13.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 415/36


P9_TA(2020)0307

L-impatt tal-miżuri marbuta mal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat ta’ dritt u d-drittijiet fundamentali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Novembru 2020 dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (2020/2790(RSP))

(2021/C 415/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) u trattati u strumenti oħra tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-protokolli annessi,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tad-Drittijiet tal-Pazjenti,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, ir-rapporteurs speċjali tan-NU, l-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) u korpi oħra tan-NU dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' u d-dokumenti maħruġa mir-rappreżentanti u l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari mis-Segretarju Ġenerali tiegħu, mill-President u r-rapporteurs tal-Assemblea Parlamentari (APKE), il-Kummissarji għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kummissjoni għall-Effikaċja tal-Ġustizzja (CEPEJ), il-Kumitat għall-Prevenzjoni tat-Tortura u t-Trattament u Pieni Inumani jew Degradanti (CPT), il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali u l-Grupp ta' Stati Kontra l-Korruzzjoni (GRECO) dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' April 2020 bit-titolu “Respecting democracy, rule of law and human rights in the framework of the COVID-19 sanitary crisis – A toolkit for member states” (Ir-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fil-qafas tal-wkriżi sanitarja tal-COVID-19 – Sett ta' għodod għall-Istati Membri),

wara li kkunsidra d-dokumenti rilevanti tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, inklużi l-kumpilazzjoni tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-istati ta' emerġenza (1), ippubblikata fis-16 ta' April 2020, ir-rapport tas-26 ta' Mejju 2020 bit-titolu “Respect for democracy, human rights and the rule of law during states of emergency – Reflections” (Ir-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt matul l-istati ta' emerġenza – Riflessjonijiet) (2), l-Osservatorju tas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza fl-istati membri tal-Kummissjoni ta' Venezja (3), ir-rapport tagħha tal-2011 dwar l-istat tad-dritt (4) u l-lista ta' kontroll tagħha tal-2016 dwar l-istat tad-dritt (5),

wara li kkunsidra t-talba tal-President tiegħu lill-Kummissjoni ta' Venezja tal-1 ta' Lulju 2020, wara l-proposta mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), u r-rapport interim sussegwenti tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar il-miżuri li ttieħdu fl-Istati Membri tal-UE b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-PACE tat-13 ta' Ottubru 2020 dwar id-demokraziji li qed jiffaċċjaw il-pandemija tal-COVID-19 (7) u dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt (8),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) tas-27 ta' April 2020 dwar l-Abbozz ta' Att dwar Regoli Speċjali għat-Twettiq tal-Elezzjoni Ġenerali għall-President tar-Repubblika tal-Polonja Msejħa fl-2020 (Dokument tas-Senat Nru 99) u d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant tal-OSCE dwar il-Libertà tal-Midja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar l-Ungerija mill-Kelliem għall-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, tas-27 ta' Marzu 2020,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-Bulgarija tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu u dwar il-kwistjonijiet tal-minoranzi tat-13 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet tal-Istitut Internazzjonali għad-Demokrazija u l-Assistenza Elettorali (IDEA Internazzjonali) tal-11 ta' Mejju 2020, bit-titolu “Parliaments in Crisis: Challenges and Innovations” (Il-Parlamenti fi Kriżi: Sfidi u Innovazzjonijiet) (9) u tas-26 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Elections and COVID-19” (L-Elezzjonijiet u l-COVID-19) (10),

wara li kkunsidra d-dibattitu wiesa' li seħħ dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, li involva liċ-ċittadini, il-komunità akkademika, is-soċjetà ċivili u s-soċjetà inġenerali (11),

wara li kkunsidra l-azzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-COVID-19, fl-oqsma kollha tal-kompetenza tagħha, u l-isforzi tagħha li tikkoordina rispons Ewropew għall-pandemija f'oqsma li jvarjaw miż-żona Schengen għal diżinformazzjoni dwar il-virus, u mill-protezzjoni tad-data u apps għal asil, proċeduri ta' ritorn u ta' risistemazzjoni,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (12),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (13),

wara li kkunsidra l-Linji Gwida 04/2020 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) dwar l-użu ta' data ta' lokalizzazzjoni u għodod tat-traċċar tal-kuntatti fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-Linji Gwida 03/2020 dwar l-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa għall-finijiet tar-riċerka xjentifika fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2020 bit-titolu “Gwida dwar l-Apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data” (C(2020)2523),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea” (COM(2020)0580) u s-27 kapitolu tal-pajjiżi li jakkumpanjawha dwar l-istat tad-dritt fl-Istati Membri (SWD(2020)0300-0326), li jindirizzaw l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 li ħadu l-Istati Membri fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' April 2020 minn 19-il Stat Membru li fiha esprimew tħassib kbir “dwar ir-riskju ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali li jirriżultaw mill-adozzjoni ta' ċerti miżuri ta' emerġenza” (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 dwar il-protezzjoni Ewropea tal-ħaddiema transfruntiera u staġjonali fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 (17),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Il-COVID-19: koordinazzjoni tal-valutazzjonijiet tas-saħħa u tal-klassifikazzjoni tar-riskji fl-UE u l-konsegwenzi għaż-żona” (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fil-Bulgarija (22),

wara li kkunsidra l-briefing ippubblikat mid-Dipartiment Tematiku tiegħu għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali fit-23 ta' April 2020 bit-titolu “The Impact of COVID-19 Measures on Democracy, the Rule of Law and Fundamental Rights in the EU" (L-Impatt tal-Miżuri tal-COVID-19 fuq id-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali fl-UE” (23), li jiġbor fil-qosor is-sejbiet tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ imniedi permezz tal-ħarsiet ġenerali ta' kull ġimgħa lejn il-miżuri tal-COVID-19 meħuda mill-Istati Membri,

wara li kkunsidra l-briefings taċ-Ċentru Ewropew ta' Riċerka u Dokumentazzjoni Parlamentari dwar l-attività parlamentarja matul it-tifqigħa tal-COVID-19 (24),

wara li kkunsidra l-briefings tas-Servizz Ewropew ta' Riċerka Parlamentari (EPRS) marbuta mal-istat ta' emerġenza b'reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus f'diversi Stati Membri u briefings rilevanti oħra dwar dan is-suġġett (25),

wara li kkunsidra l-ħames bullettini tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar l-implikazzjonijiet tal-pandemija tal-coronavirus fuq id-drittijiet fundamentali fl-UE (26),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR), Josep Borrell, tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-indirizzar tad-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 u l-impatt fuq il-libertà tal-espressjoni,

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tat-Theddida mill-Kriminalità Organizzata fuq l-Internet (IOCTA) tal-Europol tal-2020, ippubblikata fil-5 ta' Ottubru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tad-19 ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Exploiting Isolation: Offenders and victims of online child sexual abuse during the COVID-19 pandemic” (L-Isfruttar tal-Iżolament: it-trasgressuri u l-vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal waqt il-pandemija tal-COVID-19",

wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol tat-30 ta' April 2020 bit-titolu “Beyond the pandemic – How COVID-19 will shape the serious and organised crime landscape in the EU” (Wara l-pandemija – Kif il-COVID-19 se ssawwar ix-xenarju tal-kriminalità serja u organizzata fl-UE",

wara li kkunsidra l-ħidma preparatorja li saret għal din ir-riżoluzzjoni mill-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DRFMG) tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (LIBE), inkluż ir-rapport tiegħu lill-Kumitat LIBE tal-10 ta' Lulju 2020 (27),

wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (O-000065/2020 – B9-0023/2020),

wara li kkunsidra l-Artikoli 136(5) u 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

A.

billi l-pandemija tal-COVID-19 ħolqot diffikultajiet madwar l-UE kollha u affettwat ħafna lill-popolazzjoni; billi ħafna partijiet tad-dinja, inkluża l-UE, qed jesperjenzaw it-tieni mewġa ta' każijiet tal-COVID-19 u l-gvernijiet qed jadottaw miżuri ta' restrizzjoni ġodda biex jindirizzaw iż-żieda fil-każijiet, inkluż l-introduzzjoni mill-ġdid ta' lockdowns u ta' miżuri sanitarji, l-użu tal-maskri u multi aktar ħorox għan-nuqqas ta' konformità;

