17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/56


P8_TA(2015)0351

Opportunitajiet indaqs u trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (2014/2160(INI))

(2017/C 349/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (1) (tfassil mill-ġdid),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Marzu 2014 dwar it-tisħiħ tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta’ trasparenza (C(2014) 1405),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Diċembru 2013 bit-titolu “Rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid)” (COM(2013)0861),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f’Isem il-Mara” (COM(2010)0078),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta’ Marzu 2011;

wara li kkunsidra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QtĠ-UE), ibbażata fuq l-Artikolu 157 tat-TFUE,

wara li kkunsidra l-'Gender Equality Index Report' tal-'European Institute for Gender Equality',

wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-1994 dwar Xogħol Part Time tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), li jeżiġu li l-pajjiżi jinkorporaw fil-kuntratti tal-akkwisti pubbliċi tagħhom klawżola dwar ix-xogħol li tinkludi l-kwistjoni ta’ pagi indaqs,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 tal-ILO dwar Remunerazzjoni Ugwali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 34/180 tat-18 ta’ Diċembru 1979,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Diċembru 2014 bit-titolu “Being Trans in the European Union”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Settembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema rġiel u nisa għall-istess xogħol jew għal xogħol ta’ valur ugwali (3),

wara li kkunsidra l-Valutazzjoni dwar l-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2006/54/KE prodotta mid-Direttorat-Ġenerali għas-Servizzi ta’ Riċerka Parlamentari,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0213/2015),

A.

billi t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa huwa wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-Dritt tal-UE;

B.

billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali hija pprojbita mid-Dritt tal-UE;

C.

billi l-indipendenza ekonomika hija prerekwiżit biex iċ-ċittadini Ewropej, irġiel u nisa, jeżerċitaw kontroll u jagħmlu għażliet ġenwini f’ħajjithom;

D.

billi d-Direttiva 2006/54/KE tirreferi għall-każistika tal-QtĠ-UE, li tipprevedi li l-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa ma jistax jiġi ristrett għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tal-fatt li persuna tkun ta’ sess wieħed jew l-ieħor, iżda li tapplika wkoll għad-diskriminazzjoni li tirriżulta minħabba bidla fis-sess ta' persuna;

E.

billi l-prinċipju ta’ paga ugwali ilu mniżżel fit-Trattati sa mill-bidu nett fl-1957; billi l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali issa huwa rikonoxxut skont l-Artikolu 157 tat-TFUE u inkorporat fid-Direttiva 2006/54/KE mfassla mill-ġdid (minn hawn 'il quddiem id-“Direttiva mfassla mill-ġdid”);

F.

billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” kienet maħsuba biex tagħmel il-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam aktar koerenti u ġġibha f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE u sabiex ikun hemm simplifikazzjoni u modernizzazzjoni tal-liġijiet rilevanti dwar l-ugwaljanza fil-livell nazzjonali, u b’hekk jingħata kontribut biex is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol titjieb; billi l-proporzjon ta’ nisa fl-ogħla karigi ta’ maniġment f’kumpaniji li joperaw fl-UE kien għadu taħt it-18 % fl-2014;

G.

billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” introduċiet punti ġodda, bħall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u d-definizzjoni tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni indiretta, il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni li ġejja minħabba bidla fis-sess ta' persuna, u għamlet referenza espliċita għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja; billi l-isfida ewlenija għall-Istati Membri kollha hija l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tar-regoli dwar paga ugwali, kif stabbilit bid-Direttiva 2006/54/KE, u billi l-impatt ta’ dawn il-punti ġodda fl-Istati Membri għadu limitat; billi, minkejja l-korp ta’ leġiżlazzjoni sinifikanti li ilu fis-seħħ għal kważi 40 sena u l-azzjonijiet meħuda u r-riżorsi li ntefqu, il-progress f’dan il-qasam huwa estremament lent u d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha teżisti, b’medja ta’ 16,4 % madwar l-UE, iżda b’differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri;

H.

billi, fost fatturi oħra, is-salarji qegħdin dejjem iżjed jiġu nnegozjati fuq bażi individwali, u dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta’ informazzjoni u trasparenza tal-istruttura tal-pagi tal-impjegati, filwaqt li jinħoloq ambjent fejn il-preġudizzju fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa u diskriminazzjoni fl-istrutturi tal-pagi jibqgħu moħbija mill-impjegati u/jew ir-rappreżentanti tagħhom u għalhekk huma estremament diffiċli li jiġu ppruvati, u dan ixekkel l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga indaqs għal xogħol indaqs, li hija ostakolata wkoll minn nuqqas ta’ ċertezza legali dwar il-kunċett ta’ xogħol ta’ valur ugwali, u minn ostakli proċedurali;

I.

billi ugwaljanza akbar bejn l-irġiel u n-nisa tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija u għas-soċjetà b’mod ġenerali, u l-fatt li jitnaqqsu d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi jgħin biex jitnaqqsu l-livelli tal-faqar u biex jiżdied il-qligħ tul il-ħajja tan-nisa u billi dan huwa vitali għat-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività u l-irkupru ekonomiku; billi d-differenza fil-pagi tidher aktar qawwija fost in-nisa bi żvantaġġi multipli, bħal nisa b’diżabilità, nisa minn minoranzi u nisa bla kwalifiki; billi l-familji b’ġenitur wieħed jinsabu dejjem aktar fost l-ifqar persuni li jaħdmu, u l-proporzjon ta’ familji b’ġenitur wieħed huwa ogħla għan-nisa milli għall-irġiel; billi d-differenza fil-pagi bejn is-sessi għalhekk għandha impatt serju fuq il-kondizzjonijiet tal-għixien u fuq l-opportunitajiet tal-ħajja ta’ ħafna familji Ewropej;

J.

