SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

24 ta’ Ottubru 2018 ( *1 ) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Prinċipji tad-dritt tal-Unjoni – Kooperazzjoni leali – Awtonomija proċedurali – Prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi dritt ta’ rimedju li jippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali fil-każ ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Obbligu li dawn il-proċeduri jiġu estiżi għall-każ ta’ ksur allegat tad-drittijiet fundamentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni – Assenza”

Fil-Kawża C‑234/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura rigward talba għall-assistenza legali reċiproka fi kwistjonijiet kriminali li tikkonċerna

XC,

YB,

ZA

fil-preżenza ta’:

Generalprokuratur,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader, F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, E. Levits, L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll kif ukoll minn K. Ibili u G. Eberhard, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, G. Koós u G. Tornyai, bħala aġenti

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Krämer u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, mibdija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Awstrijaċi fuq it-talba tal-Staatsanwaltschaft tal-canton ta’ Saint-Gall (il-Prosekutur Pubbliku tal-canton ta’ Saint-Gall, l-Isvizzera), dwar XC, YB, ZA, issuspettati, fl-Isvizzera, li wettqu r-reat ta’ tneħħija ta’ taxxa fis-sens tal-liġi Svizzera dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), kif ukoll ta’ reati kriminali oħra.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 50 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il‑Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”), li jidher fil-Kapitolu 2, intitolat “Assistenza Reċiproka fi Kwistjonijiet Kriminali”, tat-Titolu III tagħha, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-Partijiet Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jagħtu lil xulxin, skond il-(Konvenzjoni Ewropea dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali (ETS Nru 30), iffirmata fi Strasburgu fit-20 ta’ April 1959, u għat-Trattat tal-Benelux dwar l-Estradizzjoni u l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali tas-27 ta’ Ġunju 1962, kif emendat mill-Protokoll tal-11 ta’ Mejju 1974), assistenza reċiproka fir-rigward ta’ ksur tal-liġijiet tagħhom u ta’ regolamenti dwar taxxa tas-sisa, taxxa fuq valur miżjud u dazju. Dispożizzjonijiet tad-dwana għandhom ifissru r-regoli stipulati fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tas-7 ta’ Settembru 1967 bejn il-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u l-Olanda dwar Assistenza Reċiproka bejn Amministrazzjonijiet tad-Dwana, u l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1468/81 (tad-19 ta’ Mejju 1981, dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU 1981, L 144, p. 1)).”

4

L-Artikolu 54 tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, jipprovdi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

Id-dritt Awstrijak

5

L-iStrafrechtsänderungsgesetz (il-Liġi ta’ Riforma tal-Kodiċi Kriminali, BGBl., 762/1996) introduċiet, fis-Strafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali), l-Artikoli 363a sa 363c, dwar il-kunċett legali ta’ “ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali” (Erneuerung des Strafverfahrens), “sabiex jimplimenta s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”.

6

L-Artikolu 363a tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprovdi:

“(1)   Meta sentenza tal-[Qorti EDB] tikkonstata li sentenza jew deċiżjoni ta’ qorti kriminali kisret il-[KEDB, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] jew wieħed mill-protokolli tiegħu, il-proċeduri għandhom, fuq talba, jinfetħu mill-ġdid jekk ma jistax jiġi eskluż li l-ksur jista’ jkollu effett negattiv għall-individwu kkonċernat fuq il-kontenut tad-deċiżjoni tal-qorti kriminali.