B.

billi huma meħtieġa miżuri ta' emerġenza mmexxija mill-gvern li jirrispettaw l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u l-obbligu ta' rendikont demokratiku biex tiġi miġġielda l-pandemija u dawn għandhom ikunu l-qofol ta' kull sforz biex jiġi kkontrollat it-tixrid tal-COVID-19; billi s-setgħat ta' emerġenza jirrikjedu skrutinju addizzjonali sabiex jiġi żgurat li ma jintużawx bħala skuża biex jinbidel il-bilanċ tal-poter b'mod iżjed permanenti; billi l-miżuri li jittieħdu mill-gvernijiet għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati u temporanji; billi s-setgħat ta' emerġenza għandhom ir-riskju ta' abbuż ta' poter mill-eżekuttiv u li jibqgħu fil-qafas legali nazzjonali ladarba tkun spiċċat l-emerġenza, u konsegwentement iridu jiġu żgurati sorveljanza ġudizzjarja u parlamentari xierqa, kemm interna kif ukoll esterna, u kontrobilanċi sabiex dan ir-riskju jiġi llimitat;

C.

billi l-kriżi tal-COVID-19 hija bla preċedent; billi fil-futur jeħtieġ li nirrikunsidraw il-metodi tal-ġestjoni ta' kriżijiet tagħna kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll fil-livell tal-UE;

D.

billi numru ta' pajjiżi tal-UE ddikjaraw stat ta' emerġenza (28) abbażi tal-kostituzzjonijiet tagħhom (29) li f'xi każijiet ħolqu tħassib legali, filwaqt li oħrajn irrikorrew għas-setgħat ta' emerġenza previsti fid-dritt ordinarju (30) jew għal leġiżlazzjoni normali (31) biex jadottaw b'urġenza miżuri ta' restrizzjoni sabiex tiġi miġġielda l-epidemija tal-COVID-19; billi dawn il-miżuri għandhom impatt fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għax jaffettwaw l-eżerċitar ta' drittijiet u libertajiet individwali, bħal-libertà tal-moviment, il-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tar-reliġjon, id-dritt għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-asil, il-prinċipju tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data, id-dritt għall-edukazzjoni u d-dritt għax-xogħol; billi dawn il-miżuri għandhom impatt ukoll fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri;

E.

billi l-funzjonament tad-demokraziji u s-sistema ta' kontrokontrolli li huma soġġetti għaliha huma affettwati mis-sitwazzjonijiet ta' emerġenza tas-saħħa li tikkawża tibdil fit-tqassim tas-setgħat bħal pereżempju li l-eżekuttiv jitħalla jakkwista poteri ġodda biex jillimita drittijiet individwali u biex jeżerċita kompetenzi li normalment ikunu rriżervati għal-leġiżlattiv u għal awtoritajiet lokali, filwaqt li jimponi limiti fuq ir-rwol tal-parlamenti, tal-ġudikatura, tas-soċjetà ċivili u tal-midja, kif ukoll l-attivitajiet u l-involviment taċ-ċittadini; billi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri m'hemmx restrizzjonijiet speċifiċi fuq il-ġudikatura, imma l-miżuri ta' lockdown għamluha kważi impossibbli għall-qrati li jiffunzjonaw b'mod normali;

F.

billi s-sorveljanza ġudizzjarja interna, ikkomplementata minn sorveljanza esterna, tibqa' tkun fundamentali, għax id-drittijiet għal proċess ġust u għal rimedji legali effettivi jkomplu japplikaw waqt stat ta' emerġenza biex b'hekk l-individwi affettwati mill-miżuri ta' emerġenza jkollhom rikors effettiv fil-każ li l-awtoritajiet tal-istat jinterferixxu mad-drittijiet fundamentali tagħhom u jiġi ggarantit li l-eżekuttiv ma jaqbiżx il-limiti tal-poter tiegħu;

G.

billi l-Kummissjoni ta' Venezja tappoġġja l-istat ta' emerġenza kostituzzjonali de jure, u mhux l-istat ta' emerġenza de facto bbażat fuq leġiżlazzjoni ordinarja, għax “sistema ta' setgħat ta' emerġenza kostituzzjonali de jure tista' tipprovdi garanziji aħjar għad-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u sservi aħjar il-prinċipju taċ-ċertezza legali li joħroġ minn dan” (32);

H.

billi l-kriżi tal-COVID-19 kienet u għadha test tal-istress għad-demokraziji u r-reżiljenza tas-salvagwardji nazzjonali għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

I.

billi l-fiduċja fl-azzjonijiet tal-gvernijiet u l-istati hija essenzjali biex jiġu żgurati l-appoġġ għall-miżuri ta' emerġenza adottati u l-implimentazzjoni tagħhom; billi sabiex jinkiseb dan f'demokrazija, deċiżjonijiet trasparenti, ibbażati fuq ix-xjenza u demokratiċi, kif ukoll djalogu mal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati, u l-involviment tagħhom, huma fundamentali;

J.

billi l-Kummissjoni mmonitorjat il-miżuri ta' emerġenza li ttieħdu mill-gvernijiet tal-Istati Membri matul il-kriżi; billi l-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen stqarret fil-31 ta' Marzu 2020 li “kwalunkwe miżura adottata għandha tkun limitata għal dak li hu neċessarju u strettament proporzjonat. Il-miżuri ma għandhomx jibqgħu fis-seħħ għal żmien indefinit. Barra minn hekk, il-gvernijiet għandhom jiżguraw li tali miżuri jkunu soġġetti għal skrutinju regolari. Il-Kummissjoni Ewropea se timmonitorja mill-qrib, fi spirtu ta' kooperazzjoni, l-applikazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza fl-Istati Membri kollha” (33), u billi l-Kummissarju Didier Reynders għamel dikjarazzjoni simili fis-26 ta' Marzu 2020;

K.

billi “kważi l-Istati Membri kollha tal-UE introduċew miżuri ta' emerġenza temporanji (jiġifieri b'limitu ta' żmien) biex jindirizzaw il-kriżi tal-COVID-19 (34) […] l-aktar permezz ta' leġiżlazzjoni ordinarja”; billi “l-ewwel miżuri ta' emerġenza ġeneralment ġew introdotti għal perjodu ta' 15-il jum sa madwar xahar madwar l-Istati Membri tal-UE kollha” u mbagħad ġew imġedda mill-inqas darba; billi skont il-Kummissjoni ta' Venezja “huma biss ftit Stati Membri tal-UE li ma ppreskrivewx limitu taż-żmien għall-applikazzjoni tal-miżuri ta' emerġenza” (35);

L.

billi l-Kummissjoni ta' Venezja tirrakkomanda li “dikjarazzjonijiet jew miżuri mingħajr limitu ta' żmien speċifiku, inklużi dawk li s-sospensjoni tagħhom hija subordinata għar-riżoluzzjoni ta' din is-sitwazzjoni eċċezzjonali, ma għandhomx jitqiesu legali jekk ma jkunx hemm rieżami regolari tas-sitwazzjoni” (36);

M.

billi l-miżuri ta' emerġenza għandhom ikunu nondiskriminatorji u l-gvernijiet ma għandhomx jieħdu vantaġġ minn leġiżlazzjoni ta' emerġenza biex jilleġiżlaw restrizzjonijiet fuq id-drittijiet fundamentali; billi l-gvernijiet għandhom ukoll iwettqu firxa ta' azzjonijiet addizzjonali biex inaqqsu l-impatt negattiv potenzjali li tali miżuri jista' jkollhom fuq ħajjiet in-nies;

N.

billi l-istat ta' emerġenza ġie mġedded mill-inqas darba fi kważi kull Stat Membru fejn ġie ddikjarat; billi l-Kummissjoni ta' Venezja ssottolinjat li r-rieżami tad-dikjarazzjoni u t-tiġdid tal-istat ta' emerġenza, kif ukoll l-attivazzjoni u l-applikazzjoni ta' setgħat ta' emerġenza, hija kruċjali u li għandu jkun possibbli l-kontroll parlamentari u ġudizzjarju (37);

O.

