Brussell, 8.11.2016

COM(2016) 707 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi – Il-progress tal-UE lejn il-mira ta' -40%

(meħtieġ skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra u għar-rapportar ta' informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 280/2004/KE)

{SWD(2016) 349 final}


1.Ħarsa ġenerali

2.Azzjoni Domestika u Internazzjonali permezz ta' Finanzjament Klimatiku

3.Nimmitigaw l-Emissjonijiet tal-UE

4.L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima

5.Parteċipazzjoni fil-Politika Internazzjonali dwar il-Klima

6.Il-qsim ta’ esperjenza



Werrej tal-illustrazzjonijiet

Grafika 1: Progress lejn l-ilħiq tal-miri tal-Ewropa 2020    

Grafika 2: It-tibdil fil-PDG (f’termini reali), fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u fl-intensità tal-emissjonijiet tal-ekonomija (proporzjon bejn l-emissjonijiet u l-PDG) Indiċi (1990 = 100)    

Grafika3 Qabża relattiva, stmata (2015) u projettata, (2020) bejn l-emissjonijiet u l-miri tal-ESD (f’perċentwali tal-emissjonijiet tas-sena bażi tal-2005). Il-valuri negattivi u pożittivi jindikaw il-qbiż tal-miri u n-nuqqas ta’ lħuq tal-miri rispettivament.    

Grafika 4: L-użu tad-dħul mill-irkant fl-Istati Membri minfuqa fuq il-klima u l-enerġija skont is-settur (medja ponderata tal-UE) fl-2015    

Grafika 5: L-evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-politiki tal-ETS tal-UE, tas-Sorsi rinnovabbli, tat-Tassazzjoni u politiki oħra dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-kombustjoni    

1.Ħarsa ġenerali

1.1.Ratifika tal-Ftehim ta’ Pariġi

Fl-4 ta’ Ottubru 2016, l-UE rratifikat il-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, biex b’hekk jitħalla jidħol fis-seħħ fl-4 ta’ Novembru 2016. Fil-5 ta’ Ottubru 2015, l-UE ddepożitat l-istrumenti ta’ ratifika tagħha flimkien ma’ tmien Stati Membri li diġà lestew il-proċeduri nazzjonali ta’ ratifika tagħhom: L-Ungerija, Franza, l-Awstrija, Malta, il-Ġermanja, il-Portugall, il-Polonja u s-Slovakkja. Il-Greċja u l-Iżvezja ddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika tagħhom f’Ottubru 2016. L-Istati Membri l-oħra se jkomplu għaddejjin bil-proċessi interni ta’ ratifika tagħhom bil-għan li jiddepożitaw l-istrumenti ta’ ratifika tagħhom mill-aktar fis possibbli.

Il-Ftehim ta’ Pariġi huwa pass importanti għat-tisħiħ tal-azzjoni kollettiva u għall-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni globali lejn soċjetà b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għall-klima. Il-Kummissjoni ppreżentat il-valutazzjoni tagħha dwar il-Ftehim ta’ Pariġi f’Marzu 2016. Abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni, il-mexxejja Ewropej enfasizzaw l-impenn tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra lokalment u li żżid is-sehem tal-enerġiji rinnovabbli u ttejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif maqbul f’Ottubru 2014. L-adattament tal-leġiżlazzjoni sabiex jiġi implimentat dan il-qafas għadu prijorità għall-UE.

Il-Ftehim ta’ Pariġi se jissostitwixxi l-approċċ li ttieħed taħt il-Protokoll ta’ Kjoto tal-1997, li fih impenji sa tmiem l-2020. It-tieni fażi tal-Protokoll ta’ Kjoto sservi ta’ pont lejn il-ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2020. L-UE diġà qed tara r-riżultati tal-leġiżlazzjoni tagħha għall-2020 (id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ) u l-UE u l-Istati Membri tagħha huma fit-triq it-tajba biex flimkien jilħqu l-mira tagħhom għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto.

1.2.Progress lejn il-mira tal-2030 ta' mill-inqas -40 % 

Kif jidher hawn taħt fil-Grafika 1, fl-2015, l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE kienu 22 % inqas mil-livell tal-1990. Is-sehem tal-UE fl-emissjonijiet globali ukoll beda jonqos maż-żmien. Skont l-aħħar dejta disponibbli fil-bażi tad-dejta EDGAR, dan is-sehem kien 8.8 % fl-2012.

Grafika 1: Progress lejn l-ilħiq tal-miri tal-Ewropa 2020

 

L-emissjonijiet żdiedu bi ftit (b’ 0.7 %) fl-2015 wara tnaqqis sinifikanti ta’ 4% fl-2014. Minkejja li huwa rikonoxxut sew li s-sena 2015, globalment kienet l-iktar waħda sħuna fl-istorja, it-temp fl-Ewropa kien aktar kiesaħ fl-2015 milli kien fl-2014 b’żieda ta’ “l-għadd ta’ jiem ta’ tisħin” ta’ 4 %. Barra minn hekk, il-prezz tal-karburanti fossili, b’mod partikolari il-propellant, naqas ukoll fl-2015 u dan ikkontribwixxa għaż-żieda fix-xiri meta mqabbel mal-2014. F’terminu ta’ żmien medju għal twil, madankollu, l-emissjonijiet qed isegwu xejra ta’ tnaqqis.

Skont it-tbassir tal-Istati Membri, abbażi tal-miżuri eżistenti, l-emissjonijiet totali tal-UE fl-2030 huma stmati li se jinżlu 26% taħt il-livelli tal-1990. Qegħdin jiġu stabbiliti politiki ġodda ta’ mitigazzjoni sabiex tintlaħaq il-mira tal-UE, miftiehma f’Pariġi, ta’ tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40% fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990. Hekk kif jiġu implimentati dawn il-politiki, l-emissjonijiet tal-UE sejrin isegwu t-trajettorja mmarkata bl-aħdar fil-Grafika 1. Deskrizzjoni ta’ dawn l-istrumenti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tinsab fit-taqsimiet li ġejjin.

L-UE tkompli d-diżakkoppjament b'suċċess tat-tkabbir ekonomiku minn mal-emissjonijiet tagħha. Matul il-perjodu 1990-2015, il-PDG ikkombinat tal-UE żdied b’50 %, filwaqt li l-emissjonijiet totali (bl-esklużjoni ta' dawk mil-LULUCF, iżda inklużi dawk mill-avjazzjoni internazzjonali) naqsu bi 22 %. L-intensità tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra tal-ekonomija tal-UE, iddefinita bħala l-proporzjon bejn l-emissjonijiet u l-PDG, naqset kważi bin-nofs bejn l-1990 u l-2015.

