SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

5 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali – Direttiva (UE) 2016/343 – Artikolu 4(1) – Preżunzjoni tal-innoċenza – Referenzi pubbliċi għall-ħtija – Ftehim milħuq bejn il-prosekutur u l-awtur tar-reat – Ġurisprudenza nazzjonali li tipprevedi l-identifikazzjoni tal-persuni akkużati fi proċedimenti kriminali li ma kkonkludewx tali ftehim – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Artikolu 48”

Fil-Kawża C‑377/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Spetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Ġunju 2018, fil-proċeduri kriminali kontra

AH,

PB,

CX,

KM,

PH,

fil-preżenza ta’:

MH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, T. von Danwitz u C. Vajda (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze, E. Lankenau u M. Hellmann, bħala aġenti, sussegwentement minn E. Lankenau u M. Hellmann, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u Y. G. Marinova, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikoli 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU 2016, L 65, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra AH, PB, CX, KM u PH fir-rigward tas-sħubija preżunta tagħhom ma’ grupp kriminali organizzat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

3

L-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprovdi:

“1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

4

L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17) jispeċifikaw, fir-rigward tal-Artikolu 48 tal-Karta, li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

5

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Safejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-[KEDB], it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.”

Id-Direttiva 2016/343

6

Skont il-premessi 1, 4, 5, 9, 10, 16 u 48 tad-Direttiva 2016/343:

“(1)

Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt ta’ proċess ġust huma minquxin fl-Artikoli 47 u 48 tal-[Karta], l-Artikolu 6 tal-[KEDB], l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (l-ICCPR) u l-Artikolu 11 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

[…]

(4)

L-implimentazzjoni [tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji oħra] hija msejsa fuq il-premessa li l-Istati Membri jafdaw fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin. Il-punt sa fejn jasal il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jiddependi minn għadd ta’ fatturi, li jinkludu mekkaniżmi għas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ persuni suspettati u akkużati u standards minimi komuni meħtieġa biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ dak il-prinċipju.

(5)

Għalkemm l-Istati Membri huma Partijiet għall-KEDB u għall-ICCPR, l-esperjenza wriet li dan waħdu mhux dejjem jipprevedi grad suffiċjenti ta’ fiduċja fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ Stati Membri oħra.

[…]

(9)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb id-dritt ta’ proċess ġust fi proċedimenti kriminali billi tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u d-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess.

(10)

Bl-istabbiliment ta’ regoli minimi komuni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati, din id-Direttiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistemi tal-ġustizzja kriminali ta’ xulxin u b’hekk li tiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonjiet fi kwistjonijiet kriminali. Tali regoli minimi komuni jistgħu wkoll ineħħu l-ostakli għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fit-territorji kollha tal-Istati Membri.

[…]

(16)

Il-preżunzjoni tal-innoċenza tkun inkisret jekk dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula mill-awtoritajiet pubbliċi, jew deċiżjonijiet ġudizzjarji ħlief dawk dwar il-ħtija, ikunu rreferew għal persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja, sakemm ma ġiex ippruvat li dik il-persuna hija ħatja skont il-liġi. Tali dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirreflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għal atti ta’ prosekuzzjoni li għandhom l-għan li juru l-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, bħall-att ta’ akkuża, u mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet ġudizzjarji li bħala riżultat tagħhom issir effettiva sentenza sospiża, dment li d-drittijiet tad-difiża jkunu rispettati. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għal deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu minn awtoritajiet ġudizzjarji jew minn awtoritajiet kompetenti oħra u huma bbażati fuq suspetti jew fuq elementi ta’ prova inkriminanti, bħal deċiżjonijiet dwar id-detenzjoni ta’ qabel il-proċess, sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jirreferux għall-persuna suspettata jew akkużata bħala ħatja. Qabel ma tieħu deċiżjoni preliminari ta’ natura proċedurali, l-awtorità kompetenti għandha mnejn ikollha l-ewwel tivverifika li hemm biżżejjed elementi ta’ prova inkriminanti kontra l-persuna suspettata jew akkużata li jiġġustifikaw id-deċiżjoni kkonċernata, u d-deċiżjoni tista’ tinkludi referenza għal dawk l-elementi.