billi l-iskrutinju parlamentari kien limitat fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri minħabba l-użu ta' setgħat eċċezzjonali tal-eżekuttiv, filwaqt li l-parlamenti f'xi Stati Membri ġew irrelegati għal rwol sekondarju, li ppermetta lill-gvernijiet jintroduċu malajr miżuri ta' emerġenza mingħajr skrutinju suffiċjenti;

P.

billi l-Parlament Ewropew, b'mod partikolari l-Kumitat LIBE u l-Grupp ta' Monitoraġġ tad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali tiegħu, kontinwament immonitorja s-sitwazzjoni fl-UE minn Marzu 2020 u kellu konverżazzjonijiet regolari mal-partijiet ikkonċernati, kif rifless fid-dokument ta' ħidma tad-DRFMG dwar l-impatt tal-COVID-19 fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (38);

Q.

billi l-istituzzjonijiet tal-Ombudsman u l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem għandhom rwol importanti fil-kxif ta' problemi relatati mad-drittijiet fundamentali u fl-iskrutinju, is-sorveljanza u r-rimedju, u għalhekk fil-protezzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-miżuri ta' emerġenza;

R.

billi l-libertà tal-moviment ġiet ristretta madwar l-Istati Membri permezz ta' awtoiżolament obbligatorju jew irrakkomandat u projbizzjonijiet fuq il-moviment mhux essenzjali; billi bħala reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-istati taż-żona Schengen introduċew mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni jew għalqu tali fruntieri, parzjalment, totalment, jew għal ċerti tipi ta' vjaġġaturi, inklużi ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom jew ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu fit-territorju tagħhom jew f'dak ta' Stat Membru ieħor; billi, meta ġew introdotti dawn il-miżuri, kien hemm nuqqas ċar ta' koordinazzjoni fost l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (39); billi xi Stati Membri introduċew restrizzjonijiet diskriminatorji u illegali billi ma jippermettux lil residenti ta' ċittadinanza oħra tal-UE jidħlu fit-territorju tagħhom;

S.

billi l-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni huma pedamenti importanti tad-demokrazija; billi l-kapaċità li jiġu eżerċitati dawn id-drittijiet ġiet ristretta minħabba r-regoli neċessarji tat-tbegħid soċjali u l-prekawzjonijiet tas-saħħa pubblika fil-maġġoranza tal-Istati Membri; billi xi Stati Membri ddeċidew li jippermettu l-ġmigħ ta' nies f'konformità mar-regoli tat-tbegħid soċjali filwaqt li oħrajn ipprojbixxewhom għalkollox; billi f'xi Stati Membri, liġijiet u miżuri kontroversjali mhux relatati mal-istat ta' emerġenza ġew eżaminati mingħajr il-possibbiltà li ċ-ċittadini jipprotestaw b'mod liberu;

T.

billi l-libertà tal-espressjoni ġiet ristretta f'xi Stati Membri bl-iskuża tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; billi saru arresti ta' persuni għax “beżżgħu lin-nies” jew “ipperikolaw lill-pubbliku” wara li ppubblikaw ħsibijiet kritiċi fuq il-midja soċjali; billi l-pandemija tal-coronavirus kienet akkumpanjata minn mewġa ta' informazzjoni falza u qarrieqa, qlajja', frodi tal-konsumaturi, kriminalità ċibernetika u teoriji ta' komplott, kif ukoll kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati minn atturi barranin, jew saħansitra minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, li joffru numru ta' theddidiet potenzjali għaċ-ċittadini tal-UE, is-saħħa u l-fiduċja tagħhom fl-istituzzjonijiet pubbliċi;

U.

billi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi f'dawn l-aħħar xhur raw żieda globali fl-ammont ta' materjal ta' sfruttament sesswali tat-tfal imxerred online;

V.

billi l-kriminalità serja u organizzata tibbenefika miċ-ċirkostanzi mibdula li ġabet il-pandemija; billi r-rwol importanti tal-Europol fil-monitoraġġ tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-kriminalità serja u organizzata fl-UE mill-bidu nett tal-pandemija għandu jiġi rrikonoxxut;

W.

billi l-midja għandha rwol fundamentali fl-iskrutinju u s-sorveljanza, kif ukoll hija s-sors ewlieni tal-informazzjoni għaċ-ċittadini; billi l-libertà tal-midja tpoġġiet taħt pressjoni peress li l-konferenzi stampa diretti tħassru mingħajr alternattivi, u peress li xi Stati Membri llimitaw l-aċċess għal informazzjoni dwar is-saħħa pubblika u llimitaw il-libertà tal-pubblikazzjoni dwar il-politika tas-saħħa pubblika; billi kien hemm bosta rapporti ta' mistoqsijiet minn sorsi tal-midja lil gvernijiet li ġew irrifjutati jew injorati; billi l-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja jeħtieġ li jkunu protetti meta jkopru dimostrazzjonijiet u protesti; billi xi Stati Membri llimitaw l-aċċess għall-informazzjoni billi jew estendew jew issospendew l-iskadenzi biex l-awtoritajiet iwieġbu għal talbiet tal-libertà tal-informazzjoni (FOI);

X.

billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tal-informaturi waqt il-kriżi tal-COVID-19, u lil hinn minnha, għax l-iżvelar ta' informazzjoni protetta ntwera li huwa għodda b'saħħitha biex jiġu miġġielda u pprevenuti azzjonijiet li jimminaw l-interess pubbliku (40);

Y.

billi xi Stati Membri rrikorrew għal miżuri li huma repressivi b'mod sproporzjonat biex jinfurzaw ir-restrizzjonijiet, bħall-kriminalizzazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-lockdown u l-kwarantina, li tirriżulta f'multi għoljin u rekords kriminali permanenti (41);

Z.

billi s-sistemi tal-ġustizzja ġew affettwati mir-restrizzjonijiet ġenerali, bl-għeluq temporanju ta' ħafna qrati jew tnaqqis fl-attività tagħhom, li kultant wasslu biex jaqgħu lura f'xogħolhom u għal ħinijiet ta' stennija itwal għal seduti; billi d-drittijiet proċedurali tas-suspettati u d-dritt għal proċess ġust jinsabu taħt pressjoni minħabba li l-aċċess għal avukati sar aktar diffiċli minħabba r-restrizzjonijiet ġenerali u għax il-qrati qed jagħmlu użu akbar minn seduti online;

AA.

billi l-miżuri biex tiġi miġġielda l-pandemija li jillimitaw id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data dejjem għandhom ikunu neċessarji, proporzjonati u temporanji fin-natura tagħhom, b'bażi legali soda; billi teknoloġiji ġodda kellhom rwol importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija, imma fl-istess ħin ġabu sfidi sinifikanti ġodda u qajmu tħassib; billi l-gvernijiet ta' xi Stati Membri rrikorrew għal sorveljanza straordinarja taċ-ċittadini tagħhom permezz ta' drones, karozzi tas-sorveljanza tal-pulizija bil-kameras, traċċar permezz ta' data ta' lokalizzazzjoni minn fornituri tat-telekomunikazzjoni, għassa tal-pulizija u tal-militar, monitoraġġ ta' kwarantini obbligatorji permezz ta' żjarat fid-djar mill-pulizija, jew rappurtar obbligatorju permezz ta' app; billi xi Stati Membri introduċew apps tat-traċċar tal-kuntatti, minkejja li m'hemmx kunsens dwar l-effettività tagħhom u li s-sistema deċentralizzata l-aktar tajba f'termini ta' privatezza mhux dejjem tintuża; billi f'xi Stati Membri l-ftuħ mill-ġdid tal-ispazji pubbliċi ġie akkumpanjat mill-ġbir tad-data permezz ta' verifiki tat-temperatura u kwestjonarji obbligatorji u l-obbligu li wieħed jaqsam id-dettalji ta' kuntatt, kultant mingħajr l-attenzjoni dovuta lill-obbligi imposti mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data;

AB.