Grafika 2: It-tibdil fil-PDG (f’termini reali), fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra u fl-intensità tal-emissjonijiet tal-ekonomija (proporzjon bejn l-emissjonijiet u l-PDG) Indiċi (1990 = 100)

1.3.Nimxu lejn il-miri tal-2020

Skont il-projezzjonijiet bbażati fuq il-miżuri eżistenti pprovduti mill-Istati Membri fl-2015, huwa mistenni li fl-2020 l-emissjonijiet se jkunu 24 % inqas milli kienu fl-1990. Fil-kuntest tal-Istrateġija 2020, l-UE impenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra fl-2020 b’ 20 % mil-livelli tal-1990. Għaldaqstant, l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq din il-mira interna.

L-Iskema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet hija l-pedament tal-politika tal-UE dwar il-klima. Dan japplika l-aktar għas-setturi industrijali u tal-enerġija. Bejn l-2005 u l-2015, l-emissjonijiet koperti mill-ETS tal-UE, li jirrappreżentaw ftit inqas minn nofs l-emissjonijiet totali fl-UE, naqsu b’24 %. Matul dan il-perjodu ta’ żmien, l-emissjonijiet barra l-ETS tal-UE naqsu bi 12 %. Huwa stmat li fl-2015, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra mill-installazzjonijiet parteċipanti fl-ETS tal-UE naqsu bi ftit inqas minn 0,4 %. Dan jikkonferma t-tendenza ta’ tnaqqis matul l-aħħar ħames snin. Barra minn hekk, l-eċċess ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li akkumula fis-sistema mill-2009 waqa' b’mod sinifikanti għal madwar 1.78 biljun kwota b’riżultat tal-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta' posponiment. Il-bilanċ pożittiv huwa għalhekk fl-inqas livell mill-bidu tal-perjodu ta’ negozjar attwali fl-2013. B'hekk ġie pospost l-irkant ta’ 400 miljun kwota fl-2014, 300 miljun fl-2015 u 200 miljun fl-2016. Dawn il-kwoti għandhom jiġu trasferiti fir-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR) li se tibda topera minn Jannar 2019 u se tindirizza l-eċċess attwali fil-kwoti. Aktar tard din is-sena se jiġi ppublikat rapport dwar il-funzjonament tas-suq tal-karbonju.

Skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD), jeħtieġ li l-Istati Membri jilħqu l-miri vinkolanti annwali għall-perjodu 2013–2020 rigward l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra f’setturi mhux koperti mill-ETS, pereżempju, il-bini, it-trasport, l-iskart u l-agrikoltura. Skont l-inventarju għall-2013 u l-2014 u l-inventarju approssimat għall-2015 (ara l-Grafika 2), 27 Stat Membru laħqu l-miri tagħhom għall-perjodu ta' tliet snin bejn l-2013 u l-2015. Malta biss qabżet il-mira ta’ emissjonijiet għal kull waħda minn dawn it-tliet snin. B'hekk l-emissjonijiet ta’ Malta huma ogħla minn dawk oriġinarjament stmati fil-projezzjonijiet nazzjonali. Għalhekk, il-pajjiż jeħtieġ li juża d-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (pereżempju x-xiri ta' kwoti mingħand Stati Membri oħra) u jista' jkun li jkollu jaġġorna wkoll il-projezzjonijiet għall-2020 abbażi tal-aħħar dejta dwar l-emissjonijiet.

Grafika3 Qabża relattiva, stmata (2015) u projettata, (2020) bejn l-emissjonijiet u l-miri tal-ESD (f’perċentwali tal-emissjonijiet tas-sena bażi tal-2005). Il-valuri negattivi u pożittivi jindikaw il-qbiż tal-miri u n-nuqqas ta’ lħuq tal-miri rispettivament.

Barra minn hekk, fl-2020, il-maġġoranza tal-Istati Membri huma mistennija li jilħqu l-miri tal-ESD, skont il-projezzjonijiet nazzjonali bbażati fuq il-politiki li diġà ġew implimentati. Skont il-projezzjonijiet tagħhom stess, xi Stati Membri għad jeħtiġilhom idaħħlu fis-seħħ miżuri addizzjonali jew jagħmlu użu mill-flessibbiltajiet fl-2020:

Fl-Irlanda, l-emissjonijiet huma mistennija li jibqgħu stabbli sal-2020, u l-emissjonijiet tat-trasport huma mistennija li jiżdiedu b’mod sinifikanti sa dak iż-żmien. F’Ġunju 2016, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew (ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika makroekonomika, baġitarja u strutturali fl-UE), il-mexxejja tal-UE rrakkomandaw lill-Irlanda biex tnaqqas l-emissjonijiet b’aktar investiment fit-trasport pubbliku.

Skont l-aktar projezzjonijiet nazzjonali reċenti, l-emissjonijiet tal-Lussemburgu se jaqbżu l-mira nazzjonali b'5% sal-2020.

Il-Belġju wkoll huwa mistenni li ma jilħaqx il-mira tal-2020 b’ 5%. Aktar investiment fl-infrastruttura tat-trasport u fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija jista' madankollu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. L-issuktar ta’ trattament favorevoli tal-karozzi tal-kumpaniji jikkontribwixxi għat-tniġġis, il-konġestjoni u l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

Skont il-projezzjonijiet tagħhom, l-Awstrija, id-Danimarka u l-Finlandja wkoll jistgħu jonqsu milli jilħqu l-miri tal-emissjonijiet tagħhom tal-2020, iżda b’marġni ta’ inqas minn 5 %. Jekk dawn il-miżuri addizzjonali ppjanati jiġu implimentati, madankollu, l-Awstrija u l-Finlandja xorta jistgħu jilħqu l-miri tagħhom.

1.4.Konformità mal-mira ta’ Kjoto għall-ewwel perjodu ta’ impenn u progress lejn il-mira tat-tieni perjodu ta’ impenn 

Fit-2 ta’ Awwissu 2016, l-UNFCCC ippubblikat r-rapporti finali tal-Partijiet Kontraenti tal-Protokoll ta’ Kjoto għall-ewwel perjodu ta’ impenn ("CP1") li jikkorrispondi għall-perjodu 2008–2012. 26 Stat Membru u l-UE bħala parti kontraenti ħadu impenn għal dan il-perjodu. Matul CP1, l-emissjonijiet tal-UE kienu ta' 23.5 Gt CO2 eq. mqabbla mal-mira kumulattiva ta’ 26.7 Gt CO2 eq. Din il-mira b'hekk intlaħqet b’marġni ta’ 12 % kif inhu spjegat f’iktar dettall fit-Tabella 7 tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal.

