52014PC0001

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra /* COM/2014/01 final - 2014/0005 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

F'Ġunju 2005, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta Regolament (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Ir-Regolament daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2006.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li saret legalment vinkolanti permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009, tapplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea emendat l-Annessi II u III ta' ma' dan ir-Regolament permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1352/2011 li daħal fis-seħħ fil-21 ta' Diċembru 2011, primarjament bil-ħsieb li jiġu stabbiliti kontrolli tal-esportazzjonijiet fuq ċerti prodotti mediċinali sabiex jiġi evitat l-użu ta' tali prodotti għall-piena kapitali (l-eżekuzzjoni permezz tal-injezzjoni letali). Din l-emenda ġiet akkumpanjata mill-gwida għall-applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, kif stabbilit fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011)1624 tal-20 ta' Diċembru 2011.

Il-Kummissjoni tat bidu wkoll għal proċess biex teżamina mill-ġdid ir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 kollu kemm hu, u b'hekk twieġeb b'mod partikolari għal Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Ġunju 2010 [1]. Fir-rebbiegħa 2012, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet bil-ħsieb li twaqqaf Grupp ta' Esperti biex jassistiha f'dan ir-rieżami. Matul il-perjodu li jkopri minn Lulju 2012 sa Lulju 2013, il-Grupp ta' Esperti ltaqa' sitt darbiet fi Brussell ma' servizzi tal-Kummissjoni rilevanti.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

B'segwitu għall-pubblikazzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2011, għadd ta' manifatturi tal-UE ta' prodotti mediċinali esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-użu tal-prodotti tagħhom fil-piena kapitali. Il-manifatturi tal-UE ta’ prodott mediċinali wieħed li mhux soġġett għall-kontrolli tal-esportazzjonijiet iżda li għandu mnejn jintuża għal injezzjonijiet letali fl-Istati Uniti tal-Amerika, għarrfu lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-miżuri li ħadu sabiex jiżguraw li d-distributuri tagħhom f’pajjiżi terzi jwaqqfu l-provvisti ta’ dan il-prodott milli jintużaw fil-piena kapitali. Kemm il-manifatturi esportaturi u l-awtoritajiet kompetenti indikaw li s-sistema attwali ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet tal-prodotti mediċinali, li jirrappreżentaw għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni fis-sena, hija ta’ piż bla bżonn.

Il-Grupp ta’ Esperti taw kontribut siewi fil-proċess ta’ rieżami, l-aktar fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u fir-rigward tal-oġġetti li jitpoġġew fis-suq bħala xierqa biex jintużaw fl-infurzar tal-liġi għall-finijiet ta’ tortura jew ta' trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. L-esperti kienu favur miżuri addizzjonali sabiex jgħinu fil-prevenzjoni ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, iżda rrikonoxxew ukoll li r-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ iridu jiġu vvalutati fuq bażi oħra għajr il-projbizzjoni biss fuq l-użu ta' tagħmir għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi.

3.           L-ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

3.1         Il-piena kapitali fil-mira tal-kontrolli tal-esportazzjonijiet

Mill-21 ta' Diċembru 2011, l-Anness III jinkludi taqsima intitolata "Prodotti li jistgħu jintużaw għall-eżekuzzjoni tal-bnedmin permezz ta’ injezzjoni letali". Il-kontrolli tal-esportazzjonijiet relatati għandhom jiġu applikati biex jiġi evitat l-użu ta’ tali prodotti għall-piena kapitali f’pajjiżi terzi. It-test attwali tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005 jistabbilixxi reġim ta' kontroll tal-esportazzjonijiet li għandu l-għan li jipprevjeni l-oġġetti esportati mill-UE milli jintużaw għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Bil-għan li jiġu ċċarati l-iskop u l-modalitajiet tal-kontrolli, fir-Regolament għandhom jiddaħħlu kapitolu speċifiku li jittratta l-kontrolli tal-esportazzjonijiet li għandhom jiġu applikati bil-ħsieb li jipprevjenu l-oġġetti kkontrollati milli jintużaw għall-piena kapitali, u lista speċifika ta’ oġġetti kkontrollati, li se ssir referenza għaliha hawn taħt, bħala l-Anness IIIa.

It-tortura u forom oħra ta’ trattament jew piena krudili, inumana jew degradanti għandhom it-tendenza li jkunu illeċiti u f’ħafna każijiet ma jokkorrux fuq livell nazzjonali, speċjalment minħabba li hemm strumenti internazzjonali li jipprojbixxu t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inuman u degradanti jew kastig mingħajr l-ebda eċċezzjoni. B’kuntrast ma' dan, normalment il-liġi tipprevedi l-piena kapitali, jekk il-pajjiż ma jkunx abolixxieha. Huwa għalhekk xieraq li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk pajjiż għandux ikun eżentat minn kontrolli mmirati lejn il-prevenzjoni tal-piena kapitali.

Fl-1983, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) kienet ssupplimentata bil-Protokoll Nru 6 li jipprojbixxi l-piena tal-mewt. Dan il-Protokoll ippermetta lill-Istati jistabbilixxu dispożizzjoni statutorja għall-piena tal-mewt fir-rigward ta' atti li jitwettqu fi żminijiet ta’ gwerra jew ta’ theddida imminenti ta’ gwerra. Fl-2003, il-Protokoll Nru 13 ipprojbixxa l-piena tal-mewt fiċ-ċirkostanzi kollha. Dawn il-Protokolli ġew irratifikati mill-Istati Membri tal-UE kif ukoll minn għadd ta’ Stati oħra li huma membri tal-Kunsill tal-Ewropa. L-Albanija, Andorra, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Ġeorġja, l-Islanda, il-Liechtenstein, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Moldova, il-Montenegro, in-Norveġja, San Marino, is-Serbja, l-Isvizzera, it-Turkija u l-Ukrajna rratifikaw tagħhom u abolixxew il-piena kapitali fiċ-ċirkostanzi kollha. L-Armenja u l-Azerbajġan irratifikaw il-Protokoll Nru 6 biss.

Fl-1989, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat u ħabbret it-Tieni Protokoll Fakultattiv ta' mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt. L-Istati Partijiet ta' dan il-Protokoll jintrabtu li jabolixxu l-piena tal-mewt, iżda l-Artikolu 2 jippermettilhom jagħmlu riżerva, f'perjodu ta' ratifika jew ta' adeżjoni, li tipprevedi l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt skont il-kundanna għal delitt serju ħafna ta’ natura militari li jkun twettaq fi żmien il-gwerra. Apparti l-Istati Membri tal-UE u għadd ta’ Stati Ewropej oħra, l-Arġentina, l-Awstralja, il-Benin, il-Bolivja, il-Kanada, il-Kap Verde, il-Kolombja, il-Kosta Rika, Ġibuti, l-Ekwador, il-Ginea Bissaw, il-Ħonduras, il-Kirgiżistan, il-Liberja, il-Madagaskar, il-Messiku, il-Mongolja, il-Możambik, in-Namibja, in-Nepal, in-New Zealand, in-Nikaragwa, il-Panama, il-Paragwaj, il-Filippini, ir-Rwanda, São Tomé u Príncipe, is-Seychelles, l-Afrika t’Isfel, Timor Leste, it-Turkmenistan, l-Urugwaj, l-Uzbekistan u l-Venezwela, saru Partijiet għal dan il-Protokoll mingħajr riżerva. L-Azerbajġan, il-Brażil u ċ-Ċilì ssieħbu wkoll iżda għamlu r-riżerva prevista fl-Artikolu 2.