billi l-miżuri ta' lockdown u l-għeluq tal-fruntiera kellhom impatt profond fuq l-aċċess għall-proċeduri tal-asil; billi ħafna Stati Membri temporanjament illimitaw jew saħansitra ssospendew l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil, u l-biċċa l-kbira ssospendew it-trasferimenti ta' Dublin, ir-ritorni u r-risistemazzjoni; billi xi Stati Membri ddikjaraw li l-portijiet tagħhom ma kinux sikuri jew ma ppermettewx l-iżbark tal-migranti salvati f'operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ, u b'hekk ħallewhom fil-limbu għal perjodu indefinit ta' żmien, fil-baħar, u poġġewlhom ħajjithom f'riskju; billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri issa ssoktaw b'dawn l-attivitajiet; billi ġew irrappurtati tifqigħat tal-COVID-19 f'diversi ċentri tal-akkoljenza tal-asil, li wasslu biex gruppi vulnerabbli jitpoġġew f'riskju dirett, u billi kampijiet b'affollament eċċessiv fil-fruntiera esterni tal-UE jibqgħu joffru riskju partikolari ta' tifqigħa enormi peress li r-regoli tat-tbegħid soċjali ma jistgħux jiġu applikati, filwaqt li l-kenn u l-aċċess għall-ikel, l-ilma, faċilitajiet sanitarji, u kura tas-saħħa mentali u fiżika, inkluż għal dawk li qabadhom il-COVID-19, huma limitati ħafna;

AC.

billi l-ħabsijiet huma f'riskju partikolarment għoli ta' tifqigħat ta' COVID-19 peress li r-regoli tat-tbegħid soċjali u tas-sanità spiss ikunu impossibbli li jiġu infurzati, u l-miżuri sanitarji wasslu għal limitazzjoni fil-ħin fil-beraħ kif ukoll għal projbizzjonijiet fuq iż-żjarat, li jaffettwaw id-dritt tal-priġuniera li jikkomunikaw mal-familji tagħhom; billi s-saħħa tal-uffiċjali tal-ħabs hija partikolarment f'riskju waqt din il-pandemija; billi f'xi Stati Membri, xi kategoriji speċifiċi ta' priġuniera nħelsu bl-għan li jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa matul il-pandemija;

AD.

billi l-infurzar tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 għandu jkun proporzjonat u mhux diskriminatorju sabiex jiġi evitat li jiġu mmirati persuni li jappartjenu għal minoranzi etniċi u gruppi marġinalizzati; billi l-pandemija taffettwa lir-Rom b'mod sproporzjonat, bin-nisa u t-tfal spiss ikunu l-iżjed gruppi vulnerabbli u b'mod partikolari dawk li jgħixu f'ambjenti soċjalment esklużi u marġinalizzati mingħajr aċċess għal ilma tax-xorb jew servizzi sanitarji fejn huwa kważi impossibbli li jiġu segwiti r-regoli tat-tbegħid soċjali jew li jikkonformaw ma' miżuri tal-iġjene stretti; billi kien hemm rapporti ta' inċidenti ta' razziżmu u ksenofobija f'diversi Stati Membri fejn kien hemm diskriminazzjoni kontra nies ta' ċertu sfond jew nazzjonalità; billi persuni ta' dixxendenza Asjatika u persuni Rom sfaw fil-mira ta' diskors ta' mibegħda u attakki; billi ċerti politiċi f'xi Stati Membri użaw rapporti fil-midja ta' ritorni tal-massa ta' ħaddiema migranti Rom minn pajjiżi bi prevalenza għolja ta' COVID-19 biex ikattru l-biża' dwar it-tixrid tal-virus, u b'hekk irrinfurzaw l-attitudnijiet u l-isterjotipi negattivi;

AE.

billi t-tfal huma f'riskju sproporzjonat ta' esklużjoni soċjali u ekonomika minħabba l-miżuri ta' lockdown u qed jiffaċċjaw riskju akbar ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom minħabba abbuż, vjolenza, sfruttament, u faqar; billi ħafna Stati Membri raw żieda fil-vjolenza domestika minħabba l-miżuri ta' lockdown; billi n-nisa u bniet, (42) tfal u persuni LGBTI+ huma f'riskju sproporzjonat waqt il-lockdowns, għax jistgħu jkunu esposti għal persuni li jabbużawhom għal perjodi twal ta' żmien u jistgħu jkunu maqtugħin minn appoġġ soċjali u istituzzjonali; billi l-appoġġ komunitarju għal dawn il-gruppi vulnerabbli ġie limitat b'mod drammatiku minħabba l-miżuri li ttieħdu b'reazzjoni għall-pandemija;

AF.

billi l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa, dritt minqux fl-Artikolu 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, potenzjalment huwa f'riskju minħabba l-miżuri li ttieħdu biex jitwaqqaf it-tixrid tal-COVID-19, b'mod partikolari għal gruppi ta' persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli bħall-anzjani jew persuni b'mard kroniku, persuni b'diżabilità, persuni LGBTI+, tfal, ġenituri, nisa tqal, persuni mingħajr dar, il-migranti kollha inklużi dawk mingħajr dokumenti, applikanti għall-asil, rifuġjati, u minoranzi etniċi u minoranzi oħra; billi s-servizzi tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi ġew affettwati b'mod negattiv matul il-kriżi tas-saħħa; billi f'ċerti Stati Membri l-aċċess għas-saħħa riproduttiva u d-drittijiet relatati, inkluż id-dritt għall-abort, ġie ristrett ħafna, u dan wassal fi projbizzjoni de facto li ġiegħlet lid-dimostranti joħorġu fit-toroq f'nofs pandemija; billi l-iskarsezzi tal-mediċini, id-devjazzjoni tar-riżorsi minn problemi tas-saħħa oħrajn u l-kanċellazzjoni f'daqqa ta' ċerti trattamenti, inklużi l-IVF u t-trattamenti tat-tranżizzjoni jistgħu jippreżentaw riskji għal pazjenti li jbatu minn mard ieħor (43); billi l-mewt ta' xi ħadd għażiż, l-iżolament, il-piż addizzjonali fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-ħaddiema tal-ewwel linja, it-telf tal-introjtu u l-biża' qed jiskattaw kundizzjonijiet tas-saħħa mentali jew jaggravaw dawk eżistenti, u dan qed iwassal għal domanda akbar għal servizzi tas-saħħa mentali u qed jirriżulta fi ħtieġa urġenti li jiżdied il-finanzjament ta' dawn is-servizzi;

AG.

billi ħafna Stati Membri pposponew l-elezzjonijiet (44), u referendum wieħed (45), minħabba l-lockdowns imposti fl-ewwel fażi tal-kriżi tas-saħħa; billi l-elezzjonijiet reġgħu qed isiru minn mindu l-pandemija daħlet fit-tieni fażi tagħha; billi l-kwistjoni ta' jekk l-elezzjonijiet għandhomx isiru jew jiġu posposti hija eżerċizzju ta' bilanċ delikat, li dwaru l-Kummissjoni ta' Venezja żviluppat riflessjonijiet u linji gwida (46); billi s-suffraġju universali, liberu, sigriet u dirett huwa possibbli biss meta jkunu garantiti kampanja elettorali miftuħa u ġusta, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni għal skopijiet politiċi;

AH.

billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattati fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja ma għandhomx jaffettwaw l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-liġi u l-ordni u tas-salvagwardja tas-sigurtà interna, fi ħdan il-valuri tal-Unjoni tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, kif stipulat fl-Artikolu 2 tat-TUE;

AI.

billi, skont it-Trattati, il-limiti fuq il-kompetenzi tal-Unjoni huma rregolati mill-prinċipju tal-għoti tal-kompetenzi u l-użu tal-kompetenzi tal-Unjoni huwa rregolat mill-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità;

1.

Ifakkar li, anke fi stat ta' emerġenza pubblika, il-prinċipji fundamentali tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet fundamentali għandhom jibqgħu, u li l-miżuri kollha ta' emerġenza, derogi u limitazzjonijiet huma soġġetti għal tliet kundizzjonijiet ġenerali, dawk tan-neċessità, il-proporzjonalità fis-sens dejjaq u t-temporanjetà, kundizzjonijiet li regolarment ġew applikati u interpretati fil-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ) u diversi qrati kostituzzjonali (u oħrajn) tal-Istati Membri (47);

2.

