9.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/29


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa

(2017/C 185/05)

Relatur

Marie-Louise RÖNNMARK (SE/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Umeå

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa –Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività

COM(2016) 381 final

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

COM(2016) 382 final

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja u li tħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar l-istabbiliment ta’ Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja

COM(2016) 383 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u r-riżorsi disponibbli, l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet fuq il-gruppi prijoritarji fil-mira (eż. nies qiegħda, gruppi żvantaġġati, ċerti gruppi ta’ età, eċċ.).

Filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi nazzjonali , reġjonali u lokali u r-riżorsi disponibbli u li l-investimenti fil-kapital uman jistgħu jiġu ttrattati bħala investimenti soċjali , l-Istati Membri għandhom jiffokaw l-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet fuq il-gruppi prijoritarji fil-mira (eż. nies qiegħda, gruppi żvantaġġati, ċerti gruppi ta’ età, eċċ.) , filwaqt li jirrispettaw ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri .

Raġuni

L-inizjattivi meħuda fil-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet jistgħu jitqiesu bħala investimenti soċjali, li jagħtu flessibbiltà akbar meta niġu għall-infiq pubbliku u l-użu tal-fondi tal-UE għat-titjib tal-ħiliet. Il-miżuri li jimplimentaw il-garanzija tal-ħiliet għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali tas-swieq tax-xogħol.

Emenda 2

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

Premessa 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Il-Garanzija tal-Ħiliet għandha titwassal skont il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri u bbażati fuq l-impenn u l-interess tal-individwu li jipparteċipa fil-perkors ta’ titjib tal-ħiliet.

Il-Garanzija tal-Ħiliet għandha titwassal skont il-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni stabbiliti mill-Istati Membri u bbażati fuq l-impenn u l-interess tal-individwu li jipparteċipa fil-perkors ta’ titjib tal-ħiliet. L-offerta għal parteċipazzjoni fil-Garanzija tal-Ħiliet għandha tiddeskrivi l-għanijiet espliċiti li l-adult b’livell baxx ta’ kwalifiki għandu jissodisfa.

Raġuni

L-impenn tal-individwu b’rabta mat-titjib tal-ħiliet għandu jkun ibbażat biex jilħaq għanijiet konkreti.

Emenda 3

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

Punt 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

Jibbażaw it-tfassil tal-Garanzija tal-Ħiliet fuq tliet stadji: valutazzjoni tal-ħiliet, l-għoti ta’ offerta ta’ tagħlim flessibbli u ta’ kwalità u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-perkors tat-titjib tal-ħiliet.

Jibbażaw it-tfassil tal-Garanzija tal-Ħiliet fuq tliet stadji: valutazzjoni tal-ħiliet, l-għoti ta’ offerta ta’ tagħlim flessibbli u ta’ kwalità li tiddeskrivi l-għanijiet espliċiti li l-adult bi kwalifiki baxxi għandu jissodisfa, u l-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet miksuba permezz tal-perkors tat-titjib tal-ħiliet.

Raġuni

L-impenn tal-individwu b’rabta mat-titjib tal-ħiliet għandu jkun ibbażat biex jilħaq għanijiet konkreti.

Emenda 4

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

Punt 12

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

L-identifikazzjoni ta’ gruppi prijoritarji fil-mira għat-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet fil-livell nazzjonali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali u r-riżorsi disponibbli. Filwaqt li jkun qed isir dan, għandhom jitqiesu wkoll is-sess, id-diversità u l-preżenza ta’ diversi sottogruppi tal-popolazzjoni fil-mira.

L-identifikazzjoni ta’ gruppi prijoritarji fil-mira għat-twassil tal-Garanzija tal-Ħiliet fil-livell nazzjonali filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali, reġjonali u lokali u r-riżorsi disponibbli u li l-investimenti fil-kapital uman jistgħu jiġu ttrattati bħala investimenti soċjali . Filwaqt li jkun qed isir dan, għandhom jitqiesu wkoll is-sess, id-diversità u l-preżenza ta’ diversi sottogruppi tal-popolazzjoni fil-mira.

