Brussell, 11.10.2018

COM(2018) 673 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa:
Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent

{SWD(2018) 431 final}


1.    Introduzzjoni

Aħna ngħixu f’dinja b’riżorsi limitati. Sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-art u tal-ekosistema, flimkien ma’ popolazzjoni li qed tikber iġiegħluna infittxu modi ġodda ta’ produzzjoni u konsum li jirrispettaw il-konfini ekoloġiċi tal-pjaneta tagħna. Fl-istess ħin, il-ħtieġa li tinkiseb sostenibbiltà hija inċentiv qawwi sabiex l-industriji tagħna jiġu mmodernizzati u tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Ewropa f’ekonomija globali kompetittiva ħafna, u b’hekk tiġi żgurata l-prosperità taċ-ċittadini tagħha. Sabiex nindirizzaw dawn l-isfidi, irridu ntejbu u ninnovaw il-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw ikel, prodotti u materjali f’ekosistemi b’saħħithom permezz ta’ bijoekonomija sostenibbli.

Sostenibbli u Ċirkolari: Il-bijoekonomija stil Ewropew

Il-bijoekonomija tkopri s-setturi u s-sistemi kollha li jiddependu fuq riżorsi bijoloġiċi (annimali, pjanti, mikro-organiżmi u bijomassa derivata, inkluż skart organiku), il-funzjonijiet u l-prinċipji tagħhom. Hija tinkludi u tinterkonnettja: l-ekosistemi tal-art u l-ekosistemi marini u s-servizzi li jipprovdu; is-setturi kollha tal-produzzjoni primarja li jużaw u jipproduċu riżorsi bijoloġiċi (agrikoltura, forestrija, sajd u akkwakultura); u s-setturi ekonomiċi u industrijali kollha li jużaw riżorsi bijoloġiċi u proċessi għall-produzzjoni tal-ikel, għalf, prodotti b’bażi bijoloġika, enerġija u servizzi  1 . Sabiex tirnexxi, il-bijoekonomija Ewropea għandu jkollha s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità fil-qalba tagħha. Din ser tippromwovi t-tiġdid tal-industriji tagħna, il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta’ produzzjoni primarji tagħna, il-protezzjoni tal-ambjent u ttejjeb il-bijodiversità.

L-għan ta’ dan l-aġġornament għall-Istrateġija tal-Bijoekonomija  2 tal-2012 huwa li dawn l-isfidi jiġu indirizzati permezz ta’ sett ta’ 14-il azzjoni konkreta li se jitnedew sal-2019 3 . Dawn l-azzjonijiet jirriflettu l-konklużjonijiet tar-reviżjoni tal-Istrateġija tal-2017  4 .

2. Kif il-Bioekonomija tikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-UE

Dan l-aġġornament għall-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-2012 se jimmassimizza l-kontribuzzjoni tal-bijoekonomija għal prijoritajiet ewlenin tal-politika Ewropea  5 .

Is-sostenibbiltà mhix biss obbligu legali, iżda hija opportunità għall-partijiet kollha tal-Ewropa u hija l-bażi tal-biċċa l-kbira tal-prijoritajiet tal-UE.  6 L-UE diġà hija mexxejja globali fl-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali fi ħdan bijoekonomija effiċjenti, li huwa essenzjali għall-biċċa l-kbira tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. 7  

B’valur ta’ fatturat EUR 2.3 triljun u billi tammonta għal 8.2 % tal-forza tax-xogħol tal-UE 8 , il-bijoekonomija hija element ċentrali għall-funzjonament u s-suċċess tal-ekonomija tal-UE. L-użu ta’ bijoekonomija sostenibbli Ewropea jwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi, partikolarment f’żoni kostali u rurali permezz tal-parteċipazzjoni dejjem ikbar ta’ produtturi primarji fil-bijoekonomiji lokali tagħhom. Fl-industriji bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi jistgħu jinħolqu miljun impjieg ġdid sal-2030, skont l-istimi tal-industrija  9 L-ekosistema li qed titqawwa u tikber bil-ħeffa tal-istartups fis-settur tal-bijoteknoloġija se jkollha rwol ewlieni fl-isfruttar ta’ dan il-potenzjal.

Bijoekonomija Ewropea sostenibbli hija meħtieġa sabiex jinbena futur newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju b’mod konformi mal-Objettivi klimatiċi tal-Ftehim ta’ Pariġi. Pereżempju, fis-settur tal-kostruzzjoni, l-injam maħdum joffri benefiċċji ambjentali kbar kif ukoll opportunitajiet ekonomiċi eċċellenti. Studji juru li l-impatt medju ta’ bini b’ tunnellata ta’ njam minflok tunnellata ta’ konkos jista’ jwassal għal tnaqqis medju ta’ 2.1 tunnellata ta’ emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-prodott (inklużi l-użu u r-rimi). 10 Bijoekonomija sostenibbli hija essenzjali wkoll għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-settur Ewropew tal-Enerġija. Il-bijoenerġija, li bħalissa hija l-ikbar sors ta’ enerġija rinnovabbli tal-UE, hija mistennija li tibqa’ tkun komponent ewlieni tat-taħlita tal-enerġija fl-2030 u tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinnovabbli tal-UE ta’ 20 % fl-2020 u tal-anqas 32 % fl-2030  11 . Il-produzzjoni primarja sostenibbli fuq l-art u l-baħar tirfed is-sostenibbiltà ġenerali tal-bijoekonomija u ser tipprovdi “emissjonijiet negattivi” jew bjar tal-karbonju, b’mod konformi mal-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Bijoekonomija Ewropea sostenibbli tappoġġja l-immodernizzar u t-tisħiħ tal-bażi industrijali tal-UE permezz tal-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur ġodda u proċessi industrijali iktar ekoloġiċi u kosteffettivi. Billi tikkapitalizza fuq avvanzi bla preċedent fix-xjenzi tal-ħajja u l-bijoteknoloġiji, kif ukoll innovazzjonijiet li jgħaqqdu d-dinja fiżika, id-dinja diġitali u d-dinja bijoloġika, il-bażi industrijali Ewropea tista’ żżomm u ssaħħaħ it-tmexxija globali tagħha. Ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi għall-produzzjoni ta’ prodotti bijoloġiċi ġodda u sostenibbli (bħall-bijokimiċi, eċċ.) se jtejbu wkoll il-kapaċità tagħna li nissostitwixxu materja prima fossili f’partijiet importanti ħafna tal-industrija Ewropea (eż. il-kostruzzjoni, l-imballaġġ, it-tessuti, is-sustanzi kimiċi, il-kożmetiċi, l-ingredjenti farmaċewtiċi, l-oġġetti tal-konsum) f’konformità mal-għanijiet tal-Politika Industrijali mġedda 12 . Skont il-projezzjonijiet tal-industrija, id-domanda għall-bijoteknoloġiji industrijali hija mistennija li kważi tirdoppja fl-għaxar snin li ġejjin  13 .

