Tmexxija;

It-tmexxija tal-aspetti tal-komunikazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Impriża Konġunta, inkluża l-organizzazzjoni ta' avvenimenti ta' preżentazzjoni u ta' disseminazzjoni.

X'qed infittxu

Huwa/Hija għandu/ha jkollu/jkollha:

Kapaċità biex jiżviluppa/tiżviluppa, jikkomunika/tikkomunika u jeżegwixxi/teżegwixxi viżjoni strateġika;

Kapaċitajiet innovattivi, jkun/tkun kapaċi jiġġenera/tiġġenera ideat għall-promozzjoni, l-ipprogrammar u l-isfruttament ta' riżultati mill-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika;

Esperjenza fl-immaniġġjar ta' riżorsi finanzjarji sinifikanti f'ambjent reġjonali, nazzjonali, Ewropew u/jew internazzjonali u li jinvolvi finanzjament minn sorsi pubbliċi;

Il-ħila għat-tmexxija u l-motivazzjoni ta' tim li tinkludi kemm il-persunal amministrattiv u dak tekniku, f'kuntest Ewropew, multikulturali u multilingwi;

Għarfien ta' u/jew esperjenza ta' xogħol fil-qasam tal-bijoekonomija u fil-ktajjen ta' valur tagħha.

Għarfien ta' programmi ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni reġjonali, nazzjonali, intergovernattivi u/jew Ewropej,

Esperjenza fl-interazzjoni mal-industrija u l-għarfien tal-politika regolatorja u l-prattika rilevanti għall-oqsma ta’ azzjoni tal-Impriża Konġunta;

Il-kapaċità li jikkommunika/tikkomunika b'mod effettiv mal-pubbliku u li jibni/tibni relazzjonijiet ta’ ħidma tajbin mal-partijiet interessati kollha rilevanti;

Għarfien eċċellenti tal-Ingliż miktub u mitkellem (il-lingwa predominanti ta' ħidma fl-Impriża Konġunta hija l-Ingliż).

Ikun ta' vantaġġ jekk ikollu/ha:

Għarfien tajjeb tal-istituzzjonijiet Ewropej, il-funzjoni u l-interazzjoni tagħhom kif ukoll tal-politiki tal-UE u l-attivitajiet internazzjonali rilevanti għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika;

Esperjenza fl-implimentazzjoni u l-immaniġġjar ta' sistemi ta' garanzija tal-kwalità u l-kontroll kif ukoll ta' metodoloġiji tal-immaniġġjar tar-riskji;

Esperjenza ta' xogħol kemm fl-industrija u fl-akkademja;

Esperjenza fi trasferiment teknoloġiku (privattivi, standardizzazzjoni, innovazzjoni miftuħa, pubblikazzjoni ta' kitbiet (akkademiċi), negozjati tal-kuntratti)

Il-kandidati għandhom (il-kriterji tal-eliġibbiltà)

Il-kandidati jiġu kkunsidrati għall-fażi tal-għażla abbażi tal-kriterji formali li ġejjin li jridu jiġu ssodisfati sad-data tal-għeluq tal-applikazzjonijiet:

Nazzjonalità: jkunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, jew ta' pajjiż assoċjat mal-Programm Qafas Orizzont 2020;

Lawrija jew diploma ta’ università: Il-kandidati jrid ikollhom:

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi ma' studji universitarji mitmuma, iċċertifikati b’diploma, meta l-perjodu normali tal-edukazzjoni universitarja jkun ta' erba' snin jew aktar;

jew livell ta' edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji mitmuma, iċċertifikat b'diploma u esperjenza professjonali xierqa ta' mill-inqas sena meta l-perjodu normali ta' edukazzjoni universitarja jkun tal-anqas tliet snin (din is-sena ta' esperjenza professjonali ma tistax tkun inkluża fl-esperjenza professjonali ta' wara l-lawrija meħtieġa hawn taħt);

Esperjenza Professjonali:

il-kandidati għandu jkollhom minn tal-anqas 15-il sena esperjenza wara l-lawrija f'livell li jagħtu aċċess għalih il-kwalifiki msemmija hawn fuq;

minn dawn il-15-il sena ta' esperjenza professjonali, ħames snin jridu jkunu nkisbu fil-qasam tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika;

Esperjenza Maniġerjali: mill-15-il sena ta' esperjenza professjonali, minn tal-anqas ħames snin iridu jkunu nkisbu f'funzjoni maniġerjali ta' livell għoli (1);

Lingwi: għarfien tajjeb ħafna ta’ waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) u għarfien adegwat ta' mill-anqas lingwa uffiċjali oħra minn dawn sa fejn huwa meħtieġ għall-prestazzjoni tal-ħidma tiegħu/tagħha.

Limitu ta' età: jkunu kapaċi jtemmu, sad-data tal-għeluq tal-applikazzjoni, il-mandat sħiħ ta’ seba' snin qabel ma jilħqu l-età tal-irtirar. Għall-persunal temporanju tal-Unjoni Ewropea, l-età tal-irtirar hija definita bħala l-aħħar tax-xahar li fih il-persuna tagħlaq l-età ta' 66 sena (ara l-Artikolu 52 lit (a) tar-Regolamenti tal-Persunal).