L-UE kollha kemm hi użat 21.8 biljun tal-Unitajiet tal-Ammont Assenjat (AAU), 818-il miljun Unità ta' Tnaqqis Iċċertifikat tal-Emissjonijiet (CERs), 1.6 miljun CER temporanja, 508 miljun Unità ta’ Tnaqqis tal-Emissjonijiet (ERUs), u 390 miljun Unità ta' Tneħħija (RMUs) għall-konformità. Hija refgħet aktar minn 4 biljun AAUs, 1.5 biljun CERs u 1.7 biljun ERUs. Unitajiet trasferiti jistgħu jintużaw għall-konformità mat-tieni perjodu ta’ impenn (“CP2”) soġġetti għar-regoli stabbiliti permezz tal-emenda ta’ Doha għall-Protokoll ta’ Kjoto. Madankollu, l-AAUs trasferiti ma jistgħux jintużaw għall-konformità mal-miri stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u l-użu ta’ CERs u ERUs huwa limitat mill-kwalità u l-kwantità.

Fit-tieni perjodu ta’ impenn (2013–2020), it-28 Stat Membru kollha impenjaw ruħhom b’mod konġunt għal mira komuni tal-UE kollha. Skont il-projezzjonijiet tal-Istati Membri, l-UE u t-28 Stat Membru tagħha huma fit-triq it-tajba biex tintlaħaq u tinqabeż din il-mira.

2.Azzjoni Domestika u Internazzjonali permezz ta' Finanzjament Klimatiku

2.1.Mobilizzazzjoni tad-dħul mill-irkant ta’ kwoti tal-ETS tal-UE

L-użu tad-dħul mill-irkant mill-Istati Membri

Fl-2015, l-irkant tal-kwoti tal-ETS iġġenera dħul ta’ EUR 4.9 biljun għall-Istati Membri, li minnu 98% ġie minn installazzjonijiet fissi u 2% mis-settur tal-avjazzjoni. Skont l-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni, l-Istati Membri nefqu jew kien beħsiebhom jonfqu 77 % ta’ dan id-dħul għal skopijiet relatati mal-klima.

Kif jidher fil-Grafika 4, dan id-dħul intefaq skont il-prijoritajiet tal-Istati Membri. Pereżempju, l-Ungerija dan l-aħħar iddeċidiet li tinvesti parti minn dan id-dħul fl-elettromobbiltà. Franza u r-Repubblika Ċeka jonfqu l-biċċa l-kbira tad-dħul fuq l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Il-priorità ta' Spanja hija l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli. Aktar informazzjoni dwar l-użu tad-dħul mill-irkant se tkun disponibbli fl-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija li jmiss.

Grafika 4: L-użu tad-dħul mill-irkant fl-Istati Membri minfuqa fuq il-klima u l-enerġija skont is-settur (medja ponderata tal-UE) fl-2015

NER 300

Il-Programm NER 300 huwa wieħed mill-ikbar programmi ta’ finanzjament fid-dinja għal proġetti innovattivi ta’ dimostrazzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju ffinanzjat permezz tal-irkant ta' 300 miljun kwota tal-ETS. Taħt il-programm NER 300, 37 proġett tal-enerġija rinnovabbli u proġett wieħed tal-qbid u ħżin tad-diossidu tal-karbonju ntgħażlu għal finanzjament fi 19-il Stat Membru. Tlieta minn dawn diġà qegħdin joperaw u jipproduċu enerġija nadifa. Il-finanzjament totali min-NER 300 huwa ta' EUR 2.1 biljun, li huwa mistenni jwassal għal investiment privat addizzjonali ta' EUR 2.7 biljun.

2.2.L-integrazzjoni tal-politiki dwar il-klima fil-baġit tal-UE

Bħala medja, matul il-perjodu 2014–2020, mill-inqas 20% tal-baġit tal-UE huwa mistenni li jintefaq fuq prioritajiet marbuta mal-klima. Dan huwa mistenni li jkun ta’ madwar EUR 200 biljun. Is-sitwazzjoni tvarja skont l-istrumenti:

-Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (ESIFs) jikkostitwixxu aktar minn 43 % tal-baġit tal-UE. 28 ftehim ta’ sħubija u aktar minn 530 programm speċifiku għall-fondi jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-linji ta’ politika dwar il-klima. Twaqqfet metodoloġija komuni biex jiġi determinat il-livell ta’ appoġġ għall-għanijiet relatati mat-tibdil fil-klima. Se jintużaw aktar minn EUR 115 biljun bħala appoġġ għall-għanijiet relatati mal-azzjoni klimatika, li jikkorrispondu għal madwar 25 % tal-fondi totali.

-Il-politika agrikola komuni (PAK). Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) flimkien jirrappreżentaw 39 % tal-baġit tal-UE. Mill-1990, l-emissjonijiet li mhumiex CO2 li għandhom x’jaqsmu mal-agrikoltura naqsu b’24 % fl-UE. L-appoġġ għal agrikoltura favur l-ambjent, permezz tal-PAK, ta kontribut għal dan id-diżakkoppjament. Il-politika tal-PAK dwar l-iżvilupp rurali, pereżempju, tappoġġa l-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli sabiex inaqqsu l-konsum tal-enerġija, jipproduċu l-enerġija rinnovabbli, itejbu l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u b’hekk jitnaqqsu l-emissjonijiet. Huwa stmat li EUR 13.6 biljun mill-baġit tal-PAK għall-2015 kien rilevanti għall-klima.

-Orizzont 2020. Dan il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka, jirrappreżenta EUR 79 biljun għall-perjodu 2014–2020 (li huwa 7% tal-baġit totali tal-UE). Huwa mistenni li mill-inqas 35 % ta' dan il-finanzjament se jiġi investit fi proġetti relatati mal-klima. L-aħħar dejta turi li r-riċerka mmirata lejn l-isfidi tas-soċjetà (pereżempju l-enerġija, it-trasport u l-ikel) huma qrib li jiksbu din il-mira ta’ 35 %. Madankollu, il-partijiet "bottom-up" tal-Orizzont 2020 (jiġifieri sejħiet għall-proposti miftuħa tematikament) għadhom lura. Livell ogħla ta’ ambizzjoni u azzjoni korrettiva għalhekk se jkunu meħtieġa biex tintlaħaq il-mira ta’ integrazzjoni ta’ 35 %.