billi r-rati ta' impjieg huma ġeneralment aktar baxxi fost in-nisa meta mqabbla mal-irġiel: billi fl-2013, ir-rata ta' impjieg għall-irġiel kienet ta' 69,4 % fl-UE-28, imqabbla mat-58,8 % għan-nisa (4),

K.

billi sar progress limitat fir-rigward tar-rati ta’ mpjieg tan-nisa u billi l-livell ta’ segregazzjoni settorjali u tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel f’tipi differenti ta’ impjiegi jibqa’ relattivament għoli, b’xi kategoriji vokazzjonali jkunu prinċipalment okkupati minn nisa kif ukoll dawk is-setturi u l-professjonijiet li għandhom tendenza li jiġu mħallsa inqas jew huma ta' valur inqas, minkejja l-qafas legali eżistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali; billi din is-sitwazzjoni għandha impatt ukoll fuq id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa matul il-ħajja kollha; billi s-segregazzjoni vertikali, li permezz tagħha n-nisa jidhru b’mod predominanti f'impjiegi l-inqas imħallsa jew li huma fil-pożizzjonijiet tal-livell l-aktar baxx fil-ġerarkija, tikkontribwixxi wkoll għad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa; billi s-segregazzjoni orizzontali u vertikali huma ostaklu għall-iżvilupp professjonali tan-nisa u jirriżultaw f’livelli aktar baxxi ta’ viżibbiltà u ta' rappreżentanza tan-nisa fl-ambjent soċjali u dak pubbliku, u bħala tali jikkontribwixxu b’mod aktar wiesa’ għal inugwaljanzi akbar, u billi li dawn jingħelbu u li jkun hemm aktar nisa f’pożizzjonijiet għolja fil-ġerarkija tal-organizzazzjonijiet jipprovdi mudelli pożittivi għaż-żgħażagħ nisa u bniet;

L.

billi r-rati ta’ impjieg huma iktar baxxi fiż-żoni rurali, u barra minn hekk, kwantità kbira ta’ nisa ma jidhrux b’mod uffiċjali fis-suq tax-xogħol, u għaldaqstant mhumiex irreġistrati la bħala qegħda u lanqas ma huma inklużi fl-istatistiċi dwar il-qgħad, u dan joħloq problemi finanzjarji u legali speċifiċi f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tal-maternità u l-liv tal-mard, il-kisba ta’ drittijiet għall-pensjoni u l-aċċess għas-sigurtà soċjali, kif ukoll problemi fil-każ ta’ divorzju; billi ż-żoni rurali huma żvantaġġati minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità għolja;

M.

billi l-għoti tas-setgħa lin-nisa u l-bniet permezz tal-edukazzjoni, speċjalment fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, kif ukoll li n-nisa jkunu inkoraġġiti jipparteċipaw fit-taħriġ vokazzjonali u programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja fost id-diversi setturi, huma elementi importanti li jippromwovu t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs fl-impjieg; billi l-ħiliet u l-kompetenzi tan-nisa ħafna drabi huma sottovalutati, bħalma huma sottovalutati l-professjonijiet u x-xogħlijiet li fihom jippredominaw in-nisa, minkejja li dan mhux neċessarjament ġustifikat permezz ta’ xi kriterju oġġettiv;

N.

billi d-Direttiva 2006/54/KE tistipula li l-Istati Membri jistgħu, bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, iżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat li jfittex attività professjonali jew li dan jimpedixxi jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali (5);

O.

billi l-maternità u l-kura tat-tfal, l-anzjani, il-morda jew membri tal-familja b’diżabilità u dipendenti oħra jirrappreżentaw xogħol addizzjonali jew xi kultant xogħol full-time li kważi esklussivament jitwettaq min-nisa; billi dan ix-xogħol rarament jitħallas u mhuwiex stmat kif xieraq mis-soċjetà, anki jekk għandu importanza soċjali enormi u jikkontribwixxi għall-benessri soċjali u jista’ jitkejjel bl-indikaturi ekonomiċi bħall-PDG; billi dan jirriżulta fit-twessigħ tad-differenzi fl-introjtu li jeżistu bejn in-nisa u l-irġiel u għandu impatt detrimentali fuq il-karriera tan-nisa minħabba l-“kost” ta’ snin li wieħed iqatta’ barra mis-suq tax-xogħol jew ta’ sigħat imnaqqsa minħabba arranġamenti ta’ xogħol part-time, u konsegwentement iżid ukoll id-differenza fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; billi l-impatt ta’ dawn l-elementi fuq id-dħul tul il-ħajja jvarja madwar l-Istati Membri skont il-livell ta’ appoġġ offrut lill-ġenituri, inkluż il-provvediment ta' kura tat-tfal, jew permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew ftehimiet kollettivi;

P.

billi d-differenza fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel tikber wara l-irtirar, u konsegwentement id-differenza fil-pensjoni tkun kunsiderevolment ogħla mid-differenzi fil-pagi; billi n-nisa jirċievu pensjoni medja ta’ 39 % inqas mill-irġiel; billi din is-sitwazzjoni hija kkawżata minn fatturi soċjali u ekonomiċi bħal swieq tax-xogħol segregati ħafna, filwaqt li x-xogħol tan-nisa hu sottovalutat, l-ogħla proporzjon ta’ nisa jaħdmu part-time, b'pagi fis-siegħa aktar baxxi, u anqas snin fl-impjieg; billi dan iżid ir-riskju ta’ faqar għan-nisa rtirati; billi aktar minn terz tan-nisa ta' età akbar fl-UE ma għandhom ebda pensjoni;

Q.

billi ċerti kategoriji ta’ nisa jinsabu f’riskju ta’ diskriminazzjoni multipla fl-impjieg u fix-xogħol, fosthom in-nisa li jappartjenu għal minoranzi etniċi, nisa leżbjani, bisesswali, nisa transġeneru, nisa waħidhom, nisa b’diżabilitajiet u nisa anzjani;

R.

billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” tindika b’mod ċar li kwalunkwe forma ta’ trattament inqas favorevoli fir-rigward tat-tqala jew il-liv tal-maternità tikkostitwixxi diskriminazzjoni; billi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid” tipprovdi wkoll b’mod ċar garanzija tar-ritorn għax-xogħol wara l-liv tal-maternità għall-istess impjieg jew għal impjieg ekwivalenti u protezzjoni mit-tkeċċija għall-irġiel u n-nisa meta dawn jeżerċitaw id-dritt għal-liv parentali u/jew għall-adozzjoni;

S.

billi l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem) u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol importanti ħafna biex ikun inkoraġġit it-trattament ugwali u jiġi promoss il-kunċett ta’ xogħol ibbażat fuq paga ugwali;

T.

billi l-korpi tal-ugwaljanza huma preżenti fl-Istati Membri kollha, iżda l-ħidma tagħhom u l-impatt ivarja ħafna skont il-livell ta’ indipendenza tagħhom u l-kompetenzi u r-riżorsi tagħhom; billi dawn il-korpi għandhom jiġu appoġġjati u msaħħa b’mod adegwat fil-qadi ta’ dmirijiethom fir-rigward tal-promozzjoni, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta’ trattament ugwali b’mod indipendenti u effettiv;

U.

billi l-Parlament ripetutament talab lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti sabiex tiġi indirizzata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa; billi l-għeluq ta’ dan id-distakk jirrappreżenta mezz li permezz tiegħu jiżdiedu r-rati tal-impjieg fost in-nisa, titjieb is-sitwazzjoni ta’ ħafna familji Ewropej u jitnaqqas ir-riskju ta’ faqar għan-nisa, speċjalment fl-età tal-pensjoni;

V.

billi l-għeluq tad-differenza bejn il-ġeneru tirrappreżenta mezz li bih jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 f’termini ta’ impjiegi u tnaqqis tal-faqar kif ukoll l-iżgurar tal-moviment ħieles tal-ħaddiema bħala libertà fundamentali Ewropea; billi skont il-konklużjonijiet tal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew (6) , tnaqqis ta’ punt perċentwali wieħed fid-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa se jżid it-tkabbir ekonomiku b’0,1 %;

W.

billi r-rwoli tradizzjonali tas-sessi u l-istereotipi għadhom jeżerċitaw influwenza kbira ħafna fuq id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fil-karrieri, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà b'mod ġenerali;

Valutazzjoni ġenerali

1.

Jinnota li, b’mod ġenerali, l-Istati Membri ġabu l-liġijiet nazzjonali tagħhom f’konformità mad-Dritt tal-UE (7); jirrimarka li sempliċiment it-traspożizzjoni b’mod korrett tad-dispożizzjonijiet tad-'Direttiva mfassla mill-ġdid' fil-liġi nazzjonali ma kenitx biżżejjed biex jintlaħqu l-applikazzjoni sħiħa u l-infurzar effettiv tagħhom, u li d-differenzi fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel għadhom jeżistu;

2.

Jiddispjaċih li għalkemm l-Istati Membri kienu obbligati li jittrasponu biss dawk 'it-tibdiliet sostantivi' li ġabet id-'direttiva mfassla mill-ġdid', it-traspożizzjoni tad-Direttiva kienet ta’ natura suffiċjentement ċara u korretta f’żewġ Stati Membri biss, bi kwistjonijiet pendenti fis-26 Stat Membru l-oħra; jirrimarka, madankollu, li dawn il-bidliet ma kinux ġew identifikati b’mod ċar; jenfasizza l-fatt li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex timmonitorja l-implimentazzjoni kienu limitati fl-impatt tagħhom fejn jirrigwarda l-fatt li jkun żgurat approċċ koerenti kif ukoll gwida meħtieġa sabiex tista' ssir implimentazzjoni effettiva fil-livell nazzjonali;

3.

Jenfasizza l-fatt li l-Istati Membri ma ħatfux l-opportunità biex jissimplifikaw u jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-opportunitajiet indaqs u t-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol; jirrimarka li l-Istati Membri mhux biss huma mistennija li jittrasponu d-Direttiva iżda wkoll li jiżguraw sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali u l-infurzar tar-rimedji kollha disponibbli għal diskriminazzjoni fil-pagi;

4.

Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma adottatx l-inizjattiva leġiżlattiva li hija kienet impenjat ruħha li tippreżenta s-sena l-oħra sabiex tippromwovi u tiffaċilita l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ paga ugwali fil-prattika; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tidentifika l-punti dgħajfa tad-'Direttiva mfassla mill-ġdid' u li tħejji, bħala kwistjoni ta’ urġenza, proposta leġiżlattiva li tista’ tibdilha, u f’din il-proposta tipprovdi għal aktar mezzi effettivi li jissorveljaw l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-Direttiva fl-Istati Membri;

5.

Jirrimarka, barra minn hekk, li l-biża' li persuna titlef l-impjieg tagħha wasslet biex ħafna nisa jabbandunaw il-possibbiltà ta' rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja permezz tal-użu ta’ jum iqsar ta’ xogħol jew ta' formoli simili, b’hekk dan għamel il-bilanċ ħajja tal-familja diffiċli, u wassal biex tkompli tonqos ir-rata ta’ twelid f'uħud mill-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta din it-tendenza u miżuri li ħadu gvernijiet differenti biex jiġi miġġieled il-fenomenu, u biex tressaq miżuri ħalli jitnaqqsu l-effetti tal-kriżi fuq it-trattament ugwali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ paga ugwali

6.

Jenfasizza li, filwaqt li d-differenzi bejn ir-rati ta' impjieg u l-livelli tal-paga tal-irġiel u n-nisa setgħu tnaqqsu kemmxejn f'dawn l-aħħar snin, dan mhuwiex ir-riżultat ta' titjib fil-pożizzjoni tan-nisa, iżda konsegwenza tat-tnaqqis fir-rati ta' impjieg u fil-livelli ta' pagi tal-irġiel minħabba l-kriżi ekonomika;

7.