(2)   L-Oberster Gerichtshof [(il-Qorti Suprema, l-Awstrija)] għandu jkollha kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar kull talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri. Tista’ tiġi ppreżentata talba mill-individwu kkonċernat u mill-Generalprokurator [(il-Prosekutur Ġenerali)]; l-Artikolu 282(1) għandu japplika mutatis mutandis. It-talba għandha titressaq quddiem l-Oberster Gerichtshof [(il-Qorti Suprema)]. Fil-każ ta’ talba tal-individwu kkonċernat, għandu jinstema’ l-Generalprokurator [(il-Prosekutur Ġenerali)] u fil-każ ta’ talba tal-Generalprokurator [(il-Prosekutur Ġenerali)], għandu jinstema’ l-individwu kkonċernat”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7

Matul is-sena 2012, il-Prosekuzzjoni Pubblika tal-canton ta’ Saint-Gall fetħet investigazzjoni dwar il-fatti ta’ tneħħija ta’ taxxa kontra XC, YB u ZA, issuspettati li kisbu, permezz ta’ dikjarazzjonijiet żbaljati lill-amministrazzjoni tat-taxxa Svizzera, ħlasijiet lura tal-VAT għall-ammont totali ta’ CHF 835 374.17 Franki Svizzeri (madwar EUR 716000). Il-prosekutur ressaq quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Awstrijaċi talbiet għall-assistenza legali reċiproka f’materji kriminali, għall-finijiet ta’ smigħ tal-partijiet mill-iStaatsanwaltschaft Feldkirch (il-Prosekutur ta’ Feldkirch, l-Awstrija).

8

Diversi rikorsi intiżi sabiex jikkontestaw l-organizzazzjoni tas-seduti mitluba ġew ippreżentati fl-Awstrija minn XC, YB u ZA, għar-raġuni, essenzjalment, li l-eżistenza ta’ proċeduri kriminali magħluqa fil-Ġermanja u fil-Liechtenstein matul is-snin 2011 u 2012 kienet tipprekludi, minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS, li proċeduri kriminali ġodda, dwar is-suspetti ta’ reati kriminali mwettqa għad-detriment tal-amministrazzjoni tat-taxxa Svizzera, jinbdew kontrihom. B’digriet tat-9 ta’ Ottubru 2015, l-Oberlandesgericht Innsbruck (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Innsbruck, l-Awstrija), bħala qorti tal-aħħar istanza, qieset li ma kienx hemm elementi li jindikaw ksur tal-Artikolu 54 tal-KFS.

9

Minkejja li dan id-digriet kien sar definittiv, XC, YB u ZA, abbażi tal-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali, adixxew il-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) b’talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, billi sostnew li l-fatt li l-ilqugħ tat-talbiet għal assistenza legali reċiproka inkwistjoni kienet tikser xi drittijiet tagħhom stabbiliti mhux biss mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar’ il quddiem il-“KEDB”), imma wkoll il-KFS u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

10

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tagħha, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali huwa possibbli biss fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, ikkonstatat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jew, qabel kwalunkwe deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tikkonstata dan il-ksur, mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema). Hija tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jimponux li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali tiġi ordnata xorta waħda fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, anki jekk dan il-każ ma huwiex espressament previst mit-test li jirregola dan ir-rimedju.

11

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) TUE, ikkunsidrat flimkien mal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li jinsiltu minnu, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija) tistħarreġ, fuq talba tal-persuna kkonċernata, deċiżjoni ta’ qorti kriminali li saret res judicata rigward allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni (f’dan il-każ: l-Artikolu 50 tal-[Karta] u l-Artikolu 54 tal-[KFS]), fejn id-dritt nazzjonali (l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali) jipprevedi tali stħarriġ biss fil-każ ta’ allegat ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

12

Il-Gvern Awstrijak qed iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà kontra din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

13

Fl-ewwel lok, dan il-gvern isostni li s-sitwazzjonijiet legali li wasslu għall-kawża prinċipali ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, peress li r-rimedju msemmi fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali huwa previst fil-każ ta’ ksur mhux tad-dritt tal-Unjoni iżda tal-KEDB.

14

Madankollu, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jilqgħu talba għal assistenza legali reċiproka bbażata fuq il-KFS, li tifforma parti integrali mid-dritt tal-Unjoni bis-saħħa tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010, C 83, p. 290), huma jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, li jiggarantixxi r-rispett tal-kontenut essenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punt 59; kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2014, M, C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 35, u tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 31). Għaldaqstant, is-sitwazzjoni fattwali u legali li wasslet għall-kawża prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

15

It-tieni nett, il-Gvern Awstrijak isostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibili, peress li l-qorti tar-rinviju diġà kkunsidrat li l-Artikolu 54 tal-KFS jikkostitwixxi bażi ġuridika suffiċjenti biex jintalab ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, skont l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċeduri Kriminali. Issa, din il-qorti ma spjegatx ir-raġunijiet li minħabba fihom hija tqis li hija meħtieġa risposta għad-domanda preliminari.