Raġuni

L-inizjattivi meħuda fil-qafas tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet jistgħu jitqiesu bħala investimenti soċjali, li jagħtu flessibbiltà akbar meta niġu għall-infiq pubbliku u l-użu tal-fondi tal-UE għat-titjib tal-ħiliet. Il-miżuri li jimplimentaw il-garanzija tal-ħiliet għandhom jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet reġjonali u lokali tas-swieq tax-xogħol.

Emenda 5

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija tal-Ħiliet

Punt 21

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda tal-KtR

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

Tippromwovi l-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza għal-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali u ta’ għodod ta’ valutazzjoni.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-KUMMISSJONI:

Bl-istess mod bħal fir-rigward tal-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija tiżviluppa oqfsa ta’ kompetenza korrispondenti għal ħiliet ewlenin oħra, u tippromwovi l-użu ta’ oqfsa ta’ kompetenza għal-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali u ta’ għodod ta’ valutazzjoni ; għandu jiġi kkunsidrat li s-sitwazzjoni inizjali fl-Istati Membri individwali tvarja ħafna .

Raġuni

L-oqfsa għall-ħiliet diġitali u l-intraprenditorija żviluppati mill-Kummissjoni huma passi essenzjali biex ikun hemm impatt aħjar. Għandhom jiġu żviluppati oqfsa korrispondenti għal ħiliet ewlenin oħrajn flimkien ma’ materjali ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni. Diġà hemm bosta inizjattivi ta’ suċċess fl-Istati Membri li jsegwu approċċ komprensiv. Kwalunkwe strateġija – li ssegwi minn strateġija nazzjonali – li tippromovi kompetenzi diġitali fil-livell Ewropew, ma għandhiex tmur kontra l-inizjattivi nazzjonali.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li l-kwistjoni dwar aġenda ġdida għall-ħiliet hija ta’ importanza kbira għall-iżvilupp kontinwu tal-Ewropa. L-investiment ekonomiku, soċjali u kulturali għandu impatt fit-tul u huwa ta’ importanza kbira. F’dan ir-rigward, il-KtR jilqa’ b’sodisfazzjon l-aġenda ġdida għall-ħiliet ġodda u jitlob li jsir kull sforz sabiex din tiġi implimentata malajr u b’mod effettiv. Dawn huma kwistjonijiet li jikkonċernaw bil-bosta l-livell lokali u reġjonali fl-Ewropa;

2.

jenfasizza li s-suq tax-xogħol qed isir aktar u aktar fluwidu. Hemm bżonn li n-nies ikunu versatili u flessibbli biex ikunu jistgħu jifilħu għal bidliet mhux mistennija u biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet ġodda li jinħolqu. Minbarra ħiliet speċifiċi għall-impjieg l-impjegaturi qegħdin dejjem iżjed ifittxu ħiliet “trasversali” jew “personali”. Dan huwa konformi mar-rekwiżit tal-ħajja moderna u tas-soċjetà inġenerali, li tagħmel persuni b’ħiliet u bbilanċjati mhux biss persuni b’rendiment aħjar fis-suq tax-xogħol iżda wkoll individwi infurmati aħjar, ċittadini aktar impenjati u konsumaturi aktar intelliġenti;

3.

jenfasizza l-ħtieġa għaċ-ċittadini Ewropej li għandhom lakuni fil-ħiliet bażiċi li, permezz ta’ miżuri biex isaħħu l-ħiliet tagħhom, jingħataw il-mezzi biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħajja tax-xogħol u jkunu jistgħu jsostnu lilhom innifishom. Dan huwa rilevanti kemm minn perspettiva individwali, u għas-soċjetà inġenerali. Dan l-aħħar fl-Ewropa feġġew sinjali ta’ nkwiet soċjali. Dan juri b’mod ċar ħafna li l-inklużjoni soċjali hi għan essenzjali għall-miżuri bażiċi tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mezz fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Jeħtieġ li ċ-ċittadinanza attiva – li jfisser l-aċċettazzjoni tal-valuri demokratiċi u l-għarfien ta’ xi jfisser li wieħed jerfa’ r-responsabbiltà b’mod attiv li jirrispetta dawn il-valuri – tinkludi lil kulħadd. Huwa għalhekk importanti, għal skopijiet ta’ integrazzjoni, li l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati, jibbenefikaw mill-Garanzija tal-Ħiliet f’forma adatta;

4.

