SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

4 ta’ Lulju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Skart – Trasferimenti – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Punt 1 tal-Artikolu 2 – Direttiva 2008/98/KE – Punt 1 tal-Artikolu 3 – Kunċetti ta’ ‘trasferiment ta’ skart’ u ta’ ‘skart’ – Lot ta’ oġġetti inizjalment intiżi għall-bejgħ bl-imnut, irritornati minn konsumaturi jew li jkunu saru superfluwi fil-firxa ta’ prodotti tal-bejjiegħ”

Fil-Kawża C‑624/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Novembru 2017, fil-proċeduri kriminali kontra

Tronex BV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Tronex BV, minn R. G. J. Laan, advocaat,

għall-Openbaar Ministerie, minn W. J. V. Spek u L. Boogert, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. A. M. de Ree u C. S. Schillemans, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

għall-Gvern Norveġiż, minn C. Anker u I. Meinich, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve. F. Thiran u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat‑28 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 277, p. 61), moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra Tronex BV, li hija akkużata li ttrasferixxiet lott ta’ skart mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn it-Tanżanija, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxi li:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal vjeġġi ta’ skart:

[…]

(ċ)

esportati mill-Komunità lejn pajjiżi terzi;

[…]”

4

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘skart’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva [2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9)];

[…]

35)

‘vjeġġ illegali’ tfisser kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li jittwettaq:

(a)

mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament; jew

(b)

mingħajr il-kunsens ta’ l-awtoritajiet kompetenti involuti b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament; […]

[…]”

5

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:

(a)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi:

kull skart;

[…]”

6

Fl-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2006/12 tiddefinixxi l-kunċett ta’ “skart”. Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2008/98, din tal-aħħar ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2006/12 b’effett mit‑12 ta’ Diċembru 2010. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2008/98, moqri flimkien mal-Anness V tagħha, għandu jitqies li r-referenzi għall-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12 għandhom jinftiehmu li issa qed jirreferu għad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “skart” li tinsab fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98.

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jipprevedi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]”

Id-dritt Olandiż

8

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 10.60 tal-Wet houdende regelen met betrekking tot een aantal algemene onderwerpen op het gebied van de milieuhygiëne (Wet Milieubeheer) (il-Liġi li Tirregola Numru ta’ Suġġetti Ġenerali fil-Qasam tal-Kwalità tal-Ambjent (il-Liġi dwar l-Immaniġġar tal-Ambjent)), tat‑13 ta’ Ġunju 1979 (Stb. 1979, Nru 442), jistabbilixxi projbizzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet kif mfissra fl-Artikolu 2(35) tar-Regolament Nru 1013/2006.

9

Il-ksur ta’ din il-projbizzjoni jikkostitwixxi, skont l-Artikolu 1(a)(1) tal-Wet houdende vaststelling van regelen voor de opsporing, de vervolging en de berechting van economische delicten (il-Liġi li Tistabbilixxi r-Regoli għall-Investigazzjoni, il-Prosekuzzjoni u l-Ipproċessar tar-Reati Ekonomiċi), tat‑22 ta’ Ġunju 1950 (Stb. 1950, Nru 258), reat ekonomiku, punibbli skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

Il-qorti tar-rinviju, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), hija adita b’appell ippreżentat minn Tronex, bejjiegħa bl-ingrossa li topera negozju ta’ stokk residwu ta’ oġġetti elettroniċi, mis-sentenza tar-rechtbank Rotterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Fl-ewwel istanza, Tronex ġiet ikkundannata tħallas multa kundizzjonali minħabba t-trasferiment allegat ta’ skart bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006. Fl‑10 ta’ Frar 2014, ġie kkonstatat li din il-kumpannija kellha l-intenzjoni li tittrasferixxi lott ta’ apparati elettriċi jew elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“lott inkwistjoni”) għad-destinazzjoni ta’ terz, stabbilit fit-Tanżanija. Il-lott inkwistjoni, mixtri għal ammont ta’ EUR 2 396.01, kien ikkostitwit minn ktieli tal-elettriku, ħdejjed tal-mogħdija bil-fwar, fannijiet u makkinetti tal-leħja elettriċi. L-apparati kienu, fil-parti l-kbira, ippakkjati fil-kaxxi oriġinali, iżda xi wħud minnhom ma kinux ippakkjati. Dawn kienu, minn naħa, apparati rritornati minn konsumaturi taħt il-garanzija tal-prodott ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, oġġetti li, pereżempju, kienu tneħħew mill-firxa ta’ prodotti tal-bejjiegħa wara li din inbidlet. Barra minn hekk, xi apparati kienu difettużi. It-trasferiment seħħ mingħajr in-notifika jew il-kunsens imsemmi fir-Regolament Nru 1013/2006.