[…]

(48)

Ladarba din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jestendu d-drittijiet stabbiliti f’din id-Direttiva sabiex jipprovdu livell ogħla ta’ protezzjoni. Il-livell ta’ protezzjoni pprovdut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas mill-istandards previsti mill-Karta jew mill-KEDB, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.”

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2016/343, intitolat “Suġġett” jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni dwar:

a)

ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza fi proċedimenti kriminali;

b)

id-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess fi proċedimenti kriminali.”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva tapplika għal persuni fiżiċi li jkunu persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali. Hija tapplika fl-istadji kollha tal-proċedimenti kriminali, mill-mument meta persuna hija suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni dwar id-determinazzjoni finali jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.”

9

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Referenzi pubbliċi għall-ħtija”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, sakemm ma jkunx ippruvat li persuna suspettata jew akkużata hija ħatja skont il-liġi, id-dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-awtoritajiet pubbliċi, u deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija, ma jirreferux għal dik il-persuna bħala li hija ħatja. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-atti tal-prosekuzzjoni li jkollhom l-għan li jippruvaw il-ħtija tal-persuna suspettata jew akkużata, u għad-deċiżjonijiet preliminari ta’ natura proċedurali, li jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew awtoritajiet kompetenti oħra u li huma bbażati fuq suspett jew evidenza inkriminanti.”

10

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-1 ta’ April 2018. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwarhom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.”

Id-dritt Bulgaru

11

Skont l-Artikolu 381 tan-Nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, iktar ’il quddiem in-“NPK”), kull persuna akkużata li tirrikonoxxi l-ħtija tagħha għandha l-possibbiltà, ladarba tintemm l-investigazzjoni, li tikkonkludi ftehim mal-prosekutur permezz tal-avukat tiegħu.

12

L-Artikolu 381(5) tan-NPK jipprevedi:

“Il-ftehim għandu jiġi stabbilit bil-miktub u għandu jinkludi rikonoxximent fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

1.

twettaq att, twettaq mill-persuna akkużata, dan huwa imputabbli lil din tal-aħħar, l-att jikkostitwixxi reat kriminali, kif ukoll il-klassifikazzjoni legali ta’ dan l-att?

[…]”

13

L-Artikolu 381(7) tan-NPK jipprovdi:

“Meta l-proċedura tkun tikkonċerna lil diversi persuni […], il-ftehim jista’ jiġi konkluż minn uħud minn dawn il-persuni […]”

14

L-Artikolu 382(5) tan-NPK jistipula:

“Il-qorti tista’ tipproponi emendi fil-ftehim li jiġu eżaminati mal-prosekutur u mal-avukati tal-persuni akkużati. Il-persuna akkużata għandha tinstema’ fl-aħħar lok.”

15

Skont l-Artikolu 382(7) tan-NPK, il-qorti għandha tapprova l-ftehim jekk dan tal-aħħar ma jmurx kontra l-liġi u l-moralità.

16

L-Artikolu 383(1) tan-NPK jipprovdi li l-ftehim għandu jipproduċi l-effetti ta’ sentenza li għandha saħħa ta’ res judicata.

17

Skont l-Artikoli 12 sa 14 taż-Zakon za grazhdanskata registratsia (il-Liġi dwar l-Istat Ċivili), l-indikazzjoni taċ-ċittadini Bulgari ssir permezz ta’ tliet elementi, jiġifieri l-isem, isem il-missier u l-kunjom. Huma għandhom ukoll numru nazzjonali ta’ identità, previst fl-Artikolu 11(1) ta’ din il-liġi, bħala identifikatur amministrattiv li jippermetti li tiġi ddeterminata b’mod ċar il-persuna inkwistjoni.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li AH, PB, CX, KM, PH u MH huma akkużati minħabba li allegatament kienu jappartjenu, minn Novembru 2014 sa Novembru 2015, għal grupp kriminali organizzat li jaġixxi f’Sofia (il-Bulgarija). Dan il-grupp kellu l-għan li jarrikkixxi ruħu billi jimmanifattura dokumenti uffiċjali foloz jew billi jiffalsifika l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, jiġifieri dokumenti ta’ identità u liċenzji tas-sewqan ta’ vetturi bil-mutur. L-att ta’ akkuża jsostni li dawn is-sitt persuni kienu ngħaqdu fi grupp kriminali organizzat u qassmu bejniethom il-kompiti bil-għan li jintlaħaq l-għan kriminali komuni.