jenfasizza, madankollu, li huwa importanti li l-ħiliet bażiċi jiġu mgħallma l-ewwel u qabel kollox fl-iktar stadji bikrija tal-edukazzjoni u, fi kwalunkwe każ, matul l-edukazzjoni obbligatorja;

5.

huwa tal-fehma li l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet hija miżura importanti biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet fl-Ewropa li tkopri l-firxa sħiħa tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet, minn dik bażika għal ħiliet trasversali kumplessi, u mit-trasversali għal dawk speċifiċi għal settur. Filwaqt li huwa importanti li tiġi żviluppata sensiela wiesgħa ta’ ħiliet minn età żgħira, l-aġenda tal-ħiliet hija rilevanti wkoll għal għadd ta’ kategoriji ta’ adulti: persuni li jeħtieġ li jtejbu l-ħiliet tagħhom sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew ikunu jistgħu jkomplu x-xogħol tagħhom, persuni li għandhom bżonn isibu mod kif jaħdmu f’oqsma oħra, persuni li jridu jkunu mobbli b’mod transkonfinali u persuni li jeħtieġu bażi biex ikomplu l-istudji u t-taħriġ tagħhom; iqis ukoll li huwa importanti li tiġi żgurata l-koerenza u l-komplementarjetà bejn u fl-edukazzjoni u fit-taħriġ inġenerali – b’mod partikolari fl-edukazzjoni vokazzjonali – u t-taħriġ ibbażat fuq l-impjieg biex ikun hemm miżuri għat-titjib tal-ħiliet;

Ħiliet bażiċi – Garanzija tal-Ħiliet

6.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni għal Garanzija tal-Ħiliet għat-titjib tal-opportunitajiet ta’ impjieg u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà għal adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki fl-Ewropa. L-offerta għall-parteċipazzjoni fil-Garanzija tal-Ħiliet għandha tinkludi għanijiet ċari fir-rigward tal-livell ta’ ħiliet u kwalifiki li għandhom jinkisbu u l-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw l-adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki. Din għandha tqis il-livell u n-natura ta’ ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol u, fejn possibbli, tagħmel użu mill-kompetenzi vokazzjonali li l-persuna diġà jkollhom. Dawn il-kwistjonijiet għandhom implikazzjonijiet sostanzjali għall-awtoritajiet lokali u reġjonali, minħabba li huma provvedituri tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg;

7.

jemmen li hemm bżonn ta’ rabta ċara bejn l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-miżuri sussegwenti ta’ edukazzjoni fil-forma ta’ pjan ta’ taħriġ individwali. Pjan ta’ tagħlim personalizzat li jkun maħsub kif imiss għandu jkollu l-għan li jipprovdi informazzjoni konkreta dwar l-istruttura, l-għanijiet u l-miri għall kull persuna.

8.

jemmen ukoll li jinħtieġ numru ta’ servizzi ta’ kwalità u effiċjenti ta’ informazzjoni u gwida professjonali tul il-ħajja kollha biex jappoġġjaw l-istabbiliment ta’ pjan ta’ tagħlim personalizzat. Dawn is-servizzi għandhom jipprovdu lill-persuna kkonċernata informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ tagħlim li huma mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom u li ser jgħinuhom jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dawn jistgħu jinkludu wkoll attivitajiet ta’ gwida, żjarat ta’ studju jew attivitajiet “sperimentali”, konsulenza dwar finanzjament tal-istudji, u informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ tagħlim, kif ukoll informazzjoni dwar l-aċċess għal forom differenti ta’ edukazzjoni u l-istituzzjonijiet edukattivi;

9.

jisħaq li l-għan tal-miżuri tat-taħriġ għandu jkun li l-individwi jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn biex ikunu jistgħu jidħlu jew jibqgħu fix-xogħol u s-soċjetà; jenfasizza l-urġenza li l-parteċipanti jkollhom ukoll il-possibbiltà li jikkombinaw l-istudji f’livelli differenti tas-sistema edukattiva u f’ambjenti differenti ta’ tagħlim adattati għall-individwi, sabiex ikunu jistgħu jiksbu mill-iżjed fis il-ħiliet meħtieġa għas-suq tax-xogħol u s-soċjetà, partikolarment għal dawk li jfittxu l-asil u r-refuġjati. Pereżempju, l-għarfien bażiku tal-lingwi jista’ jiġi kkombinat ma’ studji fil-livell tal-primarja, is-sekondarja jew il-livell postsekondarju; Għandhom jiġu ffaċilitati wkoll studji kkombinati max-xogħol;