11

Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Openbaar Ministerie (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi) isostni li l-apparati kostituttivi tal-lott inkwistjoni ma kinux iktar adatti għall-bejgħ normali lill-konsumaturi, li wassal lill-fornituri ta’ Tronex sabiex “jarmu” dawn tal-aħħar. Dan huwa, għaldaqstant, “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98. Il-fatt li dawn l-apparati kien għad kellhom valur residwu u li Tronex effettivament ħallset somma għalihom huwa irrilevanti f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, it-trasferiment ta’ dan il-lott ta’ “skart” għad-destinazzjoni ta’ terz stabbilit fit-Tanżanija kellu jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament Nru 1013/2006.

12

Tronex tikkontesta l-klassifikazzjoni bħala “skart” li l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu l-intenzjoni jagħti lill-apparati kostituttivi tal-lott inkwistjoni. Il-fornituri ta’ din il-kumpannija ma kinux “rmew” dawn l-apparati, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, iżda kienu biegħuhom, bħala merkanzija ordinarja li għandha ċertu valur fis-suq.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Gerechtshof Den Haag (il-Qorti tal-Appell ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Negozjant, li jirritorna lill-fornitur tiegħu (li jkun l-importatur, il-grossista, id-distributur, il-produttur jew persuna oħra li mingħandhom akkwista l-oġġett), fuq il-bażi tal-kuntratt eżistenti bejn in-negozjant u l-fornitur, oġġett imrodd lura minn konsumatur jew oġġett li sar superfluwu fl-assortiment tiegħu għandu jitqies bħala possessur li jarmi l-oġġett, kif imsemmi fil-parti introduttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2008/98]?

b)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tal-ewwel] domanda, li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett li faċilment jissewwa?

c)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tal-ewwel] domanda, li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett ta’ daqs jew ta’ gravità tali li l-oġġett, minħabba dan il-fatt, ma huwiex iktar adattat u lanqas ma huwa utli għall-iskop oriġinali tiegħu?

2)

a)

In-negozjant jew il-fornitur li jbigħ mill-ġdid lil xerrej ta’ lottijiet (mhux eżawriti) oġġett imrodd lura minn konsumatur jew oġġett li sar superfluwu fl-assortiment tiegħu għandu jitqies bħala possessur li jarmi l-oġġett, kif imsemmi fil-parti introduttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2008/98]?

b)

Huwa rilevanti l-ammont tal-prezz ta’ xiri li għandu jitħallas mix-xerrrej ta’ lottijiet lin-negozjant jew lill-fornitur għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tat-tieni] domanda?

c)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tat-tieni] domanda, li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett li faċilment jissewwa?

d)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tat-tieni] domanda, li dan huwa oġġett li għandu nuqqas jew difett ta’ daqs jew ta’ gravità tali li l-oġġett, minħabba dan il-fatt, ma huwiex iktar adattat u lanqas ma huwa utli għall-iskop oriġinali tiegħu?

3)

a)

Ix-xerrej ta’ lottijiet li jkun xtara f’lottijiet mingħand negozjanti jew fornituri, jbigħ mill-ġdid lil terzi (barrani) merkanzija mrodda lura minn konsumaturi u/jew li saru superfluwi, għandu jitqies bħala possessur li jarmi lott ta’ merkanzija, kif imsemmi fil-parti introduttiva u fil-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2008/98]?

b)

Huwa rilevanti l-ammont tal-prezz ta’ xiri li għandu jitħallas mit-terzi lix-xerrej ta’ lottijiet għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tat-tielet] domanda?

c)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-riposta [għall-punt (a) tat-tielet] domanda, li l-lott ta’ merkanzija jinkludi wkoll xi merkanzija li għandha nuqqas jew difett li faċilment jissewwa?