Jenfasizza l-fatt li skont il-każistika tal-QtĠ-UE, għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ paga ugwali fir-rigward ta’ kull wieħed mill-elementi tar-remunerazzjoni mogħtija lill-irġiel u n-nisa;

8.

Itenni l-ħtieġa li jkun hemm definizzjonijiet armonizzati, għat-tqabbil fil-livell tal-UE, ta’ termini bħal id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, id-differenza fil-pensjoni tal-anzjani nisa u rġiel, ir-remunerazzjoni, id-diskriminazzjoni diretta u indiretta fil-pagi, u, speċjalment, xogħol trattat bħala “ugwali” u xogħol tal-istess valur; iqis li, f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE, il-valur tax-xogħol għandu jkun ivvalutat u mqabbel skont kriterji oġġettivi, bħal rekwiżiti edukattivi, professjonali u dawk ta’ taħriġ, ħiliet, sforz u responsabbiltà, ix-xogħol li wieħed ikun għamel u n-natura tal-kompiti involuti; jirrimarka li minħabba d-diversi tipi ta’ kuntratti tax-xogħol li jeżistu, kemm statutorji kif ukoll kuntrattwali, il-kalkolu attwali tad-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa jista’ jwassal għal fehim mhux preċiż tal-problema ta’ paga ugwali; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza dawn id-distorsjonijiet possibbli u biex tipproponi soluzzjonijiet adegwati, inkluża l-introduzzjoni ta’ verifiki tal-ħlas obbligatorji għal kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u l-possibbiltà ta’ sanzjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippjanaw l-applikazzjoni tas-sistemi eżistenti ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi li jvarjaw b’mod konsiderevoli; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi linji gwida għal sistemi newtrali ta’ evalwazzjoni u ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi, inklużi miżuri speċifiċi, bħar-rappreżentanza proporzjonali tan-nisa u l-irġiel fil-kumitati ta’ evalwazzjoni, l-iżvilupp ta’ deskrizzjonijiet tax-xogħol newtrali u tal-grids tal-ippeżar, u d-definizzjoni ta’ kriterji ċari għall-valutazzjoni tal-valur tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu u jużaw sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol ċari u newtrali fir-rigward tal-ġeneru, abbażi tal-linji gwida ppubblikati mill-Kummissjoni, b’tali mod li jkunu jistgħu jindunaw b'diskriminazzjoni indiretta fil-pagi relatata mas-sottovalutazzjoni ta’ impjiegi tipikament magħmula min-nisa;

10.

Hu tal-fehma li sistemi ta’ evalwazzjoni u klassifikazzjoni tax-xogħol għandhom preferibbilment ikunu bbażati fuq in-negozjar kollettiv;

11.

Jirrimarka li sistema ċara u armonizzata ta’ klassifikazzjoni tal-impjiegi u t-trasparenza fil-pagi se jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja; jinnota li diversi Stati Membri diġà ħadu miżuri speċifiċi ta’ trasparenza fil-pagi; jenfasizza d-differenza li teżisti bejn dawn il-miżuri, u jieħu nota tar-Rakkomandazzjoni tal-2014 tal-Kummissjoni dwar it-trasparenza tal-pagi, għalkemm jiddispjaċih dwar in-natura mhux vinkolanti tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b’mod attiv dawk ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni permezz ta' leġiżlazzjoni li twassal għal azzjoni trasparenti u pożittiva kontinwa, peress li ntwera li dan kien ta’ suċċess, kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ trasparenza fil-pagi rakkomandati u mfassla apposta; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-impatt reali ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, inkluż ir-rekwiżit għall-kumpaniji li jirrapportaw regolarment dwar ir-remunerazzjoni medja skont il-kategorija ta’ impjegat jew il-pożizzjoni, imqassma skont il-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-proposta leġiżlattiva l-ġdida tagħha l-miżuri msemmija fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-2014 dwar it-trasparenza fil-pagi, id-differenza fil-pagi tal-irġiel u tan-nisa, u l-korpi tal-ugwaljanza; jistieden lill-Istati Membri biex jeżerċitaw pressjoni dwar prattiki ta' paga inugwali u biex jippromwovu t-trasparenza tal-pagi kif mitlub mit-trade unions u l-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, fost partijiet interessati oħra;

Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar trattament ugwali

12.

Jenfasizza l-importanza tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni indiretta fl-iskemi tal-pensjonijiet, mhux biss fl-iskemi tax-xogħol iżda wkoll fil-prattiki tal-iskemi tal-pensjonijiet statutorji; jenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li l-iskemi ta' pensjonijiet tax-xogħol għandhom jiġu meqjusa bħala paga u li b'hekk, il-prinċipju tat-trattament ugwali japplika għal dawn l-iskemi ukoll, minkejja l-fatt li d-distinzjoni bejn l-iskemi tal-pensjonijiet statutorji u dawk tax-xogħol hija problematika f'ċerti Stati Membri u li l-kunċett tal-iskemi tal-pensjonijiet tax-xogħol mhuwiex magħruf f'xi Stati Membri, u dan jista' jwassal għal diskriminazzjoni indiretta fis-suq tax-xogħol; jirrikonoxxi li l-aċċess tan-nisa għal skemi ta’ pensjoni tax-xogħol hija aktar ristretta, minħabba ħinijiet tax-xogħol iqsar, inqas anzjanità u segregazzjoni orizzontali u vertikali tas-suq tax-xogħol, u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi, u li skemi bbażati fuq il-kontribuzzjoni rarament jikkunsidraw waqfiet relatati mal-kura u xogħol part-time involontarju; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-impatt tal-bidla minn pensjonijiet tal-Istat statutorji lejn skemi tax-xogħol u skemi privati fuq id-differenza fil-pensjoni tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-prinċipju, peress li t-traspożizzjoni ma tantx dehret li kienet ċara f’xi Stati Membri;

13.