Minħabba dawn l-impenji internazzjonali sodi skont il-Protokoll Nru 13 ta' mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jew, mingħajr ma tkun saret ir-riżerva prevista fl-Artikolu 2, skont it-Tieni Protokoll Fakultattiv ta' mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-esportazzjonijiet lejn l-Istati li huma Partijiet għal wieħed minn dawn l-istrumenti, ma għandhomx għalfejn ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni speċifika sabiex jipprevjenu l-oġġetti rilevanti milli jintużaw għall-piena kapitali u jistgħu jiġu koperti minn awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni ġenerali. Awtorizzazzjoni bħal din għandha tkun soġġetta għal kundizzjonijiet xierqa biex tiġi evitata d-devjazzjoni tal-oġġetti lejn pajjiż li ma abolixxiex il-piena kapitali mingħajr ma jsir skrutinju minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti. Għalhekk, l-awtorizzazzjoni ġenerali għandha tapplika biss meta l-utent aħħari tal-oġġetti esportati jkun stabbilit fil-pajjiż ta' destinazzjoni u meta ma jkun hemm l-ebda riesportazzjoni lejn pajjiż ieħor. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux issodisfati, għandha ssir talba għal awtorizzazzjoni speċifika jew globali lill-awtoritajiet kompetenti.

3.2         Miżuri addizzjonali li jikkonċernaw l-oġġetti elenkati

Fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjonijiet attwali applikati bil-ħsieb li jipprevjenu l-oġġetti esportati mill-UE milli jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ġie ssuġġerit li r-restrizzjonijiet kummerċjali attwali għandhom jiġu ssupplimentati minn restrizzjonijiet fuq servizzi ta’ senserija, ta’ assistenza teknika u ta’ tranżitu. F’dan ir-rigward, jinqalgħu kwistjonijiet simili meta jiġi eżaminat jekk dawn ir-restrizzjonijiet humiex neċessarji u proporzjonati biex min-naħa l-waħda, jiġi evitat li l-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa jintużaw għall-piena kapitali, jew biex min-naħa l-oħra, jiġi evitat li l-oġġetti elenkati fl-Anness III jintużaw għal tortura u trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Għaldaqstant tista' ssir valutazzjoni waħda, minkejja li jista' jkun hemm xi differenzi fir-rigward tal-iskop u tal-eżenzjonijiet potenzjali, jekk ir-restrizzjonijiet addizzjonali jitqiesu bħala neċessarji u proporzjonati.

3.2.1      Is-servizzi ta' senserija relatati mal-oġġetti elenkati fl-Anness II

Fir-rigward tat-tagħmir jew tal-oġġetti elenkati fl-Anness II, id-dispożizzjonijiet attwali (l-Artikoli 3 u 4) diġà jkopru l-provvista ta’ assistenza teknika, u d-definizzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni jiżguraw li d-dħul u t-tluq ta’ tagħmir jew oġġetti fi tranżitu jaqgħu taħt il-projbizzjonijiet. L-għoti ta’ servizzi ta’ senserija b’rabta ma’ tali tagħmir jew oġġetti mhuwiex ipprojbit. Abbażi tad-definizzjoni ta' servizzi ta' senserija fir-Regolament (KE) Nru 428/2009, li jistabbilixxi reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju, is-senserija ta' tagħmir jew oġġetti li ma jkunux jinsabu fl-UE tista' tiġi pprojbita. Dan se jkun qed iżid dimensjoni utli għall-projbizzjoni attwali, li tkopri biss tagħmir jew oġġetti li jinsabu fl-UE. Peress li l-uniku użu li għandhom t-tagħmir jew l-oġġetti elenkati fl-Anness II huwa pprojbit, il-projbizzjoni fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija hija miżura neċessarja u proporzjonata sabiex jiġu protetti l-moralitajiet pubbliċi.

3.2.2      Is-servizzi ta’ senserija relatati mal-oġġetti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IIIa u t-tranżitu ta’ tali oġġetti

L-esportazzjonijiet tat-tagħmir jew tal-oġġetti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IIIa huma soġġetti għal kontrolli. Tali tagħmir jew oġġetti għandhom kemm użi leġittimi kif ukoll użi mhux leġittimi, karatteristika li jikkondividu mal-oġġetti b’użu doppju kkontrollati mir-Regolament (KE) Nru 428/2009. Dan ir-Regolament ma jissottomettix l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija għal kontrolli komprensivi, u lanqas ma jikkontrolla l-oġġetti fi tranżitu kollha b’mod komprensiv. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’każijiet speċifiċi, jinformaw lis-sensar li l-oġġetti inkwistjoni huma jew jistgħu jkunu maħsuba, fit-totalità tagħhom jew parzjalment, għal użu relatat mal-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ġestjoni, l-operazzjoni, il-manutenzjoni, il-ħażna, l-iskoperta, l-identifikazzjoni jew id-disseminazzjoni ta’ armi kimiċi, bijoloġiċi jew nukleari jew ta' apparat splussiv nukleari ieħor, jew mal-iżvilupp, il-produzzjoni, il-manutenzjoni jew il-ħażna ta’ missili li kapaċi jkunu veikoli ta' armi bħal dawn. Għall-istess raġunijiet jistgħu jipprojbixxu t-tranżitu ta’ oġġetti speċifiċi.

Billi l-projbizzjonijiet ta’ tortura jew ta' trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra u tal-piena kapitali għandhom bażi fil-liġi internazzjonali, ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ korrispondenti mhuma regolati minn l-ebda norma internazzjonali. Dan jiddistingwi lir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 mir-Regolament (KE) Nru 428/2009, li jrendi effettivi għadd ta' reġimi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjonijiet. Billi r-Regolament tal-2009 jirrigwarda s-sigurtà internazzjonali, il-ġbir ta’ intelligence mill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi rigward armi kimiċi, bijoloġiċi u nukleari u s-sistemi ta’ kunsinna tagħhom huwa żviluppat sew. Madankollu, fir-rigward ta’ tagħmir jew ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, huwa improbabbli li jseħħ tali ġbir ta’ intelligence u l-awtoritajiet kompetenti probabbilment ma għandhomx id-dejta kollha li jeħtieġu biex jinformaw lill-esportatur dwar l-użu aħħari maħsub.