d)

Huwa rilevanti, għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (a) tat-tielet] domanda, li l-lott ta’ merkanzija jinkludi wkoll xi merkanzija li għandha nuqqas jew difett ta’ daqs jew ta’ gravità tali li l-oġġett ikkonċernat, minħabba dan il-fatt, ma huwiex iktar adattat u lanqas ma huwa utli għall-iskop oriġinali tiegħu?

e)

Huwa rilevanti l-proporzjon ta’ merkanzija difettuża fil-lott kollu ta’ merkanzija mibjugħa mill-ġdid lit-terzi għall-finijiet tar-risposta [għall-punt (c) tat-tielet] domanda jew [għall-punt (d) tat-tielet] domanda? Jekk dan huwa l-każ, liema hija l-perċentwali pern?”

Fuq id-domandi preliminari

14

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-trasferiment lejn pajjiż terz ta’ lott ta’ apparati elettriċi u elettroniċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu inizjalment intiżi għall-bejgħ bl-imnut iżda li kienu s-suġġett ta’ ritorn mill-konsumatur jew li, għal diversi raġunijiet, ġew irritornati mill-kummerċjant lill-fornitur tiegħu, għandux jitqies li huwa “trasferiment ta’ skart”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tiegħu, u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98.

15

Skont l-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament Nru 1013/2006, dan japplika għat-trasferimenti ta’ skart esportati mill-Unjoni lejn pajjiżi terzi.

16

Għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “skart”, għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jiddefinixxih bħala kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi.

17

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “skart” tirriżulta qabelxejn mill-aġir tad-detentur u mit-tifsira tal-kelma “jarmi” (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

18

Għal dak li jirrigwarda l-espressjoni “jarmi”, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li din l-espressjoni għandha tiġi interpretata billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tad-Direttiva 2008/98, li huwa, skont il-premessa 6 tagħha, li jiġu mminimizzati l-effetti negattivi li għandhom il-ġenerazzjoni u l-immaniġġar tal-iskart fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 191(2) TFUE, li jipprovdi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent għandha l-għan li tilħaq livell għoli ta’ protezzjoni u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva. Minn dan jirriżulta li l-kelma “jarmi”, u għalhekk il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

19

Mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98 jirriżulta li l-kelma “jarmi” tiġbor fi ħdanha kemm l-“irkupru” kif ukoll ir-“rimi” ta’ sustanza jew ta’ oġġett, fis-sens tal-punti 15 u 19 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20

B’mod iktar speċifiku, l-eżistenza ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98, għandha tiġi vverifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din id-direttiva u billi jiġi żgurat li l-effikaċja tagħha ma tiġix ippreġudikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

21

Għaldaqstant, ċerti fatti jistgħu jikkostitwixxu indizji dwar l-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li tintrema sustanza jew oġġett, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

