52014PC0253

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tinnomina l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2018 fil-Pajjiżi l-Baxxi /* COM/2014/0253 final */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019[1], tistipula l-proċedura tan-nomina tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Skont l-Artikolu 2 ta' din id-Deċiżjoni, mill-2009 'l quddiem, żewġt ibliet ta' żewġ Stati Membri se jiġu nnominati bħala l-Kapitali Ewropej tal-Kultura għal kull sena, fl-ordni kronoloġika stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni. Malta u l-Pajjiżi l-Baxxi huma intitolati li jospitaw l-avveniment fl-2018. Malta ddeċidiet li tibda l-proċedura tal-għażla tagħha sena qabel l-iskeda ta' żmien normali, u l-Belt Valletta ġiet innominata bħala l-"Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018" f'Malta bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/286/UE tas-17 ta' Mejju 2013[2].

In-nomina għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018 fil-Pajjiżi l-Baxxi ġiet sottomessa għall-proċess li ġej.

L-Istat Membru kkonċernat joħroġ sejħa biex jitressqu applikazzjonijiet tal-anqas sitt snin qabel l-avveniment. Bord tal-għażla magħmul minn 13-il espert indipendenti fis-settur kulturali jiltaqa’ għal laqgħa ta' preselezzjoni mhux aktar tard minn ħames snin qabel l-avveniment. Dan il-bord tal-għażla jivvaluta l-applikazzjonijiet imressqa skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE, u jaqbel dwar lista qasira ta' bliet kandidati li jridu jibqgħu jitqiesu wara li jlestu l-applikazzjoni tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat ilaqqa' l-bord għall-għażla finali, disa' xhur wara l-laqgħa ta' preselezzjoni. Wara valutazzjoni estensiva tal-bliet magħżula minn qabel, ibbażata fuq il-kriterji stipulati għall-azzjoni, il-bord jirrakkomanda belt waħda għat-titlu fl-Istat Membru kkonċernat.

Abbażi ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Istat Membru jinnomina belt waħda biex tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u jinnotifika lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni sa mhux aktar tard minn erba' snin qabel ma jibda l-avveniment.

Il-Parlament Ewropew jista' jibgħat opinjoni lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jaslu n-nomini.

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jaħtar uffiċjalment il-bliet inkwistjoni għas-sena li għaliha jkunu ġew innominati.

Wara li tlestew iż-żewġ fażijiet tal-kompetizzjoni deskritti hawn fuq, il-bord irrakkomanda li Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) tospita l-avveniment fl-2018 fir-rapport tiegħu ta' Settembru 2013. Il-Pajjiżi l-Baxxi għarrfu b'dan lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni f'Diċembru 2013.

Il-Parlament Ewropew bagħat opinjoni pożittiva tiegħu lill-Kummissjoni fi Frar 2014.

Konsegwentament, il-Kummissjoni, b’konformità mal-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE, qiegħda tressaq lill-Kunsill ir-rakkomandazzjoni mehmuża għall-ħatra uffiċjali ta’ Leeuwarden għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tinnomina l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-sena 2018 fil-Pajjiżi l-Baxxi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin mill-2007 sal-2019[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3) tagħha,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord tal-Għażla ta' Settembru 2013 dwar il-proċess tal-għażla tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fil-Pajjiżi l-Baxxi,

Billi:

Filwaqt li jqis li l-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE ntlaħqu kollha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-belt ta' Leeuwarden hija maħtura bħala l-“Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018” fil-Pajjiżi l-Baxxi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 162, 14.6.2013, p. 9.

[3]               ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1.