Jemmen li r-reazzjonijiet għall-kriżi, b'mod ġenerali, urew is-saħħa u r-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi nazzjonali; jisħaq li l-miżuri straordinarji għandhom ikunu akkumpanjati minn komunikazzjoni aktar intensiva bejn il-gvernijiet u l-parlamenti; jitlob djalogu aktar intens mal-partijiet ikkonċernati inklużi ċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika sabiex jinbena appoġġ wiesa' għal miżuri straordinarji u jiġi żgurat li jiġu implimentati bl-aktar mod effiċjenti, filwaqt li jiġu evitati miżuri repressivi u jiġi żgurat l-aċċess bla xkiel għall-informazzjoni għall-ġurnalisti;

3.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li, meta miżuri li jistgħu jillimitaw il-funzjonament ta' istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt jew id-drittijiet fundamentali jiġu adottati, ivvalutati jew riveduti, dawk il-miżuri jkunu josservaw ir-rakkomandazzjonijiet ta' korpi internazzjonali bħan-NU u l-Kunsill tal-Ewropa, inkluża l-Kummissjoni ta' Venezja, u tar-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-UE; itenni t-talba tiegħu li l-Istati Membri ma jabbużawx mis-setgħat ta' emerġenza biex jgħaddu leġiżlazzjoni li ma għandhiex x'taqsam mal-għanijiet tal-emerġenza tas-saħħa tal-COVID-19 sabiex jevitaw is-sorveljanza parlamentari;

4.

Jistieden lill-Istati Membri:

jikkunsidraw li joħorġu mill-istat ta' emerġenza jew b'xi mod ieħor jillimitaw l-impatt tiegħu fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali,

jevalwaw ir-regoli kostituzzjonali u istituzzjonali fis-seħħ fl-ordnijiet domestiċi tagħhom fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, pereżempju billi jgħaddu minn stat ta' emerġenza de facto bbażat fuq leġiżlazzjoni ordinarja għal stat ta' emerġenza kostituzzjonali de jure, u b'hekk jipprevedu garanziji aħjar tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali f'każ ta' emerġenza (48); jiddefinixxu b'mod espliċitu f'att leġiżlattiv, fejn hemm stat ta' emerġenza de facto, l-għanijiet, il-kontenut, u l-kamp ta' applikazzjoni tad-delegazzjoni tas-setgħat mil-leġiżlatura għall-eżekuttiv,

jiżguraw li kemm id-dikjarazzjoni kif ukoll it-tiġdid possibbli tal-istat ta' emerġenza, fuq naħa, u l-attivazzjoni u l-applikazzjoni tas-setgħat ta' emerġenza, fuq l-oħra, ikunu soġġetti għal kontroll parlamentari u ġudizzjarju effettiv, kemm intern kif ukoll estern, u jiżguraw li l-parlamenti jkunu intitolati jwaqqfu l-istat ta' emerġenza (49),

jiżguraw li, jekk is-setgħat leġiżlattivi jiġu ttrasferiti lill-eżekuttiv, kwalunkwe att legali li jinħareġ mill-eżekuttiv sussegwentement ikun soġġett għall-approvazzjoni mill-parlament u ma jibqax fis-seħħ jekk ma jiksibx din l-approvazzjoni fi żmien ċertu perjodu (50); jindirizzaw l-użu eċċessiv ta' leġiżlazzjoni aċċellerata u ta' emerġenza, kwistjoni li ġiet indikata wkoll mill-Kummissjoni fir-Rapport tagħha dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020 (COM(2020)0580),

jeżaminaw kif jistgħu jiggarantixxu aħjar ir-rwol ċentrali tal-parlamenti f'sitwazzjonijiet ta' kriżi u emerġenza, b'mod partikolari r-rwol tagħhom fil-monitoraġġ u l-kontroll tas-sitwazzjoni f'livell nazzjonali,

jikkunsidraw il-fehma tal-Kummissjoni ta' Venezja li l-parlamenti jeħtieġ li jorganizzaw is-sessjonijiet plenarji tagħhom u li ma għandhomx jippermettu s-sostituzzjoni temporanja tal-membri jew inaqqsu l-attendenza tagħhom (anke jekk b'mod proporzjonat) (51);

jeżaminaw ir-riflessjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-elezzjonijiet u jqisu l-possibbiltà li jużaw metodi ta' votazzjoni mill-bogħod bħal voti bil-posta, voti bl-internet, kaxxi tal-voti mobbli u voti bi prokura, kif ukoll il-voti bikrin, b'mod partikolari f'sitwazzjoni ta' pandemija;

5.

Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw il-miżuri relatati mal-COVID-19 b'kunsiderazzjoni xierqa tal-proporzjonalità tal-miżuri ta' infurzar; jafferma li l-infurzar tal-miżuri relatati mal-COVID-19 jeħtieġ li jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-UE u l-istat tad-dritt u jikkunsidra li t-trattament ugwali tal-persuni huwa kruċjali f'dak ir-rigward;

6.

Jistieden lill-Istati Membri jevalwaw il-miżuri li implimentaw li llimitaw il-libertà tal-moviment u jeżerċitaw l-akbar kontroll u jiżguraw rispett sħiħ għad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u d-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, meta jikkunsidraw jimponu restrizzjonijiet ġodda fuq il-libertà tal-moviment; ifakkar li, skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, il-valutazzjoni tal-ħtieġa għall-kontroll fil-fruntieri interni u l-estensjoni tiegħu, meta jiġi introdott għaliex ikun hemm bżonn ta' azzjoni immedjata, għandha tiġi mmonitorjata fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni, f'dak ir-rigward, teżerċita skrutinju xieraq fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen, u b'mod partikolari tivvaluta l-miżuri li diġà ttieħdu mill-Istati Membri, kif ukoll il-puntwalità u l-kwalità tan-notifiki mill-Istati Membri, tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi u, fejn meħtieġ, tfakkar lill-Istati Membri dwar l-obbligi legali tagħhom u tadotta opinjonijiet; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-prerogattivi tagħha biex titlob informazzjoni addizzjonali mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappurtar tagħha lill-Parlament dwar kif teżerċita l-prerogattivi fl-ambitu tat-Trattati; ifakkar fl-importanza ta' aktar integrazzjoni taż-żona Schengen, abbażi tal-evalwazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-dritt għall-ħajja tal-familja, b'mod partikolari ta' familji li jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri differenti u lil hinn minnhom, u jippermettu biss ir-restrizzjonijiet fejn dawn ikunu strettament neċessarji u proporzjonati; jistieden lill-Istati Membri jippermettu r-riunifikazzjoni tal-koppji u l-familji sseparati bil-miżuri relatati mal-COVID-19, irrispettivament mill-istat ċivili tagħhom, u joqogħdu lura milli jimponu standards għoljin bla bżonn ta' prova tar-relazzjoni;

8.

Jistieden lill-Istati Membri jillimitaw il-libertà tal-għaqda biss meta dan ikun strettament meħtieġ u ġustifikabbli fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika lokali u fejn proporzjonat, li ma jużax il-projbizzjoni tal-protesti biex jadottaw miżuri kontroversjali, anke jekk ma għandhomx x'jaqsmu mal-COVID-19, li jkunu jirrikjedu dibattitu pubbliku u demokratiku kif suppost;

9.

Jinsisti li l-Istati Membri joqgħodu lura milli jadottaw miżuri li jkollhom impatt profond fuq id-drittijiet fundamentali, bħad-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa, speċjalment f'sitwazzjoni fejn it-tħassib dwar is-saħħa pubblika ma jippermettix dibattitu demokratiku dovut u protesti sikuri, u li jġiegħlu lid-dimostranti jipperikolaw saħħithom u ħajjithom sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom;

10.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu miżuri mmirati lejn l-iżgurar tad-dritt għall-edukazzjoni waqt din il-pandemija; jistieden lill-Istati Membri, fid-dawl tal-mewġ tal-pandemija li reġa' qed iqum, jipprovdu l-mezzi u qafas sikur biex jiggarantixxu l-kontinwazzjoni tal-klassijiet, u jiżguraw li kull student ikollu aċċess effettiv;

11.

Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw id-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data u jiżguraw li kull miżura ġdida ta' sorveljanza jew traċċar, adottata b'konsultazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, tkun strettament neċessarja u proporzjonata, ikollha bażi legali soda, tkun limitata għall-iskopijiet tagħha u tkun temporanja; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja dawn il-miżuri, speċjalment fid-dawl tar-Rakkomandazzjoni tagħha stess (UE) 2020/518 tat-8 ta' April 2020 dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b'mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta' data anonimizzata dwar il-mobilità (52);

12.