Bijoekonomija sostenibbli hija segment rinnovabbli tal-ekonomija ċirkolari. Din tista’ tibdel il-bijoskart, ir-residwi u r-rimi f’riżorsi ta’ valur u tista’ toħloq innovazzjonijiet u inċentivi li jgħinu lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-konsumaturi jnaqqsu l-iskart tal-ikel b’50% sal-2030. Pereżempju, fis-settur tal-bhejjem, l-innovazzjonijiet jippermettu dejjem iktar li ċertu skart tal-ikel isir għalf għall-annimali, sakemm jiġu osservati r-regoli applikabbli u r-rekwiżiti legali  14 . Huwa stmat li l-art - attwalment użata għall-għalf tal-annimali - li tista’ tiġi salvata permezz ta’ dawn l-innovazzjonijiet tista’ tipprovdi ikel għal tliet biljun persuna oħra  15  L-ibliet għandhom isiru ċentri ewlenin ta’ bijoekonomija ċirkolari. Il-pjanijiet ta’ żvilupp urban ċirkolari jistgħu jwasslu għal qligħ ekonomiku u ambjentali sinifikanti ħafna. Pereżempju, il-belt ta’ Amsterdam tistma li r-riċiklaġġ aħjar ta’ flussi ta’ residwi organiċi ta’ valur għoli jista’ jiġġenera EUR 150 miljun f’valur miżjud fis-sena, joħloq 1.200 impjieg ġdid fuq medda twila ta’ żmien u jiffranka 600.000 tunnellata ta’ dijossidu tal-karbonju fis-sena. 16 Għall-50 l-ikbar bliet tal-Ewropa, li jirrappreżentaw 11 % tal-popolazzjoni tal-UE, l-effetti magħqudin ikunu mill-inqas 50 darba ikbar.

L-appoġġ lil ekosistemi b’saħħithom huwa prijorità Ewropea. Il-bijoekonomija tista’ tikkontribwixxi għar-restawr tal-ekosistemi, pereżempju billi jinkisbu ibħra u oċeani mingħajr plastik. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent diġà tagħti parir li għandhom jintużaw materjali bijoloġiċi u bijodegradabbli bħala alternattiva għall-plastik meta jkun hemm riskju għoli li jixxerdu fl-ekosistema, bħal lubrikanti, materjali suġġetti għal tkagħbir bl-użu, u prodotti mhux riutilizzabbli. 17 Barra minn hekk, bijoekonomija sostenibbli ser tikkontribwixxi għall-mira tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli sabiex tinkiseb newtralità tad-degradazzjoni tal-art sal-2030 u għall-ambizzjoni li jiġu rrestawrati mill-inqas 15 % tal-ekosistemi degradati sal-2020. 18

It-twettiq ta’ dan il-potenzjal mhux ser iseħħ waħdu. Jeħtieġ investimenti, innovazzjoni, żvilupp ta’ strateġiji u implimentazzjoni ta’ bidliet sistemiċi li jolqtu setturi differenti (l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-akkwakultura, l-ikel, l-industrija bbażata fuq il-prodotti bijoloġiċi). Dan ifisser it-tisħiħ tal-kapaċità tagħna li nittraduċu opportunitajiet minn kull tip ta’ innovazzjoni fi prodotti u servizzi ġodda fis-suq, li joħolqu impjiegi ġodda lokalment. U dan ifisser li jsir bil-mod Ewropew: Li tkun ekonomikament vijabbli b’sostenibbiltà u ċirkolarità fis-sedil tas-sewwieq.

Il-massimizzazzjoni tal-impatt tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE hija kruċjali f’dan ir-rigward 19 . Ir-regolamentazzjoni u l-iffinanzjar għandhom ikunu favorevoli għall-innovazzjoni sabiex l-Ewropa tkun fuq quddiem fl-innovazzjoni tal-ħolqien tas-swieq. Dan ġie enfasizzat mill-Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 20 imġedda riċentement. B’mod komplimentari, l-Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ser ikomplu jagħtu riżultati importanti ta’ Riċerka u Innovazzjoni li jistgħu jindirizzaw sfidi u opportunitajiet trażversali fil-bijoekonomija. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss għall-2021-27 huma maħsuba li se jagħtu spinta sinifikanti lir-riċerka u l-innovazzjoni sistematiċi fl-oqsma u s-setturi koperti mill-bijoekonomija, b’mod partikolari b’EUR 10 biljun previsti 21 għar-raggruppament tal-Orizzont Ewropa għal “Ikel u Riżorsi Naturali”  22 . Dan ir-rikonoxximent huwa rifless ukoll f’ħafna Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti li identifikaw prijoritajiet relatati mal-bijoekonomija, u fit-tgħaqqid ta’ reġjuni fi sħubijiet u f’Pjattaformi ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti relatati mal-bijoekonomija bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-involviment tar-reġjuni tal-UE 23 . Ir-riċerka u l-innovazzjoni dwar l-bijoekonomija hija wkoll qasam importanti għall-kooperazzjoni fil-livell globali.

Madankollu, huwa neċessarju li wieħed imur lil hinn mir-riċerka u l-innovazzjoni u jkollu approċċ strateġiku u sistematiku għall-iskjerament ta’ innovazzjonijiet sabiex ingawdu bis-sħiħ il-benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-bijoekonomija. Dan l-approċċ għandu jgħaqqad flimkien lill-atturi kollha mit-territorji u l-ktajjen tal-valur sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu. Dan ikun jeħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi sistematiċi li jolqtu s-setturi differenti, inklużi sinerġiji u kompromessi biex jippermetti u jħaffef l-iskjerament ta’ mudelli ta’ ekonomija ċirkolari. U dan l-approċċ se jkollu jagħmel l-aħjar użu mill-għodod u l-politiki kollha disponibbli; billi jesplojta s-sinerġiji ma’ fondi u strumenti oħrajn tal-UE u nazzjonali, b’mod partikolari l-Politika Agrikola Komuni, il-Politika Komuni tas-Sajd kif ukoll il-politika ta’ koeżjoni u Strumenti Finanzjarji taħt il-Programm InvestEU.

