Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C-385/05,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d'État (Franza), permezz tad-deċiżjoni tad-19 ta' Ottubru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Ottubru 2005, fil-proċedura

Confédération générale du travail (CGT) ,

Confédération française démocratique du travail (CFDT) ,

Confédération française de l’encadrement (CFE-CGC) ,

Confédération française des travailleurs chrétiens (CFTC) ,

Confédération générale du travail-Force ouvrière (CGT-FO)

vs

Premier ministre ,

Ministre de l’Emploi, de la Cohésion sociale et du Logement ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, R. Schintgen (Relatur), R. Silva de Lapuerta, J. Makarczyk u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' Ġunju 2006,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

– għall-Confédération générale du travail (CGT), minn A. Lyon-Caen, avocat,

– għall-Confédération française démocratique du travail (CFDT), minn H. Masse-Dessen, avocat,

– għall-Confédération française de l’encadrement (CFE-CGC), minn H. Masse-Dessen, avocat,

– għall-Confédération française des travailleurs chrétiens (CFTC), minn H. Masse-Dessen, avocat,

– għall-Confédération générale du travail-Force ouvrière (CGT‑FO), minn T. Haas, avocat,

– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 1 sa 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU L 225, p. 16) u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/14/KE tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU L 80, p. 29).

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ diversi rikorsi mressqa quddiem il-Conseil d’État mill-Confédération générale du travail (CGT), il-Confédération française démocratique du travail (CFDT), il-Confédération française de l’encadrement (CFE-CGC), il-Confédération française des travailleurs chrétiens (CFTC) kif ukoll il-Confédération générale du travail-Force ouvrière (CGT-FO) intiżi sabiex jiġi annullat id-Digriet Nru 2005-892, tat-2 ta' Awwissu 2005, dwar l-adattament tar-regoli ta' kif jingħaddu l-impjegati ta' l-impriżi (JORF tat-3 ta' Awwissu 2005, p. 12687, iktar 'il quddiem id-"Digriet Nru 2005-892").

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jipprovdi:

"Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

'a) " redundancies kollettivi" ifisser tkeċċijiet mix-xogħol minn min iħaddem għal raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati meta, skond l-għażla ta' l-Istati Membri, in-numru tar- redundancies huwa:

i) jew, fuq perijodu ta' 30 ġurnata:

– mill-inqas 10 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw iżjed minn 20 u inqas minn 100 impjegat,

– mill-inqas 10 % tan-numru ta' ħaddiema fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw mill-inqas 100 iżda inqas minn 300 ħaddiem,

– mill-inqas 30 fi stabbilimenti li normalment jimpjegaw 300 ħaddiema jew iżjed,

ii) jew, fuq perijodu ta' 90 ġurnata, mill-inqas 20, ikun xi jkun in-numru ta' impjegati li jaħdmu fl-istabbilimenti in kwistjoni;

b) "rappreżentanti tal-ħaddiema" jfisser ir-rappreżentanti tal-ħaddiema previsti mill-liġijiet jew mill-prattiċi ta' l-Istati Membri.

Għall-iskop tal-kalkolu tan-numru tar- redundancies kif previst fis-subparagrafu tal-punt (a), it-termini ta' kuntratt tax-xogħol li jsir fuq l-inizjattiva ta' min iħaddem għal raġuni waħda jew iktar li mhumiex relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati għandhom ikunu assimilati mar- redundancies sakemm, hemm mill-inqas ħames redundancies ."

4. Skond l-Artikolu 2(1) tad-direttiva 98/59:

"Meta dak li jħaddem ikun qed jikkontempla redundancies kollettivi, huwa għandu jibda konsultazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim."

5. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/59 jiddisponi:

"1. Kull min iħaddem għandu jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta' redundancies kollettivi.

[…]

2. Min iħaddem għandu jgħaddi lir-rapreżentanti tal-ħaddiema kopja tan-notifika prevista fil-paragrafu 1.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jistgħu jibgħatu xi kummenti li jista' jkollhom lill-awtorità pubblika kompetenti."

6. Skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/59:

" "Din id-Direttiva ma għandhiex taffetwa d-dritt ta' l-Istati Membri li japplikaw jew jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma iktar favorevoli għal ħaddiema jew li jippromovu jew li jippermettu l-applikazzjoni ta' ftehim kollettivi iktar favorevoli għall-ħaddiema."

7. Is-seba' u t-tmien premessi tad-Direttiva 2002/14 jgħidu hekk:

"(7) Hemm ħtieġa biex jissaħħaħ id-djalogu biex iħeġġeġ il-fiduċja reċiproka fi ħdan l-impriżi sabiex itejjeb l-anteċipazzjoni tar-riskju, jagħmel l-organizzazzjoni tax-xogħol aktar flessibli u jiffaċilita l-aċċess ta’ l-impjegati għal taħriġ fi ħdan l-impriża waqt li tinżamm is-sigurtà, tagħmel lill-impjegati aktar konxi dwar il-ħtieġa ta’ adattzzjoni, iżżid id-disponibbilità ta’ l-impjegati li jieħdu miżuri u jidħlu għall-attivitajiet biex iżidu l-potenzjal tagħhom għall-impjieg, jippromwovi l-involviment ta’ l-impjegati fl-operazzjoni u fil-futur ta’ l-impriża u biex din iżżid il-kompetittività tagħha.

(8) Hemm il-ħtieġa, partikolarment, biex tinkoraġixxi u tqawwi l-informazzjoni u l-konsultazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-iżvilupp mistenni ta’ l-impjieg fi ħdan l-impriża u, meta l-evalwazzjoni ta’ min iħaddem tissuġġerixxi li l-impjiegi fi ħdan l-impriża jistgħu jkunu mhedda, il-miżuri antiċipatorji possibli ppjanati, partikolarment fit-termini ta’ taħriġ ta’ l-impjegati u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, bil-għan li jagħmel tajjeb għall-iżviluppi negattivi jew il-konsegwenzi tagħhom u żżid il-possibbilità ta’ l-impjieg u l-adattabilità ta’ l-impjegati li aktarx li jkunu affettwati."

8. Jirriżulta wkoll mit-tmintax-il premessa tad-Direttiva 2002/14 li din hija intiża sabiex timplementa qafas ġenerali li għandu bħala għan li jistabbilixxi l-ħtiġiet minimi applikabbli ma tul il-Komunità kollha waqt li ma jżommx lill-Istati Membri milli jistabbilixxu dispożizzjonijiet aktar favorevoli għall-impjegati.

9. Dan il-qafas għandu wkoll bħala għan, kif jirriżulat mid-dsatax-il premessa ta' l-imsemmija Direttiva, li jevita kull restrizzjoni amministrattiva, finanzjarja jew legali li tfixkel l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Dan għaliex jidher adegwat, skond l-istess premessa, li l-għan ta’ din id-Direttiva għandu jkun ristrett, skond l-għażla magħmula mill-Istati Membri, għall-impriżi ta’ mill-anqas 50 impjegat jew stabbilimenti li jimpjegaw mill-anqas 20 impjegat.

10. L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/14 jipprevedi:

" L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità."

11. L-Artikolu 2 ta' l-imsemmija Direttiva jgħid kif ġej:

"Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

d) "impjegat" tfisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegat permezz tal-liġi nazzjonali ta’ l-impjiegi u bi qbil mal-prattika nazzjonali;

[…]"

12. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 jiddisponi:

"Din id-Direttiva għandha tapplika, skond l-għażla magħmula mill-Istati Membri, għal:

a) impriżi li jimpjegaw mill-anqas 50 impjegat fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, jew

b) impriżi li jimpjegaw mill-anqas 20 impjegat fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jiddetterminaw il-metodu għall-kalkolu tal-limiti tal-ħaddiema impjegati."

13. Skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/14:

"Bi qbil mal-prinċipji stabbiliti f’Artikolu 1 u mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet u/jew prattiċi eżistenti li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ l-infomazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell xieraq bi qbil ma dan l-Artikolu."

14. L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/14 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jieħdu d-dispożizzjonijiet neċessarji kollha sabiex ikunu dejjem f'pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti mill-imsemmija Direttiva.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

15. Skond l-Artikolu L. 421-1 tal-Kodiċi tax-Xogħol Franċiż, il-ħatra ta’ delegati tal-persunal hija obbligatorja għal kull stabbiliment li għandu mill-inqas ħdax-il ħaddiem.