16

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut, mill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq talba mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2018, Altiner u Ravn, C‑230/17, EU:C:2018:497, punt 22).

17

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju esponiet ir-raġunijiet li għalihom l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni u tal-prinċipji msemmija fid-domanda preliminari tagħha hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Issa, minn dan jirriżulta li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda dwar jekk din il-qorti għandhiex, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, tippronunzja ruħha dwar l-allegat ksur tad-dritt fundamentali ggarantit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal-KFS jista’ jkollu impatt dirett fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

18

Fil-fatt, għalkemm l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprevedi li, sa fejn din tal-aħħar tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal dawk iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet huma l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni, jirriżulta wkoll minn din id-dispożizzjoni li d-dritt tal-Unjoni jista’ jagħti protezzjoni iktar estiża.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda preliminari hija ammissibbli.

Fuq il-mertu

20

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KFS, rimedju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-KEDB, jew ta’ wieħed mill-protokolli tiegħu, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ awtorità tar-res judicata jaqa’ taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, b’osservanza, madankollu, tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Fil-fatt, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, ir-regoli ddettaljati proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li għandhom il-partijiet f’kawża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandhomx jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, EU:C:1976:188, punt 5; tal-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck, C‑312/93, EU:C:1995:437, punt 12; tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 46, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 36).

23

Ir-rekwiżiti li jirriżultaw minn dawn il-prinċipji japplikaw kemm għal dak li jirrigwarda l-indikazzjoni tal-qrati kompetenti sabiex jisimgħu kawżi bbażati fuq dan id-dritt kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tar-regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw dawn il-kawżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2008, Impact, C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 47, u tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 37).

24

Il-konformità ta’ dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi analizzata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rwol tar-regoli kkonċernati fil-proċeduri kollha, l-iżvolġiment tal-imsemmija proċeduri u tal-partikolaritajiet ta’ dawn ir-regoli, quddiem id-diversi qrati nazzjonali (sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq il-prinċipju ta’ ekwivalenza

25

Skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, il-prinċipju ta’ ekwivalenza jipprojbixxi lil Stat Membru milli jipprevedi regoli dettaljati proċedurali inqas favorevoli għat-talbiet intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni minn dawk applikabbli għar-rikorsi simili ta’ natura interna.

26

F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u minn tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-Gvern Awstrijak matul is-seduta li r-rikors għall-finijiet ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali, previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, għandu jitqies li huwa rikors ta’ natura interna.

27

Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk dan ir-rikors jistax jitqies li huwa simili għal rikors intiż għall-protezzjoni ta’ dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali stabbiliti minnu, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-kawża kif ukoll il-punti essenzjali ta’ dawn ir-rikorsi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting-04, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Sabiex turi d-dubji tagħha f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ ekwivalenza skont l-Artikolu 363a tal-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-possibbiltà li, fil-kuntest ta’ talba bbażata fuq din id-dispożizzjoni, ilment ibbażat fuq ksur ta’ dritt fundamentali ggarantit mill-KEDB jkollu l-istess suġġett u l-istess bażi bħal ilment ibbażat fuq ksur ta’ dritt iggarantit mill-Karta. Hija tenfasizza wkoll, essenzjalment, li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti minn din tal-aħħar għandhom mill-inqas l-istess portata bħad-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB.

29

Skont l-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali hija prevista fil-każ fejn sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkonstata li deċiżjoni ta’ qorti kriminali kisret il-KEDB jew wieħed mill-protokolli tagħha. B’hekk jirriżulta mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li dan ir-rimedju jippreżumi, bħala prinċipju, il-konstatazzjoni minn qabel, mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ta’ ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha.