Ifakkar li l-aħjar mod kif tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni huwa li jiġu protetti u żgurati d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni, jiġi pprovdut appoġġ biex jiġu żgurati l-pluraliżmu tal-midja u l-ġurnaliżmu indipendenti; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jiżguraw it-trasparenza meta jadottaw miżuri u jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom informazzjoni u data komprensivi, aġġornati, preċiżi u oġġettivi dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u l-miżuri meħuda biex tiġi kkontrollata, jiġġieldu d-diżinformazzjoni li għandha l-għan li tiskredita jew timmanipula l-għarfien xjentifiku dwar ir-riskji għas-saħħa u li tikkonċerna l-miżuri tal-gvern li huma ġġustifikati fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-COVID-19, jieħdu ħsieb b'mod bilanċjat u b'attenzjoni kbira li ma joħolqux effett dissważiv fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq il-ġurnalisti, il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa jew oħrajn billi jirrikorru għall-kriminalizzazzjoni jew is-sanzjonar sproporzjonat; jisħaq li l-pandemija żiedet l-istigmatizzazzjoni tal-migranti u wasslet għal żieda fil-każijiet ta' diskriminazzjoni li ġiet aggravata minn informazzjoni falza u aħbarijiet foloz (53), inklużi inċidenti razzisti u ksenofobiċi kontra persuni li jappartjenu għal minoranzi etniċi, u diskors ta' mibegħda kontra persuni b'diżabilità u rifuġjati (54); jisħaq li d-diżinformazzjoni hija sfida li qed tevolvi bil-potenzjal li tinfluwenza b'mod negattiv il-proċessi demokratiċi u d-dibattiti tas-soċjetà li jaffettwaw l-oqsma politiċi kollha, iddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fid-demokrazija u tiskoraġġixxi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà Ewropej; ifakkar li l-Parlament diġà qed jaħdem fuq sett ta' miżuri possibbli permezz tal-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE);

13.

Jitlob aktar investimenti sinifikanti fil-kapaċitajiet tal-komunikazzjoni strateġika tal-UE, f'konformità mal-Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, żieda fil-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni mal-Istati Membri u użu sħiħ tal-mekkaniżmi eżistenti sabiex tiġi ffaċilitata kooperazzjoni konkreta mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali dwar il-komunikazzjoni strateġika;

14.

Jikkunsidra li x-xogħol tal-ġurnalisti sar aktar diffiċli b'riżultat tal-miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19, minħabba, pereżempju, il-limitazzjoni tal-aċċess fiżiku għal konferenzi stampi, in-nuqqas ta' tweġibiet jew tweġibiet inadegwati għal mistoqsijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, u skadenzi kkanċellati jew posposti għal talbiet ta' libertà tal-informazzjoni jew aċċess għal dokumenti; jesprimi dispjaċir li filwaqt li l-ġurnaliżmu ta' kwalità huwa aktar importanti minn qatt qabel, b'mod partikolari minħabba r-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni li qed issir dejjem aktar prevalenti, ir-riperkussjonijiet ekonomiċi tal-kriżi jaffettwaw ukoll il-vijabbiltà finanzjarja tal-istabbilimenti tal-midja, u b'mod partikolari tal-midja u l-ġurnalisti indipendenti, u b'hekk ikompli jiddgħajjef il-pluraliżmu tal-midja fl-UE; huwa mħasseb dwar in-nuqqas ta' trasparenza f'xi Stati Membri dwar it-tqegħid ta' reklami u d-distribuzzjoni ta' sussidji lill-midja, u dwar iż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-sjieda tal-midja f'xi Stati Membri; jissottolinja li bidliet sostantivi fis-settur tal-midja ma għandhomx jiddaħħlu waqt stat ta' emerġenza de facto jew de jure;

15.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu d-drittijiet tal-konvenuti, inkluż l-aċċess bla xkiel tagħhom għal avukat, u jevalwaw il-possibbiltà ta' seduti ta' smigħ online bħala soluzzjoni u alternattivi għas-seduti fil-qorti jew it-trasferiment tas-suspettati lil Stati Membri tal-UE oħrajn taħt Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta' governanza kollha tal-proċeduri ġudizzjarji, inkluż id-dritt għal proċess ġust; jistieden lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet u s-saħħa tal-persuni kollha fil-ħabsijiet, b'mod partikolari d-drittijiet tagħhom għal għajnuna medika, viżitaturi, ħin fil-beraħ u attivitajiet edukattivi, professjonali jew ta' divertiment;

16.

Jirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri reġgħu ssoktaw bil-proċeduri tal-asil tagħhom u li wħud għamlu użu mill-perjodu riċenti ta' numri aktar baxxi ta' applikazzjonijiet ġodda biex inaqqsu x-xogħol b'lura ta' applikazzjonijiet pendenti; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu b'mod sħiħ l-aċċess għal proċedura tal-asil u jippreservaw id-dritt individwali għall-asil, kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jwettqu proċeduri ta' risistemazzjoni u ritorn dinjituż b'rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali; jitlob, barra minn hekk, li jingħata, jew jerġa' jingħata, aċċess għal tradutturi, malajr kemm jista' jkun għal dawk li japplikaw għall-asil; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipprovdu faċilitajiet tas-saħħa fiżika u mentali xierqa fiċ-ċentri tal-akkoljenza, minħabba l-kundizzjonijiet sanitarji ħżiena, l-ambjent ta' riskju għoli u l-vulnerabbiltà tal-popolazzjonijiet tar-rifuġjati matul il-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu pjan effettiv, b'enfasi fuq is-saħħa pubblika, sabiex tiġi indirizzata b'mod komprensiv is-sitwazzjoni tagħhom, inkluż fil-fruntieri esterni, billi jiggarantixxu d-dritt għall-asil u jipprovdu kundizzjonijiet ta' akkoljenza adegwati għar-rifuġjati u għall-applikanti għall-asil; ifakkar li l-miżuri tal-COVID-19 ma għandhom qatt iwasslu għal detenzjoni; jappella għal riunifikazzjoni tal-familji urġenti, l-evakwazzjoni immedjata tal-kampijiet fil-gżejjer Griegi u r-rilokazzjoni tal-applikanti għall-asil fi Stati Membri oħra, filwaqt li tingħata prijorità lil dawk l-aktar vulnerabbli, lill-minorenni mhux akkumpanjati u lill-familji bit-tfal; jistieden lill-Istati Membri jippermettu l-iżbark u jiżguraw li l-iżbark iseħħ biss f'post sikur, f'konformità mad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni rilevanti, u malajr kemm jista' jkun;

17.

Jikkunsidra li d-diskriminazzjoni żdiedet matul il-pandemija u li ċerti gruppi sfaw fil-mira ta' diskors ta' mibegħda u miżuri diskriminatorji; jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu kontra dan id-diskors ta' mibegħda u jġibu fi tmiem u jirrimedjaw dawn il-miżuri diskriminatorji; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u b'mod partikolari dawk lokali biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jiġi miġġieled l-anti-Żingariżmu, jinqatgħu l-isterjotipi negattivi u jiġu involuti persuni bi sfond Rom fl-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri biex tiġi indirizzata l-pandemija; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-omofobija u t-transfobija, peress li l-pandemija aggravat id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi li l-persuni LGBTI+ huma vittmi tagħhom;

18.

Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu b'mod effettiv l-aċċess sikur u f'waqtu għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) u s-servizzi tal-kura tas-saħħa meħtieġa għan-nisa u l-bniet kollha matul il-pandemija tal-COVID-19, speċjalment l-aċċess għall-kontraċezzjoni, inkluża l-kontraċezzjoni ta' emerġenza, u għall-kura f'każ ta' abort; jenfasizza l-importanza li jissoktaw l-aħjar prattiki u li jinstabu mezzi innovattivi biex jipprovdu servizzi SRHR, fosthom it-telemediċina, il-konsultazzjonijiet online u l-aċċess għal abort mediku bikri mid-dar; jistieden lill-Kummissjoni torganizza forums għall-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati f'dan ir-rigward, u tappoġġja azzjonijiet li jiżguraw l-aċċess għall-SRHR fl-Istati Membri;

19.