19

Waħda biss minn dawn il-persuni, jiġifieri MH, esprimiet ix-xewqa li tikkonkludi ftehim mal-prosekutur, fejn din irrikonoxxiet il-ħtija tagħha inkambju għal tnaqqis fil-piena.

20

Skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-ħames persuni akkużati l-oħra (iktar ’il quddiem il-“ħames persuni akkużati”) taw l-“awtorizzazzjoni proċedurali” tagħhom għall-konklużjoni, minn MH u mill-prosekutur, ta’ tali ftehim, filwaqt li indikaw espressament li madankollu dan ma kienx ifisser li huma kienu jirrikonoxxu l-ħtija tagħhom u li kienu qegħdin jirrinunzjaw għad-dritt tagħhom li jiddikjaraw ruħhom mhux ħatja.

21

Mid-deskrizzjoni tal-fatti fil-ftehim konkluż bejn il-prosekutur u MH jirriżulta li dan tal-aħħar kien jifforma parti minn grupp kriminali organizzat mal-ħames persuni akkużati. Il-persuni kollha akkużati huma identifikati fil-ftehim bl-istess mod, jiġifieri permezz ta’ isimhom, isem missierhom, kunjomhom u n-numru nazzjonali ta’ identità tagħhom. L-unika differenza fil-mod kif dawn il-persuni huma identifikati tinsab fil-fatt li MH huwa, barra minn hekk, identifikat permezz tad-data u l-post tat-twelid tiegħu, l-indirizz, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika, is-sitwazzjoni tal-familja tiegħu kif ukoll il-passat ġudizzjarju tiegħu.

22

Skont ir-regoli tal-proċedura nazzjonali, dan il-ftehim kien ippreżentat għall-approvazzjoni tal-qorti tar-rinviju, li hija awtorizzata tagħmel emendi fih.

23

F’dan ir-rigward, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 li fit-test tal-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħames persuni akkużati li ma kkonkludewx dan il-ftehim u li għalihom il-kawża tkompli skont il-proċedura kriminali ordinarja, jiġu indikati b’mod ċar u espressament bħala membri tal-grupp kriminali organizzat inkwistjoni u jiġu identifikati permezz ta’ isimhom, isem missierhom, kunjomhom u n-numru nazzjonali ta’ identità tagħhom.

24

Minn naħa, din tirrileva li, skont ġurisprudenza nazzjonali stabbilita, it-test tal-ftehim għandu jikkorrispondi b’mod sħiħ mat-test tal-att ta’ akkuża, li fih il-persuni akkużati kollha huma indikati bħala koawturi tar-reat kriminali. Barra minn hekk, ir-riferiment għall-koawturi tal-ksur jista’ jkollu importanza kbira sabiex jiġu ssodisfatti l-elementi li jikkostitwixxu l-att illegali kkonċernat sa fejn, skont id-dritt Bulgaru, sabiex jikkostitwixxi grupp kriminali organizzat, għandu jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas tliet persuni.

25

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 jipprojbixxi lil qorti milli tippreżenta persuna akkużata bħala ħatja, f’deċiżjoni li ma hijiex dik li tiddeċiedi dwar il-ħtija. Din tistaqsi jekk għandux jitqies li l-ħames persuni akkużati, li fir-rigward tagħhom il-kawża tkompli skont il-proċedura kriminali ordinarja, huma ppreżentati bħala ħatja, sa fejn, fid-deċiżjoni ġudizzjarja uffiċjali, dawn huma indikati bħala koawturi tar-reat kriminali inkwistjoni, permezz ta’ isimhom, isem missierhom, kunjomhom u n-numru nazzjonali ta’ identità tagħhom.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iSpetsializiran nakazatelen sad (il-Qorti Kriminali Speċjalizzata, il-Bulgarija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Ġurisprudenza nazzjonali li, fit-test ta’ ftehim (konkluż fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali), tirrikjedi li jiġu indikati, bħala l-awturi tar-reat kriminali inkwistjoni, mhux biss il-persuna li tkun is-suġġett tal-proċeduri kriminali, li tkun ammettiet il-ħtija tagħha u li tkun ikkonkludiet dan il-ftehim, iżda wkoll il-persuni l-oħra li jkunu s-suġġett tal-proċeduri kriminali, li jkunu l-kompliċi tagħha, li ma jkunux ikkonkludew dan il-ftehim, li ma jkunux ammettew il-ħtija tagħhom, li fir-rigward tagħhom il-proċeduri kriminali jitkomplew b’mod normali u li jkunu qablu, iżda, li l-ewwel persuna msemmija tikkonkludi l-imsemmi ftehim, hija konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1), ikkunsidrat flimkien mal-ewwel sentenza tal-premessa 16 u mal-premessa 17 tad-Direttiva 2016/343?”