30

Il-Qorti tar-rinviju tispeċifika madankollu li hija ddeċidiet, f’sentenza ta’ prinċipju tal-1 ta’ Awwissu 2007, li l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri kriminali ma huwiex limitat għas-sitwazzjoni li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tkun ikkonstatat minn qabel li sentenza jew deċiżjoni ta’ qorti kriminali tkun kisret il-KEDB jew wieħed mill-Protokolli tagħha, iżda li hija tista’ tiġi implimentata wkoll meta hija stess tkun ikkonstatat l-eżistenza ta’ tali ksur. B’dan il-mod, meta tiġi adita minflok il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u mhux abbażi ta’ konstatazzjoni minn din tal-aħħar ta’ ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) testendi, sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà applikabbli għal rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, din il-proċedura għal kull min jallega li jkun sofra ksur tad-drittijiet iggarantiti minn din il-Konvenzjoni u minn dawn il-Protokolli, u tantiċipa b’hekk deċiżjoni dwar il-mertu ta’ din l-aħħar qorti.

31

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rimedju eċċezzjonali previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali huwa ġġustifikat min-natura stess tal-KEDB u, bil-mod ta’ kif ġie previst mil-leġiżlatur Awstrijak, huwa marbut b’rabta funzjonali mill-qrib mal-proċedura quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, dan ir-rimedju ġie introdott “sabiex jimplimenta s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem”, peress li l-Gvern Awstrijak enfasizza l-fatt li l-leġiżlatur kellu l-intenzjoni, b’dan il-mod, li jikkonforma ruħu mal-obbligu stabbilit fl-Artikolu 46 tal-KEDB.

32

Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li r-rekwiżit li jinsab fl-Artikolu 35(1) tal-KEDB, li jgħid li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ tittratta kwistjoni biss wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali interni, jimplika l-eżistenza ta’ deċiżjoni mogħtija minn qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza li jkollha l-awtorità ta’ res judicata.

33

Kif jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa preċiżament sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din is-sitwazzjoni u tiġi żgurata l-applikazzjoni fl-ordinament ġuridiku intern tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li ġiet stabbilita l-proċedura prevista fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, li tippermetti l-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-awtorità ta’ res judicata.

34

Barra minn hekk, mit-talba għal deċiżjoni preliminari u mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Gvern Awstrijak jirriżulta li r-rabta funzjonali mill-qrib bejn il-proċedura prevista f’din id-dispożizzjoni u l-proċedura quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ma titqegħedx inkwistjoni mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-ewwel proċedura mwettqa mis-sentenza ta’ prinċipju tal-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tal-1 ta’ Awwissu 2007. Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, rikors ippreżentat skont din l-istess dispożizzjoni qabel kwalunkwe konstatazzjoni mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għal konstatazzjoni ta’ ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà bħal rikors ippreżentat quddiem din il-qorti tal-aħħar u, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, għandu l-uniku skop li jantiċipa tali konstatazzjoni.

35

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura prevista fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fid-dawl tas-suġġett tagħha, tal-kawża tagħha u tal-elementi ewlenin tagħha kif ġew esposti, ma tistax titqies li hija simili għal rikors intiż għall-protezzjoni ta’ dritt fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Karta, u dan minħabba l-karatteristiċi speċifiċi marbuta man-natura stess ta’ dan id-dritt.