Jistieden lill-Istati Membri jinkludu esperti indipendenti dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fit-teħid tad-deċiżjonijiet kull fejn ikun neċessarju; jistieden lill-Istati Membri jirreferu għall-għarfien espert ta' firxa wiesgħa ta' esperti u partijiet ikkonċernati u jikkonsultawhom b'mod proattiv, inklużi l-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istituzzjonijiet tal-Ombudsman u s-soċjetà ċivili, meta jieħdu miżuri ġodda;

20.

Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw f'kull mument id-dritt għal elezzjonijiet liberi u ġusti; ifakkar fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja li l-adozzjoni ta' riformi għal kodiċijiet elettorali matul dan il-perjodu għandha ssir biss wara dibattitu wiesa' u b'kunsens kbir bħala garanzija kontra l-abbużi u tal-fiduċja fil-proċess elettorali u l-leġittimità tiegħu; jissottolinja li l-partiti li jikkompetu għall-appoġġ tal-votanti għandu jkollhom drittijiet ugwali fir-rigward tal-kampanji elettrorali, u li waqt l-istati ta' emerġenza l-ġustizzja tal-elezzjonijiet li jsiru tista' tkun dubjuża (55); jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw il-konsegwenzi istituzzjonali ta' kwalunkwe deċiżjoni li jiġu posposti elezzjonijiet; jisħaq li, skont il-Kummissjoni ta' Venezja, ir-regoli speċifiċi dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet ma għandhomx jiġu adottati mill-fergħa eżekuttiva u lanqas b'maġġoranza sempliċi fil-parlament, iżda għandhom ikunu stabbiliti fil-kostituzzjoni jew f'liġi organika, u li d-deċiżjoni li jiġu posposti elezzjonijiet preferibbilment għandha tittieħed mill-parlament f'ħin raġonevoli qabel l-elezzjoni, jekk possibbli qabel il-ftuħ tal-kampanja nnifisha (56);

21.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona b'urġenza evalwazzjoni indipendenti u komprensiva tal-miżuri meħuda matul l-“ewwel mewġa” tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jiġu ġġenerati t-tagħlimiet, kondiviżi l-aħjar prattika u msaħħa l-kooperazzjoni, u biex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda waqt mewġ sussegwenti tal-pandemija jkunu effettivi, immirati, iġġustifikati sew abbażi tas-sitwazzjoni epidemjoloġika speċifika, strettament neċessarji u proporzjonati, u b'impatt limitat fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jilqa' l-fatt li l-ewwel tali valutazzjoni tal-miżuri tal-COVID-19 tal-Istati Membri hija inkluża fl-ewwel Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jipparteċipaw fin-negozjati ta' ftehim interistituzzjonali dwar mekkaniżmu ta' monitoraġġ effettiv dwar l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, kif mitlub fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali, li jivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha b'mod diliġenti u ġust, kif ukoll jikkontribwixxi għall-protezzjoni aħjar tal-istat tad-dritt u tal-valuri tal-Unjoni matul sitwazzjonijiet straordinarji bħall-pandemija attwali;

22.

Itenni l-istedina tiegħu lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jieħdu t-tagħlimiet it-tajbin mill-kriżi tal-COVID-19 u jipparteċipaw f'kooperazzjoni ħafna aktar b'saħħitha fil-qasam tas-saħħa, meta jiġu kkunsidrati l-piżijiet enormi li ffaċċjaw iċ-ċittadini biex jipprovaw jiġġestixxu s-saħħa fiżika u mentali tagħhom matul din il-pandemija, inkluż permezz tal-ħolqien ta' Unjoni Ewropea tas-Saħħa, kif propost fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (57);

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli bil-monitoraġġ tagħha tal-miżuri meħuda, iżżid l-attivitajiet tagħha biex tikkoordina lill-Istati Membri, tiggwida b'mod proattiv lill-awtoritajiet fl-immaniġġjar tagħhom tal-pandemija f'konformità mal-istat tad-dritt demokratiku u d-drittijiet fundamentali, tieħu azzjoni legali u tuża għodod oħrajn disponibbli kull meta dan ikun neċessarju u tikkunsidra l-għażliet disponibbli biex jiġi ssalvagwardjat ir-rispett għall-valuri fundamentali tal-Unjoni, kif ukoll tieħu r-riedni biex tiżgura li l-miżuri ristrettivi jitneħħew malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-FRA tkompli tirrapporta dwar l-impatt tal-miżuri tal-COVID-19 fuq id-drittijiet fundamentali;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  Il-kumpilazzjoni tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-istati ta' emerġenza, 16 ta' April 2020, CDL-PI(2020)003.

(2)  Respect for democracy, human rights and the rule of law during states of emergency – Reflections (Ir-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt matul l-istati ta' emerġenza – Riflessjonijiet) (CDL-PI(2020)005rev).

(3)  L-Osservatorju tas-sitwazzjonijiet ta' emerġenza fl-istati membri tal-Kummissjoni ta' Venezja.

(4)  Rapport dwar l-istat tad-dritt (CDL-AD(2011)003rev).

(5)  Lista ta' kontroll dwar l-istat tad-dritt (CDL-AD(2016)007).

(6)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim dwar il-miżuri li ttieħdu fl-Istati Membri tal-UE b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, 8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018).

(7)  PACE, Riżoluzzjoni 2337 (2020).

(8)  PACE, Riżoluzzjoni 2338 (2020).

(9)  IDEA Internazzjonali, Primer Parlamentari Nru 1, 11 ta' Mejju 2020. https://www.idea.int/publications/catalogue/parliaments-and-crisis-challenges-and-innovations

(10)  IDEA Internazzjonali, Dokument Tekniku 1/2020, 26 ta' Marzu 2020. https://www.idea.int/publications/catalogue/elections-and-covid-19

(11)  Ara pereżempju l-artikli akkademiċi fuq Verfassungsblog dwar il-COVID-19 u l-istati ta' emerġenza, Michael Meyer-Resende, The Rule of Law Stress Test: EU Member States’ Responses to COVID-19, with Table and Map, Joelle Grogan, States of emergency; Fondation Robert Schuman, Le contrôle parlementaire dans la crise sanitaire Impacts of COVID-19 – The Global Access to Justice Survey: https://verfassungsblog.de/impacts-of-covid-19-the-global-access-to-justice-survey/; Oxford COVID-19 Government Response Tracker (OxCGRT) measuring the stringency of restrictive measures; ICNL COVID-19 Civic Freedom Tracker; Grogan, Joelle & Weinberg, Nyasha (Awwissu 2020) Principles to Uphold the Rule of Law and Good Governance in Public Health Emergencies. RECONNECT Policy Brief; International Appeal “A Call to Defend Democracy”, Ittra Miftuħa.

(12)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(13)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(14)  Il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija:

https://www.government.nl/documents/diplomatic-statements/2020/04/01/statement-by-belgium-denmark-finland-france-germany-greece-ireland-italy-luxembourg-the-netherlands-portugal-spain-sweden

(15)  Testi adottati, P9_TA(2020)0054.

(16)  Testi adottati, P9_TA(2020)0175.

(17)  Testi adottati, P9_TA(2020)0176.

(18)  Testi adottati, P9_TA(2020)0205.

(19)  Testi adottati, P9_TA(2020)0240.

(20)  Testi adottati, P9_TA(2020)0225.

(21)  Testi adottati, P9_TA(2020)0251.

(22)  Testi adottati, P9_TA(2020)0264.

(23)  https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/BRIE/2020/651343/IPOL_BRI(2020)651343_EN.pdf

(24)  Briefing Nru 27 – Marzu 2020, Adjustment of Parliamentary Activity to COVID-19 Outbreak and the prospect of remote sessions and voting (L-Aġġustament tal-Attività tal-Parlament għat-Tifqigħa tal-COVID-19 u l-prospett ta' sessjonijiet u votazzjoni mill-bogħod); Briefing Nru 28 – Marzu 2020, Preventive and sanitary measures in Parliaments (Miżuri preventivi u sanitarji fil-Parlamenti); Briefing Nru 29 – Lulju 2020, Emergency Laws and Legal measures against Covid-19 (Liġijiet u Miżuri Legali ta' Emerġenza kontra l-COVID-19).