Jitlob lill-Istati Membri jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-maternità tagħhom u jieħdu miżuri biex jimpedixxu t-tkeċċija inġusta tal-impjegati matul it-tqala u meta dawn jirritoraw lura wara l-liv tal-maternità; jistieden lill-Kunsill biex finalment jadotta pożizzjoni komuni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-promozzjoni tat-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal, ħaddiema li welldu reċentament, u nisa li qed ireddgħu (id-“Direttiva dwar il-liv tal-Maternità”); jistieden lill-Kunsill biex jadotta malajr kemm jista’ jkun pożizzjoni komuni dwar il-proposta għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-borża u miżuri relatati;

14.

Jinnota li fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-liv tal-maternità u tal-paternità u/jew il-liv għall-adozzjoni, hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati b’mod koerenti fil-livell nazzjonali l-isfidi partikolari li jeżistu, inklużi d-differenzi settorjali (pubbliku-privat) u ta’ natura organizzattiva (dawn tal-aħħar kemm bejn l-intrapriżi u kemm bejn l-intrapriżi kbar, żgħar u dawk ta’ daqs medju), is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ kuntratti part-time u atipiċi, u l-prattiki ta’ kuntratti għal żmien determinat li jtemmu l-perjodu ta’ protezzjoni u jwasslu għal riżenji volontarji mix-xogħol;

15.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri biex jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni multipla, biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza fis-suq tax-xogħol u fl-aċċess għall-impjieg, inkluż diskriminazzjoni kontra minoranzi etniċi u persuni b'diżabilità u diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, l-età, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, u b'mod partikolari biex jadottaw miżuri ta' protezzjoni soċjali ħalli jiżguraw li l-pagi tan-nisa u l-benefiċċji soċjali, inklużi l-pensjonijiet, ikunu ugwal għal tal-irġiel bl-istess esperjenza jew esperjenza simili li jagħmlu l-istess xogħol, jew xogħol ta' valur ugwali;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, billi joħolqu sistemi ta’ monitoraġġ effettivi, sabiex jieħdu miżuri superviżorji u ta' kontroll biex itejbu l-ġbir tad-data dwar każijiet ta’ fastidju u diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess, inkluż fir-rigward ta’ diskriminazzjoni relatata mat-tqala u l-maternità u forom oħrajn ta’ liv; jemmen li f’dawn il-każijiet għandha ssir ukoll dispożizzjoni għal sistema ta’ pieni, iżda li fuq kollox għandhom isiru sforzi f’termini ta’ prevenzjoni, sabiex is-servizzi jsiru aċċessibbli għal nisa tqal jew nisa li għadhom kif saru ommijiet li jistgħu jgħinuhom jiksbu bilanċ bejn tqala jew maternità u l-professjoni tagħhom, mingħajr ma jiġu obbligati li jagħżlu bejn ix-xogħol u l-familja, kif għadu ta’ sikwit jiġri; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 26 (dwar il-fastidju sesswali) fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri ċari biex jiġi miġġieled il-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol b'mod aktar effiċjenti; jiddispjaċih mill-fatt li minkejja d-dritt tal-UE dwar il-protezzjoni tal-individwi mid-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg, 30 % tal-persuni transġeneru li jfittxu impjieg esperjenzaw diskriminazzjoni huma u jfittxu xogħol u n-nisa transġeneru x'aktarx kienu dawk li l-aktar ħassewhom iddiskriminati fis-sena ta' qabel l-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dan huwa ksur tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-entitajiet nazzjonali responsabbli u l-proċeduri fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rigward tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-bidla fis-sess; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Istati Membri b'għarfin espert dwar kif għandhom jipproċedu biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fil-qasam tal-impjieg għal raġunijiet ta' “karatteristiċi tas-sess”; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinkludu l-persuni transġeneru u intersesswali fit-taħriġ dwar id-diversità, u biex jaħdmu ma' min iħaddem fuq miżuri li għandhom jittieħdu fuq il-post tax-xogħol, pereżempju l-proċeduri għal reklutaġġ anonimu; jistieden lill-Istati Membri jużaw il-fondi tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) sabiex jindirizzaw b’mod attiv id-diskriminazzjoni kontra l-persuni transġeneru f’konformità mal-każistika tal-QtĠ-UE;

18.

Iqis li huwa spjaċevoli li bosta Stati Membri ma rnexxielhomx jintroduċu protezzjoni speċifika kontra d-diskriminazzjoni b'rabta mal-assenzjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru meta kienu qed jittrasponu d-Direttiva, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirresponsabbilizza lill-Istati Membri; itenni l-importanza li l-Istati Membri jinkludu b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, il-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-bidla fis-sess; jemmen li l-protezzjoni legali attwali mogħtija bid-direttiva lil dawk li biħsiebhom jagħmlu, qed jagħmlu jew għamlu assenzjazzjoni mill-ġdid tal-ġeneru għandha tiġi estiża għall-persuni transġeneru kollha; jitlob b'rabta ma' dan għal inklużjoni espliċita fi kwalunkwe riformulazzjoni futura ta' projbizzjoni ta' diskriminazzjoni abbażi tal-identità sesswali;

19.

