3.8.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 226/7


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Ġunju 2013 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-317/13)

(2013/C 226/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: F. Drexler, A. Caiola, u M. Pencheva, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE, tas-7 ta’ Marzu 2013, li tissottoponi lill-4-metilamfetammina għal miżuri ta’ kontroll (1);

iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/129/UE, sal-mument fejn din tiġi ssostitwita permezz ta’ att ġdid debitament adottat;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Preliminarjament, il-Parlament ifakkar li l-preambolu tad-deċiżjoni kkontestata jagħmel riferiment għall-bażijiet legali li ġejjin: l-Artikolu 8(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI, tal-10 ta’ Mejju 2005, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (2) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Minn dan, il-Parlament jiddeduċi li, b’mod impliċitu, il-Kunsill qiegħed jirreferi għall-Artikolu 34(2)(ċ) tal-ex Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament jinvoka żewġ motivi insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament.

Fl-ewwel lok, il-Parlament isostni li l-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq bażi legali — l-Artikolu 34(2)(ċ) UE — li ilha li tħassret sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata saret ibbażata biss fuq id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI. Din tal-aħħar tikkostitwixxi bażi legali dderivata u għaldaqstant hija illegali.

Fit-tieni lok, u fid-dawl ta’ dak li nqal iktar ’il fuq, il-Parlament iqis li l-proċedura deċiżjonali tbati minn ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. Minn naħa, jekk l-Artikolu 34(2)(ċ) UE kien applikabbli, il-Parlament kellu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dan skont l-Artikolu 39(1)(UE). Issa, il-Parlament isostni li dan ma kienx il-każ. Min-naħa l-oħra, li kieku wieħed kellu jqis li d-dispożizzjonijiet applikabbli huma dawk li jirriżultaw mit-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament kellu jkun assoċjat mal-proċedura leġiżlattiva abbażi tal-Artikolu 83(1) TFUE. Sew fl-ewwel każ kif ukoll fit-tieni, billi l-Parlament ma ġiex involut fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, din id-deċiżjoni tbati minn ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali.

Fl-aħħar nett, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla d-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament iqis li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, hemm lok li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu sal-mument fejn din tiġi ssostitwita permezz ta’ att ġdid debitament adottat.


(1)  ĠU L 72, p. 11.

(2)  ĠU L 164M, p. 30.