Fejn jiġu applikati restrizzjonijiet kummerċjali, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa proporzjonat. Dan ir-rekwiżit huwa meqjus bħala li jostakola l-applikazzjoni ta' kontrolli komprensivi fuq it-tranżitu u fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija relatati mat-tagħmir jew mal-oġġetti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IIIa, billi dawn tal-aħħar għandhom użi leġittimi iżda jistgħu jintużaw għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, jew għall-piena kapitali, rispettivament. Minħabba li dawn l-atti jmorru kontra l-moralitajiet pubbliċi, is-sensara bbażati fl-UE ma għandhomx jiksbu benefiċċji mill-kummerċ li jippromwovu jew inkella jiffaċilitaw dawn l-atti. Għalhekk għandu jkun hemm projbizzjoni fuq l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija relatati minn kwalunkwe sensar li jkun konxju li t-tagħmir jew l-oġġetti kkontrollati li jkunu jridu jiġu kkunsinnati lejn pajjiż terz iżda li ma jkunux jinsabu fl-UE, huma jew jistgħu jkunu maħsuba għal dan l-użu. Din il-projbizzjoni tkun tapplika wkoll jekk, f’każ eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed dejta biex jinformaw lis-sensar dwar l-użu aħħari maħsub.

L-oġġetti fi tranżitu li jitilqu mit-territorju doganali tal-UE għal destinazzjoni f’pajjiż terz huma oġġetti li ġew ittrasportati bil-baħar minn pajjiż terz ieħor. Projbizzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ tali oġġetti lejn pajjiż terz minn operatur ekonomiku li jkun konxju li l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, normalment tkun tapplika għal operatur ekonomiku li ma jkunx ibbażat fl-UE, u għalhekk ikollha tiġi infurzata f’pajjiż terz. Minħabba li l-informazzjoni dwar l-utent aħħari normalment mhux se tkun disponibbli għall-operaturi ekonomiċi li jittrasportaw l-oġġetti fi tranżitu fit-territorju doganali tal-UE, ma jitqiesx proporzjonat li tiġi imposta projbizzjoni fuq it-trasportatur. Għaldaqstant, mhux xieraq li jkun hemm projbizzjoni bbażata fuq l-għarfien ta' operatur ekonomiku dwar l-użu maħsub tal-oġġetti fi tranżitu elenkata fl-Anness III jew fl-Anness IIIa.

3.2.3      Assistenza teknika relatata mal-oġġetti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IIIa

Fir-rigward tal-assistenza teknika relatata mal-oġġetti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IIIa, bħalissa ma hemm l-ebda kontrolli fuq l-għoti ta’ tali assistenza lil pajjiżi terzi. Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 ma fihx dispożizzjoni espliċita dwar l-assistenza teknika, iżda fid-definizzjoni tal-esportazzjonijiet jinkludi t-trażmissjoni ta' teknoloġiji u softwers (elenkati). Għalkemm l-"assistenza teknika" għandha mnejn ma tkunx issarraf biss fi trażmissjoni tat-teknoloġiji, din it-trażmissjoni hija soġġetta għal kontrolli komprensivi. Ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 irendi effettivi għadd ta' reġimi internazzjonali ta' kontroll tal-esportazzjonijiet u jirrigwarda s-sigurtà internazzjonali. Huwa jfittex li jipprevjeni l-proliferazzjoni ta’ armi kimiċi, bijoloġiċi u nukleari u s-sistemi ta' kunsinna tagħhom. Għalhekk, it-trażmissjoni ta’ teknoloġiji u softwers hija kkontrollata sabiex jiġi evitat li pajjiż jiżviluppa l-kapaċità tiegħu stess li jimmanifattura oġġetti li jiġu kkontrollati mill-UE u li din ma tkunx trid tesporta lejn dan il-pajjiż.

Ir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 għandu l-għan li jipprevjeni provvisti lil ċerti utenti aħħara li jkunu jużaw tagħmir jew oġġetti rilevanti mill-UE għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra jew għall-piena kapitali, u mhux li jipprevjeni pajjiżi terzi milli jakkwistaw teknoloġiji relatati ma’ tali tagħmir jew oġġetti. Il-kontrolli komprensivi fuq l-għoti ta’ assistenza teknika relatata mat-tagħmir jew mal-oġġetti elenkati mhumiex meqjusa proporzjonati. Minħabba li l-piena kapitali, it-tortura u forom oħra ta’ trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti jmorru kontra l-moralitajiet pubbliċi, il-fornituri tal-assistenza teknika bbażati fl-UE ma għandhomx jiksbu benefiċċji mill-kummerċ li jippromwovu jew inkella jiffaċilitaw dawn l-atti. Għalhekk għandu jkun hemm projbizzjoni fuq l-għoti ta’ assistenza teknika minn kwalunkwe persuna, li tkun konxja li t-tagħmir jew l-oġġetti kkontrollati li għalihom tingħata l-assistenza lil xi pajjiż terz, huma jew jistgħu jkunu maħsuba għal dan l-użu. Din il-projbizzjoni tkun tapplika wkoll jekk, f’każ eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom biżżejjed dejta biex jinformaw lill-fornitur dwar l-assistenza teknika tal-użu aħħari maħsub tal-oġġetti li għalihom tingħata l-assistenza.

3.3         Definizzjoni ta' tortura u ta' trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra

Id-definizzjoni ta' tortura użata għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005 ittieħdet mill-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra. Għalkemm ibbażati fuq dan l-istrument internazzjonali, “trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra” mhumiex definiti fil-Konvenzjoni tan-NU. Il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tindika li d-definizzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 teħtieġ li tiġi kkunsidrata mill-ġdid. Kif stipulat fl-Artikolu 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, "sa fejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija".

Id-definizzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 bħalissa tkopri l-atti li jikkawżaw "uġigħ jew tbatija sinifikanti", filwaqt li d-definizjoni ta' "tortura" tirreferi għall-"uġigħ jew it-tbatija severi". Minflok tkun imsejsa fuq livelli differenti ta’ uġigħ jew tbatija, id-distinzjoni bejn dawn it-tipi ta’ atti għandha tikkunsidra l-preżenza jew le tal-intenzjoni li jiġu kkawżati uġigħ jew tbatija u l-użu tal-uġigħ jew tat-tbatija għal finijiet inklużi fid-definizzjoni ta' tortura. Fis-sentenza tagħha tat-13 ta' Diċembru 2012, Khaled El-Masri vs. dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (Applikazzjoni Nru 39630/09), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, f'dak li jirrigwarda l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u b'referenza għall-ġurisprudenza ta' qabel:

"196. Sabiex trattament ħażin jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 għandu jilħaq livell minimu ta’ severità. Il-valutazzjoni ta’ dan il-livell minimu tiddependi fuq iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, bħat-tul tat-trattament, l-effetti fiżiċi jew mentali tiegħu u, f’xi każijiet, is-sess, l-età u l-istat ta’ saħħa l-vittma … . Fatturi oħra jinkludu l-iskop li għalih ikun ingħata t-trattament, flimkien mal-intenzjoni jew il-motivazzjoni warajh … .

197. Sabiex tiddetermina jekk xi forma partikolari ta’ trattament ħażin għandhiex tiġi kklassifikata bħala tortura, il-Qorti trid tqis id-distinzjoni stabbilita fl-Artikolu 3 bejn dan il-kunċett u dak ta’ trattament inuman jew degradanti. Din id-distinzjoni tidher li ġiet inkorporata fil-Konvenzjoni biex tippermetti li tingħata stigma speċjali ta' "tortura" lit-trattamenti inumani biss li jsiru apposta u li jikkawżaw tbatija serja u krudili ħafna … Apparti s-severità tat-trattament, il-kunċett ta' tortura jipprevedi element intenzjonat, hekk kif rikonoxxut fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra li daħlet fis-seħħ fis-26 ta' Ġunju 1987, li tiddefinixxi t-tortura f'termini ta' kkawżar intenzjonat ta' uġigħ u tbatija severi bil-għan li, fost l-oħrajn, tinkiseb informazzjoni jew li tiġi kkastigata jew intimidata persuna (l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti) … ."