10.

jiġbed l-attenzjoni li l-individwi fil-grupp tal-mira għandhom jingħataw l-aċċess għal forom differenti ta’ tagħlim, billi jingħata kas tad-disponibbiltà ta’ spazju u żmien għal kull individwu partikolari skont, pereżempju, fatturi ġeografiċi u soċjali, kif ukoll il-possibilità li jikkombinaw l-istudji tagħhom ma’ attivitajiet oħra u billi jitqiesu l-modi individwali differenti ta’ tagħlim. Il-Kumitat jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim – taħt superviżjoni adatta – permezz ta’ forom differenti ta’ tagħlim ibbażat fuq l-IT, pereżempju t-tagħlim mill-bogħod (f’ħin reali), u tagħlim ikkombinat jew forom oħra ta’ edukazzjoni miftuħa. Huwa wisq probabbli li t-teknoloġija se tiżviluppa b’rata mgħaġġla fis-snin li ġejjin, u l-isfida hija li l-attività edukattiva żżomm il-pass ma’ dan l-iżvilupp;

11.

jenfasizza li struttura bħal din għandha tinkludi wkoll attivitajiet ta’ outreach sabiex jintlaħqu l-gruppi żvantaġġati li jeħtieġu titjib tal-ħiliet fejn l-individwi nnifishom ma jitolbux taħriġ fuq l-inizjattiva proprja tagħhom. L-azzjonijiet f’dawn l-oqsma għandhom ikunu taħlita ta’ strumenti nazzjonali u fil-livell lokali u reġjonali. Dan jista’ jinvolvi, pereżempju, li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu responsabbli għall-identifikazzjoni tal-gruppi ta’ mira u jipprovdu inċentiv lil dawn il-gruppi, permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni ħalli mbagħad dawk li jikkwalifikaw ikollhom aċċess għal forom ta’ għajnuna li huma definiti fil-livell nazzjonali, pereżempju boroż ta’ studju speċjali, benefiċċji tat-taxxa jew liv għall-istudju. Il-Kumitat jenfasizza li l-atturi tas-soċjetà ċivili, bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, jistgħu jaqdu rwol importanti f’tali attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni;

12.

jaqbel ma’ dak li ssemma fil-komunikazzjoni, jiġifieri li l-impjegaturi ma għadhomx ifittxu ħiliet speċifiċi daqs qabel, iżda huma dejjem aktar interessati f’ħiliet trasferibbli, bħall-ħila li l-persuni jaħdmu f’tim, il-ħsieb kreattiv u s-soluzzjoni tal-problemi, kif ukoll il-kapaċità li joperaw f’oqsma differenti ta’ attività. Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ taħriġ, għandhom jiġu kkunsidrati dawn il-fatturi ġodda. Madankollu, jemmen li hemm bżonn jiġi żviluppat kontenut ta’ taħriġ speċifiku immirat għas-setturi ekonomiċi l-ġodda, bħal dawk tal-ekonomija ekoloġika u l-ekonomija blu;

13.

jappella għal kooperazzjoni abbażi ta’ sħubijiet bejn l-awtoritajiet nazzonali, reġjonali u lokali, l-intrapriżi, l-impjegati u l-organizzazzjonijiet tagħhom kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili, bl-għan li jkun hemm użu aħjar tal-ħiliet u l-kwalifiki miksuba permezz tat-tagħlim mhux formali u informali. Il-validazzjoni tal-ħiliet miksuba barra s-sistemi edukattivi formali tista’ ttejjeb sostanzjalment l-għarfien dwar liema ħiliet u kwalifiki ġodda huma meħtieġa;

14.

jenfasizza li, filwaqt li l-kontenut u l-organizzazzjoni tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ huma fil-kompetenza tal-Istat Membru, il-Garanzija tal-Ħiliet għandha tiġi żviluppata abbażi tal-kundizzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u tar-riżorsi disponibbli, iżda għandu jitqies ukoll li l-investiment fil-kapital uman huwa investiment soċjali. Il-Kumitat jenfasizza li l-possibbiltà ta’ kofinanzjament Ewropew, permezz ta’ programmi ta’ finanzjament eżistenti jew futuri, hija ta’ importanza kbira għall-implimentazzjoni ta’ garanzija tal-ħiliet fl-Istati Membri;