3. L-iżblukkar tal-potenzjal tal-bijoekonomija

L-għan tal-Istrateġija dwar il-Bijoekonomija tal-2012 li twitti “t-triq għal soċjetà aktar innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva li trrikonċilja s-sigurtà tal-ikel mal-użu sostenibbli ta’ riżorsi rinnovabbli għal skopijiet industrijali filwaqt li jkun żgurat il-ħarsien ambjentali” għadu validu llum. Ir-Reviżjoni ta’ din l-Istrateġija 24 rrikonoxxiet is-suċċess, notevolment fil-mobilizzazzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni, iż-żieda fl-investimenti privati, l-iżvilupp ta’ katini ta’ valur ġodda, il-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ strateġiji nazzjonali ta’ bijoekonomija u l-involviment tal-partijiet interessati. Ir-reviżjoni kkonkludiet li l-ħames għanijiet tal-Istrateġija dwar il-Bioekonomija tal-2012 jibqgħu validi.

Filwaqt li għarfet il-kontribuzzjonijiet tal-istrateġija dwar il-Bijoekonomija kemm għall-Ekonomija Ċirkolari kif ukoll għall-Unjoni tal-Enerġija, enfasizzat ukoll li jiġi adattat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-objettivi tagħha, b’konformità mal-prijoritajiet ġenerali Ewropej. L-azzjonijiet għandhom konsegwentement jiġu ffukati mill-ġdid biex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom fuq dawn il-prijoritajiet - b’mod partikolari kif stabbilit fil-Politika Industrijali mġedda, 25 fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari, 26 u fil-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha. 27  

L-ewwel għan, l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u n-nutriment, jibqa’ kritiku. Is-sistemi tal-ikel u tal-biedja jammontaw għal madwar tliet kwarti tal-impjiegi tal-bijoekonomija ġenerali u madwar żewġ terzi tal-fatturat tal-bijoekonomija. Madankollu, is-sostenibbiltà tagħhom tiġi sfidata minn popolazzjoni dinjija li dejjem tikber, prattiċi ta’ konsum u nutrizzjoni li jinbidlu, użu u skart insostenibbli tal-bijomassa, u theddidiet rigward it-tibdil fil-klima  28 . It-trasformazzjoni lejn sistemi ta’ ikel u biedja sostenibbli, tajbin għas-saħħa, sensittivi għan-nutrizzjoni, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, reżiljenti, ċirkolari u inklużivi għandha titħaffef. Dan jinkludi t-tibdil tal-iskart organiku, fdalijiet u rimi tal-ikel fi prodotti b’bażi bijoloġika ta’ valur u siguri, pereżempju billi jintużaw bijoraffineriji fuq skala żgħira, tingħata għajnuna lill-bdiewa, lill-forestiera u lis-sajjieda sabiex jiddiversifikaw is-sorsi tad-dħul tagħhom u jimmaniġġjaw ir-riskji tas-suq aħjar, filwaqt li jinkisbu l-għanijiet tal-Ekonomija Ċirkolari.

It-tieni għan, ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, huwa iktar importanti minn qatt qabel fil-kuntest attwali taż-żieda fil-pressjonijiet ambjentali u t-telf tal-bijodiversità  29 . Għandha tittieħed azzjoni f’waqtha sabiex tiġi evitata d-degradazzjoni tal-ekosistema, jiġu rrestawrati u mtejba l-funzjonijiet tal-ekosistema, li jista’ jżid is-sigurtà tal-ikel u l-ilma, u jikkontribwixxi b’mod sostanzjali għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima permezz ta’ “emissjonijiet negattivi” u bjar tal-karbonju. 30 B’mod partikolari, il-konservazzjoni u l-produttività ta’ ekosistemi sani fl-ibħra, l-oċeani, il-foresti u l-ħamrija jiddependu fuq il-bijodiversità. Għandna wkoll intejbu l-kapaċità tagħna li nimmonitorjaw u nbassru l-istat u l-iżvilupp tar-riżorsi naturali tagħna.

It-tielet għan, it-tnaqqis tad-dipendenza fuq riżorsi mhux rinnovabbli li mhumiex sostenibbli sew jekk miksuba domestikament jew minn barra, huwa vitali sabiex jintlaħqu l-miri tal-enerġija u klimatiċi tal-UE, bħall-bijoenerġija, li bħalissa hija l-ikbar sors ta’ enerġija rinnovabbli tal-UE, mistenni li jibqa’ jkun komponent vitali tat-taħlita tal-enerġija fl-2030. 31 Settur b’bażi bijoloġika iktar b’saħħtu jista’ jaċċellera s-sostituzzjoni ta’ riżorsi mhux rinnovabbli f’konformità mal-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, is-simbjożi industrijali u l-proċessi industrijali innovattivi b’bażi bijoloġika 32 jikkontribwixxu għall-ekoloġizzazzjoni tal-industriji u l-iżvilupp ta’ bijoekonomiji u prodotti ċirkolari, pereżempju billi jiġi innovat il-mod kif l-ibliet iżidu valur lis-sehem sinifikanti tagħhom tal-bijoskart.

Ir-raba’ għan, il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, stabbilixxa ruħu bħala l-isfida globali ta’ din il-ġenerazzjoni. Fi ħdan l-Istrateġija għat-Tnaqqis tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet b’Effett ta’ Serra fit-Tul, bioekonomija sostenibbli u ċirkolari hija essenzjali sabiex tinkiseb Ewropa newtrali għall-gassijiet b’effett ta’ serra. Barra minn hekk, bijoekonomija sostenibbli għandha potenzjal kbir li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra billi tippromwovi prattiċi ta’ produzzjoni primarja iktar effiċjenti fir-riżorsi, attivi u sostenibbli fuq l-art u l-baħar, kif ukoll billi ttejjeb il-kapaċità tal-ekosistemi sabiex jirregolaw il-klima, pereżempju permezz tal- innovazzjonijiet fis-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola.