27

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta trattament prijoritarju lill-kawża, b’applikazzjoni tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fuq id-domanda preliminari

28

Preliminarjament, għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari tippreċiża li l-ħames persuni akkużati taw l-“approvazzjoni proċedurali” tagħhom għall-konklużjoni, minn MH u mill-prosekutur, ta’ ftehim li jimplika r-rikonoxximent tal-ħtija tiegħu inkambju għal tnaqqis tal-piena, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mistoqsija dwar l-eventwali kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, jekk ikun il-każ, l-approvazzjoni ġudizzjarja ta’ tali ftehim għall-kunsens ta’ dawn il-persuni.

29

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ftehim li fih il-persuna akkużata tirrikonoxxi l-ħtija tagħha inkambju għal tnaqqis tal-piena, li għandu jiġi approvat minn qorti nazzjonali, li jsemmi espressament bħala koawturi tar-reat kriminali inkwistjoni mhux biss lil din il-persuna, iżda wkoll lil persuni akkużati oħra, li ma rrikonoxxewx il-ħtija tagħhom u li huma akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali distinta.

Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/343

30

Preliminarjament, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2016/343 hijiex applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31

Fl-ewwel lok, huwa stabbilit li din id-direttiva hija applikabbli ratione temporis. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali għadu ma ġiex approvat mill-qorti tar-rinviju u li għalhekk l-approvazzjoni eventwali ta’ dan tal-aħħar għandha neċessarjament isseħħ wara d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2016/343, jiġifieri l-1 ta’ April 2018.

32

Fit-tieni lok, id-Direttiva 2016/343 hija applikabbli wkoll ratione personae. Skont l-Artikolu 2 tagħha, din id-direttiva tapplika għall-persuni fiżiċi li jkunu suspettati jew akkużati fi proċeduri kriminali. Din tapplika fl-istadji kollha tal-proċeduri kriminali, mill-mument meta persuna tkun suspettata jew akkużata li wettqet reat kriminali, jew reat kriminali allegat, sa meta d-deċiżjoni finali dwar id-determinazzjoni jekk dik il-persuna wettqitx ir-reat kriminali kkonċernat tkun saret definittiva.

33

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħames persuni akkużati fil-kawża prinċipali huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali u li għadha ma ġietx adottata deċiżjoni finali intiża sabiex tiddetermina l-ħtija tagħhom għar-reat kriminali kkonċernat.

34

Fit-tielet lok, id-direttiva msemmija hija applikabbli ratione materiae sa fejn il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “deċiżjonijiet ġudizzjarji, għajr dawk dwar il-ħtija” imsemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343. Fil-fatt, minn naħa, tali ftehim, li huwa konkluż bejn il-prosekutur u l-persuna akkużata, jikkostitwixxi, wara l-approvazzjoni minn qorti, deċiżjoni ġudizzjarja, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 37 sa 42 tal-konklużjonijiet tiegħu.

35

Min-naħa l-oħra, il-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiddeċidix dwar il-ħtija tal-ħames persuni akkużati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sempliċi fatt li dan il-ftehim jiddeċiedi dwar il-ħtija ta’ MH ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-klassifikazzjoni ta’ deċiżjoni “għajr dawk dwar il-ħtija” fir-rigward tal-ħames persuni akkużati. Fil-fatt, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-istess ftehim jista’ jikkostitwixxi deċiżjoni fuq il-mertu għall-persuna li tikkonkludi dan il-ftehim u li għalhekk tista’ tiġi ppreżentata bħala ħatja, iżda mhux għall-persuni akkużati l-oħra li ma kkonkludewx ftehim. Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 ikollha bħala konsegwenza li l-ħames persuni akkużati ma jibbenefikawx iktar mill-garanziji stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-għan tad-Direttiva kif jirriżulta mill-premessa 9 tagħha, jiġifieri li ssaħħaħ id-dritt għal smigħ xieraq fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

Fuq l-obbligu msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343

36

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343, huma l-Istati Membri li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji, minbarra dawk li jiddeċiedu dwar il-ħtija, ma jippreżentawx lil persuna ssuspettata jew lil persuna akkużata bħala ħatja, sakemm il-ħtija tagħha ma tkunx ġiet legalment stabbilita.

