14.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/17


Notifika ta’ bidu ta’ proċediment antisussidji li jikkonċerna importazzjonijiet ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli rrumblat fil-kiesaħ li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2014/C 267/06)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet ilment skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli rrumblat fil-kiesaħ, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed ikunul-oġġett ta’ sussidji u għalhekk qegħdin joħolqu ħsara materjali għall-industrija tal-Unjoni.

1.   L-ilment

L-ilment tressaq fl-1 ta’ Lulju 2014 minn EUROFER (“l-ilmentatur”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli rrumblat fil-kiesaħ.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott suġġett għal din l-investigazzjoni huwa prodott tal-azzar inossidabbli rrumblat ċatt, mhux maħdum iktar ħlief irrumblat fil-kiesaħ (imnaqqas bla sħana) (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   L-allegazzjoni ta’ sussidju

Il-prodott li allegatament qed ikun l-oġġett ta’ sussidji huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”), li attwalment għandu l-kodiċi NM 7219 31 00, 7219 32 10, 7219 32 90, 7219 33 10, 7219 33 90, 7219 34 10, 7219 34 90, 7219 35 10, 7219 35 90, 7220 20 21, 7220 20 29, 7220 20 41, 7220 20 49, 7220 20 81 and 7220 20 89. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

L-evidenza prima facie pprovduta mill-ilmentatur turi li l-produtturi tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina gawdew minn għadd ta’ sussidji mogħtija mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Is-sussidji jikkonsistu f’dan li ġej:

Trasferiment dirett ta’ fondi u trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi jew ta’ responsabiltajiet, pereżempju, self politiku lill-industrija tal-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli irrumblati fil-kiesaħ; Programmi ta’ ekwità (2): per eżempju Skambji ta’ ekwità flok dejn, infużjonijiet ta’ ekwità, dividendi mhux imħallsa għall-SOEs; Programmi ta’ għotjiet: pereżempju iċ-China World Top Brand Programme, il-Famous Brands Programmes/programmi tal-Ġvern sub-ċentrali biex jippromwovi l-esportazzjoni ta’ ditti magħrufa (pereżempju Chongqing; Hubei; Ma’anshan; il-Wuhan Famous Brands u l-Programm Shandong Top Brands), Programmi għar-rifużjoni tat-tariffi legali antidumping, il-Fond Statali għal Proġetti Teknoloġiċi Ewlenin, għotjiet ta’ assistenza għall-esportazzjoni; Programmi Reġjonali (3): pereżempju In-Northeast Revitalization Programme, Sussidji Tal-Grupp ta’ Interess, Self għall-Esportazzjoni, Għotjiet taħt il-Programme Science and Technology tal-Provinċja ta’ Jiangsu, Għotjiet mill-Provinċja ta’ Liaoning — il-Five Point One Line Programme, Sussidji mogħtija fiż-Żona l-ġdida Tianjin Binhai (TBNA) u ż-Żona ta’ Żvilupp Ekonomiku u Teknoloġiku ta’ Tianjin: Fond għax-Xjenza u t-Teknoloġija,