Il-ħames għan, it-tisħiħ tal-kompetittività Ewropea u l-ħolqien ta’ impjiegi, huwa għan politiku kruċjali tal-bijoekonomija. Il-provvista ta’ oqfsa għall-iżvilupp u l-użu ta’ innovazzjonijiet u t-trawwim tal-iżvilupp tas-swieq għal prodotti bijoloġiċi, eż. permezz tal-akkwist pubbliku, 33 il-ħolqien ta’ standards, politiki dwar l-enerġija rinnovabbli u prezzijiet tal-karbonju, se jappoġġjaw il-kompetittività globali u t-trasformazzjoni tal-industriji Ewropej.5 Il-bijoekonomija toffri opportunitajiet importanti għal impjiegi ġodda, żvilupp ekonomiku reġjonali u koeżjoni territorjali mtejba, f’żoni remoti jew periferiċi wkoll. Hija għandha l-potenzjal li tipprovdi sors importanti ta’ diversifikazzjoni tad-dħul għall-bdiewa, il-forestiera u s-sajjieda, u li tagħti spinta lill-ekonomiji rurali lokali permezz ta’ investiment ikbar fil-ħiliet, l-għarfien, l-innovazzjoni u mudelli tan-negozju ġodda, kif irrakkomandat fid-Dikjarazzjoni Cork 2.0 tal-2016. 34

 

4.    Azzjonijiet li jwasslu għal bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari

Sabiex tappoġġja l-ħames għanijiet fil-kuntest ta’ prijoritajiet ta’ politika li evolvew, din l-istrateġija aġġornata tipproponi tliet oqsma ta’ azzjoni ewlenin:

1.it-tisħiħ u l-iżvilupp tas-setturi b’bażi bijoloġika; żblukkar ta’ investimenti u swieq

2.l-iskjerament rapidu tal-bijoekonomiji lokali madwar l-Ewropa;

3.fehim tal-konfini ekoloġiċi tal-bijoekonomija.

L-azzjonijiet proposti jikkapitalizzaw u jmorru lil hinn mill-investimenti preċedenti ta’ suċċess fir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-pjan ta’ azzjoni japplika approċċ sistematiku sabiex tiġi żviluppata u tissaħħaħ il-bijoekonomija u jiġu żgurati s-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità ġenerali tagħha. Dan iħaddan setturi u politiki multipli relatati mal-bijoekonomija, jinterkonnettjahom, jiffaċilita l-koerenza u s-sinerġiji, jindirizza kompromessi bħall-użu kompetittiv tal-bijomassa, u jipprovdi pjan ta’ azzjoni li jgħin lill-Unjoni tiżviluppa l-potenzjal tal-bijoekonomija u tużah sabiex twettaq ħafna mill-għanijiet politiċi tagħha b’mod effettiv. L-azzjonijiet se jkunu implimentati fil-kuntest internazzjonali eżistenti tal-Forum Internazzjonali dwar il-Bijoekonomija 35 u fis-Summit tal-Bijoekonomija Globali 36 biex irawmu sinerġiji ma’ azzjonijiet minn imsieħba li jaħsbuha l-istess.

4.1 It-tisħiħ u l-iżvilupp tas-setturi b’bażi bijoloġika; żblukkar ta’ investimenti u swieq

Sabiex taċċellera l-iżvilupp u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet sostenibbli u ċirkolari b’bażi bijoloġika, li jiddependu fuqhom il-modernizzazzjoni, it-tisħiħ u l-kompetittività tal-bażi industrijali, l-UE ser tintensifika l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati pubbliċi u privati, fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika (Azzjoni 1.1). Dan jinkludi, pereżempju, il-promozzjoni ta’ teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali u soluzzjonijiet innovattivi li huma adattati għal skjerament fuq skala żgħira u li jistgħu jiġu rreplikati faċilment. Skont Orizzont 2020, is-sħubija pubblika-privata tal-UE dwar l-Industriji bbażati fuq il-Prodotti Bijoloġiċi kienet strumentali fl-iżvilupp u l-iskjerament ta’ ktajjen ġodda ta’ valur b’bażi bijoloġika, ibbażati fuq l-użu ta’ riżorsi rinnovabbli inkluż skart. 37 Din l-azzjoni ser tirriżulta fl-iżvilupp ta’ sett ta’ għodod ta’ soluzzjonijiet għall-ipproċessar tal-bijomassa fi prodotti bijoloġiċi li ser jappoġġja il-modernizzazzjoni u t-tiġdid tal-industriji tagħna f’għadd ta’ oqsma.

Minbarra l-għotjiet għar-riċerka u l-innovazzjoni skont Orizzzont 2020, l-UE se tiskjera strument finanzjarju mmirat - il-Pjattaforma ta’ Investiment Tematiku għall-Bijoekonomija Ċirkolari 38  li se jiswa EUR 100 miljun (Azzjoni 1.2) - biex jiġi mmitigat ir-riskju tal-investimenti privati f’soluzzjonijiet sostenibbli. Dan se jibni fuq u jsaħħaħ is-sinerġiji ma’ inizjattivi attwali u futuri tal-UE, bħal pereżempju l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-programm InvestEU, il-Politika Agrikola Komuni u l-Fond għall-Innovazzjoni tal-Iskemi għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

Sabiex jirrealizza l-potenzjal tiegħu, is-settur b’bażi bijoloġika għandu jiġi promoss ulterjorment għall-impatti pożittivi tiegħu, u jkun fuq l-istess livell ta’ kundizzjonijiet tas-suq u regolatorji fir-rigward ta’ industriji bbażati fuq il-fossili. Din l-azzjoni se tidentifika ostakli, abilitaturi u lakuni li jaffettwaw l-innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika, filwaqt li tipprovdi gwida volontarja dwar l-iskejeramenti tagħhom fuq skala, bil-ħsieb li jiġu promossi standards u tikketti eżistenti u tiġi vvalutata l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda, partikolarment għal prodotti bijoloġiċi (Azzjoni 1.3).

Sabiex tissaħħaħ l-adozzjoni mis-suq u l-fiduċja tal-konsumatur, huwa meħtieġ li jintużaw strumenti multipli. Dan jeħtieġ id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali affidabbli u komparabbli u l-applikazzjoni tagħhom għal strumenti ta’ politika orjentati lejn l-ambjent (pereżempju l-Ekotikketta tal-UE u l-akkwist pubbliku ekoloġiku), meta dan jirriżuta li jkun ta’ benefiċċju minn perspettiva ambjentali. Il-ġenerazzjoni u l-użu tad-data għandhom ikunu konformi mal-metodu tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti. Aspetti oħrajn li għandhom jiġu koperti jinkludu l-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ standards, li jistgħu jservu sabiex jiġu vverifikati l-proprjetajiet tal-prodotti, bħala bażi għal tikketti volontarji eżistenti (Azzjoni 1.4). B’mod ġenerali, azzjonijiet ser jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni, l-iżvilupp u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika. Barra minn hekk, huma ser ifittxu li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta’ bijoraffineriji sostenibbli ġodda u jikkonfermaw it-tip ta’ potenzjal stmat ta’ madwar 300 bijoraffineriji ġodda li huma stmati bħalissa (Azzjoni 1.5). 39 Dan se jsir fuq il-bażi tad-disponibbiltà ta’ riżorsi minn sorsi sostenibbli.