L-industrija u l-awtoritajiet Ewropej nedew ukoll għadd ta' sħubijiet pubbliċi-privati (PPP), bħal dik tal-Industrija tal-Ipproċessar Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija (“Sustainable Process Industry through Resource and Energy Efficiency”), sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 fl-industrija u l-bini. Analiżi reċenti turi li dawn il-PPPs jipprovdu tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-enerġija u l-emissjonijiet ta’ CO2.

Ir-riżultati tal-COP21 u d-dimensjoni tal-innovazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi jgħinu biex jiġi indirizzat il-vojt fil-programmi ta’ ħidma futuri li jkopru l-perjodu 2018–2020. Barra minn hekk, il-pjan strateġiku integrat għat-teknoloġija tal-enerġija (il-pjan SET) huwa l-ewwel riżultat tanġibbli tar-riċerka u l-innovazzjoni bħala parti mill-Unjoni tal-Enerġija, u dan jagħti impetu ġdid lill-iżvilupp ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju permezz ta' koordinazzjoni aħjar u prijoritizzazzjoni tax-xogħol. Huwa jiffoka fuq għaxar linji ta’ azzjoni ewlenin immirati lejn it-twettiq tal-prijoritajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni tal-Enerġija, ibbażati fuq valutazzjoni tas-sistema tal-enerġija, l-importanza tagħhom fit-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-potenzjal li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi fl-UE. Dawn l-azzjonijiet jindirizzaw il-katina kollha tal-innovazzjoni, mir-riċerka bażika sal-penetrazzjoni tas-suq, kemm f’termini ta’ finanzjament kif ukoll fir-rigward tal-qafas regolatorju. Huwa jipproponi wkoll prodott finanzjarju ġdid imsejjaħ "Energy Demo Projects facility" (faċilità għal proġetti ta' dimostrazzjoni dwar l-enerġija) li ġie żviluppat flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għal proġetti uniċi ta’ dimostrazzjoni kummerċjali fuq skala kbira.

-Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa garanzija ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE, flimkien ma’ allokazzjoni ta’ EUR 5 biljun tar-riżorsi tal-BEI stess. Dan il-fond jappoġġa investimenti strateġiċi f’oqsma ewlenin bħall-infrastruttura, l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, kif ukoll il-finanzjament ta’ riskju għan-negozji ż-żgħar. Huwa kapaċi jingrana EUR 315-il biljun. Il-FEIS diġà ffinanzja proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, inklużi proġetti tat-trasport, tal-industrija u l-ħażna tal-enerġija relatati ma' sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Fis-16 ta' Settembru 2016, il-Kummissjoni pproponiet estensjoni tal-fond biex tiffoka aktar fuq proġetti innovattivi u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju għall-perjodu 2018-2020. Il-proposta ssaħħaħ il-kunċett ta' "addizzjonalità" biex jiġi żgurat li jintgħażlu biss proġetti li mingħajr il-FEIS kieku ma kinux iseħħu. Fid-dawl tal-importanza tagħhom għas-suq uniku, il-proġetti tal-infrastruttura transkonfinali, inklużi s-servizzi, ġew identifikati speċifikament bħala sors tal-adizzjonalità. Il-proposta għandha twassal għal total ta' mill-inqas nofs triljun euro ta' investiment sal-2020. Il-Kummissjoni appellat lill-koleġiżlaturi biex iqisu l-proposta tagħha bħala kwistjoni ta' prijorità.

-Is-sottoprogramm LIFE għal azzjoni dwar il-klima fl-2015 ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika u l-leġiżlazzjoni dwar il-klima permezz ta’ għotjiet ta’ azzjoni u strumenti finanzjarji. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni allokat EUR 56 miljun lil 40 proġett b’valur miżjud Ewropew f’termini ta’ mitigazzjoni, adattament jew governanza u informazzjoni fil-qasam tal-klima. Madwar 30 organizzazzjonijiet mhux governattivi, primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent u l-azzjoni klimatika rċevew finanzjament ta’ EUR 10 miljun minn għotjiet operattivi. Sar ukoll progress fir-rigward ta' żewġ strumenti finanzjarji. Ġew iffirmati tliet operazzjonijiet PF4EE (Spanja, Franza, ir-Repubblika Ċeka). Fil-kuntest tal-NCFF, twettaq studju ta' diliġenza dovuta biex jiġu vvalutati żewġ operazzjonijiet li jistgħu jiġu ffirmati fil-ħarifa tal-2016.

-Strumenti ta’ azzjoni esterna. B’segwitu għall-Ftehim ta’ Pariġi u b'appoġġ għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi ġirien fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni tagħhom dwar il-klima, il-baġits tal-għajnuna tal-UE jintegraw ukoll il-klima.

2.3.Apoġġ lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp  

Wara l-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-appoġġ biex il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jimplimentaw il-kontribuzzjonijiet determinati nazzjonalment (NDCs) għandu rwol importanti fil-ksib tat-trasformazzjoni lejn ekonomiji b’emissjonijiet baxxi.

Waqt il-Konferenza dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Copenhagen fl-2009, il-pajjiżi żviluppati impenjaw ruħhom għall-għan fit-tul li flimkien jimmobilizzaw USD 100 biljun fis-sena mill-2020 għal azzjonijiet ta' mitigazzjoni siewja u t-trasparenza fl-implimentazzjoni. Dan il-finanzjament se jiġi minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi, inklużi pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali, u sorsi alternattivi ta’ finanzjament. Waqt il-Konferenza ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima tal-2015, il-partijiet li huma pajjiżi żviluppati qablu li jkomplu l-għan kollettiv eżistenti tagħhom ta' mobilizzazzjoni sal-2025 u stabilixxew għan kollettiv kwantifikat ġdid b'limitu minimu ta’ USD 100 biljun kull sena.

L-impenn ta' USD 100 biljun għen biex il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima jiżdied b’mod sinifikanti fil-kuntest tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u permezz ta’ banek multilaterali tal-iżvilupp. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-ikbar sors ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u pprovdew aktar minn EUR 68 biljun fl-2014. Fl-2015, l-UE, il-BEI u l-Istati Membri taw EUR 17.6 biljun f'għajnuna lil pajjiżi fil-fażi ta' żvilupp biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

3.Nimmitigaw l-Emissjonijiet tal-UE

F’Ottubru 2014, il-mexxejja tal-UE laħqu ftehim dwar l-elementi ewlenin tal-Qafas ta' Politika tal-UE għall-Klima u l-Enerġija għall-2030. L-UE stabbiliet mira vinkolanti u li tapplika għall-ekonomija kollha ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' mill-anqas 40 % sal-2030, imqabbla mal-livelli tal-1990. Dan l-impenn huwa konformi ma' mogħdija kosteffettiva biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima fuq terminu twil u sar il-bażi għall-impenn internazzjonali tal-UE fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Għandu jitwettaq mill-Istati Membri kollha kollettivament.