Ħiliet ewlenin u ħiliet ogħla u aktar kumplessi għal ċittadini kkwalifikati aħjar

15.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tkompli l-ħidma favur fehim komuni dwar il-ħiliet ewlenin sabiex dawn jiġu stipulati b’mod ċar fid-dokumenti nazzjonali ta’ gwida, jiġu riflessi fit-tagħlim, u jiġu evalwati fid-diversi livelli tat-tfassil tal-politika fi ħdan is-sistema edukattiva. Jeħtieġ li l-kwistjonijiet dwar l-importanza tal-ħiliet ewlenin, li għandhom ukoll l-għan li jagħtu s-setgħa lin-nies biex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol li qed jinbidlu b’pass mgħaġġel, jitqajmu f’kuntesti differenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Għalhekk dan għandu preferibbilment jinvolvi djalogu mill-qrib bejn ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-komunità, il-ħajja tax-xogħol, l-edukazzjoni, ir-riċerka u s-soċjetà ċivili;

16.

jemmen li huwa importanti li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fil-kwalità tagħhom, fost affarijiet oħra, ta’ provvedituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni tal-għalliema, għandhom ikunu involuti f’din il-ħidma malli tibda l-ħidma biex jiġu żviluppati l-attivitajiet ippjanati. B’hekk jiġi żgurat li l-ħiliet ikollhom impatt bl-aktar mezz veloċi possibbli. Jenfasizza li oqfsa ta’ referenza tal-Kummissjoni għall-ħiliet diġitali u intraprenditorjali huma passi importanti ħafna għal żvilupp bħal dan. Għalhekk, għandhom jiġu żviluppati oqfsa korrispondenti għal kompetenzi ewlenin oħrajn, bħall-ħiliet tal-litteriżmu finanzjarja flimkien ma’ materjali ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni;

Taħriġ vokazzjonali

17.

huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-Kummissjoni tkompli torganizza ġimgħat tematiċi u tikkoopera mal-World Skills Organisation. Dan, min-naħa tiegħu, iħeġġeġ u jappoġġja l-isforzi nazzjonali, reġjonali u lokali biex jippromovu t-taħriġ vokazzjonali permezz ta’ jiem ta’ informazzjoni u kompetizzjonijiet tal-ħiliet, inklużi attivitajiet “hands-on”;

18.

jilqa’ l-azzjoni tal-UE biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet li huma spiss partikolarment problematiċi għall-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali li huma iżgħar u rurali. F’dan ir-rigward, jistenna l-implimentazzjoni tal-proposta l-ġdida għal Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet biex jara jekk din l-iskema ġdida tistax tikkontribwixxi għal kooperazzjoni transsettorjali għall-gvern lokali u reġjonali. Tali pjattaforma ta’ kooperazzjoni transsettorjali tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomiji lokali, il-forza tax-xogħol u s-servizzi pubbliċi;

19.

jappoġġja l-idea tal-Kummissjoni li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippermettu tranżizzjoni gradwali mill-edukazzjoni ġenerali għal korsijiet ta’ taħriġ immirati f’oqsma professjonali differenti permezz tar-riorganizzazzjoni tas-sistema edukattiva tagħhom;

20.

jappoġġja l-idea li l-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet għal migranti ġodda, li ddaħħlu fid-dinja tax-xogħol malajr permezz ta’ miżuri mmirati, biex ikollhom aċċess għat-taħriġ kontinwu b’mod li jiġi evitat li iżjed ‘il quddiem jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol;

21.

jappoġġja l-ambizzjoni tal-Kummissjoni biex tixpruna firxa usa’ tat-taħriġ vokazzjonali bl-għan li jitjieb proporzjon akbar tat-taħriġ vokazzjonali. L-iżvilupp kif imiss ta’ sħubijiet bejn il-provvedituri tat-taħriġ, ir-riċerkaturi, in-negozji u l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandu jkun il-bażi għal skemi ta’ taħriġ bħal dawn;

22.