Finalment, bi sforz sabiex issir kontribuzzjoni għall-isfida globali ta’ oċeani mingħajr plastik filwaqt li jiġu offruti prospetti ta’ tkabbir għal mudelli tan-negozju u prodotti innovattivi bijoloġiċi, azzjonijiet ser jużaw il-potenzjal tal-bijoekonomija sabiex jikkontribwixxu għall-indirizzar tat-tniġġis tal-plastik  40 fl-ibħra u l-oċeani Ewropej , u f’ilmijiet interni, u sabiex terġa’ tinkiseb il-kwalità tal-ilma u l-ekosistemi (Azzjoni 1.6). L-azzjoni, pereżempju, ser timmobilizza l-atturi ewlenin fil-katina tal-valur tal-plastik għall-iżvilupp ta’ sostituti għar-riżorsi fossili, b’mod partikolari sostituti bijodegradabbli b’bażi bijoloġika, riċiklabbli u marini għall-plastik.

4.2 L-iskjerament rapidu ta’ bijoekonomiji lokali madwar l-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea ser tappoġġja b’mod attiv u tippromwovi kull tip ta’ innovazzjoni u prattika għal sistemi sostenibbli ta’ ikel u agrikoltura, forestrija u produzzjoni bijoloġika permezz ta’ approċċ sistematiku u trażversali li jgħaqqad lil atturi, territorji u ktajjen ta’ valur. Hija ser tiżviluppa Aġenda ta’ Skjerament Strateġiku (Azzjoni 2.1) li ser tipprovdi viżjoni fit-tul dwar il-mogħdijiet għall-iskjerament u l-iżvilupp tal-bijoekonomija b’mod sostenibbli u ċirkolari. Dan l-approċċ sistematiku ser jindirizza, fost l-oħrajn, l-oqsma li ġejjin:

-Validità għall-futur tas-sistemi tal-ikel u l-agrikoltura (terrestri u akkwatiċi) billi jiġu indirizzati eż. skart, telf u prodotti inċidentali tal-ikel (inkluż ir-riċiklaġġ tan-nutrijenti), reżiljenza, il-ħtieġa għal produzzjoni alimentari sensittiva għan-nutrizzjoni, iktar ikel mill-użu sostenibbli tal-ibħra u l-oċeani  41 b’sehem ikbar tal-produzzjoni tal-akkwakultura tal-UE u l-adozzjoni mis-suq.

-L-innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika inklużi fil-biedja, għall-iżvilupp ta’ kimiċi, prodotti, proċessi u ktajjen ta’ valur ġodda għal swieq b’bażi bijoloġika f’żoni rurali u kostali, b’involviment u benefiċċji miżjuda għall-produtturi primarji.

-Opportunitajiet ġodda li jinħolqu għas-settur tal-forestrija sabiex tiġi sostitwita l-materja prima mhux sostenibbli fil-kostruzzjoni, l-imballaġġ b’materjali bijoloġiċi u sabiex jiġu pprovduti innovazzjonijiet iktar sostenibbli f’setturi bħal tessuti, għamara u sustanzi kimiċi bbażati fuq il-forestrija u mudelli ta’ negozju ġodda bbażati fuq il-valutazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema tal-forestrija.

-L-isfruttament tal-potenzjal tal-akkwakultura fl-oċeani - alka u riżorsi tal-baħar oħrajn - bi żvilupp u adozzjoni mis-suq ta’ industriji marini bbażati fuq il-prodotti bijoloġiċi, kif ukoll integrazzjoni ulterjuri tal-biedja marittima u dik ibbażata fuq l-art.

Azzjonijiet konkreti sabiex tiġi żviluppata din l-Aġenda ta’ Skjerament Strateġiku ser juru l-potenzjal kbir tal-bijoekonomija għall-iżvilupp ta’ żoni rurali, kostali u urbani. Ser jiġu implimentati azzjonijiet pilota (Azzjoni 2.2) li ser itejbu s-sinerġiji bejn l-istrumenti eżistenti tal-UE sabiex jappoġġjaw attivitajiet lokali, li jintroduċu fokus iktar espliċitu fuq il-bijoekonomija. Fl-ewwel rawnd, ser jitniedu ħames azzjonijiet pilota:

·Azzjoni pilota “Bijoekonomija Blu” se tiżblokka l-potenzjal tal-approċċi tal-bijoekonomija blu fiż-żoni kostali u l-gżejjer. L-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku rriżultat li hija metodu tajjeb “minn isfel għal fuq” sabiex il-fondi eżistenti jiġu direzzjonati lejn mudelli ta’ bijoekonomija adattati lokalment  42 . Azzjonijiet simili huma proposti sabiex jiġu estiżi għal baċiri tal-baħar oħrajn, kif ukoll żoni kostali u marittimi, inkluż permezz tal-użu tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. 

·Ser jiġu żviluppati interventi speċifiċi taħt il-Politika Agrikola Komuni sabiex jappoġġjawbijoekonomiji inklużivi f’żoni rurali. L-għan huwa li l-istrateġiji nazzjonali dwar il-bijoekonomija u l-pjanijiet strateġiċi nazzjonali jiġu konnessi aħjar taħt il-Politika Agrikola Komuni. It-tixrid ta’ prattiċi tajbin sabiex jitrawwem l-iskjerament tal-bijoekonomija ser jippermetti lill-produtturi primarji jibbenefikaw mill-opportunitajiet li joffru approċċi ġodda sistematiċi tal-bijoekonomija.

·L-azzjoni pilota tal-Bijoekonomiji urbani ser tippermetti 10 ibliet Ewropej jibdlu l-iskart organiku minn problema tas-soċjetà f’riżors ta’ valur għall-produzzjoni ta’ prodotti b’bażi bijoloġika. Barra minn hekk, ir-rijabilitazzjoni ta’ siti abbandunati u l-applikazzjoni tal-proċessi u t-teknoloġiji ċirkolari tal-bijoekonomija f’żoni urbani għandhom jiġu żviluppati iktar sabiex jiġi ddiversifikat il-ksib tal-bijomassa u sabiex jinħolqu opportunitajiet ġodda ta’ negozju.

·L-azzjoni pilota dwar is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola ser tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu fond sabiex jixtru krediti tal-karbonju minn bdiewa u sidien tal-foresti li jimplimentaw proġetti speċifiċi immirati sabiex iżidu s-sekwestru tal-karbonju fil-ħamrija u l-bijomassa u/jew inaqqsu l-emissjonijiet fis-settur tal-bhejjem jew li huma relatati mal-użu tal-fertilizzant.