Jeħtieġ li l-esklużjoni, miż-żewġ definizzjonijiet, tal-uġigħ jew tat-tbatija li jirriżultaw minn penalitajiet leċiti biss, tiġi ċċarata. Filwaqt li ċ-ċaħda tal-libertà hija, fil-prinċipju, penalità leċita, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tiddikjara li jaqa' f’idejn l-Istat rilevanti li jiżgura li l-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni huma kompatibbli mar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, li l-mod u l-metodu tat-twettiq tal-miżura ma jissottomettux lill-persuna arrestata għal skonfort jew tbatija ta’ intensità li jaqbżu l-livell inevitabbli ta’ tbatija inerenti għad-detenzjoni u li, minħabba l-ħtiġijiet prattiċi tal-priġunerija, is-saħħa u l-benessri tal-persuna arrestata jkunu protetti b’mod adegwat. Il-ġurisprudenza turi li l-effetti kumulattivi tal-kundizzjonijiet ta’ detenzjoni jistgħu jammontaw għal ksur tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari fejn iċ-ċelel ikunu ffullati żżejjed u fejn jiddominaw kundizzjonijiet mhux sani. Dawn is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jipprovdu xi eżempji ta’ dan it-tip ta’ ksur:

il-15 ta' Lulju 2002, V. Kalashnikov vs. ir-Russja (Applikazzjoni Nru 47095/99),

l-4 ta' Frar 2003, F. Van der Ven vs. il-Pajjiżi l-Baxxi (Applikazzjoni Nru 50901/99),

il-11 ta' Marzu 2004, P. Iorgov vs. il-Bulgarja (Applikazzjoni Nru 40653/98),

it-8 ta' Lulju 2004, I. Ilaşcu et al. vs. il-Moldova u r-Russja (Applikazzjoni Nru 48787/99),

l-20 ta' Novembru 2008, A. Işyar vs. il-Bulgarja (Applikazzjoni Nru 391/03),

it-2 ta' Lulju 2009, M. Kochetkov vs. l-Estonja (Applikazzjoni Nru 41653/05),

is-16 ta' Lulju 2009, I. Sulejmanovic vs. l-Italja (Applikazzjoni Nru 22635/03),

l-10 ta' Jannar 2012, S. Ananyev et al. vs. ir-Russja (Applikazzjonijiet Nri 42525/07 u 60800/08),

it-22 ta' Mejju 2012, T. Idalov vs. ir-Russja (Applikazzjoni Nru 5826/03).

3.4         Is-setgħat ta' implimentazzjoni jew dawk ta' delega

Ir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea biex temenda l-Annessi. Minbarra għall-Anness I, il-Kummissjoni hija assistita minn Kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Tapplika l-proċedura ta' eżaminazzjoni deskritta fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 (skont l-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolament).

Il-Kummissjoni għamlet proposti dwar l-għoti ta' setgħat ta' delega u ta' implimentazzjoni fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni (COM(2011) 82 u COM(2011) 349). F'Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar x'għandu jsir fir-rigward ta' dawn il-proposti tal-Kummissjoni; huma mistennija jadottaw Regolament lejn l-aħħar tal-2013, li, fost l-oħrajn, se jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 sabiex jippermetti l-għoti tas-setgħat delegati.

Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk għandhiex tiġi applikata l-proċedura ta' urġenza għall-emendi ta' ċerti Annessi tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005, ma ġietx indirizzata. Il-Kummissjoni tqis din il-proċedura xierqa meta l-listi ta’ oġġetti pprojbiti u kkontrollati jkunu emendati, speċjalment jekk jidħlu fis-suq tagħmir jew oġġetti ġodda, u huwa imperattiv li tiġi applikata l-miżura rilevanti immedjatament biex jiġi evitat li jakkumulaw ħażniet matul il-perjodu ta’ xahrejn (bis-suppożizzjoni li din ma tkunx estiża) li jiġi attribwit lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jesprimu kwalunkwe oġġezzjoni li jista’ jkollhom għal din il-miżura.

2014/0005 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolment tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005[2] ġie approvat fl-2005, u daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Lulju 2006. B'rispons għat-talbiet min-naħa tal-Parlament Ewropew fl-2010 u għall-indikazzjonijiet li l-mediċini esportati mill-Unjoni kienu ntużaw għall-piena kapitali f'pajjiż terz, il-listi ta' oġġetti pprojbiti u kkontrollati fl-Annessi II u III tar-Regolament ġew emendati permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2011.[3] Il-Kummissjoni, assistita minn Grupp ta' Esperti, eżaminat mill-ġdid il-ħtieġa li r-Regolament (KE) Nru 1236/2005 u l-Annessi tiegħu jiġu emendati ulterjorment.

(2)       Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea saret legalment vinkolanti mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009.[4] Id-definizzjoni ta' tortura li hemm fir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 ittieħdet mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1984 Kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra u għadha valida. Id-definizzjoni ta’ “trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra”, li mhijiex qiegħda fil-Konvenzjoni, għandha tiġi emendata sabiex tiġi allinjata mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Huwa wkoll xieraq li tkun iċċarata t-tifsira tat-terminu “penalitajiet leċiti” fid-definizzjonijiet ta’ “tortura” u ta' “trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra”, filwaqt li jiġu kkunsidrati din il-ġurisprudenza u l-politika tal-Unjoni dwar il-piena kapitali.

(3)       L-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005 jistabbilixxu sistema ta' liċenzjar ta' esportazzjoni mfassla biex tipprevjeni l-oġġetti rilevanti milli jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.

(4)       Dawn il-miżuri ma għandhomx jmorru lil hinn minn dak li huwa proporzjonat. Għalhekk, huma ma għandhomx jipprevjenu l-esportazzjoni ta’ prodotti mediċinali użati għal skopijiet terapewtiċi leġittimi.

(5)       Minħabba l-karatteristiċi differenti tal-piena kapitali, min-naħa l-waħda, u tat-tortura u ta' trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra min-naħa l-oħra, huwa xieraq li tiġi stabbilita sistema ta’ liċenzjar ta’ esportazzjoni speċifika bil-ħsieb li jiġi evitat l-użu ta’ ċerti oġġetti għall-piena kapitali. Sistema bħal din għandha tqis il-fatt li għadd ta’ pajjiżi abolixxew il-piena tal-mewt għar-reati kollha u li ntrabtu permezz ta' impenji internazzjonali fir-rigward ta' din il-kwistjoni. Minħabba li hemm ir-riskju ta’ riesportazzjoni lejn pajjiżi li għadhom ma għamlux hekk, ċerti kundizzjonijiet u rekwiżiti għandhom ikunu imposti meta jiġu awtorizzati l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi li jkunu abolixxew il-piena kapitali. Għalhekk, huwa xieraq li tingħata awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni ġenerali għall-esportazzjonijiet lejn dawn il-pajjiżi li abolixxew il-piena kapitali għar-reati kollha u li kkonfermaw dan permezz ta' impenji internazzjonali.