josserva li hemm bżonn li l-Kummissjoni tkompli taħdem sabiex it-taħriġ vokazzjonali jibqa’ jappoġġja aktar tagħlim tul il-ħajja, u li jippermetti t-tkomplija ta’ tagħlim ulterjuri f’livell ogħla ta’ ħiliet;

L-investiment fil-ħiliet diġitali

23.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali komprensivi għall-ħiliet diġitali;

24.

josserva li l-metodi ta’ tagħlim innovattivi u ta’ kwalità għolja u forom ta’ tagħlim b’kontenut diġitali jitolbu:

ambjenti ta’ tagħlim miftuħa, b’kundizzjonijiet ġodda u tipi ġodda ta’ tagħlim, il-bini tal-għarfien u tagħlim għal dinja diġitalizzata, u għalliema u amministraturi tal-iskejjel li huma familjari sew ma’ dawn il-kunċetti;

riżorsi edukattivi miftuħa, jiġifieri aċċess għall-għarfien, għall-modi ta’ tagħlim u forom oħra ta’ appoġġ għat-tagħlim onlajn;

il-promozzjoni ta’ netwerks kemm għall-persunal edukattiv kif ukoll għall-istudenti, pereżempju netwerks bejn skejjel u pajjiżi differenti;

25.

huwa tal-fehma li d-diġitalizzazzjoni hija opportunità biex jiġu indirizzati diversi mill-isfidi edukattivi. Dan jista’ jinvolvi:

il-possibbiltà ta’ tagħlim aktar personalizzat u inklużiv;

l-użu tagħha bħala għodda għall-migranti ġodda biex ikollhom taħriġ fil-lingwa, l-orjentazzjoni tagħhom fil-komunità u jkopru suġġetti għat-tagħlim kemm bil-lingwa materna tagħhom kif ukoll bil-lingwa tal-pajjiż ospitanti;

it-tagħlim fuq distanzi twal u t-tagħlim mill-bogħod, pereżempju sabiex jintlaħqu ż-żoni l-aktar remoti jew fejn ikun hemm nuqqas ta’ aċċess għal għalliema f’ċerti lingwi;

il-viżibbiltà tal-progress tal-istudent, liema ħaġa tiffaċilita l-ħidma ta’ valutazzjoni min-naħa tal-edukaturi u tnaqqas il-piż amministrattiv;

26.

jenfasizza li sabiex l-isforzi fil-qasam tal-ħiliet diġitali jagħtu l-frott, tinħtieġ tmexxija min-naħa tal-korp edukattiv iżjed b’saħħitha fid-diversi livelli edukattivi. L-enfasi fuq il-ħiliet diġitali fl-iskejjel tista’ tikkontribwixxi għal postijiet tax-xogħol iktar attraenti fejn l-għalliema jkollhom rieda iżjed qawwija u iżjed kapaċità jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom;

27.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ħiliet diġitali bażiċi – li kulħadd irid jikseb – u ħiliet iżjed speċifiċi relatati ma’ dixxiplini jew oqsma speċifiċi tal-għarfien;

Kwalifiki iżjed paragunabbli

28.

jistenna li r-reviżjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki tiżgura li l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki jiġu aġġornati fejn adatt u li r-rappurtar isir f’format standardizzat. Itenni, madankollu, li huwa fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiżviluppaw il-prinċipji li jiżguraw il-kwalità tal-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki;

29.

jenfasizza l-importanza li titkompla l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-assigurazzjoni tal-kwalità u jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea li jinħtieġ approċċ gradwali għal kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi dwar il-komparabilità tal-kwalifiki;

30.

jenfasizza li l-parti l-kbira ta’ dawn il-professjonijiet u l-oqsma okkupazzjonali qed tinbidel b’mod mgħaġġel, li qed jinħolqu okkupazzjonijiet ġodda, filwaqt li oħrajn ma għadhomx validi. Huwa importanti għalhekk li, għall-futur, id-deskrizzjonijiet u l-profili tal-ħiliet ikunu kapaċi jirriflettu suq tax-xogħol li qiegħed jevolvi malajr u jiġġedded. F’dan il-kuntest jeħtieġ li tingħata importanza partikolari lill-kompetenzi ewlenin;

Il-ħiliet u l-kwalifiki tal-migranti, inklużi dawk li qed ifittxu l-asil u r-refuġjati