Jiġbed l-attenzjoni li l-aċċess għall-ġustizzja f’dan il-qasam huwa limitat minħabba għadd ta’ raġunijiet, bħalma huma t-tul u l-ispejjeż tal-proċeduri, l-isfidi ffaċċjati mill-korpi għall-ugwaljanza f’ċerti Stati Membri, in-nuqqas ta’ trasparenza fil-pagi, in-nuqqas ta’ għajnuna legali mingħajr ħlas, il-biża’ tal-istigmatizzazzjoni jew it-tbatija tat-tpattija jekk il-vittmi jitkellmu dwar id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza l-fatt li l-applikazzjoni tar-regola tal-obbligu tal-provi toħloq ukoll problemi f’bosta Stati Membri, u b’hekk tagħmel il-ħarsien tal-ħaddiema nisa diffiċli peress li dawn ta’ spiss ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti jew ikollhom biss aċċess limitat u, barra minn hekk, jibżgħu li jitilfu x-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu rwol attiv billi jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, direttament jew permezz ta’ appoġġ għal korpi ta’ ugwaljanza, it-trade unions, l-organizzazzjonijiet komunitarji u NGOs li jaħdmu f’dan il-qasam; jirrimarka li soluzzjoni rilevanti biex jittejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’dan il-qasam tista' tkun l-għoti tas-setgħa lill-korpi għall-ugwaljanza indipendenti biex jipprovdu assistenza lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni, inkluża għajnuna legali bla ħlas, kif ukoll id-dritt li jirrappreżentaw l-individwi f’kawżi ta’ diskriminazzjoni fil-pagi; jissuġġerixxi, f’dan ir-rigward, li jiġu introdotti sistemi ta’ rappurtar kunfidenzjali fl-Istati Membri li jippermettu lin-nisa jirrappurtaw każijiet possibbli ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza fit-trattament fuq il-post tax-xogħol;

20.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, tiskambja u tqabbel l-aħjar prattiki eżistenti u tiddisemina r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni fir-rigward tal-miżuri effettivi li l-Istati Membri jistgħu jieħdu sabiex iħeġġu lil min iħaddem u l-organizzazzjonijiet involuti fit-taħriġ vokazzjonali jimpedixxu l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-ġeneru, b’mod partikolari fir-rigward tal-fastidju u l-fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol, billi jtejbu l-aċċess għall-impjiegi, billi joffru aktar taħriġ vokazzjonali u jippromwovu l-aħjar prattiki;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw u jtejbu l-aċċess tan-nisa għal tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ vokazzjonali, u n-netwerks ta’ mentoring madwar l-Ewropa, speċjalment f’setturi ddominati mill-irġiel, u biex jiddisseminaw l-aħjar prattika;

Promozzjoni ta’ trattament ugwali u ta' djalogu soċjali

22.

Itenni li l-korpi ta’ ugwaljanza għandu jkollhom il-kompetenzi u r-riżorsi adegwati u l-persunal biex jimmonitorjaw u jirrappurtaw b’mod effettiv u indipendenti dwar il-leġiżlazzjoni li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza li l-indipendenza tal-korpi ta’ ugwaljanza trid tiġi żgurata fl-Istati Membri kollha, u li l-forma istituzzjonali preċiża ta’ dawn il-korpi hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jinkorraġixxu l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem), is-soċjetà ċivili u l-korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi biex jippromwovu l-monitoraġġ ta’ prattiki ta’ ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol, inklużi arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, bil-għan li tiġi ffaċilitata r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja privata u jkun hemm aktar skrutinju ta’ ftehimiet kollettivi u skali tal-pagi applikabbli u skemi ta’ klasssifikazzjoni tax-xogħol sabiex tiġi evitata kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa; jenfasizza wkoll l-importanza ta’ strumenti oħra bħal kodiċi ta’ kondotta, ir-riċerka, u l-iskambji ta’ esperjenza u prattika tajba fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni aħjar kontra d-diskriminazzjoni;

24.

Huwa tal-fehma li l-protezzjoni tad-data ma tistax tiġi invokata bħala skuża biex ma jiġux ippubblikati r-rapporti annwali tal-pagi fil-livell tal-post tax-xogħol;

25.

Jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-obbligi għall-intrapriżi kbar u ta’ daqs medju biex jiżguraw il-promozzjoni sistematika ta’ trattament ugwali u biex jipprovdu l-informazzjoni xierqa fuq bażi regolari lill-impjegati tagħhom, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ paga ugwali; itenni li l-introduzzjoni ta’ penali finanzjarji għal dawk li jħaddmu li ma jirrispettawx l-ugwaljanza salarjali x’aktarx tkun mezz rilevanti biex tiġi eliminata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-implimentazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, pereżempju, billi jiżguraw li, sa fejn ikun ikkonċernat il-prinċipju tal-pagi ugwali, l-aġenziji tal-ispezzjoni u l-infurzar ikollhom ir-riżorsi tekniċi, umani u finanzjarji meħtieġa, u biex tinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali jkejlu d-dimensjoni tal-ugwaljanza ta’ ftehimiet kollettivi;

27.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jissaħħu l-arranġamenti ta’ spezzjoni tax-xogħol pubbliċi u biex jiġu adottati metodi li jkejlu l-valur tax-xogħol u, pereżempju jiġu identifikati impjiegi fejn is-salarji huma baxxi u l-impjegati huma prinċipalment femminili u li b'hekk timplika forma ta’ diskriminazzjoni indiretta tal-paga;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b’mod sinifikanti l-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-vittmi ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati, inklużi l-korpi tal-ugwaljanza, l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem) u l-NGOs, sabiex jiġu miġġielda l-isterjotipi dwar ix-xogħol tan-nisa u l-irġiel u kif dawn iħallu impatt fuq il-valur tax-xogħol u l-paga baxxa, inkluż fl-aċċess għall-impjiegi, u li l-kumpaniji jagħżlu l-aktar kandidati kwalifikati fuq il-bażi ta’ analiżi komparattiva tal-kwalifiki billi jiġu applikati kriterji stabbiliti minn qabel, ċari, ifformulati b’mod newtrali, mhux diskriminatorji u mhux ambigwi;

29.