(6)       Jekk pajjiż ma abolixxiex il-piena kapitali b’dan il-mod, l-awtoritajiet kompetenti, meta jeżaminaw talba għal awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, għandhom jiċċekkjaw jekk hemmx riskju li l-utent aħħari fil-pajjiż ta' destinazzjoni juża l-oġġetti esportati għal piena bħal din. Għandhom jiġu imposti kundizzjonijiet u rekwiżiti xierqa sabiex jiġu kkontrollati l-bejgħ jew it-trasferimenti mill-utent aħħari għal partijiet terzi. Jekk ikun hemm diversi kunsinni bil-baħar bejn l-istess esportatur u l-utent aħħari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew jeżaminaw mill-ġdid l-istatus tal-utent aħħari fuq bażi perjodika, pereżempju kull sitt xhur, minflok kull meta tingħata awtorizzazzjoni, mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħhom li jannullaw, jissospendu, jimmodifikaw jew jirrevokaw awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni f'konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, meta din tkun iġġustifikata.

(7)       Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-esportaturi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew jagħtu awtorizzazzjoni globali lil esportatur għall-kunsinni kollha bil-baħar ta’ prodotti mediċinali, li jitilqu mingħand dan l-esportatur għal utent aħħari speċifiku matul perjodu fiss, li tispeċifika kwantità li tikkorrispondi mal-użu normali tal-utent aħħari tal-oġġetti, fejn dan jitqies meħtieġ. F'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, awtorizzazzjoni bħal din tkun valida għal massimu ta' tnax-il xahar, bil-possibbiltà li tingħata estensjoni ta' mhux aktar minn tnax-il xahar.

(8)       L-għoti ta' awtorizzazzjoni globali jkun xieraq ukoll meta manifattur jeħtieġ li jesporta prodotti mediċinali kkontrollati mir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 lil distributur f'pajjiż li ma abolixxiex il-piena kapitali, sakemm l-esportatur u d-distributur ikunu kkonkludew ftehim legalment vinkolanti li jkun jobbliga lid-distributur japplika sett xieraq ta' miżuri li jiggarantixxi li l-prodotti mediċinali mhux se jintużaw għall-piena kapitali.

(9)       Il-prodotti mediċinali rregolati mir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 jistgħu jiġu sottomessi għall-kontrolli f'konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, bħalma hi l-Konvenzjoni tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi. Billi tali kontrolli mhumiex applikati biex jipprevjenu l-prodotti mediċinali milli jintużaw għall-piena kapitali iżda biex jipprevjenu t-traffikar illeċitu tad-drogi, il-kontrolli tal-esportazzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005 għandhom jiġu applikati minbarra l-kontrolli internazzjonali. Madankollu, l-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa jużaw proċedura unika sabiex japplikaw iż-żewġ sistemi ta’ kontroll.

(10)     Sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-esportaturi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jitħallew jagħtu awtorizzazzjoni globali lil esportatur fir-rigward ta’ oġġetti li huma kkontrollati biex jiġi evitat li l-oġġetti rilevanti jintużaw għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.

(11)     Il-kontrolli tal-esportazzjonijiet f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1236/2005 ma għandhomx japplikaw għall-oġġetti li l-esportazzjoni tagħhom hija kkontrollata f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK[5], mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009[6] u mar-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7].

(12)     Huwa meħtieġ li s-sensara fl-Unjoni jiġu pprojbiti milli jipprovdu servizzi ta’ senserija fir-rigward ta' oġġetti li l-esportazzjoni u l-importazzjoni tagħhom huma pprojbiti minħabba li dawn l-oġġetti ma għandhom l-ebda użu prattiku ieħor ħlief għall-piena kapitali, it-tortura jew trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Il-projbizzjoni tal-għoti ta’ tali servizzi sservi biex jiġu protetti l-moralitajiet pubbliċi.

(13)     Meta jiġu applikati kontrolli fuq l-esportazzjonijiet, l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija u l-provvista ta’ assistenza teknika fir-rigward ta’ kwalunkwe oġġetti elenkati għandhom ikunu pprojbiti, jekk is-sensar jew il-fornitur ta’ assistenza teknika jkun konxju li l-oġġetti rilevanti huma jew jistgħu jkunu maħsuba għall-piena kapitali, meta jiġu applikati l-kontrolli biex jiġi evitat l-użu għal tali piena, jew għat-tortura, jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, meta l-kontrolli jkunu maħsuba biex jiġi evitat tali użu. Operatur ekonomiku jkollu raġunijiet biex jissuspetta li l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba għal tali użu mhux leġittimu, fost l-oħrajn, jekk awtorità kompetenti tkun informatu li l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba għal tali użu mhux leġittimu.

(14)     Sabiex l-operaturi ekonomiċi u l-awtoritajiet ta’ infurzar jingħataw biżżejjed żmien biex jagħmlu l-bidliet għall-proċeduri operazzjonali tagħhom, meħtieġa biex jikkonformaw ma' dawn il-projbizzjonijiet u biex jinfurzawhom, għandu jiġi definit perjodu tranżitorju qasir.

(15)     Jaqbel illi l-kondiviżjoni ta' ċerta informazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u awtoritajiet doganali oħrajn ssir obbligatorja u jkun xieraq li meta dawn jiskopru esportazzjonijiet jew importazzjonijiet ta’ oġġetti pprojbiti jew esportazzjonijiet ta’ oġġetti li għalihom ma tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni meħtieġa, jinformaw lill-awtoritajiet rilevanti bil-ħsieb li jimponu penalitajiet fuq l-operatur ekonomiku li jkun wettaq il-ksur.

(16)     Jaqbel illi jiġi ċċarat li, sa fejn ikun jirrigwarda d-dejta personali, l-ipproċessar u l-iskambju ta' informazzjoni għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar l-ipproċessar u l-iskambju ta' dejta personali f'konformità mar-regoli stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew[8] u tal-Kunsill u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[9].

(17)     Sabiex jiġu adottati d-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, is-setgħa li jiġu adottati atti f'konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-emendar tal-Annessi I, II, III, IIIa, IIIb, IV u V ta' dan ir-Regolament. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fuq il-livell ta’ esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti delegati, għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa ta’ dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)     Jaqbel illi tiġi prevista l-applikazzjoni immedjata tal-att tal-Kummissjoni, fejn, bħal fil-każ tal-emenda tal-Anness II, III jew IIIa tar-Regolament (KE) Nru 1236/2005, hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza għal tali emenda.

(19)     Il-Kummissjoni ma tiksibx tagħmir għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi billi mhijiex responsabbli miż-żamma tal-liġi u tal-ordni, mill-proċedimenti fi kwistjonijiet kriminali jew mill-infurzar ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita proċedura bil-għan li l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni dwar tagħmir u prodotti għall-infurzar tal-liġi mhux elenkati kkummerċjalizzati fl-Unjoni, sabiex jiġi żgurat li l-listi ta’ oġġetti pprojbiti u kkontrollati jiġu aġġornati b'tali mod li jieħdu inkunsiderazzjoni żviluppi ġodda. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi kwalunkwe talba debitament sostanzjata li tirċievi mingħand xi Stat Membru biex jiġu miżjuda oġġetti fl-Anness II, fl-Anness III jew fl-Anness IIIa, qabel ma din tieħu deċiżjoni biex temenda l-Anness rilevanti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)          L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi ta' oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali jew għat-tortura, jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, u li jirregolaw ukoll l-għoti ta’ servizzi ta’ senserija u l-provvista ta’ assistenza teknika relatata ma’ oġġetti bħal dawn.”

