22.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 462/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Ottubru 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof – il-Ġermanja) – Nordex Food A/S vs Hauptzollamt Hamburg-Jonas

(Kawża C-334/13) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Agrikoltura - Regolament (KE) Nru 800/1999 - Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni - Regolament (KE) Nru 1291/2000 - Sistema tal-liċenzji tal-esportazzjoni - Dikjarazzjoni tal-esportazzjoni ppreżentata mingħajr liċenzja tal-esportazzjoni - Terminu mogħti mill-uffiċċju doganali tal-esportazzjoni - Dokumenti doganali li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju - Dokumenti ffalsifikati - Rettifika tal-irregolaritajiet - Applikazzjoni tas-sanzjoni msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999))

(2014/C 462/13)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nordex Food A/S

Konvenut: Hauptzollamt Hamburg-Jonas

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, tal-15 ta’ April 1999, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2299/2001, tas-26 ta’ Novembru 2001, moqri flimkien mal-Artikolu 24 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000, tad-9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni f’ċirkustanzi partikolari bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn l-esportazzjoni seħħet fl-assenza tal-liċenzja tal-esportazzjoni, li l-eżistenza tagħha madankollu ġiet stabbilita fil-mument tad-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni u li ġiet ippreżentata, mill-esportatur, fit-terminu addizzjonali ta’ ġimgħa mogħti għal dan l-għan mill-uffiċċju doganali kompetenti.

2)

L-Artikoli 49 u 50 tar-Regolament Nru 800/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2299/2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ħlief fil-każ ta’ forza maġġuri, l-esportatur li jkun ippreżenta, sabiex jistabbilixxi l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju, dokumenti doganali li, sussegwentement, irriżultaw li huma ffalsifikati, ma jkunx jista’, wara l-iskadenza tat-termini previsti f’dawn l-artikoli, jippreżenta, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja pendenti dwar l-għoti tal-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, dokumenti doganali validi, minkejja li dan l-għoti ddewwem għal raġunijiet li ma humiex dawk relatati mal-prova tal-wasla ta’ din il-merkanzija.

3)

L-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 800/1999, kif emendat bir-Regolament Nru 2299/2001, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sanzjoni prevista f’din id-dispożizzjoni tiġi imposta meta l-esportatur ikun ippreżenta, fit-termini stabbiliti, dokumenti li jistabbilixxu l-wasla tal-merkanzija esportata fil-pajjiż destinatarju u li rriżulta li kienu ffalsifikati, minkejja li mid-dokumenti validi prodotti matul il-proċedura jirriżulta li l-ħlas lura fuq l-esportazzjoni, li għalih saret applikazzjoni, jikkorrispondi għal dak li kellu jingħata.


(1)  ĠU C 260, 07.09.2013.