37

Mill-premessa 16 tad-Direttiva 2016/343 jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża biex tiggarantixxi l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Għalhekk, skont din il-premessa, tali deċiżjonijiet ġudizzjarji ma għandhomx jirriflettu opinjoni li dik il-persuna hija ħatja.

38

F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat li l-għan tad-Direttiva 2016/343 huwa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 u mill-premessa 9 tagħha, li tistabbilixxi regoli minimi komuni applikabbli għall-proċeduri kriminali dwar ċerti aspetti tal-preżunzjoni ta’ innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess tiegħu (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2018, Milev, C‑310/18 PPU, EU:C:2018:732, punt 45).

39

Din id-direttiva hija intiża sabiex issaħħaħ il-fiduċja tal-Istati Membri fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-premessi 4, 5 u 10 tagħha.

40

Għalkemm l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 48 ta’ din id-direttiva, li l-livell ta’ protezzjoni offrut mill-Istati Membri qatt ma għandu jkun inqas min-normi previsti mill-Karta u mill-KEDB, b’mod partikolari dawk dwar il-preżunzjoni tal-innoċenza.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-preżunzjoni tal-innoċenza hija stabbilita fl-Artikolu 48 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB, hekk kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta. Minn dan isegwi, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta, inkwantu livell minimu ta’ protezzjoni minima (ara, b’analoġija, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 17 tal-Karta, is-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq artijiet agrikoli), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet preċiżi fid-Direttiva 2016/343 u fil-ġurisprudenza dwar l-Artikolu 48 tal-Karta dwar kif għandu jiġi ddeterminat jekk persuna hijiex ippreżentata bħala ħatja f’deċiżjoni ġudizzjarja, għandha tittieħed ispirazzjoni mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 6(2) tal-KEDB, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343.

43

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem qieset li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jinkiser jekk deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni uffiċjali dwar akkużat tkun tinkludi dikjarazzjoni ċara, magħmula fin-nuqqas ta’ kundanna definittiva, li tgħid li l-persuna kkonċernata wettqet il-ksur inkwistjoni. F’dan il-kuntest, din il-qorti enfasizzat l-importanza tal-għażla tal-kliem użat mill-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dan ġie fformulat u tan-natura u tal-kuntest tal-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:20140227JUD001710310, punt 63).

44

L-imsemmija qorti rrikonoxxiet li fil-proċeduri kriminali kumplessi fejn huma akkużati diversi persuni suspettati li ma jistgħux jiġu ġġudikati flimkien, il-qorti nazzjonali għandha imperattivament, sabiex tevalwa l-ħtija tal-akkużati, issemmi l-parteċipazzjoni ta’ terzi li jistgħu jiġu ġġudikati separatament wara. Madankollu, din ippreċiżat li jekk għandhom jiġu ppreżentati fatti relatati mal-involviment ta’ terzi, il-qorti kkonċernata għandha tevita li tikkomunika iktar informazzjoni li ma hijiex neċessarja għall-analiżi tar-responsabbiltà legali tal-persuni li jiġu ġġudikati quddiemha. Barra minn hekk, din l-istess qorti enfasizzat li l-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għandha tiġi fformulata f’termini li huma ta’ natura li jevitaw sentenza prematura potenzjali dwar il-ħtija tal-persuni terzi kkonċernati, li tista’ tikkomprometti l-eżami ekwu tal-akkużi magħmula kontrihom fil-kuntest ta’ proċedura distinta (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:20140227JUD001710310, punti 64 u 65; ara, ukoll, Qorti EDB, 23 ta’ Frar 2016, Navalnyy u Ofitserov vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2016:0223JUD004663213, punt 99).