16. Jirriżulta mill-Artikoli L.321-2 u L. 321-3 ta' dan il-Kodiċi li min jimpjega u għandu l-intenzjoni li jipproċedi għal redunancies minħabba raġuni ekonomika huwa marbut li jlaqqa' u jikkonsulta l-kumitat ta' l-impriża jew id-delegati tal-persunal fejn in-numru ta' redundancies intiż huwa mill-inqas ta' għaxar persuni fl-istess perijodu ta' tletin ġurnata.

17. Qabel l-adozzjoni tad-Digriet Nru 2005-892, l-Artikolu L. 620-10 tal-Kodiċi tax-Xogħol kien miktub kif ġej:

"Għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi preżenti, l-impjegati ta' l-impriża jingħaddu skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

L-impjegati li għandhom kuntratt għal perijodu mhux determinat full time u l-ħaddiema li jaħdmu mid-dar huma kollha kkunsidrati bħala impjegati ta' l-impriża.

L-impjegati li għandhom kuntratt għal perijodu determinat, l-impjegati li għandhom kuntratt tax-xogħol intermittenti, il-ħaddiema li qegħdin għad-dispożizzjoni ta' l-impriża permezz ta’ impriża esterna, inklużi l-ħaddiema temporanji, huma kkunsidrati fil-kalkolu ta’ l-impjegati ta' l-impriża bħala pro rata taż-żmien ta' preżenza tagħhom matul it-tnax-il xahar preċedenti. Madankollu l-impjegati b'kuntratt għal perijodu determinat, l-impjegati li għandhom kuntratt tax-xogħol temporanju jew li qegħdin għad-dispożizzjoni ta' l-impriża permezz ta’ impriża esterna, huma esklużi mill-għadd ta' l-impjegati fejn ikunu qed jissotitwixxu impjegat assenti jew fejn il-kuntratt tax-xogħol huwa sospiż.

L-impjegati part time , tkun xi tkun in-natura tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom, huma kkunsidrati fil-kalkolu billi ssir diviżjoni tas-somma totali tas-siegħat imniżżla fil-kuntratti tax-xogħol tagħhom skond it-tul taż-żmien legali jew it-tul taż-żmien kuntrattwali tax-xogħol".

18. L-ewwel Artikolu tad-Digriet Nru 2005-892 ikkompleta l-imsemmi Artikolu L. 620-10 permezz tas-subparagrafu li ġej:

!! "Il-ħaddiem impjegat mit-22 ta' Ġunju 2005 u li għandu inqas minn sitta u għoxrin sena ma jiġix ikkunsidrat sakemm jagħlaq l-eta' ta' sitta u għoxrin, fil-kalkolu ta' l-impjegati ta' l-impriża li jaħdem fiha, ikun x'ikun it-tip ta' kuntratt li jorbtu ma' l-impriża. Din id-dispożizzjoni ma tistax ikollha bħala effett is-suppressjoni ta' istituzzjoni rappreżentattiva tal-persunal jew tal-mandat ta' rappreżentant tal-persunal. Id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu preżenti huma applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2007".

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19. Jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni preokkupanti ta' l-impjieg fi Franza, il-Prim Ministru ppreżenta fil-Parlament, fid-dikjarazzjoni ta' politika ġenerali tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2005, pjan ta' urġenza għall-impjieg. Sabiex il-miżuri mniżżla f'dan il-pjan setgħu jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2005, il-Gvern talab li jingħata s-setgħa li jagħmel leġiżlazzjoni permezz ta' Digriet.

20. Għalh Għaldaqstant, l-Ewwel Artikolu tal-Liġi Nru 2005-846 tas-26 ta' Lulju 2005, (JORF tas-27 ta' Lulju 2005, p. 12223), awtorizza lill-Gvern sabiex jieħu kull miżura,, permezz ta' digriet, sabiex jadatta r-regoli sabiex jingħaddu l-impjegati utilizzati għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tax-xogħol jew l-obbligi finanzjarji imposti minn leġiżlazzjonijiet oħra sabiex jiffavorixxu, mit-22 ta' Ġunju 2005, l-impjieg mill-impriżi ta' impiegati li għandhom età ta' inqas minn sitta u għoxrin sena.