·Ser jiġu stabbiliti “laboratorji ħajjin” għall-iżvilupp u l-ittestjar ta’ innovazzjonijiet ibbażati fuq il-post fuq il-bażi ta’ approċċi ekoloġiċi u ċirkolarità fil-produzzjoni primarja u s-sistemi tal-ikel. Dan ser jippermetti l-adattament tal-innovazzjonijiet għal ħtiġijiet speċifiċi għas-sit, li jinvolvu l-partijiet interessati rilevanti u jiffaċilitaw l-adozzjoni u l-iskjerament ulterjuri tagħhom.

Sabiex jiġi żgurat li t-territorji kollha tal-Unjoni jkollhom l-opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom tal-bijoekonomija, ser titwaqqaf faċilità ta’ appoġġ tal-politika tal-bijoekonomija tal-UE għall-Istati Membri (Azzjoni 2.3) taħt Orizzont 2020. Din ser tappoġġja l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali/reġjonali ta’ bijoekonomija, inklużi żoni remoti u pajjiżi kandidati u ta’ adeżjoni. 43  

In-natura sistemika u transsettorjali tal-approċċi bijoekonomiċi ġodda u emerġenti u l-ktajjen ta’ valur ġodda se jeħtieġu edukazzjoni u ħiliet ġodda (Azzjoni 2.4). Dawn għandhom ikunu adattati għal bżonnijiet differenti f’setturi differenti tal-bijoekonomija (eż. fl-punt fejn jiltaqgħu l-agroloġija, il-bijoraffinar, l-ekoloġija u dixxiplini oħra), b’ħili li jitwieġbu malajr u b’mod flessibbli il-ħtiġijiet emerġenti u li dejjem qed jikbru tal-bijoekonomija. It-twettiq ta’ proġetti pilota ta’ kurrikuli vokazzjonali u tal-edukazzjoni għolja, l-involviment tas-sħab soċjali u l-iżvilupp ta’ programmi tal-intraprenditorija se jikkontribwixxu għal din l-azzjoni. 

4.3 Fehim tal-konfini ekoloġiċi tal-bijoekonomija

Sabiex il-bijoekonomija tagħti riżultati fuq is-sostenibbiltà, irridu nkunu nistgħu nifhmu aħjar u nkejlu l-effetti u l-impatti tagħha fuq il-konfini ekoloġiċi tal-pjaneta tagħna. Dan huwa meħtieġ sabiex il-bijoekonomija tiġi żviluppata b’tali mod li ttaffi l-pressjoni fuq l-ambjent, tagħti valur u tipproteġi l-bijodiversità u ssaħħaħ il-firxa sħiħa tas-servizzi tal-ekosistema. L-azzjonijiet li ġejjin għandhom l-għan li jżidu l-għarfien ġenerali u l-monitoraġġ tal-bijoekonomija. Kull wieħed minnhom jirrispondi għall-bżonn li jkollna għarfien fil-fond tal-limiti tal-provvista ta’ bijomassa sostenibbli fil-livell lokali, reġjonali u globali. Dan l-għarfien se jikkontribwixxi għall-azzjonijiet operattivi l-oħra ta’ din l-istrateġija. Dawn l-azzjonijiet ser jipprovdu l-pedament sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekosistemi tal-art u tal-baħar, tittejjeb il-bijodiversità tagħhom u tiġi żgurata l-kontribuzzjoni tagħhom għall-mitigazzjoni tal-klima filwaqt li jittrasformaw l-ekonomija tagħna bbażata fuq il-fossili għal ekonomija b’bażi bijoloġika.

It-tisħiħ tal- bażi tal-għarfien u l-fehim tal-oqsma speċifiċi tal-bijoekonomija (Azzjoni 3.1) se jissejsu fuq il-kisba ta’ aktar data, li tiġġenera informazzjoni aħjar u analiżi sistematika (pereżempju permezz tal-intelliġenza artifiċjali) tad-data u l-informazzjoni inkluż:

-L-istatus u r-reżiljenza tal-(agrikoltura u l-foresti) terrestri u tal-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità tagħhom. Dan jinkludi l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjoekonomiċi relatati tagħhom, u l-kapaċitajiet tagħhom li jservi bħala sors tal-bijomassa domestika sostenibbli, il-qbid tal-karbonju u biex tiżdied ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima.

-Id-disponibbiltà tal-bijomassa sostenibbli kif ukoll investimenti tal-bijoekonomija pubbliċi u privati.

It-tisħiħ tal-bażi tal-għarfien se jinkludi valutazzjonijiet, mudellar u xenarji prospettivi u trans-settorjali. Il-progress fil-bijoekonomija ser ikun immonitorjat b’mod sistematiku għal governanza responsabbli u inklużiva u tfassil koerenti tal-politika. L-istatus tal-bijodiversità, l-ekosistema, iż-żoni tal-art degradata u l-art f’riskju ta’ impatti tat-tibdil fil-klima, bħad-deżertifikazzjoni ser jiġu mmonitorjati wkoll sabiex jiġu rrestswrati l-ekosistemi bbażati fuq l-art u marini. Il-Kummissjoni ser timplimenta sistema ta’ monitoraġġ koerenti internazzjonalment madwar l-UE kollha (Azzjoni 3.2) sabiex issegwi l-progress lejn bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari fl-Ewropa u sabiex tirfed oqsma ta’ politika relatati. L-għarfien miksub ser jintuża sabiex jipprovdi gwida volontarja għall-operat tal-bijoekonomija f’limiti ekoloġiċi sikuri (Azzjoni 3.3).

Il-benefiċċji minn ekosistemi b’ħafna bijodiversità ser ikunu integrati aħjar fil-produzzjoni primarja permezz ta’ appoġġ speċifiku għall-agroekoloġija, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq mikrobijoma, għodod ġodda għall-integrazzjoni ta’ pollinaturi fi ktajjen ta’ valur u appoġġ speċifiku għall-agroekoloġija (Azzjoni 3.4).

Id-data u l-informazzjoni ġġenerati f’dawn l-azzjonijiet ser isiru disponibbli għall-pubbliku permezz taċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Bijoekonomija.

5. Konklużjoni

Ir-riżorsi bijoloġiċi finiti u l-ekosistemi tal-pjaneta tagħna huma essenzjali sabiex in-nies ikollhom ikel, ikollhom ilma nadif u enerġija affordabbli u nadifa. Bijoekonomija sostenibbli hija essenzjali biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-ekosistemi u tal-art. Din se tindirizza d-domanda dejjem tikber għal ikel, għalf, enerġija, materjali u prodotti minħabba popolazzjoni dinjija dejjem tikber, u titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq riżorsi mhux rinnovabbli.