(2)          L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) Il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a) “tortura” tfisser kwalunkwe att li bih l-uġigħ jew it-tbatija severi, fiżiċi jew mentali, jiġu kkawżati intenzjonalment fuq persuna għal tali finijiet bħall-ksib ta' informazzjoni jew konfessjoni min dik il-persuna jew minn terza persuna, l-ikkastigar ta' dik il-persuna għal att li jew dik il-persuna jew terza persuna tkun wettqet jew tkun issuspettata li wettqet, jew biex tbeżża' jew iġġiegħel lil dik il-persuna jew lil terza persuna, jew għal kwalunkwe raġuni bbażata fuq id-diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip, meta tali uġigħ jew tbatija jiġu kkawżati bl-instigazzjoni jew bil-kunsens ta' uffiċjal pubbliku jew persuna oħra li taġixxi f'kapaċità uffiċjali. Madankollu, din ma tinkludix uġigħ jew tbatija li jirriżultaw biss minn penalitajiet leċiti jew li huma inerenti jew inċidentali għalihom, iżda tinkludi l-uġigħ jew it-tbatija kkawżati mill-effetti kumulattivi ta’ nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, bħal spazji marsusa fl-akkomodazzjoni, nuqqas ta’ iġjene jew ta’ kura u assistenza medika, ċaħda ta’ kuntatt mad-dinja ta’ barra, jew reġim ta’ detenzjoni fqir, irrispettivament minn kwalunkwe intenzjoni speċifika jew pożittiva minn dawk li huma inkarigati mill-ħabs jew xi post ieħor ta' detenzjoni li jikkawżaw l-uġigħ jew it-tbatija, anki jekk persuna fiżika tkun ġiet miċħuda mil-libertà tagħha f'konformità mal-liġi. Il-piena kapitali taħt l-ebda ċirkostanza mhija meqjusa bħala penalità leċita;

(b) “trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra” tfisser kwalunkwe att li bih jiġu kkawżati uġigħ jew tbatija severi, fiżiċi jew mentali, fuq persuna, meta tali uġigħ jew tbatija jiġu kkawżati bl-instigazzjoni jew bil-kunsens jew qbil ta' uffiċjal pubbliku jew ta' persuna oħra li taġixxi f'kapaċità uffiċjali. Madankollu, din ma tinkludix uġigħ jew tbatija li jirriżultaw biss minn penalitajiet leċiti jew li huma inerenti jew inċidentali għalihom, iżda tinkludi l-uġigħ jew it-tbatija kkawżati mill-effetti kumulattivi ta’ nuqqasijiet fil-kundizzjonijiet tad-detenzjoni, bħal spazji marsusa fl-akkomodazzjoni, nuqqas ta’ iġjene jew ta’ kura u assistenza medika, ċaħda ta’ kuntatt mad-dinja ta’ barra, jew reġim ta’ detenzjoni fqir, irrispettivament minn kwalunkwe intenzjoni speċifika jew pożittiva minn dawk li huma inkarigati mill-ħabs jew xi post ieħor ta' detenzjoni li jikkawżaw l-uġigħ jew it-tbatija, anki jekk persuna fiżika tkun ġiet miċħuda mil-libertà tagħha f'konformità mal-liġi. Il-piena kapitali taħt l-ebda ċirkostanza mhija meqjusa bħala penalità leċita;”

(b) Il-punt (h) jinbidel b’dan li ġej:

“(h) “awtorità kompetenti” tfisser awtorità ta' wieħed mill-Istati Membri, kif elenkata fl-Anness I, li f'konformità mal-Artikolu 8 hija intitolata tieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni;”

(c) Il-punti li ġejjin jiddaħħlu wara l-punt (i):

“(j) “territorju doganali tal-Unjoni” tfisser it-territorju skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 *;

(k) “servizzi ta' senserija” tfisser:

(a) in-negozjar jew l-organizzazzjoni ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta' oġġetti rilevanti minn pajjiż terz għal kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew

(b) il-bejgħ jew ix-xiri ta’ oġġetti rilevanti li jkunu jinsabu f’pajjiż terz għat-trasferiment tagħhom lejn pajjiż terz ieħor.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament id-dispożizzjoni unika ta’ servizzi anċillari hija eskluża minn din id-definizzjoni. Is-servizzi anċillari huma t-trasport, is-servizzi finanzjarji, l-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni jew ir-reklamar jew il-promozzjoni ġenerali;

(l) “sensar” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew sħubija residenti jew stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni li twettaq is-servizzi definiti skont il-punt (k), mill-Unjoni lejn it-territorju ta’ pajjiż terz;

(m) “fornitur tal-assistenza teknika” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew sħubija residenti jew stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni li tipprovdi l-assistenza teknika definita skont il-punt (f), mill-Unjoni lejn it-territorju ta’ pajjiż terz;

(n) “esportatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew sħubija li f'isimha ssir dikjarazzjoni tal-esportazzjoni, jiġifieri l-persuna li, fil-mument li fih id-dikjarazzjoni tiġi aċċettata, tintrabat b'kuntratt mad-destinatarju fil-pajjiż terz ikkonċernat u jkollha s-setgħa li tibgħat l-oġġetti 'l barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Jekk ma jkun ġie konkluż l-ebda kuntratt ta’ esportazzjoni jew jekk id-detentur tal-kuntratt ma jkunx aġixxa għan-nom tiegħu, l-“esportatur” tfisser il-persuna li jkollha s-setgħa meħtieġa li tibgħat l-oġġett ikkonċernat 'il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni. Meta l-benefiċċju ta’ dritt li wieħed jiddisponi mill-oġġetti jappartjeni lil persuna stabbilita barra mill-Unjoni skont il-kuntratt li fuqu tkun ibbażata l-esportazzjoni, l-esportatur jiġi kkunsidrat bħala l-parti kontraenti stabbilita fl-Unjoni;

(o) “Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni” tfisser awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni għall-esportazzjonijiet lejn ċerti pajjiżi ta' destinazzjoni disponibbli għall-esportaturi kollha li jirrispettaw il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tagħha għall-użu kif elenkat fl-Anness IIIb;

(p) “awtorizzazzjoni individwali għall-esportazzjoni” tfisser awtorizzazzjoni mogħtija lil esportatur speċifiku wieħed għall-esportazzjonijiet lejn utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż terz u li tkopri oġġett wieħed jew aktar;

(q) “awtorizzazzjoni globali ta’ esportazzjoni” tfisser awtorizzazzjoni mogħtija lil esportatur speċifiku wieħed fir-rigward ta' tip ta’ oġġetti validi għall-esportazzjoni lejn utent aħħari speċifikat wieħed jew aktar jew, meta l-esportatur ikun dak li jimmanifattura l-oġġetti inklużi fl-Anness IIIa;

(r) “distributur” tfisser operatur ekonomiku li jwettaq attivitajiet ta’ bejgħ bl-ingrossa b’rabta ma’ prodotti mediċinali jew sustanzi attivi, bħal pereżempju l-akkwist tal-prodotti mediċinali jew tas-sustanzi attivi mill-manifatturi u ż-żamma, il-provvista jew l-esportazzjoni ta’ prodotti bħal dawn; l-attivitajiet ta’ bejgħ bl-ingrossa ma jinkludux l-akkwist min-naħa ta' sptar, spiżjar jew professjonist mediku għall-iskop waħdieni li jforni l-prodotti mediċinali lill-pubbliku.

* Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, ĠU L 301, 19.10.1992, p. 1.”

(3)          L-Artikolu li ġej jiddaħħal wara l-Artikolu 4:

“Artikolu 4a

Il-projbizzjoni ta’ servizzi ta’ senserija

Huwa pprojbit li sensar jipprovdi servizzi ta’ senserija lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f’pajjiż terz, fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness II, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti.”

(4)          Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.          Għal kwalunkwe esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness III, tkun meħtieġa awtorizzazzjoni, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti. Madankollu, l-ebda awtorizzazzjoni ma tkun meħtieġa għall-oġġetti li jgħaddu biss mit-territorju doganali tal-Unjoni, jiġifieri dawk li ma jkunux assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana, għajr il-proċedura ta' tranżitu estern skont l-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, inkluż il-ħażna ta' oġġetti mhux tal-Unjoni f'żona ħielsa mid-dwana sottomessa għal kontroll tat-tip I jew f'maħżen ħieles.

L-Anness III jinkludi l-oġġetti segwenti, li jistgħu jintużaw għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra:

(a) l-oġġetti li huma primarjament użati għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi; u

(b) l-oġġetti li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni d-disinn u l-karatteristiċi tekniċi tagħhom, jippreżentaw riskju materjali ta’ użu għat-tortura jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra.

L-Anness III ma jinkludix:

(a) l-armi tan-nar irregolati mir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b) l-oġġetti b'użu doppju rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009; u

(c) l-l-oġġetti rregolati f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK.”

(5)          Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.          L-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa, fuq bażi ta' każ b'każ, filwaqt li jqisu l-kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha, inkluż b’mod partikolari jekk applikazzjoni fir-rigward ta' esportazzjoni essenzjalment identika tkun ġietx miċħuda minn Stat Membru ieħor fit-tliet snin ta’ qabel, u l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu aħħari maħsub u r-riskju ta’ devjazzjoni.”

(6)          Wara l-Artikolu 7, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

Il-projbizzjoni ta’ ċerti servizzi

1.           Huwa pprojbit li sensar jipprovdi servizzi ta’ senserija lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f’pajjiż terz, fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness III, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti, jekk is-sensar ikun jaf jew ikollu raġunijiet biex jissuspetta li xi parti mill-kunsinna bil-baħar ta' tali oġġetti hija jew tista' tkun maħsuba biex tintuża għat-tortura, jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiż li ma jiffurmax parti mit-territorju doganali tal-Unjoni.

2.           Huwa pprojbit li fornitur tal-assistenza teknika jipprovdi l-assistenza teknika lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f’pajjiż terz, fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness III, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti, jekk il-fornitur ta' din l-assistenza jkun jaf jew ikollu raġunijiet biex jissuspetta li xi oġġetti jew l-oġġetti kollha rilevanti huma jew jistgħu jkunu maħsuba biex jintużaw għat-tortura, jew għal trattamenti jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra f’pajjiż li ma jiffurmax parti mit-territorju doganali tal-Unjoni.”

(7)          Wara l-Artikolu 7a, jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU IIIa

Oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali

Artikolu 7b

Rekwiżit ta' awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni

1.           Għal kwalunkwe esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa, ikun hemm bżonn ta' awtorizzazzjoni, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti. Madankollu, l-ebda awtorizzazzjoni ma tkun meħtieġa għall-oġġetti li jgħaddu biss mit-territorju doganali tal-Unjoni, jiġifieri dawk li ma jkunux assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana, għajr il-proċedura ta' tranżitu estern skont l-Artikolu 91 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, inkluż il-ħażna ta' oġġetti mhux tal-Unjoni f'żona ħielsa mid-dwana sottomessa għal kontroll tat-tip I jew f'maħżen ħieles.

L-Anness IIIa jinkludi l-oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali u li ġew approvati jew effettivament użati għall-piena kapitali minn pajjiż terz wieħed jew aktar li ma abolixxewx il-piena kapitali. Huwa ma jinkludix:

(a) l-armi tan-nar irregolati mir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b) l-oġġetti b'użu doppju rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 u

(c) l-oġġetti rregolati f'konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK.

2.           F'każ li l-esportazzjoni tal-prodotti mediċinali tirrikjedi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont dan ir-Regolament u l-esportazzjoni tkun ukoll soġġetta għar-rekwiżiti ta' awtorizzazzjoni f'konformità mal-konvenzjoni internazzjonali li tikkontrolla d-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi tal-1971, l-Istati Membri jistgħu jużaw proċedura unika biex iwettqu l-obbligi imposti fuqhom mir-Regolament u mill-konvenzjoni rilevanti.

Artikolu 7c

Il-kriterji għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet għall-esportazzjoni

1.           L-awtoritajiet kompetenti jieħdu deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa, fuq bażi ta' każ b'każ, filwaqt li jqisu l-kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha, inkluż b’mod partikolari jekk applikazzjoni fir-rigward ta' esportazzjoni essenzjalment identika tkun ġietx miċħuda minn Stat Membru ieħor fit-tliet snin ta’ qabel, u l-kunsiderazzjonijiet dwar l-użu aħħari maħsub u r-riskju ta’ devjazzjoni.

2.           L-awtorità kompetenti ma tagħti l-ebda awtorizzazzjoni meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli li jwasslu sabiex wieħed jemmen li l-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa jistgħu jintużaw għall-piena kapitali f’pajjiż terz.

3.           Il-linji gwida li ġejjin japplikaw għall-verifika tal-użu aħħari maħsub u tar-riskju ta’ devjazzjoni:

3.1.        Jekk il-manifattur ta’ prodott mediċinali li jkun fih xi sustanza attiva elenkata fl-Anness IIIa jitlob li jingħata awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta' tali prodott lejn distributur f’pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tivvaluta l-arranġamenti kuntrattwali magħmula mill-esportatur u mid-distributur u l-miżuri li jkunu qed jieħdu biex jiġi żgurat li l-prodotti mediċinali ma jintużawx għall-piena kapitali.