21. Fit-t Fit-2 ta' Awwissu 2005, il-Gvern adotta, bid-Digriet Nru 2005-892, xi miżuri dwar l-adattament tar-regoli ta’ kif jingħaddu l-impjegati ta' l-impriżi, filwaqt li pprovda li d-dispożizzjonijiet ta' dan id-Digriet kienu ser jieqfu milli jkollhom effett fil-31 ta' Diċembru 2007.

22. Xi rikorsi kontra d-Digriet Nru 2005-892 ġew imressqa quddiem il-Conseil d’État mill-CGT, il-CFDT, il-CFE-CGC, il-CFTC u l-CGT-FO.

23. In sostenn tar-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu b'mod partikolari motiv ibbażat fuq il-fatt li l-adattament tar-regoli ta' l-għadd ta' l-impjegati previst mill-imsemmi Digriet huwa kuntrarju għall-għanijiet tad-Direttivi 98/59 u 2002/14.

24. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, jekk id-dispożizzjoni kkontestata tad-Digriet Nru 2005-892 m'għandhiex bħala effett dirett li teskludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jassiguraw it-traspożizzjoni tad-Direttivi 98/58 u 2002/14, xorta jibqa’ l-fatt li, f'dak li jirrigwarda l-istabbilimenti li għandhom iktar minn għoxrin ħaddiem, iżda nqas minn ħdax-il ħaddiem li għandhom età ta' 26 sena jew iktar, l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni in kwistjoni jista' jkollha bħala konsegwenza li huma eżenti milli jwettqu ċerti obbligi li jirriżultaw miż-żewġ Direttivi.

25. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

" "1 1) Fid-dawl ta' l-għan tad-Direttiva 2002/14, li huwa, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, li tistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbiliment fi ħdan il-Komunità, ir-rinviju għall-Istati Membri sabiex jiddeterminaw il-metodu tal-kalkolu tal-limiti tan-numru tal-ħaddiema impjegati li din id-Direttiva ssemmi, għandu jinftiehem bħala li jippermetti lil dawn l-Istati li jipproċedu għall-kunsiderazzjoni differenti ta' ċerti kategoriji ta' ħaddiema għall-applikazzjoni ta’ dawn il-limiti tan-numru tagħhom?

2) Kemm tista’ d-Direttiva [98/59] tiġi interpretata bħala li tawtorizza dispożittiv li għandu bħala effett li ċerti stabbilimenti li normalment iħaddmu iktar minn għoxrin ħaddiem isibu ruħhom eżentati,anki jekk temporanjament, mill-obbligu li joħolqu struttura ta' rappreżentazzjoni tal-ħaddiema minħabba regoli ta' kif jingħaddu l-impjegati ta' l-impriżi li jeskludu l-inklużjoni ta' ċerti kategoriji ta' impjegati għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jorganizzaw din ir-rappreżentazzjoni?"

26. F Fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, l-Conseil d’État talab lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tapplika l-proċedura mħaffa għal dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 104a tar-Regoli tal-Proċedura.

27. Din it-talba ġiet miċħuda permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 2005.

Fuq id-domandi preliminari

28. Qabe Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-promozzjoni ta' l-impjieg jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika soċjali u li l-Istati għandhom marġni wiesgħa ta’ evalwazzjoni fir-rigward ta' l-għażla tal-miżuri li jistaw jwassluhom sabiex iwettqu l-għanijiet tal-politika soċjali tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Frar 1999, Seymour-Smith et Perez, C-167/97, Ġabra. p. I-623, punti 71 u 74, u ta' l-20 ta' Marzu 2003, Kutz-Bauer, C-187/00, Ġabra p. I-2741, punti 55 u 56).

29. Madankollu, il-marġni ta’ evalwazzjoni li jiddisponu minnu l-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali ma jistax ikollu bħala effett li jneħħi kull sinjifikat mill-implementazzjoni tal-prinċipju ta' dritt fundamentali ta' dritt Komunitarju jew ta' dispożizzjoni ta' dan l-istess dritt (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Seymour-Smith et Perez, punt 75, u Kutz-Bauer, punt 57).