Dħul tal-gvern li suppost huwa dovut u jiġi mitluf jew ma jinġabarx, pereżempju maħfra fuq Self u interessi għal SOEs; Programmi dwar it-taxxa fuq id-dħul u taxxi diretti oħra: pereżempju, kreditu fuq it-taxxa tad-dħul għax-xiri ta’ tagħmir tal-produzzjoni manifatturat domestikament, Politiki ta’ taxxi preferenzjali għal kumpaniji li huma rikonoxxuti bħala intrapriżi ta’ teknoloġija għolja u ġdida, Politiki tat-taxxa għat-tnaqqis tal-ispejjeż fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, konċessjonijiet ta’ taxxa fuq l-introjtu għall-intrapriżi involuti fl-użu ta’ riżorsi komprensivi (“materja prima speċjali”), Kreditu tat-taxxa fir-rigward tax-xiri ta’ tagħmir speċjali, Politika Preferenzjali tat-Taxxa fuq l-Introjtu għal Impriżi fir-Reġjun tal-Grigal, Diversi skontijiet lokali tat-taxxa, bħal dawk ta’ Provinċja ta’ Shandong, Belt ta’ Chongqing, ir-Reġjun Guangxi ta’ Zhuang, u l-Privileġġi tat-taxxa biex jiġu żviluppati r-reġjuni ċentrali u tal-punent, Eżenzjoni fuq id-dividend bejn intrapriżi residenti kwalifikati; Programmi ta’ eżenzjoni fuq taxxa indiretta u tariffa (pereżempju eżenzjonijiet mit-tariffi fuq l-importazzjoni u l-VAT għall-impriżi investiti barranin (FIEs) u ċerti intrapriżi domestiċi li jużaw tagħmir impurtat f’industriji mħeġġa, rifużjonijiet tal-VAT għal FIEs li jixtru tagħmir prodott domestikament, Konċessjonijiet tat-taxxa għar-reġjuni Ċentrali u tal-Punent, tnaqqis fil-VAT fuq assi fissi fir-Reġjun Ċentrali); Programmi Reġjonali: pereżempju Sussidji mogħtija fiż-Żona l-Ġdida ta’ Tianjin Binhai (TBNA) u ż-Żona tal-Iżvilupp Ekonomiku u Teknoloġiku ta’ Tianjin (“Programm ta’ Deprezzament Mgħaġġel”),

Forniment ta’ merkanzija jew servizzi għal remunerazzjoni mhux adegwata, pereżempju l-forniment tal-prima materja għall-prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli rrumblat fil-kiesaħ (bħal ferrochrome, nikil u nikil ta’ ħadid mhux maħdum, molibdenu u skart tal-azzar inossidabbli) għal remunerazzjoni mhux adegwata; Forniment ta’ inputs għal rimunerazzjoni mhux adegwata: pereżempju azzar inossidabbli irrumblat ċatt jew f’ċangaturi, drittijiet għall-użu tal-art, ilma u dawl, forniment ta’ elettriku u dawk fil-Provinċja ta’ Jiangsu.

Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tinvestiga sussidji oħra li huma marbuta ma’ prattiki murija hawn fuq jekk dawn il-prattiki jiġu misjuba li jeżisti matul l-investigazzjoni.

Huwa allegat li l-iskemi ta’ hawn fuq huma sussidji billi jinvolvu kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jew minn gvernijiet lokali jew reġjonali oħra (inklużi entitajiet pubbliċi) u jikkonferixxu benefiċċju lil min jirċevihom. Huwa allegat li dawn huma kontinġenti fuq l-użu ta’ prodotti domestiċi minflok dawk impurtati u/jew il-prestazzjoni tal-esportazzjoni u/jew limitati għal ċerti intrapriżi jew gruppi ta’ intrapriżi u/jew prodotti u/jew reġjuni, u għalhekk huma speċifiċi u kumpensatorji.

4.   L-allegazzjoni tal-ħsara u l-kawżalità

L-ilmentatur ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott investigat mill- pajjiż ikkonċernat żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini ta’ sehem mis-suq.

L-evidenza prima facie li ngħatat mill-ilmentatur turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħra, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħin, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni, li rriżultaw f’effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi fl-industrija tal-Unjoni.

5.   Proċeduri

Wara li ddeterminat, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri, li l-ilment tressaq mill-industrija tal-Unjoni jew f’isimha u li hemm biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummissjoni b’dan qiegħda tagħti bidu għal investigazzjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott investigat li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat huwiex qed jiġi ssussidjat u jekk dawn l-importazzjonijiet issussidjati kinux ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu pożittivi, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina ġie mistieden għal konsultazzjonijiet.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-għoti ta’ sussidji

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

5.1.1.1.   Proċedura għall-għażla ta’ produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir- Repubblika Popolari taċ-Ċina

(a)   Kampjunar

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom mitluba fl-Anness I ma’ din in-notifika.

Biex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex jiffurmaw parti mill-kampjun, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, jkollhom jibagħtu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”). Bla ħsara għat-taqsima (b) ta’ hawn taħt, id-dazju kompensatorju li jista’ jiġi applikat għall-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġni medju b’piż differenzjat ta’ sussidju stabbilit għall-produtturi esportaturi fil-kampjun (5).