L-użu ta’ bijoekonomija sostenibbli u ċirkolari ser isaħħaħ il-kompetittività tas-setturi tal-bijoekonomija u jappoġġa l-ħolqien ta’ ktajjen ta’ valur ġodda madwar l-Ewropa filwaqt li jissaħħaħ l-istatus ġenerali tar-riżorsi naturali tagħna. Bijoekonomija bħal din ser tiddependi u tikkapitalizza prinċipalment fuq riżorsi sostenibbli rinnovabbli disponibbli domestikament, u fuq avvanzi fix-xjenzi, teknoloġiji u innovazzjonijiet li jgħaqqdu d-dinja fiżika, id-dinja diġitali u d-dinja bijoloġika flimkien, f’xi wħud mis-setturi u l-industriji l-iktar sinifikanti tal-UE.

Din l-Istrateġija tipproponi azzjonijiet sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp rurali u kostali, f’żoni remoti wkoll, filwaqt li tiżgura qsim iktar proporzjonat tal-benefiċċji ta’ bijoekonomija kompetittiva u sostenibbli fit-territorji Ewropej u l-ktajjen ta’ valur. Dawn l-azzjonijiet ser jiżguraw li l-bijoekonomija tirrispetta l-limiti tal-pjaneta tagħna. Bijoekonomija sostenibbli trid tagħti valur lir-riżorsi naturali u tnaqqas il-pressjonijiet ambjentali u żżid l-użu ta’ prodotti rinnovabbli sostenibbli, tirrestawra u ssaħħaħ il-funzjonijiet tal-ekosistemi u l-bijodiversità. Hija ser tippromwovi aktar sistemi u produzzjoni primarja fuq l-art u fil-baħar ta’ ikel ċirkulari u ta’ wara l-iskartar.

Il-provvediment ta’ bijoekonomija ċirkolari sostenibbli jfisser li l-prosperità ekonomika tagħna u s-saħħa tal-ambjent tagħna ser isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika proposti b’mod effettiv, il-Kummissjoni ser tirrapporta regolarment dwar il-progress tal-Pjan ta’ Azzjoni u hija impenjata sabiex tadatta l-attivitajiet li ma jikkontribwixxux għall-għanijiet tal-Istrateġija b’mod sodisfaċenti jew inkella li ma tkomplihomx.

Titolu tal-Azzjoni

Min

1 It-tisħiħ u l-iżvilupp tas-setturi b’bażi bijoloġika; żblukkar ta’ investimenti u swieq

1.1 Mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati pubbliċi u privati, fir-riċerka, id-dimostrazzjoni u l-iskjerament ta’ soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika sostenibbli, inklużivi u ċirkolari

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-Reġjuni, partijiet interessati

1.2 Tnedija tal-Pjattaforma ta’ Investment Tematika tal-Bijoekonomija Ċirkolari ta’ EUR 100 miljun

Il-Kummissjoni

1.3 Studju u analiżi ta’ abilitaturi u ostakli u provvediment ta’ gwida volontarja għall-iskjerament ta’ innovazzjonijiet b’bażi bijoloġika

Il-Kummissjoni

1.4 Il-promozzjoni u/jew l-iżvilupp ta’ standards u inċentivi emerġenti bbażati fuq is-suq, u t-titjib ta’ tikketti applikabbli għal prodotti b’bażi bijoloġika fuq il-bażi ta’ data affidabbli u komparabbli dwar il-prestazzjoni ambjentali u klimatika.

Il-Kumissjoni u l-Istati Membri/partijiet interessati

1.5 L-iffaċilitar tal-iżvilupp ta’ bijoraffineriji sostenibbli ġodda u l-konferma tat-tip u l-potenzjali stmat 44

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri

1.6  Investimenti ta’ riċerka u innovazzjoni għall-iżvilupp ta’ sostituti għal materjali bbażati fuq il-fossili b’bażi bijoloġika, riċiklabbli u bijodegradabbli fil-baħar, u ta’ metodi ta’ bijo-rimedjazzjoni permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ atturi ewlenin fil-ktajjen ta’ valur rilevanti inkluża il-katina ta’ valur tal-plastiks u għall-kontribuzzjoni għal ibħra u oċeani Ewropej mingħajr plastik, b’saħħithom u produttivi

Il-Kummissjoni, partijiet interessati

Titolu tal-Azzjoni

Min

2 L-iskjerament rapidu ta’ bijoekonomiji lokali madwar l-Ewropa

2.1 Aġenda ta’ Skjerament Strateġiku għal sistemi sostenibbli ta’ ikel u agrikoltura, forestrija u produzzjoni b’bażi bijoloġika f’bijoekonomija ċirkolari

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-settur privat, partijiet ikkonċernati

2.2 Azzjonijiet pilota sabiex jingħata appoġġ lill-iżvilupp lokali tal-bijoekonomija (rurali, kostali u urban) permezz ta’ strumenti u programmi tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-muniċipalitajiet u partijiet ikkonċernati oħrajn

2.3 It-twaqqaf ta’ faċilità ta’ appoġġ tal-politika tal-Bioekonomija tal-UE u Forum Ewropew dwar il-Bijoekonomija għall-Istati Membri

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri

2.4 Il-promozzjoni tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ħiliet madwar il-bijoekonomija

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri

3 Fehim tal-konfini ekoloġiċi tal-bijoekonomija

3.1 Titjib tal-għarfien dwar il-bijoekonomija, inkluż dwar il-bijodiversità u l-ekosistemi, sabiex tiġi użata f’limiti ekoloġiċi sikuri u ssir aċċessibbli permezz taċ-Ċentru tal-Għarfien għall-Bijekonomija

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, Organizzazzjonijiet Internazzjonali, IPBES

3.2 Tiżdied l-osservazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ kapaċitajiet u tinbena sistema ta’ monitoraġġ internazzjonalment koerenti madwar l-UE sabiex jiġi segwit il-progress ekonomiku, ambjentali u soċjali lejn bijoekonomija sostenibbli

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, is-settur privat

3.3 Il-provvediment ta’ gwida volontarja biex titħaddem il-bijoekonomija f’limiti ekoloġiċi sikuri

Il-Kummissjoni

3.4 Integrazzjoni aħjar tal-benefiċċji ta’ ekosistemi b’ħafna bijodiversità fil-produzzjoni primarja permezz ta’ appoġġ speċifiku għall-agroekoloġija, l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq mikrobijoma, u għodod ġodda sabiex jiġu integrati pollinaturi fil-ktajjeb tal-valur tal-provvista