36

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat ripetutament, li d-dritt tal-Unjoni huwa kkaratterizzat mill-fatt li joħroġ minn sorsi indipendenti kkostitwiti mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet legali tal-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa, 6/64, EU:C:1964:66 u tas-17 ta’ Diċembru 1970, Internationale Handelsgesellschaft, 11/70, EU:C:1970:114, punt 3; Opinjoni 1/91 (Ftehim ŻEE - I), tal-14 ta’ Diċembru 1991, EU:C:1991:490, punt 21, u 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 65 u sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C‑399/11, EU:C:2013:107, punt 59) kif ukoll permezz tal-effett dirett ta’ firxa wiesgħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 23; Opinjoni 1/09, tat-8 ta’ Marzu 2011, EU:C:2011:123, punt 65 u Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, jinsabu fil-qalb ta’ din il-kostruzzjoni legali d-drittijiet fundamentali, kif irrikonoxxuti mill-Karta - li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur legali bħat-Trattati -, li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet jikkostitwixxi kundizzjoni għall-legalità tal-atti tal-Unjoni, b’mod li ma jkunux jistgħu jiġu ammessi fl-Unjoni miżuri inkompatibbli ma’ dawn l-istess drittijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 41; tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow, C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 14; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C‑112/00, EU:C:2003:333, punt 73, u tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 283284, kif ukoll l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 169).

38

Barra minn hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett (sentenza tat-20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 68).

39

Sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi speċifiċi u l-awtonomija ta’ dan l-ordinament ġuridiku, it-Trattati stabbilixxew sistema ġudizzjarja maħsuba sabiex tiżgura l-koerenza u l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 174).

40

F’dan il-kuntest, huwa l-kompitu tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti tal-Ġustizzja li jiggarantixxu l-applikazzjoni sħiħa tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri kollha kif ukoll il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-individwi jgawdu bis-saħħa ta’ dan id-dritt (Opinjoni 1/09, EU:C:2011:123, punt 68 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 175).

41

L-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja hekk maħsub huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, filwaqt li tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, speċifikament bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha bħala għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos, 26/62, EU:C:1963:1, p. 23), li b’hekk tippermetti li tiżgura l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, fl-aħħar istanza, in-natura adatta tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176).

42

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jirreferu kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni jew ta’ evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom. Barra minn hekk il-qrati nazzjonali huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jikkunsidraw xieraq (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2016, Ognyanov, C‑614/14, EU:C:2016:514, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Minbarra dan, għandu jitfakkar li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, qorti nazzjonali li d-deċiżjoni tagħha ma tista’ tkun is-suġġett ta’ ebda rimedju ġudizzjarju tad-dritt intern hija, bħala prinċipju, marbuta li tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tkun tqajmet quddiemha kwistjoni dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, Ferreira da Silva u Brito et, C‑160/14, EU:C:2015:565, punt 37 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44

Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qrati nazzjonali inkarigati milli japplikaw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun hemm bżonn ma japplikawx, minn rajhom, kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja mingħajr ma jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, EU:C:1978:49, punti 2124, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għaldaqstant, huwa b’osservanza ta’ dan il-qafas kostituzzjonali li d-drittijiet fundamentali, kif irrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, għandhom jiġu interpretati u applikati fi ħdan l-Unjoni (Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 177).

46

Għalhekk, hekk kif ġie ppreċiżat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-imsemmi qafas kostituzzjonali jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tikseb il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet mogħtija lilha mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni anki qabel tkun ittieħdet deċiżjoni nazzjonali li jkollha l-awtorità ta’ res judicata.

47

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li d-differenzi li tippreżenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, minn naħa, u r-rimedji intiżi għall-protezzjoni tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, huma tali li dawn ir-rimedji ma jistgħux jitqiesu li huma simili fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 22 sa 25 ta’ din is-sentenza.

48

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ekwivalenza ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali li testendi, fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ ksur ta’ dritt fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Karta, rimedju ġudizzjarju taħt id-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ ta’ ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa permezz ta’ deċiżjoni nazzjonali li tkun saret res judicata.

Fuq il-prinċipju ta’ effettività

49

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull każ li fih tqum il-kwistjoni, dwar jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura fl-intier tagħha, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’din il-perspettiva, għandhom b’mod partikolari jittieħdu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (sentenza tat-22 ta’ Frar 2018, INEOS Köln, C‑572/16, EU:C:2018:100, punt 44).