Fuq l-ewwel domanda

30. Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, anki jekk b'mod temporanju, kategorija determinata ta' ħaddiema mill-kalkolu tan-numru ta' ħaddiema impjegati skond din id-dispożizzjoni.

31. F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skond l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2002/14, impjegat ifisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegat permezz tal-liġi nazzjonali ta’ l-impjiegi u skond il-prattiċi nazzjonali.

32. Isegwi li, peress li ma ġiex ikkontestat li l-impjegati ta' età inqas minn 26 sena msemmija fid-dispożizzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali huma protetti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-impjieg, dawn jikkonsistu f'impjegati skond id-Direttiva 2002/14.

33. Huwa minnu li t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva jipprovdi li hija kompentenza ta’ l-Istati Membri li jiddeterminaw il-metodu ta' kalkolu tal-limiti tan-numru tal-ħaddiema impjegati. Madankollu, din id-dispożizzjoni tirrigwarda d-determinazzjoni tal-metodu ta' kalkolu tal-limiti tan-numru tal-ħaddiema u mhux id-definizzjoni nnifisha tal-kunċett ta' impjegat.

34. Madakollu, peress li d-Direttiva 2002/14, kienet tat definizzjoni tal-kuntest ta' persuni li għandhom jiġu kkunsidrati għal dan il-kalkolu, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu minn tali kalkolu kategorija determinata ta' persuni li inizjalment jidħlu f'dan il-kuntest. Għalhekk, jekk din id-Direttiva ma tistabbilixxix lill-Istati Membri l-mod kif dawn għandhom jikkunsidraw l-impjegati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għall-kalkolu tal-limiti tan-numru tal-ħaddiema impjegati, madankollu hija tistabbilixxi li huma għandhom jieħdu kunsiderazzjoni tagħhom.

35. Fil-fatt, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dispożizzjoni Komunitarja tirreferi għal-leġiżlazzjoni u prattiċi nazzjonali, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri li jistgħu jikkompromettu l-effett utli tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li din id-dispożizzjoni tagħmel parti minnha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta' Settembru 2003, Jaeger, C-151/02, Ġabra p. I-8389, punt 59).

36. Fir-rigward, b'mod partikolari, tad-Direttiva 2002/14, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, jirriżulta kemm mill-Artikolu 137 KE, li jikkostitwixxi l-bażi ġuridika, kemm mit-tmintax-il premessa, kif ukoll mill-Artikolu 1(1), ta' din id-Direttiva, li hija għandha bħala għan li tistabilixxi l-eżiġenzi minimi għad-dritt għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriżi u stabbilimenti fi ħdan il-Komunità.

37. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, s-sistema implementata mid-Direttiva 2002/14 , ħlief f'ċerti eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(2) u (3) tagħha, għandha tiġi applikata għall-impjegati kollha msemmija fl-Artikolu 2(d) ta' din id-Direttiva.

38. Madankollu, tali leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha bħala konsegwenza li tneħħi lil ċerti persuni li jimpjegaw l-obbligi previsti fid-Direttiva 2002/14 u li ċċaħħad lill-impjegati tagħhom minn drittijiet irkonoxxuti mill-imsemmija Direttiva, hija ta' natura li tneħħi s-sustanza mill-imsemmija drittijiet u għaldaqstant tneħħi lil din id-Direttiva l-effett utli tagħha.

39. Barra minn hekk, jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Gvern Franċiż li d-dispożizzjoni nazzjonali fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tnaqqas ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw, għal min jimpjega, mill-fatt li l-impjieg ta' ħaddiema supplimentari jista' jwassalhom biex jaqbżu l-limiti tan-numri previsti, b'mod partikolari, għall-applikazzjoni ta' l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 2002/14.