Biex tibda l-implimentazzjoni ta’ dak l-impenn, f’Lulju 2015, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal riforma tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet (ara t-taqsima 3.1). F’Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat miżuri li jindirizzaw l-elementi oħra ewlenin tal-ekonomija li se jikkontribwixxi għal azzjoni klimatika: is-setturi tal-bini, it-trasport, l-iskart, l-agrikoltura, kif ukoll l-użu tal-art u l-forestrija (ara t-taqsima 3.2).

Il-Kummissjoni qiegħda tressaq ukoll l-inizjattivi previsti fil-kuntest tal-Istrateġija ta’ Qafas għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika tal-Klima li Tħares ’il Quddiem, biex jiġu indirizzati l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport u r-riċerka u l-iżvilupp u biex tiġi żviluppata l-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.1.Reviżjoni tal-ETS tal-UE - ir-raba’ fażi (2021-2030) 

Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni ta’ Lulju 2015 dwar ir-reviżjoni tal-ETS tal-UE għar-raba’ fażi bħalissa qiegħda tiġi eżaminata mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. L-għan tal-proposta huwa li jinkiseb tnaqqis ta’ 43 % fl-emissjonijiet ETS tal-UE sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2005.

3.2.Proposti leġiżlattivi għal Regolamentazzjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u dwar l-Użu tal-Art għall-2021-2030

F’Ottubru 2014, il-mexxejja tal-UE ħadu impenn politiku biex inaqqsu l-emissjonijiet minn setturi tal-ekonomija li mhumiex koperti mill-ETS tal-UE bi 30% sal-2030 meta mqabbla mal-2005. Ftiehmu wkoll li s-setturi kollha, inkluż l-użu tal-art, għandhom jikkontribwixxu għall-ilħiq tal-obbligi tal-UE taħt il-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima.

Id-Deċiżjoni attwali dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi, li tobbliga lill-Istati Membri biex jilħqu miri annwali vinkolanti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra f’setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS ħlief għall-użu tal-art, tapplika għall-perjodu 2013–2020. Fl-20 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ miżuri biex titħaffef it-tranżizzjoni għal emissjonijiet baxxi tal-karbonju fis-setturi kollha tal-ekonomija fl-Ewropa għall-perjodu 2021-2030 b’reazzjoni għall-impenn politiku tal-2014. L-ewwel proposta leġiżlattiva tistabbilixxi miri annwali vinkolanti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b'effett ta' serra għall-2021–2030 għas-setturi li mhumiex regolati mill-ETS tal-UE inkluż il-bini, l-agrikoltura, il-ġestjoni tal-iskart, it-trasport u ċerti attivitajiet industrijali.

L-iffissar ta’ miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa bbażat fuq l-ekwità, is-solidarjetà, il-kosteffettività u l-integrità ambjentali. Il-proposta tirrikonoxxi kapaċitajiet differenti li għandhom l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni b’miri differenzjati abbażi tal-PDG per capita. Dan jiżgura ġustizzja minħabba li l-Istati Membri bi dħul ogħla jerfgħu miri aktar ambizzjużi minn Stati Membri bi dħul aktar baxx. Il-miri tal-2030 ivarjaw minn 0 % sa -40 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005.

Il-mexxejja tal-UE rrikonoxxew ukoll li approċċ ibbażat biss fuq PGD per capita relattiv jirriżulta fi spejjeż ta’ konformità relattivament għoljin għal ċerti Stati Membri bi dħul għoli. Il-miri ta’ Stati Membri bi dħul għoli huma għaldaqstant aġġustati fil-proposta biex jirriflettu l-kosteffettività. Żewġ flessibbiltajiet ġodda strettament limitati huma proposti wkoll - l-Istati Membri eliġibbli jistgħu jaċċessaw kwota mill-ETS tal-UE, u l-Istati Membri kollha huma permessi li jużaw azzjoni mtejba fis-setturi tal-użu tal-art biex jilħqu l-miri vinkolanti tagħhom.

It-tieni proposta leġiżlattiva tikkonċerna l-emissjonijiet tas-CO2 u t-tneħħija tagħhom mill-użu tal-art agrikola u l-forestrija (LULUCF), u tistabbilixxi impenn vinkolanti għal kull Stat Membru u r-regoli tal-kontabilità biex tiġi stabbilita l-konformità. Il-proposta tirrikjedi li kull Stat Membru jiżgura li ammonti kkalkulati tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-użu tal-art ikunu kompletament ikkumpensati bit-tneħħija ekwivalenti ta’ CO₂ mill-atmosfera permezz ta’ azzjoni fis-settur. Pereżempju, jekk Stat Membru jaqta' s-siġar mill-foresti (deforestazzjoni), dan għandu jikkumpensa għall-emissjonijiet li jirriżultaw permezz tat-tħawwil ta’ siġar ġodda (l-afforestazzjoni), billi jtejjeb il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti , tar-raba’ u tal-bwar eżistenti tiegħu, jew inkella permezz ta’ aktar tnaqqis f’setturi tal-Kondiviżjoni tal-Isforzi.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija bbażata fuq bilanċ tajjeb bejn aktar inċentivi għall-qbid tal-karbonju fil-ħamrija u l-foresti u l-ħtieġa li tinżamm l-integrità ambjentali tal-qafas tal-UE dwar il-klima, sabiex tinċentivizza t-tnaqqis tal-emissjonijiet fis-setturi tal-bini, it-trasport u l-agrikoltura. Hija tinkludi wkoll il-possibilità li l-Istati Membri jinnegozjaw fi krediti tal-LULUCF.

L-użu tal-art u l-forestrija jinkludu l-użu tal-ħamrija, tas-siġar, tal-pjanti, tal-bijomassa u l-injam, u jinsabu f’pożizzjoni unika sabiex jikkontribwixxu għal politika tal-klima effettiva. Dan minħabba li s-settur mhux biss jemetti gassijiet b'effett ta' serra iżda jista' wkoll ineħħi s-CO₂ mill-atmosfera.

3.3.Is-settur tat-trasport bit-triq 

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat strateġija Ewropea għall-mobilità b’livell baxx ta’ emissjonijiet, bħala parti minn pakkett ta’ miżuri biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa. It-trasport huwa responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta' serra fl-Ewropa u huwa l-kawża prinċipali tat-tniġġis tal-arja fl-ibliet.