45

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ftehim, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandu jiġi approvat minn qorti nazzjonali, isemmi l-parteċipazzjoni tal-persuni akkużati, minbarra dik li kkonkludiet dan il-ftehim u għalhekk irrikonoxxiet il-ħtija tagħha, iżda li ser jiġu ġġudikati separatament u li jidentifikahom bil-kundizzjoni, minn naħa, li dan ir-riferiment ikun neċessarju għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà legali tal-persuna li kkonkludiet l-imsemmi ftehim u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess ftehim jindika b’mod ċar li dawn il-persuni l-oħra huma akkużati fil-kuntest ta’ proċedura kriminali distinta u li l-ħtija tagħhom ma ġietx legalment stabbilita.

46

F’dan ir-rigward, sabiex tiġi kkontrollata l-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, għandha dejjem tiġi analizzata deċiżjoni ġudizzjarja u l-motivazzjoni tagħha kollha kemm hi u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li din ġiet adottata fihom. Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni waqt is-seduta, kull riferiment espliċitu, f’ċerti siltiet ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, għall-assenza ta’ ħtija tal-koakkużati jkun mingħajr sinjifikat jekk siltiet oħra ta’ din id-deċiżjoni jkunu jistgħu jinftiehmu bħala espressjoni prematura tal-ħtija tagħhom.

47

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, kif jipprovdi d-dritt nazzjonali, sabiex jikkostitwixxi grupp kriminali organizzat, għandu jkun hemm il-parteċipazzjoni ta’ mill-inqas tliet persuni. Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li jirriżulta li r-riferiment fil-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-ħames persuni akkużati bħala koawturi tar-reat kriminali kien neċessarju sabiex tiġi stabbilita l-ħtija ta’ MH minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu fi grupp kriminali organizzat.

48

Madankollu, jidher li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif huwa suġġett għall-qorti tar-rinviju għall-approvazzjoni, ma jindikax b’mod ċar li l-ħames persuni akkużati huma akkużati b’mod separat u li l-ħtija tagħhom ma ġietx stabbilita legalment, liema ħaġa għandha tiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fin-nuqqas ta’ tali preċiżazzjoni, dan il-ftehim jista’ jippreżenta lil dawn il-persuni bħala ħatja, filwaqt li l-ħtija tagħhom tkun għadha ma ġietx stabbilita legalment, kuntrarjament għall-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343.

49

Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha l-possibbiltà, skont id-dritt nazzjonali, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni, li temenda t-termini tal-ftehim imsemmi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi approvat, jekk ikun il-każ, biss wara emenda tiegħu li tindika b’mod ċar li l-ħames persuni akkużati huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali differenti u li l-ħtija tagħhom ma ġietx stabbilita legalment.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/343 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ftehim li fih il-persuna akkużata tirrikonoxxi l-ħtija tagħha inkambju għal tnaqqis fil-piena, li għandu jiġi approvat minn qorti nazzjonali, isemmi espressament bħala koawturi tar-reat kriminali inkwistjoni mhux biss lil din il-persuna, iżda wkoll lil persuni oħra akkużati, li ma rrikonoxxewx il-ħtija tagħhom u li huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali differenti, bil-kundizzjoni, minn naħa, li din l-indikazzjoni tkun neċessarja għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà legali tal-persuna li kkonkludiet l-imsemmi ftehim u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess ftehim jindika b’mod ċar li dawn il-persuni l-oħra huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali distinti u li l-ħtija tagħhom ma ġietx stabbilita legalment.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li ftehim li fih il-persuna akkużata tirrikonoxxi l-ħtija tagħha inkambju għal tnaqqis fil-piena, li għandu jiġi approvat minn qorti nazzjonali, isemmi espressament bħala koawturi tar-reat kriminali inkwistjoni mhux biss lil din il-persuna, iżda wkoll lil persuni oħra akkużati, li ma rrikonoxxewx il-ħtija tagħhom u li huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali differenti, bil-kundizzjoni, minn naħa, li din l-indikazzjoni tkun neċessarja għall-klassifikazzjoni tar-responsabbiltà legali tal-persuna li kkonkludiet l-imsemmi ftehim u, min-naħa l-oħra, li dan l-istess ftehim jindika b’mod ċar li dawn il-persuni l-oħra huma akkużati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali distinti u li l-ħtija tagħhom ma ġietx stabbilita legalment.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.