(25)  EPRS, States of emergency in response to the coronavirus crisis: Situation in certain Member States (Belgium, France, Germany, Hungary, Italy, Poland, Spain) (L-istati ta' emerġenza b'reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus: Is-sitwazzjoni f'ċerti Stati Membri (Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Polonja, Spanja)), 4 ta' Mejju 2020; EPRS, States of emergency in response to the coronavirus crisis: Situation in certain Member States II (Bulgaria, Estonia, Latvia, Malta, Austria, Romania, and Slovenia) (L-istati ta' emerġenza b'reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus: Is-sitwazzjoni f'ċerti Stati Membri II (Il-Bulgarija, l-Estonja, il-Latvja, Malta, l-Awstrija, ir-Rumanija, u s-Slovenja), 13 ta' Mejju 2020; EPRS, Tracking mobile devices to fight coronavirus (It-traċċar ta' apparati mobbli biex jiġi miġġieled il-coronavirus), 2 ta' April 2020; EPRS, Tackling the coronavirus outbreak: Impact on asylum-seekers in the EU (L-indirizzar tat-tifqigħa tal-coronavirus: l-impatt fuq il-persuni li jfittxu l-asil fl-UE), 22 ta' April 2020; EPRS, The impact of coronavirus on Schengen borders (L-impatt tal-coronavirus fuq il-fruntiera tas-Schengen), 27 ta' April 2020; EPRS, The impact of coronavirus on media freedom (L-impatt tal-coronavirus fuq il-libertà tal-midja), 8 ta' Mejju 2020; EPRS, Coronavirus and elections in selected Member States (Il-coronavirus u l-elezzjonijiet f'ċerti Stati Membri), 17 ta' Ġunju 2020; EPRS, States of emergency in response to the coronavirus crisis: Situation in certain Member States IV (L-istati ta' emerġenza b'reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus: Is-sitwazzjoni f'ċerti Stati Membri IV), 7 ta' Lulju 2020. EPRS, Coronavirus and prisons in the EU: Member-State measures to reduce spread of the virus (Il-coronavirus u l-ħabsijiet fl-UE: il-miżuri tal-Istati Membri biex jitnaqqas it-tixrid tal-virus), 22 ta' Ġunju 2020; EPRS, States of emergency in response to the coronavirus crisis: Situation in certain Member States IV (L-istati ta' emerġenza b'reazzjoni għall-kriżi tal-coronavirus: Is-sitwazzjoni f'ċerti Stati Membri IV), 7 ta' Lulju 2020.

(26)  FRA, Coronavirus pandemic in the EU – Fundamental Rights Implications – Bulletin 1 (Il-pandemija tal-coronavirus fl-UE – Implikazzjonijiet fuq id-Drittijiet Fundamentali – Bullettin 1) u Country research (Riċerka tal-Pajjiżi), 7 ta' April 2020; FRA, Coronavirus pandemic in the EU – Fundamental Rights Implications – Bulletin 2: With a focus on contact-tracing apps (Il-pandemija tal-coronavirus fl-UE – Implikazzjonijiet fuq id-Drittijiet Fundamentali – Bullettin 2: B'fokus fuq l-apps tat-traċċar tal-kuntatti), u Country research (Riċerka tal-Pajjiżi), 28 ta' Mejju 2020; FRA, Coronavirus pandemic in the EU – Fundamental rights Implications – Bulletin 3: With a focus on older people (Il-pandemija tal-coronavirus fl-UE – Implikazzjonijiet fuq id-Drittijiet Fundamentali – Bullettin 3: B'fokus fuq l-anzjani), u Country research (Riċerka tal-Pajjiżi), 30 ta' Ġunju 2020; FRA, Coronavirus pandemic in the EU – Fundamental Rights Implications – Bulletin 4 (Il-pandemija tal-coronavirus fl-UE – Implikazzjonijiet fuq id-Drittijiet Fundamentali – Bullettin 4), 30 ta' Lulju 2020, li jiffoka fuq ir-razziżmu, l-asil u l-migrazzjoni, id-diżinformazzjoni, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data; FRA, Coronavirus pandemic in the EU – Impact on Roma and Travellers – Bulletin 5 (Il-pandemija tal-coronavirus fl-UE – L-Impatt fuq ir-Rom u t-Travellers – Bullettin 5), 29 ta' Settembru 2020.

(27)  Ir-rapport LIBE/9/02808 tal-10 ta' Lulju 2020.

(28)  Il-kumpilazzjoni tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-istati ta' emerġenza, CDL-PI(2020)003.

(29)  Stat ta' emerġenza kostituzzjonali de jure, rebbiegħa 2020: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija, il-Portugall u Spanja.

(30)  Il-Ġermanja, il-Latvja, Franza, l-Italja u s-Slovakkja.

(31)  Stat ta' emerġenza de facto bbażat fuq leġiżlazzjoni ordinarja: 13-il Stat Membru ma ddikjarawx stat ta' emerġenza de jure waqt il-kriżi tal-COVID-19, jiġifieri: l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, Ċipru, id-Danimarka, il-Greċja, l-Irlanda, il-Litwanja, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, is-Slovenja u l-Iżvezja, flimkien mar-Renju Unit.

(32)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim dwar il-miżuri li ttieħdu fl-Istati Membri tal-UE b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, 8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafu 57.

(33)  https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/statement_20_567

(34)  L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja; Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport Interim dwar il-miżuri li ttieħdu fl-Istati Membri tal-UE b'riżultat tal-kriżi tal-COVID-19 u l-impatt tagħhom fuq id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, Opinjoni Nru 995/2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafu 46.

(35)  Il-Kroazja, l-Ungerija; Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport Interim, il-paragrafu 47.

(36)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport Interim, il-paragrafu 48.

(37)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport Interim, il-paragrafu 49.

(38)  Ir-rapport LIBE/9/02808 tal-10 ta' Lulju 2020.

(39)  Testi adottati, P9_TA(2020)0175.

(40)  https://www.ecpmf.eu/coalition-to-make-whistleblowing-safe-during-covid-19/

(41)  Ir-rapport LIBE/9/02808 tal-10 ta' Lulju 2020.

(42)  https://www.ohchr.org/en/NewsEvents/Pages/DisplayNews.aspx?NewsID=26083&LangID=E

(43)  https://fra.europa.eu/sites/default/files/fra_uploads/fra-2020-coronavirus-pandemic-eu-bulletin_en.pdf, Bulletin No 1, p. 26.

(44)  Il-Ġermanja, Franza, l-Italja, Spanja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Polonja u l-Latvja (elezzjonijiet straordinarji tal-kunsill tal-belt ta' Riga).

(45)  Italy.

(46)  Il-kumpilazzjoni tal-opinjonijiet u r-rapporti tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-istati ta' emerġenza, CDL-PI(2020)003.

(47)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim tat-8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafi 19 u 21.

(48)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim tat-8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafi 29-31.

(49)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim tat-8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafi 59-62.

(50)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim tat-8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafu 63.

(51)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim tat-8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafu 75.

(52)  ĠU L 114, 14.4.2020, p. 7.

(53)  Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni, Ritratt Analitiku #19 tal-COVID-19: Diżinformazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-migranti, 20 ta' April 2020.

(54)  FRA, Coronavirus pandemic in the EU – Fundamental Rights Implications – Bulletin No 1 (Il-pandemija tal-coronavirus fl-UE – Implikazzjonijiet fuq id-Drittijiet Fundamentali – Bullettin Nru 1), 8 ta' April 2020.

(55)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, ir-Rapport bit-titolu "Respect for democracy, human rights and the rule of law during states of emergency: Reflections (Ir-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt matul l-istati ta' emerġenza: Riflessjonijiet), 19 ta' Ġunju 2020 (CDL-AD(2020)014), il-paragrafu 96.

(56)  Il-Kummissjoni ta' Venezja, Rapport interim tat-8 ta' Ottubru 2020 (CDL-AD(2020)018), il-paragrafi 101, 114, 119, 122, 123.

(57)  Testi adottati, P9_TA(2020)0205.