L-istrateġija tistabbilixxi ambizzjoni ċara: sa nofs is-seklu, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mit-trasport jeħtieġu jonqsu b'60% mil-livelli tal-1990 u jkunu fit-triq it-tajba biex jinżlu għal żero. L-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja mit-trasport huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem u jeħtieġu li jitnaqqsu drastikament mingħajr dewmien. Aħna u nilqgħu dawn l-isfidi nsibu opportunitajiet biex nimmodernizzaw l-ekonomija Ewropea u nsaħħu s-suq intern.

L-istrateġija tinkwadra l-azzjonijiet li l-Kummissjoni qed tippjana għas-snin li ġejjin, billi tiffoka b’mod speċjali fuq it-trasport bit-triq, li jammonta għal 70 % tal-emissjonijiet mit-trasport u l-biċċa l-kbira tat-tniġġis tal-arja. Dawn l-azzjonijiet jindirizzaw tliet oqsma ewlenin: (i) effiċjenza mtejba fis-sistema tat-trasport, (ii) enerġija alternattiva b'emissjonijiet baxxi għat-trasport, u (iii) vetturi b'emissjonijiet baxxi u b'emissjonijiet żero. Barra minn hekk, din it-trasformazzjoni se tkun appoġġata minn faċilitaturi orizzontali bħalma huma l-Istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-politika industrijali, is-suq uniku diġitali u l-aġenda tal-ħiliet.

3.4.Is-sistema ta' monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV) tat-trasport marittimu tal-UE 

L-UE ilha tappoġġa b'mod attiv approċċ globali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport marittimu internazzjonali, li huwa sors qawwi ta’ emissjonijiet u li qiegħed ukoll dejjem jikber. F’April 2015 ġie adottat Regolament li waqqaf sistema ta' MRV għat-trasport marittimu fl-UE kollha, u dan kien l-ewwel pass fl-istrateġija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’dan is-settur. Dan ir-Regolament jirrikjedi li bastimenti kbar ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa li jużaw il-portijiet tal-UE wara l-1 ta’ Jannar 2018 għandhom jimmonitorjaw u, aktar tard, jirrapportaw l-emissjonijiet annwali verifikati tagħhom ta' CO2 flimkien ma' dejta oħra relatata mal-enerġija.

Is-sistema ta’ MRV tal-UE għall-emissjonijiet tat-trasport marittimu ġiet iddisinjata biex tikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta' sistema internazzjonali fis-settur tat-trasport marittimu. Id-diskussjonijiet dwar dan għaddejjin fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali. Is-sistema MRV dwar it-trasport marittimu fl-UE se tipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda biex ikun jista' jintlaħaq qbil dwar l-istandards ta’ effiċjenza għall-bastimenti eżistenti. Ladarba tiġi adottata sistema globali, il-leġiżlazzjoni tal-MRV tal-UE teħtieġ lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tagħha bl-għan ta’ allinjament tas-sistema tal-UE fejn xieraq.

3.5.Il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju

Fir-rapporti ppreżentati lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-CCS, l-Istati Membri indikaw li, minkejja n-nuqqas ta’ valutazzjoni pożittiva tal-fattibbiltà teknika u ekonomika ta’ modernizzar għas-CCS, impjanti ġodda ġeneralment jisbqu r-rekwiżiti legali u qed iwarrbu art għal modernizzar possibbli għas-CCS jekk il-kundizzjonijiet jinbidlu fil-futur. Iktar tagħrif se jingħata fit-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-ħżin ġeoloġiku tad-dijossidu tal-karbonju, li huwa ppjanat għall-pubblikazzjoni aktar tard din is-sena. Ir-rapport jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn l-aħħar żviluppi relatati mat-tħejjija ta’ siti tal-ħżin, l-esplorazzjoni u l-permessi, it-tħaddim ta’ impjanti kbar tal-enerġija, pjanijiet nazzjonali sabiex jiżviluppaw l-infrastruttura tat-trasport u tal-ħżin tas-CO2 u proġetti ta’ riċerka b’relevanza għad-Direttiva.

3.6.Gassijiet F

Ir-Regolament Ewropew ġdid għall-kontroll ta’ emissjonijiet minn gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (gassijiet F), ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015. Huwa jsaħħaħ il-miżuri eżistenti (jiġifieri l-konteniment ta’ gassijiet permezz tad-detezzjoni ta’ tnixxijiet, l-installazzjoni ta’ tagħmir minn persunal imħarreġ, l-irkupru ta’ gassijiet użati, eċċ.) u jintroduċi l-eliminazzjoni b’mod gradwali ta’ gassijiet idrofluworokarburi (HFC) li mistennija twassal għal tnaqqis b’żewġ terzi fl-emissjonijiet totali tal-gassijiet fluworurati sal-2030 meta mqabbel mal-livelli tal-2014. Fl-2016, il-kwoti meħtieġa legalment għat-tqegħid tal-HFCs fis-suq tal-UE tnaqqsu għal 93 % tal-livelli tal-2015. Ir-Regolament dwar il-gassijiet F jipprojbixxi wkoll it-tqegħid ta’ gassijiet fluworurati fis-suq, f’ċerti ċirkostanzi, jekk jeżistu alternattivi. Pereżempju, mill-1 ta’ Jannar 2016 hemm fis-seħħ projbizzjoni fuq tagħmir tat-tifi tan-nar li juża l-HFC-23.

3.7.Governanza 

Il-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija, adottat mill-Kapijiet ta’ Stat tal-UE f’Frar 2015, se jiżgura li l-Ewropa jkollha enerġija sigura, affordabbli u favur il-klima. Dan se jeħtieġ investimenti kbar fil-ġenerazzjoni, in-netwerks u l-effiċjenza enerġetika, stmati għal madwar EUR 200 biljun kull sena fl-għaxar snin li ġejjin. L-għanijiet ta’ din l-Istrateġija jistgħu jinkisbu biss jekk il-politiki nazzjonali jkunu koerenti ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra u jikkumplementaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija u l-klima.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-mexxejja tal-UE qablu li fuq il-livell tal-UE, għandha tiġi żviluppata sistema ta’ governanza affidabbli u trasparenti mingħajr piż amministrattiv żejjed. Ġie speċifikat ukoll li din is-sistema ta’ governanza se tintegra l-ippjanar strateġiku u r-rappurtar dwar l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima u l-enerġija. Qabel tmiem l-2016, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta għas-simplifikazzjoni tal-ippjanar eżistenti, , tal-obbligi ta’ rappurtar u l-monitoraġġ kif ukoll dwar il-proċess ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Huwa previst li mill-2021 ’il quddiem, ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi jkun jifforma parti mir-rapport ta’ monitoraġġ regolari mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' proposta futura għal Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija.