40. Fir-Fir- Fir-rigward ta' l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14 proposta mill-istess Gvern, skond liema l-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva ma jipprojbixxix lill-Istati Membri li jistabbilixxu, bħalma tagħmel id-dispożizzjoni fil-kawża prinċipali, regoli ta' kalkolu tal-limiti tan-numru ta' ħaddiema impjegati li jistgħu jaslu sa l-esklużjoni temporanja ta' ċerti kategoriji ta' impjegati, peress li din l-esklużjoni hija ġġustifikata minn għan ta' interess ġenerali, ikkostitwit mill-promozzjoni ta' l-impjieg taż-żgħażagħ u li huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li tali interpretazzjoni hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 11(1), ta' l-imsemmija Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri huma obbligati li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti b’din id-Direttiva fi kwalunkwe waqt, safejn dan timplika li huwa permessibbli għall-Istati li jevitaw, anki jekk b'mod temporanju, dan l-obbligu ta' riżultat ċar u preċiż impost mid-dritt Komunitarju (ara, b'analoġija, s-sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2006, Adeneler, C-212/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68).

41. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad- Direttiva 2002/14 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, anki jekk b'mod temporanju, kategorija determinata ta' impjegati mill-kalkolu tan-numru ta' ħaddiema impjegati skond din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tieni domanda

42. Bit-tieni Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza, jekk l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali, li teskludi, anki b'mod temporanju, kategorija determinata ta' impjegati mill-kalkolu tan-numru ta' ħaddiema impjegati prevista mill-imsemmija dispożizzjoni.

43. Sabiex tingħata risposta għad-domanda hekk irriformulata, fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 98/59 kienet intiża sabiex tassigura protezzjoni paragunabbli tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri differenti f’każ ta’ redundancies kollettivi u twettaq approssimazzjoni ta' l-ispejjeż li r-regoli li jorganizzaw din il-protezzjoni jikkawżaw għall-impriża tal-Komunità (ara, b'analoġija, is-sentenza tat-8 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-383/92, Ġabra p. I-2479, punt 16).

44. Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-Artikoli 1(1) u 5 tad-Direttiva 98/59 li din hija intiża sabiex tistabbilixxi protezzjoni minimali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema f’każ ta' redundancies kollettivi, fejn l-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw miżuri nazzjonali li huma iktar favorevoli għall-imsemmija ħaddiema.

45. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-limiti tan-numri stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/59 jikkostitwixxu preċiżament tali rekwiżiti minimi li l-Istati Membri ma jistawx jidderogaw minnhom ħlief permezz ta’ dispożizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-ħaddiema.

46. Fil-fatt, minn naħa jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi ostakolata l-protezzjoni garantita inkondizzjonatament, lill-ħaddiema permezz ta’ Direttiva hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju (sentenza Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21).

47. Min-naħa l-oħra, u kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Franċiż, id-Direttiva 98/59 ma tistax tiġi interpretata fis-sens li r-regoli ta' kalkolu ta' dawn il-limiti tan-numri, u għaldaqstant, l-imsemmija limiti tan-numri stess, huma għad-dispożizzjoni ta' l-Istati Membri, peress li tali interpretazzjoni tippermetti lil dawn ta' l-aħħar li jbiddlu l-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva u li b'hekk iċaħduha mill-effett sħiħ tagħha.

48. Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-punti 73 u 74 tal-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, dispożizzjoni nazzjonali bħalma hija dik fil-kawża prinċipali hija ta' natura li ċċaħħad, anki jekk temporanjament, il-ħaddiema kollha impjegati minn ċerti impriżi li ġeneralment jimpjegaw iktar minn għoxrin ħaddiem, mid-drittijiet li huma għandhom skond id-Direttiva 98/59 u, minħabba dan, tippreġudika l-effett utli ta' din ta' l-aħħar.

49. Fir Fir-rigward ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 98/59 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, anki b'mod temporanju, kategorija determinata ta' ħaddiema mill-kalkolu tan-numru ta' ħaddiema impjegati previst fl-imsemmija dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

50. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1) L-Art L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/14/KE tal-11 ta’ Marzu 2003 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi lil leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, anki jekk b'mod temporanju, kategorija determinata ta' impjegati mill-kalkolu tan-numru ta' ħaddiema impjegati skond din id-dispożizzjoni.

2) L- L-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, anki b'mod temporanju, kategorija determinata ta' ħaddiema mill-kalkolu tan-numru ta' ħaddiema impjegati previst fl-imsemmija dispożizzjoni.