22

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li l-oġġett jew is-sustanza inkwistjoni ma hijiex jew ma tistax tibqa’ tiġi użata mid-detentur tagħha, b’mod li dan l-oġġett jew din is-sustanza tikkostitwixxi piż li huwa jrid jarmi. Jekk dan huwa fil-fatt il-każ, hemm riskju li d-detentur jarmi l-oġġett jew is-sustanza fil-pussess tiegħu b’mod li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari billi jabbandunah, jirrilaxxah jew jarmih b’mod li ma huwiex ikkontrollat. Billi jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98, dan l-oġġett jew din is-sustanza huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, li jimplika li l-irkupru jew ir-rimi ta’ dan l-oġġett jew ta’ din is-sustanza għandu jsir b’mod li s-saħħa tal-bniedem ma titqigħedx f’perikolu u mingħajr ma jintużaw proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 42 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan ir-rigward, il-grad ta’ probabbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ oġġett, ta’ sustanza jew ta’ prodott mingħajr operazzjoni ta’ trasformazzjoni minn qabel jikkostitwixxi kriterju ieħor rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk dawn jikkostitwixxux jew le skart fis-sens tad-Direttiva 2008/98. Jekk, lil hinn mis-sempliċi possibbiltà ta’ użu mill-ġdid tal-oġġett, tas-sustanza jew tal-prodott ikkonċernati, jeżisti vantaġġ ekonomiku għad-detentur li jagħmel hekk, il-probbabiltà ta’ tali użu mill-ġdid hija kbira. F’każ bħal dan, l-oġġett, is-sustanza jew il-prodott inkwistjoni ma jistgħux jibqgħu jiġu analizzati bħala piż li d-detentur jixtieq “jarmi”, iżda bħala prodott awtentiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑263/05, EU:C:2007:808, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Qatt ma jista’ jiġi ġġustifikat li jiġu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/98, li huma intiżi li jiżguraw li l-operazzjonijiet ta’ rkupru u ta’ rimi tal-iskart jiġu implimentati mingħajr ma titqiegħed f’perikolu s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma jiġu użati proċeduri jew metodi li jistgħu jikkawżaw ħsara lill-ambjent, oġġetti, sustanzi jew prodotti li d-detentur jixtieq juża jew jikkummerċjalizza f’kundizzjonijiet vantaġġużi, irrispettivament minn kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru. Madankollu, fid-dawl tal-obbligu li l-kunċett ta’ “skart” jingħata interpretazzjoni wiesgħa, għandu jitqies li huma koperti biss is-sitwazzjonijiet li fihom l-użu mill-ġdid tal-oġġett jew tas-sustanza inkwistjoni ma jikkostitwixxix biss possibbiltà, iżda ċertezza, mingħajr il-ħtieġa li tintuża bil-quddiem waħda mill-proċeduri ta’ rkupru tal-iskart imsemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2008/98, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

25

Finalment hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-fatti tal-kawża adita quddiemha, li għandha tivverifika jekk id-detentur tal-oġġett jew tas-sustanza inkwistjoni kellux effettivament l-intenzjoni li “jarmi” tali oġġett jew sustanza, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha ta’ din il-kawża u tiżgura li l-għan tal-imsemmija Direttiva 2008/98 jiġi osservat. B’dan premess, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lil din il-qorti kull indikazzjoni utli sabiex taqta’ t-tilwima li għandha quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Brady, C‑113/12, EU:C:2013:627, punt 47 kif ukoll tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 48).

26

F’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-apparati elettriċi kostituttivi tal-lott inkwistjoni għandhomx jitqiesu bħala “skart” fil-mument meta dawn ġew skoperti mill-awtoritajiet doganali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

27

F’dan ir-rigward, fil-każ li Tronex akkwistat apparati li kienu, fi stadju preċedenti, diġà saru skart u ma wettqitx ir-rimi jew l-irkupru tagħhom, hemm lok li jitqies li hija tkun qiegħda twettaq trasferiment ta’ skart bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1013/2006.

28

Madankollu, għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, li l-apparati elettriċi kostituttivi tal-lott inkwistjoni ma kinux iktar adatti għall-użu li għalih kienu inizjalment intiżi mid-detenturi tagħhom, jiġifieri l-bejjiegħa bl-imnut, l-bejjiegħa bl-ingrossa u l-importaturi ta’ dan it-tip ta’ apparat f’kundizzjoni ġdida, għandu jiġi enfasizzat li din iċ-ċirkustanza tista’ tikkostitwixxi indizju li l-lott inkwistjoni jirrappreżenta piż li l-fornituri jkun qiegħed jipprova “jarmi”.

29

Għal dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi li dawn l-apparati kellhom valur residwu u li Tronex ħallset somma abbażi ta’ dan, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “skart” ma għandux jinftiehem fis-sens li jeskludi s-sustanzi u l-oġġetti li għandhom valur kummerċjali u li jistgħu jagħtu lok għal użu ekonomiku mill-ġdid (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

30

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw b’mod partikolari ċ-ċirkustanza li għalkemm dawn l-apparati kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, fl-ippakkjar oriġinali tagħhom, uħud minnhom ma kinux ippakkjati. Fil-fatt, il-lott inkwistjoni kien ikkostitwit, minn naħa, minn apparati elettriċi rritornati minn konsumaturi taħt il-garanzija tal-prodott u, min-naħa l-oħra, minn oġġetti li saru superfluwi fil-firxa ta’ prodotti tal-bejjiegħ bl-imnut, tal-bejjiegħa bl-ingrossa jew tal-importatur, pereżempju wara li din inbidlet. Barra minn hekk, xi apparati kienu difettużi.