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri, partijiet ikkonċernati

(1)    Il-bijomediċini u l-bijoteknoloġija tas-saħħa huma esklużi.
(2)    COM(2012)60, Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa, 13.02.2012.
(3) Dawn l-azzjonijiet ma jinvolvu l-ebda impenji baġitarji jew leġiżlattivi għall-Kummissjoni li jmiss filwaqt li l-implimentazzjoni konkreta ta’ dawn l-azzjonijiet jaf ittul sal-2025.
(4)    SWD(2017)374, Reviżjoni tal-Istrateġija dwar il-Bioekonomija għall-Ewropa, 13.11.2017.
(5)    Ittra ta’ Intenzjoni, Stat tal-Unjoni, Settembru 2018; https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/soteu2018-letter-of-intent_en.pdf
(6)    COM(2016)739, Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli: Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà, 22.11.2016.
(7)    SWD(2016)390, Azzjoni Ewropea ewlenija li tappoġġja l-Aġenda tal-2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, 22.11.2016 ; Ir-rapport ta’ monitoraġġ tal-Eurostat SDGs    .
https://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/9234939/8-18092018-AP-EN.pdf/888b182d-f6f9-4e0d-9e48-4b4e1561333e; Rapport tal-JRC,
The MAGNET model framework for assessing policy coherence and SDGs – Applications to the bioeconomy, 2018, ISBN 978-92-79-81792-2.
(8)    Ronzon, T. et al., Sustainability, 10, 6, 1745, (2018), doi: 10.3390/su10061745; ċifra annwali (data fir-rigward tal-2015).
(9)    Rapport ta’ EuropaBio, Jobs and growth generated by industrial biotechnology in Europe, 09.2016.
(10)    How can wood construction reduce environmental degradation? (Il-kostruzzjoni bl-injam kif tista’ tnaqqas id-degradazzjoni tal-ambjent?), Elias Hurmekoski (2017) http://www.efi.int/files/images/publications/efi_hurmekoski_wood_construction_2017.pdf
(11)    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni). L-adozzjoni formali hija mistennija sa tmiem l-2018 wara ftehim fuq livell politiku mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-13 ta’ Ġunju 2018.
(12)    COM(2017)479, Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE, 13.09.2017
(13)    Rapport ta’ EuropaBio, Jobs and growth generated by industrial biotechnology in Europe, 09.2016.
(14)    Linji gwida dwar l-użu bħala għalf ta’ ikel li ma jkunx għadu maħsub għall-konsum mill-bniedem; https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52018XC0416(01)&from=EN
(15)    https://eu-refresh.org/eu-panel-experts-concludes-feeding-treated-surplus-food-pigs-viable-provided-certain-safety-0
(16)    Circular Amsterdam: a vision and action agenda for the city and metropolitan area", Circle Economy, Fabric.two u Gemeente Amsterdam, 2016.
(17)    Rapport tal-EEA Nru 8/2018 - The circular economy and the bioeconomy Partners in sustainability, ISSN 1977-8449.
(18)    Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”, 20.11.2013.
(19)    COM(2018)2, Orizzont 2020 evalwazzjoni interim: nimmassimizzaw l-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE, 11.01.2018.
(20)    COM(2018)306, Aġenda Ewropea mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – iċ-ċans tal-Ewropa li ssawwar il-futur tagħha, 15.05.2018.
(21)    COM(2018)321, Baġit Modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi – Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-Ġdid 2021-2027, 02.05.2018.
(22)    COM(2018)435 L-Istabbiliment ta’ Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu, 07.06.2018.
(23)       http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/s3-thematic-platforms
(24)    SWD(2017)374, Reviżjoni tal-Istrateġija dwar il-Bioekonomija għall-Ewropa, 13.11.2017.
(25)    COM(2017)479, Ninvestu f’industrija intelliġenti, innovattiva u sostenibbli Strateġija mġedda għall-politika industrijali tal-UE, 13.09.2017
(26)    COM(2015)614, L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari, 02.12.2015.
(27)    COM(2016)860, Enerġija nadifa għall-Ewropej Kollha – l-iżblukkar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-Ewropa, 30.11.2016
(28)    COM(2017) 713, Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja, 29.11.2017; SWD(2016)319: Riċerka u Innovazzjoni Ewropea għas-Sigurtà Alimentari u Nutrizzjonali, 21.09.2016.
(29)    COM(2015)478, Rieżami ta’ nofs il-mandat dwar l-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020, 02.10.2015; L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, The European environment: state and outlook 2015.
(30)    Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-servizzi Ekosistemiċi, Sommarju għal dawk li jfasslu l-politika tal-valutazzjoni tematika tad-degradazzjoni u r-restawr tal-art, 2018.
(31)    SWD (2016) 418, Parti 4/4, Valutazzjoni tal-Impatt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bioenerġija, 30.11.2016.
(32)    Rapport ta’ EuropaBio, Impjiegi u tkabbir iġġenerati mill-bioteknoloġija industrijali fl-Ewropa, 09.2016
(33)     https://ec.europa.eu/growth/content/guidance-bio-based-products-procurement_en u https://biobasedprocurement.eu/
(34)    Id-Dikjarazzjoni Cork 2.0 - A Better Life in Rural Areas, 2016
(35) https://ec.europa.eu/research/bioeconomy/index.cfm?pg=policy&lib=ibf
(36) http://gbs2018.com/home/
(37)    Evalwazzjoni Interim tal-Impriża Konġunta tal-Industriji Bbażati fuq il-Prodotti Bijoloġiċi (2014-2016) li topera taħt Orizzont 2020, 10.10.2017, ISBN 978-92-79-67438-9.
(38)    Dan l-istrument finanzjarju qiegħed jipprovdi riżultati fil-pilastru finanzjarju tal-Pjattaforma ta’ Appoġġ Finanzjarju għall-Ekonomija Ċirkolari: http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-104_mt.htm
(39)    OECD, Meeting Policy Challenges for a Sustainable Bioeconomy, 2018, ISBN 9789264292345 ; BIO-TIC, A roadmap to a thriving industrial biotechnology sector in Europe, 2015.
(40)    Tiswir u alimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Plastik, COM/2018/028, Strateġija Ewropea dwar il-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari, 12.01.2018.
(41)    Opinjoni Xjentifika SAM Nru 3/2017, Food from the Oceans, 2017, ISBN 978-92-79-67730-4
(42)    SWD(2017)128, Rapport dwar l-Istrateġija tat-Tkabbir Blu Lejn tkabbir u impjiegi iktar sostenibbli fl-ekonomija blu, 31.03.2017; SWD(2017)118, L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjuni tal-Baħar Baltiku, 20.03.2017.
(43)    Pereżempju, l-inizjattiva BIOEAST toffri qafas ta’ riċerka u innovazzjoni strateġiku kondiviż għal bijoekonomiji sostenibbli fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; http://www.bioeast.eu/
(44)    Xi rapporti jistmaw dan il-potenzjal b’sa 300 bijorefineriji ġodda sal-2030.