Jindika li waħda min-novitajiet introdotti mid-“Direttiva mfassla mill-ġdid” hija r-referenza għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol, il-ħajja privata u tal-familja; jistieden lill-Kummissjoni biex, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali (it-trade unions u min iħaddem), biex jiżviluppaw miżuri speċifiċi li jiżguraw drittijiet aktar b’saħħithom għall-irġiel u n-nisa f’dan il-qasam; jenfasizza li l-iżvilupp ta’ faċilitajiet pubbliċi għall-indukrar tat-tfal skont l-objettivi ta’ Barċellona huwa partikolarment meħtieġ f’dan ir-rigward;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jifirxu u jżidu s-sensibilizzazzjoni pubblika li tirrigwarda l-pagi ugwali bejn l-irġiel u n-nisa u d-differenza fil-pensjonijiet, u dwar diskriminazzjoni diretta u indiretta tan-nisa fuq il-post tax-xogħol fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi Sena Ewropea għall-ġlieda kontra d-differenza fil-pagi bejn is-sessi;

31.

Josserva b’interess li ħafna nisa jagħżlu li jaħdmu għal rashom minħabba li dan huwa l-uniku mod ta’ ħidma tagħhom li jippermettilhom li jikkombinaw il-ħajja tal-familja u tax-xogħol; jinnota, madankollu, li f’bosta Stati Membri l-benefiċċji ta’ protezzjoni tal-benesseri u l-benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jitqabblu ma’ dawk ta’ ħaddiema impjegati;

Rakkomandazzjonijiet

32.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jinfurzaw id-Direttiva mfassla mill-ġdid 2006/54/KE b’mod konsistenti, u jinkoraġġixxu lill-imsieħba soċjali biex jieħdu rwol aktar attiv biex jitħeġġeġ trattament ugwali, inkluż permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni li jindirizzaw kwalunkwe inugwaljanzi fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, b’azzjonijiet konkreti u monitoraġġ tal-eżitu, fil-livell tal-kumpanija, dak settorjali, nazzjonali u tal-UE;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni, wara r-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-“Direttiva mfassla mill-ġdid” u din ir-riżoluzzjoni, biex tirrevedi d-Direttiva 2006/54/KE mfassla mill-ġdid, kif diġà ġie mitlub mill-Parlament, b’mod partikulari fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Mejju 2012 li fiha rakkomandazzjonijiet speċifiċi u ċari;

34.

Jenfasizza l-fatt li l-klassifikazzjoni u l-evalwazzjoni newtrali mil-lat tal-ġeneru tal-impjiegi, kif ukoll it-trasparenza fil-pagi, huma miżuri indispensabbli sabiex jiġi mħeġġeġ trattament ugwali; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, sabiex tinkludi dawn il-miżuri fil-proposta tagħha għal Direttiva ġdida li tissostitwixxi d-“Direttiva mfassla mill-ġdid”; jirrimarka li approċċ armonizzat biss huwa kompatibbli mal-moviment liberu tal-ħaddiema bħala libertà bażika Ewropea;

35.

Jindika l-ħtieġa li jinstab metodu ta’ evalwazzjoni tax-xogħol ħieles mill-preġudizzju bejn is-sessi, li jippermetti li l-impjiegi jitqabblu fuq il-bażi tal-iskala u l-kumplessità tagħhom sabiex tiġi determinata l-pożizzjoni ta’ impjieg wieħed meta mqabbel ma’ impjieg ieħor fi ħdan settur partikolari jew organizzazzjoni, jekk l-impjiegi inkwistjoni ikun fihom nisa jew irġiel;

36.

Isejjaħ għal rappreżentanza bilanċjata tas-sessi fil-bordijiet tat-tmexxija tagħhom;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tintroduċi fid-Direttiva l-ġdida l-awditjar tal-pagi b'mod obbligatorju għal kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Membri tal-UE, ħlief għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) biex tiġi enfasizzata d-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa, u jiġu introdotti sanzjonijiet fil-livell tal-UE li jeskludu kumpaniji li jonqsu milli jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi mill-akkwist pubbliku ta’ oġġetti u servizzi ffinanzjati mill-baġit tal-UE; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess ma’ kumpaniji ffinanzjati b’sussidji pubbliċi;

38.

Jitlob lill-Istati Membri jkunu huma stess ta' eżempju fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pagi għan-nisa f’karigi governattivi, istituzzjonijiet u kumpaniji pubbliċi b’mod ġenerali;

39.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi standards u kontrolli komuni li jiżguraw l-indipendenza u l-effikaċja tal-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza;

40.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-vittmi ta’ trattament inugwali u ta' diskriminazzjoni, partikolarment dawk li jkunu vittmi ta' diskriminazzjoni multipla, ikunu intitolati għal kumpens proporzjonat skont id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ;

41.

Jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jinvertu l-oneru tal-prova, billi jiġi żgurat li jkun dejjem min iħaddem li għandu jipprova li dawn id-differenzi fit-trattament li jistgħu jkunu ġew ikkonstatati ma rriżultawx f'xi diskriminazzjoni;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-livell nazzjonali u tal-UE biex tiġi miġġielda l-persistenza ta’ sterjotipi, permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-livelli kollha tas-soċjetà, b'involviment akbar tal-midja, bi strateġiji li jħeġġu lin-nisa biex jagħżlu karrieri u professjonijiet fejn huma anqas rappreżentati, u bl-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

43.

Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta’ trattament ugwali biss twassal għal titjib reali tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li din teħtieġ rieda politika vera u kooperazzjoni strateġika bejn l-atturi differenti fil-livell Ewropew, nazzjonali, settorjali u organizzativ; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tfassal strateġija attiva, flimkien ma’ punti ta’ referenza, għanijiet u miri bi skadenza, biex titnaqqas l-inugwaljanza fil-qasam tal-impjiegi u l-qgħad, kif sar b’suċċess f’oqsma oħra bħal, pereżempju, it-tnaqqas tal-għadd ta’ aċċidenti stradali fl-UE;

44.