31

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-bejjiegħ u x-xerrej ikklassifikaw il-bejgħ bħala dak ta’ lott u li dan il-lott jinkludi apparati li għandhom jitqiesu li huma skart ma jimplikax li l-apparat kollu li kien jinsab f’dan il-lott jikkostitwixxi skart.

32

Minn naħa, għal dak li jirrigwarda l-oġġetti li saru superfluwi fil-firxa ta’ prodotti tal-bejjiegħ bl-imnut, tal-bejjiegħ bl-ingrossa jew tal-importatur li kienu għadhom fl-ippakkjar oriġinali mhux miftuħ tagħhom, jista’ jiġi meqjus li dawn huma prodotti ġodda li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi preżunt li kienu operazzjonali. Tali apparati elettriċi jistgħu jitqiesu bħala prodotti kummerċjabbli, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ normali li, bħala prinċipju, ma jirrappreżentawx piż għad-detentur tagħhom, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza.

33

Il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma fihx elementi li jippermettu li jitqies li l-detentur tagħhom kellu l-intenzjoni li “jarmi” l-imsemmija apparati, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li ebda element ma jippermetti li jiġi ddubitat l-istat tajjeb ta’ funzjonament ta’ dawn l-oġġetti.

34

Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-apparati elettroniċi rritornati taħt il-garanzija tal-prodott, għandu jiġi osservat li operazzjoni ta’ ritorn imwettqa skont klawżola kuntrattwali u bħala korrispettiv tar-rimbors tal-prezz tax-xiri ma tistax tiġi assimilata mar-rimi tal-oġġett. Fil-fatt, meta konsumatur jipproċedi għal tali ritorn ta’ oġġett mhux konformi bil-għan li jikseb ir-rimbors tiegħu skont il-garanzija assoċjata mal-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dan l-oġġett, l-imsemmi konsumatur ma jistax jitqies li kellu l-intenzjoni li jwettaq operazzjoni ta’ rimi jew ta’ rkupru ta’ oġġett li huwa kellu l-intenzjoni li “jarmi”, fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98. Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ir-riskju li l-konsumatur jarmi dan l-oġġett b’mod li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent huwa dgħajjef (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 46).

35

Madankollu, tali operazzjoni ta’ ritorn taħt il-garanzija tal-prodott ma tippermettix li jiġi ddeterminat jekk, f’tali kuntest, l-użu mill-ġdid tal-apparati elettriċi kkonċernati huwiex ċert, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, għall-finijiet li jiġi ddeterminat ir-riskju li d-detentur jarmihom b’mod li jista’ jikkawża ħsara lill-ambjent, jekk l-apparati elettriċi rritornati taħt il-garanzija tal-prodott għadhomx, meta jkollhom difetti, jistgħu jinbiegħu mingħajr tiswija sabiex jintużaw għall-iskop oriġinali tagħhom u jekk dan l-użu mill-ġdid huwiex ċert.

36

Min-naħa l-oħra, jekk tali apparat ikollu difetti li jeħtieġu tiswija, b’tali mod li ma jkunx jista’ jintuża għall-iskop oriġinali tiegħu, dan jikkostitwixxi piż għad-detentur tiegħu u, għalhekk, għandu jitqies bħala skart, sa fejn ma hemmx ċertezza li d-detentur effettivament ser isewwih. Kif osservat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-eżistenza ta’ dubji dwar il-fatt li oġġett jkun għadu jista’ jinbiegħ għall-finijiet ta’ użu konformi mal-iskop oriġinali tiegħu huwa determinanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala “skart”.

37

Għalhekk, l-ispiża tat-tiswija neċessarja sabiex l-oġġett ikkonċernat ikun jista’ jintuża mill-ġdid skont l-iskop oriġinali tiegħu hija irrilevanti, peress li, minn naħa, il-fatt biss li dan tal-aħħar ma jkunx fi stat ta’ funzjonament jagħmlu ta’ piż għad-detentur tiegħu u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, l-użu futur tiegħu f’konformità ma’ dan l-iskop ma huwiex ċert.

38

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li difett li jwassal sabiex l-oġġett inkwistjoni ma jistax jintuża iktar konformement mal-iskop oriġinali tiegħu huwa ta’ natura li juri li l-użu mill-ġdid ta’ tali prodott ma huwiex ċert.