3.8.L-inizjattivi tas-swieq tal-karbonju u s-Sħubija għad-Disponibbiltà tas-Suq (PMR)

L-UE tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ strumenti bbażati fuq is-suq, bħalma hi l-ETS, bħala għodda ewlenija li tmexxi tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet domestiċi. Dan jinkiseb permezz ta’ għajnuna teknika bilaterali u ta’ skambju, prinċipalment fiċ-Ċina u fil-Korea t’Isfel, iżda wkoll permezz ta’ inizjattivi multilaterali mwettqa mill-Bank Dinji, bħalma huma s-Sħubija għad-Disponibbiltà tas-Suq (PMR) li l-UE hija l-kontributur ewlieni tagħha. Din is-sena kien hemm estensjoni tal-appoġġ bilateral għaċ-Ċina, u l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ fondi fi ħdan il-PMR lejn appoġġ għall-analiżi bil-quddiem tal-politika tal-ipprezzar tal-karbonju b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-impenji skont il-Ftehim ta’ Pariġi. Enfasi fuq l-azzjoni domestika tibqa’ għan ewlieni għall-impenn internazzjonali fis-swieq.

4.L-Adattament għat-Tibdil fil-Klima 

L-Istrateġija tal-UE tal-2013 dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima għandha l-għan li tħejji lill-UE għall-impatti kurrenti u futuri tat-tibdil fil-klima. Hija tippromwovi l-azzjoni ta’ adattament fl-UE kollha, u tiżgura li l-adattament jiġi integrat fil-politiki rilevanti kollha tal-UE filwaqt li tiggarantixxi koordinazzjoni, skambju ta’ informazzjoni u koerenza mtejba. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ adattament u se twettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni.

Ix-xejriet ġenerali jinkludu dawn li ġejjin:

Ħafna mill-Istati Membri qed jindirizzaw l-ippjanar tal-adattament u qed jidentifikaw ir-riskji u l-vulnerabbiltajiet għat-tibdil fil-klima. 21 Stat Membru adottaw strateġiji nazzjonali ta’ adattament, filwaqt li ħafna mill-Istati Membri l-oħrajn għadhom qed iħejju l-istrateġiji nazzjonali ta’ adattament tagħhom. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għad iridu jiddefinixxu u jimplimentaw pjanijiet għal azzjonijiet ta’ adattament.

Is-setturi identifikati l-aktar għall-integrazzjoni tal-adattament huma l-ġestjoni tal-ilma u r-riżorsi tal-ilma, il-foresti u l-forestrija, l-agrikoltura, il-bijodiversità u l-ekosistemi u s-saħħa tal-bniedem. Kif imsemmi fl-istrateġija globali dwar il-politika barranija u tas-sigurtà ppreżentati lill-Kunsill Ewropew matul dan is-sajf, it-tibdil fil-klima jamplifika s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitt fl-UE.

Inqas minn nofs l-Istati Membri qed jimplimentaw l-adattament f’setturi ewlenin.

L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni għadhom fi stadju bikri fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.

Ġew intensifikati l-ħidma fil-livell tal-bliet u l-politika urbana dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima. Bil-Patt il-ġdid tas-Sindki, l-adattament ġie integrat mal-isforzi ta’ mitigazzjoni f’inizjattiva Ewropea li tinvolvi kważi 7,000 belt madwar id-dinja. Il-politika dwar il-klima fil-bliet ġiet appoġġata mir-rikonoxximent li l-Ftehim ta’ Pariġi ta lill-bliet bħala atturi ewlenin fl-implimentazzjoni.

5.Parteċipazzjoni fil-Politika Internazzjonali dwar il-Klima

5.1.L-Avjazzjoni 

Il-politika tal-avjazzjoni

L-UE ilha tappoġġa l-iżvilupp ta’ approċċ globali biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta’ CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali, u kienet ukoll involuta f'dan il-qasam. Minn żmien il-ftehim li sar fit-38 Laqgħa tal-ICA fl-2013 biex tiġi żviluppata miżura globali bbażata fis-suq, l-ICAO kienet qiegħda taħdem b'mod attiv fuq it-tfassil ta' miżura bħal din flimkien mal-Istati Membri tagħha. L-ICAO għażlet l-iskema ta’ tpaċija għall-emissjonijiet tal-karbonju bl-għan li tistabbilizza l-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali fil-livelli tal-2020. Riżoluzzjoni dwar tali miżura li għandha tiġi implimentata mill-2020, ġiet adottata fid-39 Assemblea tal-ICAO kmieni f’Ottubru 2016. Abbażi tal-livell ta’ parteċipazzjoni fl-ewwel fażi tal-iskema volontarja għaddejja sal-2027, l-emissjonijiet koperti huma madwar 80% ta’ dawk li huma meħtieġa biex tinkiseb in-newtralità tal-karbonju mill-2020. Dan l-ewwel pass se jeħtieġ li jiġi appoġġat minn elementi ewlenin tat-tfassil tal-iskema, b’mod partikolari regoli dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet u kriterji ta’ eliġibbiltà għal unitajiet ta’ emissjonijiet, kif ukoll l-istabbiliment ta’ reġistru. Dawn huma elementi ewlenin f’termini ta’ effikaċja u integrità, u kollha se jkollhom ikunu fis-seħħ qabel l-2020 biex l-iskema tibda topera skont il-pjan.

Wara li l-assemblea tieħu deċiżjoni dwar miżura globali bbażata fis-suq għall-avjazzjoni, il-Kummissjoni se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżitu tal-Assemblea u, jekk xieraq, se tipproponi reviżjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS tal-UE għall-avjazzjoni.

L-impatt ġenerali tal-avjazzjoni fuq it-tibdil fil-klima

L-emissjonijiet totali rrappurtati mis-settur tal-avjazzjoni jirrappreżentaw 3.6% tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett serra tal-UE fl-2015. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-emissjonijiet jiġu minn titjiriet internazzjonali. Minkejja li r-rata medja ta’ fjuwil maħruq għal kull passiġġier-kilometru fl-ajru niżel bi 19% bejn l-2005 u l-2014, l-emissjonijiet tas-CO2 żdiedu b’ 5% matul l-istess perjodu.