Jistieden lill-Istati Membri japplikaw b'mod attiv ibbaġitjar tal-ġeneru sabiex jippromwovu t-titjib tas-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tippromovi l-iskambju ta’ eżempji tal-aħjar prattiki rigward l-ibbaġitjar tal-ġeneru;

45.

Jenfasizza l-importanza li jittieħdu miżuri pożittivi li jippromwovu l-involviment tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi; jirrimarka li kwoti vinkolanti wrew li huma fost l-aħjar modi biex jinkiseb dan l-objettiv;

46.

Jindika li miżuri pożittivi huma wkoll meħtieġa biex jiġi inċentivat il-ġeneru l-inqas rappreżentat biex jidħol f’ċerti professjonijiet fejn ikun hemm is-segregazzjoni orizzontali ċara tal-ġeneru;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni tħares lejn il-fatturi li jwasslu għal differenzi fil-pensjonijiet u biex tivvaluta l-ħtieġa ta' miżuri speċifiċi li jnaqqsu din id-differenza fil-livell tal-UE u nazzjonali, inkluż permezz ta’ miżuri leġiżlattivi u/jew mhux leġiżlattivi;

48.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni Ewropea jieħdu l-miżuri adegwati biex titnaqqas id-differenza fil-pensjonijiet bejn is-sessi li hija konsegwenza diretta tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi u jevalwaw l-impatt tas-sistemi ġodda tal-pensjoni fuq diversi kategoriji ta’ nisa, b’attenzjoni partikolari fuq il-kuntratti part-time u l-kuntratti mhux standard,

49.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jopponu l-inugwaljanzi fil-pagi bejn is-sessi fil-politiki tal-Unjoni u l-programmi nazzjonali relevanti kollha, b'mod partikulari dawk maħsuba għall-ġlieda kontra l-faqar;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju li jista' jqabbel is-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ ommijiet li jaħdmu, l-ommijiet li jagħżlu li jibqgħu d-dar, u nisa bla tfal, sabiex jitfa' aktar dawl fuq il-pożizzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-gruppi ta’ nisa fis-suq tax-xogħol, waqt li speċifikament iħares lejn il-livelli ta’ impjieg, il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u tan-nisa, u l-iżvilupp tal-karriera;

51.

Jenfasizza r-rilevanza ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi affidabbli, komparabbli u disponibbli, kif ukoll statistika msejsa fuq is-sessi, biex tkun żgurata l-implimentazzjoni tad-Direttiva u segwitu għaliha, u jfakkar f’dan ir-rigward fl-irwol tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat bi statistika annwali ta’ kwalità għolja dwar id-differenza fil-pagi bejn is-sessi sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati żviluppi madwar l-UE kollha;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar kif il-proċeduri relatati ma’ rikonoxximent uffiċjali ta’ bidla fis-sess ta’ persuna, jew fin-nuqqas ta’ tali proċeduri, jaffettwaw il-pożizzjoni tal-persuni transġeneru fis-suq tax-xogħol, partikolarment l-aċċess tagħhom għall-impjiegi, il-livell ta' remunerazzjoni, l-iżvilupp tal-karriera u l-pensjonijiet;

53.

Jirrimarka li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew għandhom jinkludi miri biex titnaqqas id-differenza fil-pagi u l-pensjonijiet bejn is-sessi, id-diskriminazzjoni u r-riskju tal-faqar fost in-nisa anzjani, u biex jiġu implimentati b’mod effikaċi l-prinċipji ta’ trattament ugwali;

54.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja bir-reqqa l-qagħda tal-impjiegi tan-nisa fit-tielet settur, l-ekonomija soċjali u l-ekonomija kollaborattiva, u biex tipproponi, malajr kemm jista’ jkun, strateġija li tippromwovi u tipproteġi l-impjiegi u l-qagħda tan-nisa f’dawn is-setturi;

55.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex tiġi miġġielda l-prattika ta' impjiegi mhux iddikjarati u prekarji; jenfasizza l-livelli għoljin ta' xogħol mhux iddikjarat imwettaq min-nisa li jolqot b'mod negattiv l-introjtu, is-sigurtà soċjali, il-kopertura u l-protezzjoni tan-nisa, u li għandu effett ħażin fuq il-livelli tal-PDG tal-UE; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat b'mod partikolari x-xogħol domestiku, li jsir l-aktar min-nisa, bħala sfida speċjali, peress li dan ix-xogħol jaqa' fis-settur informali, huwa singularizzat u fin-natura tiegħu inviżibbli, u għaldaqstant jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri strutturati sabiex jiġi indirizzat b'mod effiċjenti; jiddeplora, barra minn hekk, l-abbuż ta' forom ta' kuntratt atipiċi, inklużi l-kuntratti ta' żero sigħat, sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' konformità mal-obbligi b'rabta mal-impjiegi u mal-protezzjoni soċjali; jiddispjaċih mill-fatt li kien hemm żieda fin-numru ta' nisa maqbuda fil-faqar fost dawk li jaħdmu;

56.

Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipproponi azzjonijiet biex: (a) titnaqqas id-differenza fil-pagi tal-irġiel u n-nisa; (b) tiżdied l-indipendenza ekonomika tan-nisa; (ċ) jitjiebu l-aċċessibilità u l-progress fil-karriera fis-suq tax-xogħol għan-nisa; (d) tiżdied b'mod fundamentali l-ugwaljanza fit-teħid tad-deċiżjonijiet; u (e) jitneħħew strutturi u prattiki diskriminatorji relatati mas-sessi;

o

o o

57.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0375.

(3)  ĠU C 264 E, 13.9.2013, p. 75.

(4)  http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Employment_statistics

(5)  L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54/KE u l-Artikolu 157(4) tat-TFUE

(6)  Valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ pagi ugwali għall-irġiel u n-nisa għal xogħol ugwali ta’ valur ugwali”, prodotta mill-Parlament fl-2013

(7)  Skont ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva mfassla mill-ġdid (COM(2013)0861),