Indipendenza u dikjarazzjoni tal-interessi

Id-Direttur Eżekuttiv jiġi mitlub jagħmel dikjarazzjoni ta' impenn biex jaġixxi b'mod indipendenti fl-interess pubbliku u biex jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward ta' interessi li jistgħu jkunu meqjusa ta' preġudizzju għall-indipendenza tiegħu/tagħha. Il-kandidati jridu jikkonfermaw ir-rieda tagħhom li jagħmlu dan fl-applikazzjoni tagħhom.

L-għażla u l-ħatra

L-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta se tibda fl-2014.

Il-proċedura preżenti hija organizzata skont ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 8 tal-Anness tar-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika u bl-involviment tal-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta.

Il-proċedura ta' reklutaġġ biex timtela din il-kariga tad-direttur hija soġġetta għad-disponibbiltà tal-Baġit u l-pjan tat-twaqqif tal-Impriża Konġunta.

Il-Kummissjoni Ewropea se twaqqaf bord ta’ preselezzjoni, li fih rappreżentant tal-Bord ta' Ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika, minbarra l-Kummissjoni Ewropea, jipparteċipa bħala osservatur. Dan il-bord se janalizza l-applikazzjonijiet kollha u jidentifika għadd ta’ kandidati li jkollhom l-aħjar profil fid-dawl tal-kriterji tal-għażla msemmija hawn fuq. Dawn il-kandidati jiġu mistiedna għal intervista mal-bord ta’ preselezzjoni.

Wara l-intervisti, il-bord ta’ preselezzjoni jfassal il-konklużjonijiet tiegħu u jipproponi lista ta’ kandidati għal aktar intervisti mal-Kumitat Konsultattiv għall-Ħatriet tal-Kummissjoni Ewropea (KKĦ). Il-kandidati msejħa għal intervista mal-KKĦ jintalbu wkoll jipparteċipaw fiċ-ċentru ta' valutazzjoni għal ġurnata sħiħa mmexxi minn esperti esterni tar-riżorsi umani. Abbażi tal-intervista u tar-riżultati tar-rapport miċ-ċentru ta’ valutazzjoni, il-KKĦ jistabbilixxi lista qasira tal-kandidati li jqis xierqa biex jaqdu l-funzjonijiet ta’ Direttur Eżekuttiv.

Din il-lista qasira tintbagħat lill-Membru rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea li jkun se jintervista lil dawn il-kandidati.

Il-Kummissjoni Ewropea mbagħad tadotta lista qasira tal-aktar kandidati xierqa, li tiġi kkomunikata lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika. Dan tal-aħħar jista' jintervista lill-kandidati fil-lista l-qasira u mbagħad jinnomina lid-Direttur Eżekuttiv. L-inklużjoni fil-lista l-qasira tal-Kummissjoni Ewropea mhix garanzija tal-ħatra.

Opportunitajiet indaqs

L-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika, bħala korp tal-Unjoni Ewropea, tapplika politika ta' opportunitajiet indaqs u ta' nondiskriminazzjoni skont l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal (3)

Il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg

Id-Direttur Eżekuttiv se jinħatar mill-Bord ta' Tmexxija bħala Aġent Temporanju fil-grad ta' AD14, skont l-Artikolu 2a u 10 tal-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta' ħaddiema oħra tal-Unjoni Ewropea (4) għal perjodu sa tliet snin. Wara evalwazzjoni tal-prestazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, il-Bord jista' jestendi l-mandat darba għal perjodu itwal ta' mhux iktar minn erba' snin, kif previst skont l-Artikolu 8 tal-Anness tar-Regolament li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika.

Il-kandidati għandhom ikunu jafu bir-rekwiżit, skont il-Kundizzjonijiet tal-Impjieg għal Uffiċjali Oħra, li kull membru ġdid tal-persunal irid itemm b’suċċess perjodu ta’ prova.

Il-post tal-impjieg huwa Brussell, fejn jinsab l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta.

Proċedura ta’ applikazzjoni

Qabel ma tissottometti l-applikazzjoni tiegħek, għandek tiċċekkja b’attenzjoni jekk tissodisfax il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari dawk rigward it-tipi ta’ diploma u l-esperjenza professjonali meħtieġa.

Jekk tixtieq tapplika, trid tapplika permezz tal-internet billi żżur is-sit elettroniku

https://ec.europa.eu/dgs/human-riżorsi/seniormanagementvacancies/

u ssegwi l-istruzzjonijiet li jikkonċernaw id-diversi stadji tal-proċedura.

Trid tlesti r-reġistrazzjoni onlajn tiegħek fil-ħin (5). Nirrakkomandaw bil-qawwa li ma tistenniex sal-aħħar ftit jiem biex tapplika, għaliex konġestjoni kbira fuq l-Internet jew xi difett fil-konnessjoni tal-Internet tiegħek jistgħu jwasslu biex ir-reġistrazzjoni onlajn tiġi mitmuma qabel ma tkun lestejtha, u b'hekk ikollok tirrepeti l-proċess kollu. Ladarba jiskadi ż-żmien għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet, ma tkunx tista' tapplika. Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjoniet bil-posta elettronika normali li jaslu tard ma jiġux aċċettati.