50

Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk l-impossibbiltà li jintalab, abbażi tal-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret res judicata, billi jinvoka l-ksur ta’ dritt fundamentali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni, bħal dak stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta u fl-Artikolu 54 tal-KFS, tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli fil-prattika l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-Trattat FUE ma riedx jikkostrinġi l-Istati Membri jistabbilixxu quddiem il-qrati nazzjonali tagħhom, bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, rimedji legali minbarra dawk stabbiliti mid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Barra minn hekk, għandha titfakkar l-importanza li għandu l-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni kif ukoll fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali. Fil-fatt, bil-għan li jiġu ggarantiti kemm l-istabbiltà tad-dritt u r-relazzjonijiet ġuridiċi kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa essenzjali li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru res judicata wara li jkunu ntużaw il-mezzi kollha disponibbli għal appell jew wara li jkun skada t-terminu previst għal dan l-appell ma jkunux jistgħu jiġu iktar ikkontestati (sentenzi tas-16 ta’ Marzu 2006, Kapferer, C‑234/04, EU:C:2006:178, punt 20; tad-29 ta’ Ġunju 2010, Il‑Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑526/08,EU:C:2010:379, punt 26; tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni, C‑352/09 P, EU:C:2011:191, punt 123, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 58).

53

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix fuq il-qorti nazzjonali l-obbligu li ma tapplikax ir-regoli proċedurali interni li jagħtu l-awtorità ta’ res judicata lil deċiżjoni ġudizzjarja, anki jekk, li kieku jsir hekk, dan jippermetti li tiġi rrimedjata sitwazzjoni nazzjonali li tkun inkompatibbli ma’ dan id-dritt (sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 29).

54

Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni ma jeżiġix li, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni rilevanti ta’ dan id-dritt adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja wara d-deċiżjoni ta’ korp ġudizzjarju li jkolha l-awtorità ta’ res judicata, dan ikollu, bħala prinċipju, jirriforma din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 60, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 38).

55

F’dan il-każ, ebda element mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li ma jeżistux, fl-ordinament ġuridiku Awstrijak, rimedji li jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jkollhom bis-saħħa tal-Artikolu 50 tal-Karta u tal-Artikolu 54 tal-KFS.

56

Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, meta l-kontestazzjoni tagħhom tat-talbiet għall-assistenza legali reċiproka tal-prosekutur tal-canton ta’ Saint-Gall quddiem il-qrati Awstrijaċi, kienu għalkollox f’pożizzjoni li jinvokaw ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li dawn il-qrati eżaminaw dawn l-ilmenti. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, barra minn hekk, li l-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali jipprovdi ħafna opportunitajiet għall-persuni kkonċernati li jinvokaw id-drittijiet mogħtija lilhom mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

57

Għaldaqstant, dan il-qafas jiggarantixxi l-effettività tad-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi estiż għalih ir-rimedju straordinarju previst fl-Artikolu 363a tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li jippermetti li jitqiegħdu inkwistjoni d-deċiżjonijiet nazzjonali li jkunu kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

58

Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata ma jipprekludix ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat għal deċiżjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza (sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 40). Fil-fatt, minħabba, b’mod partikolari, il-fatt li ksur tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni minn tali deċiżjoni normalment ma jistax ikun iktar jiġi rrimedjat, l-individwi ma jistgħux jiċċaħħdu mill-possibbiltà li jinvokaw ir-responsabbiltà tal-Istat sabiex b’dan il-mezz jiksbu protezzjoni legali tad-drittijiet tagħhom (sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C‑224/01, EU:C:2003:513, punt 34, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târşia, C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 40).

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li d-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta u mill-Artikolu 54 tal-KFS, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ biss ta’ ksur tal-KEDB jew ta’ wieħed mill-protokolli tagħha, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil qorti nazzjonali testendi għall-ksur tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Marzu 1995, rimedju ġudizzjarju previst mid-dritt intern li jippermetti li jinkiseb, fil-każ biss ta’ ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 jew ta’ wieħed mill-Protokolli tagħha, il-ftuħ mill-ġdid ta’ proċeduri kriminali magħluqa b’deċiżjoni nazzjonali li tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Fil-punti 2 u 3 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.