L-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu (NOx), l-aerosols u l-prekursuri tal-aerosols (in-nugrufun u s-sulfat) u żieda fis-sħab qed jikkontribwixxu wkoll għat-tibdil fil-klima. Il-Flightpath 2050 tal-UE tirrikonoxxi tali fatturi li mhumiex CO2 u ssejjaħ għal tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-ossidi tan-nitroġenu sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-2000. F’dawn l-aħħar snin kien hemm sforzi biex jiġu vvalutati l-impatti ta’ fatturi li mhumiex CO2 fuq it-tibdil fil-klima. Studju parzjalment iffinanzjat mill-programm tal-UE għall-finanzjament tar-riċerka msejjaħ “QUANTIFY” pprova jwettaq stima tal-impatti globali tal-avjazzjoni. Dan ikkonkluda li fl-2005, l-avjazzjoni rrappreżentat sehem ta' madwar 3.5% tal-infurzar antropoġeniku kollu (jiġifieri bidla fil-bilanċ tal-enerġija tad-dinja minħabba l-attività ekonomika tal-bniedem).

5.2.It-tnaqqis gradwali tal-idrofluworokarburi skont il-Protokoll ta’ Montreal

L-UE kienet attiva ħafna fin-negozjati ta’ ftehim ambizzjuż globali taħt il-Protokoll ta’ Montreal biex jiġu limitati il-produzzjoni u l-użu globali tal-idrofluworokarburi (HFCs). Ix-xjenza tissuġġerixxi li tnaqqis gradwali imma ambizzjuż tal-HFCs jista’ jipprevjeni t-tisħin globali sa 0.5 °C sal-aħħar tas-seklu. Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-UE dwar il-gassijiet fluworinati fl-2015 u l-emenda proposta ppreżentata mill-UE fl-2015 għenu biex jinbena kunsens dwar l-Emenda ta' Kigali, li ġiet adottata fil-15 ta’ Ottubru 2016, u dan huwa pass sinifikanti ’il quddiem fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-azzjoni bikrija dwar l-HFCs fil-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Karibew, l-Afrika, ix-Xlokk tal-Asja u l-Paċifiku, il-Kummissjoni Ewropea tipprovdi appoġġ finanzjarju għal proġetti speċifiċi f’dawn ir-reġjuni.

6.Il-qsim ta’ esperjenza

Il-Kummissjoni Ewropea twettaq regolarment evalwazzjonijiet ex post tal-politiki dwar il-klima sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-motivaturi ewlenin li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet u biex jiġi kkwantifikat l-impatt tal-politiki dwar il-klima fuq l-emissjonijiet. L-ewwel studju bbażat fuq analiżi tad-dekompożizzjoni juri li t-tnaqqis fl-emissjonijiet osservat mill-1990 u l-progress f’termini ta’ intensità tal-emissjonijiet tal-ekonomija (ara l-Grafika 2) ġew xprunati prinċipalment mill-bidla u l-innovazzjoni teknoloġika. Iċ-ċaqliq relattiv bejn is-setturi ekonomiċi, inkluż mill-industrija għas-servizzi, kellu effett marġinali fl-UE bħala medja. Għaldaqstant, id-diżakkoppjament li jidher fil-Grafika 2 jista' jiġi spjegat prinċipalment minn żviluppi teknoloġiċi li jippermettu li l-PGD jiżdied filwaqt li jintremew inqas gassijiet b’effett ta' serra.

Żewġ mudelli bbażati fuq l-ekonometrija ġew żviluppati fl-2016 sabiex jintwera kif il-politika dwar il-klima tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Minħabba l-limitazzjonijiet tal-metodoloġiji użati, setgħu jiġu analizzati biss l-emissjonijiet tas-CO2mill-kombustjoni fl-2012–1990. L-ewwel mudell jipprovdi stima kwantitattiva tal-impatt tal-ETS tal-UE fuq l-emissjonijiet. It-tieni mudell, ibbażat fuq approċċ differenti, jikkwantifika l-impatt tal-politiki nazzjonali fuq l-emissjonijiet, inklużi t-taxxi tal-enerġija u t-trasport u l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli.

Il-Grafika 5 tipprovdi illustrazzjoni simplifikata tar-riżultati tal-analiżi ta’ hawn fuq matul il-perjodu 1990–2012. F'din ir-rappreżentazzjoni, it-tnaqqis mill-ETS jidher bl-aħmar. It-tnaqqis mit-taxxi fuq l-enerġija u t-trasport kif ukoll mill-politiki tal-enerġija rinnovabbli wkoll huwa rappreżentat. Dawn huma mqabbla mal-emissjonijiet attwali, li jidhru bil-blu, fin-naħa t'isfel. It-total jirreferi għall-emissjonijiet li kieku kienu jirriżultaw fin-nuqqas ta’ dawn il-politiki.

Għal raġunijiet ta’ sempliċità metodoloġika, wieħed jassumi fil-graff li l-ETS ma kellha l-ebda effett fuq l-użu tal-enerġija rinnovabbli jew fuq politiki oħra. Deskrizzjoni aktar dettaljata tal-metodoloġiji u l-limiti tagħhom hija pprovduta fuq is-sit web tad-DĠ Azzjoni Klimatika.

Grafika 5: L-evalwazzjoni ex post tal-impatt tal-politiki tal-ETS tal-UE, tas-Sorsi rinnovabbli, tat-Tassazzjoni u politiki oħra dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-kombustjoni

Il-Grafika 5 hawn fuq turi li mingħajr il-politiki dwar il-klima elenkati hawn fuq, fl-2012, l-emissjonijiet ta’ CO2 kieku kienu jkunu 30 % ogħla minn dak li ġie osservat. Barra minn hekk, huwa ċar li l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli huwa fattur deċiżiv fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u li t-tassazzjoni u l-ETS għandhom impatt ukoll fuq l-emissjonijiet. Dawn l-evalwazzjonijiet ex post jikkonkludu li l-politika tal-klima taħdem peress li tnaqqas l-emissjonijiet u tistimula l-użu ta’ teknoloġiji nodfa.

F’Lulju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat ukoll evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi sal-2015. L-evalwazzjoni kkonkludiet li, għalkemm id-Deċiżjoni kienet għada fi stadju bikri ta’ implimentazzjoni, l-impenji li ttieħdu taħt id-Deċiżjoni kkontribwixxew biex jiġu stimolati politiki nazzjonali ġodda li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni tejbet ukoll il-koordinazzjoni bejn il-gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali. Politiki li kienu parti mill-pakkett dwar il-klima u l-enerġija tal-2020, b’mod partikolari dawk dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-enerġija rinnovabbli, ukoll kellhom rwol.