Irid ikollok indirizz tal-posta elettronika validu. Dan jintuża biex jiġi kkonfermat il-ħolqien tal-kont tiegħek u biex tinżamm infurmat(a) bl-eżitu tal-proċedura tal-għażla. Jekk jogħġbok informa lill-Kummissjoni Ewropea f'każ li l-indirizz tal-posta elettronika tiegħek jinbidel.

Trid ittella' CV fil-format WORD jew PDF, u trid tinkludi ittra ta’ motivazzjoni onlajn (massimu ta’ 8  000 karattru).

Kemm is-CV kif ukoll l-ittra jridu jinkitbu bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż.

Hekk kif tlesti l-applikazzjoni tiegħek, int tirċievi numru ta’ reġistrazzjoni; jekk jogħġbok żomm dan in-numru, peress li jintuża biex tiġi kkuntattjat(a) matul il-proċedura tal-għażla. Meta tirċievi dan in-numru, il-proċess tal-applikazzjoni jkun intemm – din hija l-konferma li tkun irreġistrajt id-dejta tiegħek b'mod korrett.

Jekk ma tirċievi l-ebda numru ta' reġistrazzjoni, l-applikazzjoni tiegħek ma tkunx ġiet irreġistrata!

Nixtiequ niġbdulek l-attenzjoni li mhuwiex possibbli li ssegwi l-progress tal-applikazzjoni tiegħek onlajn. Inti tiġi kkuntattjat(a) direttament dwar l-istatus tal-applikazzjoni tiegħek. Il-proċess tal-għażla, inkluża l-korrispondenza mal-bordijiet tal-għażla matul din il-proċedura tal-għażla se jsiru bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż (6).

Jekk għandek diżabilità li ma tippermettilekx tirreġistra onlajn, tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek (is-CV u l-ittra ta’ motivazzjoni) fuq karta permezz tal-posta reġistrata  (7) , b'timbru postali b'data li ma tkunx aktar tard mid-data meta tagħlaq ir-reġistrazzjoni. Kull komunikazzjoni sussegwenti bejnek u bejn il-Kummissjoni tkun bil-posta. F’dan il-każ, mas-CV u l-ittra ta' motivazzjoni tiegħek trid tehmeż ċertifikat, maħruġ minn entità rikonoxxuta, li jissostanzja d-diżabilità tiegħek. Għandek issemmi wkoll, fuq karta separata, kull arranġament speċjali li taħseb li jista' jkun meħtieġ biex jiffaċilita l-parteċipazzjoni tiegħek fil-proċess tal-għażla.

Jekk teħtieġ aktar tagħrif jew tiltaqa' ma' problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat posta elettronika lil HR-A2-MANAGEMENT-ONLINE@ec.europa.eu

Data tal-għeluq

Id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni hi t-3 ta' Ottubru 2014. Reġistrazzjoni onlajn ma tkunx possibbli wara nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell.

Informazzjoni importanti għall-Kandidati

Il-kandidati huma mfakkra li x-xogħol tad-diversi kumitati tal-għażla huwa kunfidenzjali. Il-kandidati huma pprojbiti milli jagħmlu kuntatt dirett jew indirett mal-membri tagħhom jew milli jitolbu lil xi ħaddieħor jagħmel dan, f'isimhom.

Protezzjoni tad-dejta personali

Il-Kummissjoni Ewropea (matul il-perjodu preparatorju) u iżjed tard l-Impriża Konġunta tal-Industriji b'bażi Bijoloġika, se jiżguraw li d-dejta personali tal-kandidati tkun ipproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta' tali dejta (8). Dan japplika b'mod partikolari għall-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta' tali dejta.


(1)  Fis-CVs tagħhom l-applikanti għandhom jindikaw minn tal-anqas għal dawn il-ħames snin li fihom kisbu l-esperjenza maniġerjali ta’ livell għoli: (1) it-titolu u r-rwol tal-pożizzjonijiet maniġerjali li kellhom, (2) l-għadd ta’ membri tal-persunal li kienu jamministraw f'dawn il-pożizzjonijiet, (3) id-daqs tal-baġits immaniġġjati, u (4) l-għadd ta’ livelli ġerarkiċi 'l fuq u 'l isfel u l-għadd ta' kollegi pari.

(2)  L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 tal-1958 (ĠU 17, 6.10.1958, p. 385).

(3)  http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:1962R0031:20140101:mt:PDF

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

(5)  Mhux aktar tard minn nofsinhar (12:00), ħin ta’ Brussell, fit-03/10/2014.

(6)  Il-bordijiet tal-għażla se jiżguraw li ma jingħata l-ebda vantaġġ mhux xieraq lill-kelliema nattivi tal-lingwi tal-proċedura tal-għażla.

(7)  European Commission, Directorate-General Human resources and Security, Unit for Executive Staff and CCA Secretariat, COM/2014/10364, SC11 8/59, 1049 Bruxelles/Brussel, BELGIQUE/BELGIË.

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.