12.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 425/12


Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-16 ta’ Ġunju 2017

li temenda d-Deċiżjoni C(2004) 4030 final dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) tat-Trattat dwar il-KE

(Il-Każ AT.38238 — Tabakk mhux Maħdum — Spanja)

(notifikat bid-dokument Nru C(2017) 4098)

(It-testi bl-Ingliż u bl-Ispanjol biss huma awtentiċi)

(2017/C 425/09)

Fis-16 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni C(2004) 4030 tal-20 ta’ Ottubru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE (issa l-Artikolu 101(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, “TFUE”). Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

1.   DAĦLA

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2004 (2), fil-Każ AT.38238 — Raw Tobacco — Spanja dwar proċedura skont l-Artikolu 81(1) tat-Trattat dwar il-KE (issa l-Artikolu 101(1) TFUE) (minn issa ’l quddiem “id-Deċiżjoni Tabakk mhux Maħdum — Spanja”), il-Kummissjoni imponiet multa b’total ta’ EUR 1 822 500 fuq World Wide Tobacco España, SA (“WWTE”) u l-kumpaniji prinċipali, responsabbli in solidum, minħabba prattiċi li nstabu li kienu bi ksur tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

2.   PROĊEDURA

(2)

WWTE ikkontestat id-Deċiżjoni Tabakk mhux Maħdum — Spanja fil-Kawża T-37/05. Permezz ta’ sentenza tat-8 ta’ Marzu 2011, il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment ir-rikors għal annullament ta’ WWTE u ffissat l-ammont tal-multa tagħha ta’ EUR 1 579 500, billi naqqset l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha b’EUR 243 000 bħala konsegwenza taż-żieda fit-tnaqqis ta’ klemenza ta’ WWTE, minn 25 % għal 35 %. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Mejju 2012 fil-Kawża C-240/11 P.

(3)

Alliance One International Inc. (“AOI”), is-suċċessur legali ta’ SCC, ikkontestat id-Deċiżjoni Tabakk mhux Maħdum — Spanja, flimkien ma’ SCTC u TCLT fil-Kawża T-24/05. Għall-kuntrarju ta’ WWTE, il-kumpaniji prinċipali ta’ WWTE ma appellawx f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis ta’ klemenza. Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu fir-rigward ta’ AOI u ta’ SCTC, iżda annullat ir-responsabbiltà għal kollox ta’ TCLT. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża C-628/10 P.

(4)

Għalkemm fil-Kawża T-24/05, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ta’ SCC u ta’ SCTC għal annullament kontra d-Deċiżjoni Tabakk mhux Maħdum — Spanja, il-Kummissjoni xorta ssib li huwa xieraq fid-dawl tal-każistika relevanti biex tkun applikata l-istess klemenza għal tnaqqis ta’ 35 % tal-multi ta’ SCC u ta’ SCTC (it-tnejn ħadu post l-AOI).

(5)

Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiki Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fit-30 ta’ Mejju 2017.

3.   DESTINATARJI

(6)

Id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-World Wide Tobacco España, SA, u lill-Alliance One International Inc.

4.   DEĊIŻJONI

(7)

Fl-Artikolu 3, it-tielet inċiż tad-Deċiżjoni C(2004) 4030, it-test jiġi emendat kif ġej:

“—

WWTE: EUR 1 579 500 (responsabbli in solidum mal-Alliance One International Inc.)”

(8)

L-imgħax fuq l-ammont tat-tnaqqis ta’ EUR 243 000, li jkun sar dovut lill-Kummissjoni minn meta sar il-pagament proviżorju fil-11 ta’ Frar 2005, għandu jiġi rritornat lil AOI.


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).

(2)  C(2004) 4030 final, sommarju ppubblikat fil-ĠU L 102 (19.4.2007, p. 14).