31.

josserva li, bi qbil mad-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2016 (1), huwa estremament importanti li jiġu appoġġjati l-inklużjoni u l-integrazzjoni tar-refuġjati, il-persuni li jfittxu l-asil u l-persuni f’ċirkustanzi simili. Għalhekk huwa importanti li kemm jista’ jkun malajr l-Istati Membri jingħataw l-appoġġ fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw aċċess għall-identifikazzjoni tal-ħiliet, l-introduzzjoni għal-lingwi, it-titjib tal-ħiliet u miżuri oħra li jappoġġjaw l-integrazzjoni fil-ħajja tax-xogħol u dik soċjali. Huwa wkoll kruċjali li jkun possibbli li l-persuni b’edukazzjoni/kwalifiki miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom ikunu jistgħu jivvalutawhom mingħajr dewmien;

L-immodernizzar tat-tagħlim

32.

jilqa’ bi pjaċir il-wegħda tal-Kummissjoni li tagħti attenzjoni partikolari lill-innovazzjoni fil-qasam edukattiv fi ħdan l-aġenda għall-ħiliet, u jistenna li dan jiffaċilita wkoll l-akkwist ta’ kompetenzi ewlenin, bħala komponent essenzjali tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ fl-Ewropa;

33.

jemmen li l-Kummissjoni għandha tippromovi iżjed l-iżvilupp kontinwu tat-tagħlim iffukat fuq l-istudenti abbażi tal-aspetti tat-tagħlim diġitali imsemmijin fl-Opinjoni tal-KtR dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Niftħu l-Edukazzjoni” (2014) (2);

34.

Il-Kumitat ifakkar li t-twassil tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet se tiddependi mit-titjib tal-ħiliet tal-għalliema kollha, b’mod partikolari dawk involut fl-edukazzjoni tal-adulti u tat-tagħlim tal-komunità. L-appoġġ għall-persunal tat-tagħlim għandu jkun ikkunsidrat b’mod xieraq fil-pjani ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri u jistgħu jittieħdu passi biex titrawwem sensibilizzazzjoni dwar il-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE);

35.

jaqsam il-fehma tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu l-edukazzjoni u t-taħriġ kontinwu għall-għalliema u oħrajn involuti fl-implimentazzjoni tal-Garanzija tal-Ħiliet;

L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja

36.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taħdem ma’ diversi partijiet interessati fl-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-edukazzjoni għolja b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet relatati mal-valutazzjoni tal-ħiliet. Din il-ħidma għandha tikkunsidra l-oqfsa edukattivi nazzjonali tal-Istati Membri u l-vantaġġi u l-isfidi lokali u reġjonali differenti, inkluż il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol lokali u reġjonali; Jisħaq f’dan il-kuntest dwar il-bżonn li nitgħallmu mis-suċċessi u l-fallimenti ta’ eżerċizzji simili preċedenti sabiex jiġi żgurat l-impenn meħtieġ biex jintlaħaq kunsens u jsir progress fl-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja;

37.

jenfasizza, fir-rigward tal-inizjattiva mħabbra mill-Kummissjoni dwar stħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati, li tittejjeb l-informazzjoni dwar kif il-gradwati javvanzaw fis-suq tax-xogħol, li ma għandhiex tinħoloq burokrazija addizzjonali għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, u li dan lanqas m’għandu joħloq piż addizzjonali għall-istudenti; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data. Għal din ir-raġuni, l-idea dwar l-użu tal-informazzjoni dwar it-taxxa u s-sigurtà soċjali għal dawn il-pjani hija dubjuża;

Reviżjoni tal-qafas Europass

38.

jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex jiġi rivedut il-qafas Europass. Biex tkun żgurata informazzjoni preċiża u f’ħin reali dwar id-domanda u l-ħtieġa ta’ ħiliet, il-qafas Europass rivedut għandu jibbaża fuq esperjenzi lokali u reġjonali attwali. Għalhekk, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jagħtu kontribut siewi għall-informazzjoni dwar il-ħiliet u l-ħidma tal-pjattaforma tas-servizz onlajn proposta.

Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Rifuġjati: inklużjoni soċjali u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol. Il-Parlament Ewropew (2016) 297.

(2)  COM(2013) 654 final.