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-mod li bih detentur jittratta nuqqas jew difett jista’ jipprovdi indizju tal-eżistenza ta’ azzjoni, ta’ intenzjoni jew ta’ obbligu li jarmi l-oġġett ikkonċernat. Għalhekk, meta jbiegħ jew jittrasferixxi dan l-oġġett lil terz mingħajr ma qabel ikun ikkonstata l-istat ta’ funzjonament tiegħu, hemm lok li jitqies li l-imsemmi oġġett jirrappreżenta għad-detentur piż li huwa jkun qiegħed jarmi, b’mod li dan l-oġġett għandu jiġi kklassifikat bħala “skart”, fis-sens tad-Direttiva 2008/98.

40

Għaldaqstant, sabiex jiġi stabbilit li apparati li jkollhom difett ta’ funzjonament ma jikkostitwixxux skart, huwa d-detentur tal-prodotti inkwistjoni li għandu juri li l-użu mill-ġdid tagħhom ma jikkostitwixxix biss possibbiltà, iżda ċertezza, u li jiżgura ruħu li l-kontrolli jew it-tiswijiet minn qabel neċessarji f’dan ir-rigward ikunu twettqu.

41

Barra minn hekk, huwa d-detentur, li jkollu l-intenzjoni li jittrasferixxi apparati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil terz, li għandu jiżgura li l-istat ta’ funzjonament tagħhom jiġi ppreżervat kontra l-ħsarat marbuta mat-trasport permezz ta’ ppakkjar adegwat. Fl-assenza ta’ tali ppakkjar, għandu jitqies, sa fejn id-detentur jaċċetta r-riskju li ssir ħsara lil dawn l-apparati waqt it-trasport, li huwa jkollu l-intenzjoni li jarmihom.

42

Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, tali obbligu ta’ kontroll u eventwalment ta’ tiswija kif ukoll ta’ ppakkjar jikkostitwixxi miżura proporzjonata għall-għan tad-Direttiva 2008/98.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li t-trasferiment lejn pajjiż terz ta’ lott ta’ apparati elettriċi u elettroniċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu intiżi inizjalment għall-bejgħ bl-imnut iżda li kienu s-suġġett ta’ ritorn mill-konsumatur jew li, għal diversi raġunijiet, ġew irritornati mill-kummerċjant lill-fornitur tiegħu, għandu jitqies li huwa “trasferiment ta’ skart”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tiegħu, u tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98, meta dan il-lott ikun jinkludi apparati li l-funzjonament tajjeb tagħhom ma jkunx ġie kkonstatat minn qabel jew li ma jkunux protetti b’mod korrett kontra l-ħsarat marbuta mat-trasport. Min-naħa l-oħra, tali oġġetti li jkunu saru superfluwi fil-firxa ta’ prodotti tal-bejjiegħ, li jkunu jinsabu fl-ippakkjar oriġinali mhux miftuħ tagħhom, ma għandhomx, fl-assenza ta’ indizji kuntrarji, jitqiesu li huma skart.

Fuq l-ispejjeż

44

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-trasferiment lejn pajjiż terz ta’ lott ta’ apparati elettriċi u elettroniċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li kienu intiżi inizjalment għall-bejgħ bl-imnut iżda li kienu s-suġġett ta’ ritorn mill-konsumatur jew li, għal diversi raġunijiet, ġew irritornati mill-kummerċjant lill-fornitur tiegħu, għandu jitqies li huwa “trasferiment ta’ skart”, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, moqri flimkien mal-punt 1 tal-Artikolu 2 tiegħu, u tal-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, meta dan il-lott ikun jinkludi apparati li l-funzjonament tajjeb tagħhom ma jkunx ġie kkonstatat minn qabel jew li ma jkunux protetti b’mod korrett kontra l-ħsarat marbuta mat-trasport. Min-naħa l-oħra, tali oġġetti li jkunu saru superfluwi fil-firxa ta’ prodotti tal-bejjiegħ, li jkunu jinsabu fl-ippakkjar oriġinali mhux miftuħ tagħhom, ma għandhomx, fl-assenza ta’ indizji kuntrarji, jitqiesu li huma skart.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.