(b)   Il-marġini ta’ sussidju individwali għall-kumpaniji li mhumiex inklużi fil-kampjun

Il-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw jistgħu jitolbu, skont l-Artikolu 27(3) tar-Regolament bażiku, li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-marġini ta’ sussidju individwali tagħhom. Il-produtturi esportaturi li jixtiequ jagħmlu talba għal marġni ta’ sussidju individwali jridu jitolbu kwestjonarju u jirritornawh mimli kif suppost fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Madankollu, il-produtturi esportaturi li jitolbu marġni ta’ sussidju individwali għandhom ikunu jafu li l-Kummissjoni tista’ xorta waħda tiddeċiedi li ma tiddeterminax il-marġni ta’ sussidju individwali tagħhom jekk, pereżempju, l-għadd ta’ produtturi esportaturi tant ikun kbir li tali determinazzjoni tkun ta’ piż bla bżonn u ma tkunx tippermetti li l-investigazzjoni titlesta fil-ħin.

5.1.2.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (6)  (7)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi investigat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni.

Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi li mhumiex relatati li huma involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-importaturi li mhumiex relatati u li jridu jiġu investigati, għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “il-kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha li mhumiex relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu li jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ dan l-avviż.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi eżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati kollha magħrufa u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara u l-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Id-determinazzjoni tal-ħsara tissejjes fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva tal-volum tal-importazzjonijiet sussidjati, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u konsegwentement l-impatt ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx dannu materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “it-teħid tal-kampjuni”). It-teħid tal-kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ sussidju u ta’ ħsara kkawżati minnu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 31 tar-Regolament bażiku, dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri kontra s-sussidjutmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur jridu juru, fil-limitu tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 31 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    L-istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti”  (8).

Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta”huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tiegħu skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, dan it-tagħrif kunfidenzjali jista’ jitwarrab.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Permezz tal-posta elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDANCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut huwa indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt huma stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/034

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Postaelettronika: TRADE-AS609-SSCR-SUBSIDY@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jintlaħqu konklużjonijiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi abbażital-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jista’ jagħti l-każ li jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata tindika li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitlub jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

7.   L-Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina mill-ġdid it-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, is-sussidjar, il-ħsara, ir-rabta ta’ kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Seduta bħal din, bħala regola, issir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar tagħrif u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċhttp://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, fi żmien 13-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din in-notifika fiIl-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (9).


(1)  ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93.

(2)  Għandu jiġi nnutat li ċerti aspetti ta’ dawn il-programmi tal-ekwità jistgħu wkoll jikkostitwixxu kontribuzzjoni finanzjarja skont it-tifsira tal- Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku (id-dħul tal-Gvern mitluf jew mhux miġbur).

(3)  Għandu jiġi nnutat li ċerti aspetti ta’ dawn il-programmi reġjonali bħal eżenzjonijiet tat-tariffi/taxxi, jistgħu wkoll jikkostitwixxu kontribuzzjoni finanzjarja skont it-tifsira tal- Artikolu 3(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku (id-dħul tal-Gvern mitluf jew mhux miġbur).

(4)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, jew direttament inkella permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat.

(5)  Skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament bażiku, l-ammonti żero u de minimis kollha ta’ sussidji kompensatorji u ammonti ta’ sussidji kompensatorji stabbiliti skont iċ-ċirkostanzi deskritti fl-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, għandhom jitwarrbu.

(6)  Jistgħu jintgħażlu għall-kampjun biss importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. B’konformità mal-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċċjali jew diretturi tan-negozji ta’ xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala soċji fin-negozju; (c) ikunu min jimpjega u impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament hija s-sid, tikkontrolla jew għandha 5 % jew aktar tal-ishma jew ta’ kwoti ta’ ishma li jivvutaw jew għat-tnejn li huma; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien huma direttament jew indirettament jikkontrollaw terza persuna; jew (h) huma membri tal-istess familja. Persuni jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja fil-każ biss li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin bejniethom: (i) konjuġi, (ii) ġenituri u wild, (iii) aħwa (sew jekk ulied tal-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nanniet u neputijiet, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri u wlied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika.

(7)  Id-dejta pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll fir-rigward ta’ aspetti ta’ din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tas-sussidjar.

(8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93) u l-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image Image

ANNESS II

Image Image