Brussell, 5.10.2015

COM(2015) 493 final

2013/0246(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox inkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE


2013/0246 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill tal-adozzjoni ta' Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjaġġi kollox inkluż u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE

1.Sfond

Id-data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
COM(2013) 512 final, 2013/0246 (COD)

9 ta' Lulju 2013

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
INT/710 - CES5087-2013

11 ta' Diċembru 2013

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

12 ta' Marzu 2014

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata:

Mhux applikabbli

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

18 ta' Settembru 2015

2.L-objettiv tal-proposta mill-Kummissjoni

Il-proposta għandha l-għan li timmodernizza r-regoli dwar il-pakketti tal-ivvjaġġar li bħalissa jinsabu fid-Direttiva 90/314/KEE. L-inklużjoni ta’ kombinazzjonijiet personalizzati ta’ servizzi tal-ivvjaġġar, b’mod partikolari dawk mixtrija onlajn, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida, għandha żżid iċ-ċertezza legali u t-trasparenza kemm għal vjaġġaturi u negozji, tnaqqas id-detriment tal-konsumaturi assoċjat ma’ dawn il-kombinazzjonijiet u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn in-negozji tal-ivvjaġġar.

L-ikkwalifikar ta’ kombinazzjonijiet ta’ servizzi tal-ivvjaġġar bħala pakketti, li jipprovdu protezzjoni sħiħa, kuntrarjament għal arranġamenti assistiti tal-ivvjaġġar , bi protezzjoni limitata f’forma ta’ protezzjoni mill-insolvenza, jew bħala servizzi uniċi ta’ vjaġġar jiddependi fuq il-mod li bih il-prenotazzjoni tas-servizzi rilevanti hija ppreżentata lill-vjaġġatur. Pereżempju, kuntratt uniku dwar is-servizzi kollha, proċess uniku ta’ prenotazzjoni jew prezz inklużiv jew totali se jwassal għall-ħolqien ta’ pakkett. Fl-istess ħin, il-vjaġġaturi għandhom jingħataw informazzjoni ċara dwar in-natura tal-prodott tal-ivvjaġġar li qed jiġu offruti u tip ta’ protezzjoni li jistgħu jistennew.

Barra minn hekk, il-proposta għandha l-għan li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet transfruntieri permezz ta’ aktar armonizzazzjoni u mekkaniżmu espliċitu ta’ rikonoxximent reċiproku għall-protezzjoni mill-insolvenza. Għandha l-għan ukoll li tneħħi spejjeż ta’ konformità mhux meħtieġa għan-negozji relatati ma’ dispożizzjonijiet skaduti fl-era diġitali (pereż. dawk relatati mal-ħtiġijiet ta’ informazzjoni f’forma ta’ fuljetti).

Objettiv ieħor huwa biex jingħalqu l-lakuni legali fil-protezzjoni tal-konsumatur, pereż. permezz ta’ drittijiet addizzjonali ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt u regoli aktar stretti għal żidiet fil-prezzijiet.

Huwa stmat li din id-Direttiva l-ġdida ser tirdoppja s-sehem ta’ vjaġġi protetti minn 23 % għal 46 % fis-suq tal-ivvjaġġar tal-UE. Billi tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi li jixtru kombinazzjonijiet tal-ivvjaġġar onlajn, il-proposta għandha l-għan li żżid il-fiduċja tal-konsumatur u tista' tikkontribwixxi indirettament għall-għan tal-Kummissjoni biex tingħata spinta lis-Suq Uniku Diġitali.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi trilogi informali fil-5 ta' Mejju 2015, sussegwentement appoġġati mill-Kunsill tal-Kompetittività fit-28 ta' Mejju 2015.

Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim peress li hu konformi mal-objettivi tal-proposta tal-Kummissjoni.

Il-ftehim iżomm l-approċċ differenzjat fir-rigward ta’ pakketti u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (imsejjaħ “arranġament assistit tal-ivvjaġġar” fil-proposta tal-Kummissjoni). Huwa jżomm is-sustanza tad-definizzjoni ta’ pakketti u l-livell ta' protezzjoni assoċjata, filwaqt li jagħmel ċerti aġġustamenti rigward id-definizzjoni ta’ arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta u l-protezzjoni mill-insolvenza mogħtija lil vjaġġaturi li jixtru dawn l-arranġamenti. Fl-istess ħin, ikompli jsaħħaħ it-trasparenza għall-vjaġġaturi billi jżid formoli obbligatorji ta' informazzjoni.

Skont il-pożizzjoni tal-Kunsill, huwa ċar li d-Direttiva l-ġdida se tkun ibbażata fuq armonizzazzjoni sħiħa, b’xi eċċezzjonijiet limitati fejn, minħabba tradizzjonijiet jew approċċi legali differenti, l-Istati Membri se jitħallew iżommu soluzzjonijiet differenti. Dan jikkonċerna b’mod partikolari l-possibbiltà li l-bejjiegħa bl-imnut isiru responsabbli għall-prestazzjoni ta’ pakkett minbarra l-organizzaturi jew biex jipprovdu għal dritt ta’ rtirar għal kuntratti ’l barra mill-post tan-negozju, iżda mhux għal kuntrattionlajn jew kuntratti oħra mill-bogħod.

Ċerti kjarifiki tar-regoli dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali u rimedji għal nuqqas ta’ konformità fil-prestazzjoni tal-kuntratt se jżidu l-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li kriterji dettaljati għal sistemi ta’ protezzjoni mill-insolvenza għandhom jiżguraw li l-protezzjoni attwali mogħtija skont ir-regoli tal-Istati Membri se tkun tista' titqabbel aħjar, biex b’hekk tissaħħaħ il-bażi għal rikonoxximent reċiproku.

Il-fatt li t-test maqbul jobbliga lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar ibbukkjar li jsir onlajn magħmul f’punti ta’ bejgħ differenti u b’mod partikolari dwar il-punt (b) (v) tal-punt 2 tal-Artikolu 3 tal-abbozz ta’ Direttiva diġà tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, se jkun diffiċli li jintlaħaq minħabba l-perjodu qasir li fih id-Direttiva se tkun ilha applikabbli f’dak il-mument. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li din is-soluzzjoni kienet meħtieġa sabiex il-Kunsill u l-Parlament jilħqu ftehim u, għalhekk, huwa aċċettabbli.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.