3.2.        Jekk tintalab awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni tal-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa lejn utent aħħari f’pajjiż terz, l-awtorità kompetenti tivvaluta r-riskju ta’ devjazzjoni filwaqt li tikkunsidra l-arranġamenti kuntrattwali li japplikaw u d-dikjarazzjoni tal-użu aħħari ffirmata mill-utent aħħari, jekk tiġi pprovduta dikjarazzjoni bħal din. Jekk ma tiġi pprovduta l-ebda dikjarazzjoni tal-użu aħħari, l-esportatur huwa dak li jrid jindika min se jkun l-utent aħħari u għalxiex se jintużaw l-oġġetti. Jekk l-esportatur ma jipprovdix biżżejjed informazzjoni biex jiġi vvalutat ir-riskju ta’ devjazzjoni, l-awtorità kompetenti titqies li jkollha bażi raġonevoli biex temmen li l-oġġetti jistgħu jintużaw għall-piena kapitali.

Artikolu 7d

Il-projbizzjoni ta’ ċerti servizzi

1.           Huwa pprojbit li sensar jipprovdi servizzi ta’ senserija lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f’pajjiż terz, fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti, jekk is-sensar ikun jaf jew ikollu raġunijiet biex jissuspetta li xi parti mill-kunsinna bil-baħar ta' tali oġġetti hija jew tista' tkun maħsuba biex tintuża għall-piena kapitali f’pajjiż li ma jiffurmax parti mit-territorju doganali tal-Unjoni.

2.           Huwa pprojbit li fornitur tal-assistenza teknika jipprovdi l-assistenza teknika lil kwalunkwe persuna, entità jew korp f’pajjiż terz, fir-rigward tal-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa, irrispettivament mill-oriġini ta’ tali oġġetti, jekk il-fornitur tal-assistenza teknika jkun jaf jew ikollu raġunijiet biex jissuspetta li xi oġġetti jew l-oġġetti kollha rilevanti huma jew jistgħu jkunu maħsuba biex jintużaw għall-piena kapitali f’pajjiż li ma jiffurmax parti mit-territorju doganali tal-Unjoni.”

(8)          L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 8

It-tipi ta’ awtorizzazzjonijiet u l-awtoritajiet emittenti

1.           Dan ir-Regolament jistabbilixxi Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni għal ċerti esportazzjonijiet kif stipulat fl-Anness IIIb.

L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur, tista' tipprojbixxi lill-esportatur milli juża din l-awtorizzazzjoni, jekk ikun hemm suspetti raġonevoli dwar il-kapaċità tiegħu li jikkonforma mat-termini tal-awtorizzazzjoni jew ma’ xi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar l-esportaturi kollha miċħuda mid-dritt li jużaw l-Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni għall-Esportazzjoni, sakemm ma jiddeterminawx li esportatur speċifiku mhux se jipprova jesporta l-oġġetti elenkati fl-Anness IIIa billi jgħaddihom minn Stat Membru ieħor. Minħabba f'hekk, jaqbel li tintuża sistema sikura u kriptata għall-iskambju tal-informazzjoni.

2.           Awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet l-oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, li għalihom tkun tenħtieġ awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament, tingħata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur, kif elenkat fl-Anness I. Tali awtorizzazzjoni tista’ tkun awtorizzazzjoni individwali jew waħda globali, jekk tikkonċerna l-oġġetti elenkati fl-Anness III jew fl-Anness IIIa. Kwalunkwe awtorizzazzjoni dwar l-oġġetti elenkati fl-Anness II tkun awtorizzazzjoni individwali.

3.           Awtorizzazzjoni għall-importazzjonijiet li għalihom tkun tenħtieġ awtorizzazzjoni skont dan ir-Regolament, tingħata mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-mużew, kif elenkat fl-Anness I. Kwalunkwe awtorizzazzjoni dwar l-oġġetti elenkati fl-Anness II tkun awtorizzazzjoni individwali.

4.           Awtorizzazzjoni għall-provvista ta’ assistenza teknika relatata mal-oġġetti elenkati fl-Anness II tingħata:

(a) mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz, kif elenkat fl-Anness I, jekk l-għajnuna tkun trid tingħata lil xi mużew f’pajjiż terz; jew

(b) mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-mużew, kif elenkat fl-Anness I, jekk l-għajnuna tkun trid tingħata lil xi mużew fl-Unjoni.

5.           L-applikanti jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjonijiet tagħhom għal awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni individwali jew globali jew għal awtorizzazzjoni għall-importazzjoni individwali sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-informazzjoni kompluta b’mod partikolari dwar l-utent aħħari, il-pajjiż ta' destinazzjoni u l-użu aħħari tal-oġġetti. L-awtorizzazzjoni tista’ tkun soġġetta għal dikjarazzjoni ta’ użu finali, jekk ikun xieraq.

6.           Permezz ta' deroga mill-paragrafu 5, meta l-prodotti mediċinali jkunu jridu jiġu esportati minn manifattur lejn distributur, il-manifattur jipprovdi informazzjoni dwar l-arranġamenti magħmula u l-miżuri meħuda biex jiġi evitat li dawn il-prodotti jintużaw għall-piena kapitali, dwar il-pajjiż ta' destinazzjoni u, jekk tkun disponibbli, informazzjoni dwar l-użu aħħari u l-utenti aħħarija tal-oġġetti.

7.           L-Istati Membri jipproċessaw talbiet għal awtorizzazzjonijiet individwali jew globali f’perjodu ta’ żmien li għandu jiġi ddeterminat mil-liġi jew mill-prattika nazzjonali.”

(9)          Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5           In-notifiki kollha meħtieġa skont dan l-Artikolu se jsiru permezz ta’ sistema sikura u kriptata għall-iskambju ta’ informazzjoni.”

(10)        Wara l-Artikolu 11, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Skambji ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet doganali

1.           Għal skopijiet ta' ġestjoni tar-riskji doganali, l-awtoritajiet doganali jikkondividu informazzjoni rilevanti f'konformità mal-Artikolu 4g tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93. *

2.           L-awtoritajiet doganali jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru rilevanti meta jkunu se jsiru l-esportazzjonijiet jew l-importazzjonijiet ta’ oġġetti li jkunu pprojbiti mill-Artikolu 3 jew 4. L-awtoritajiet doganali jinformaw ukoll lil dawn l-awtoritajiet kompetenti f'każ li jkun hemm esportazzjonijiet li ma jkunux kisbu awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5 jew 7b.

* Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.”

(11)        L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 12

Emenda tal-Annessi

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa, f'konformità mal-Artikolu 15a, li tadotta atti delegati biex temenda l-Annessi I, II, III, IIIa, IIIb, IV u V. Id-dejta li hemm fl-Anness I dwar l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tiġi emendata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Meta, fil-każ tal-emenda tal-Anness II, III jew IIIa, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta' urġenza li jirrikjedu li jsir dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 15b tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”

(12)        Wara l-Artikolu 12, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 12a

Talbiet biex jiġu miżjuda xi oġġetti f'waħda mil-listi tal-oġġetti

1.           Kull Stat Membru jista’ jindirizza talba debitament sostanzjata lill-Kummissjoni biex din iżżid oġġetti ddisinjati jew kummerċjalizzati għall-infurzar tal-liġi fl-Anness II, fl-Anness III jew fl-Anness IIIa. Talba bħal din għandha tinkludi:

(a) informazzjoni dwar id-disinn u l-karatteristiċi tal-oġġetti inkwistjoni;

(b) informazzjoni dwar l-iskopijiet kollha li għalihom jistgħu jintużaw l-oġġetti; u

(c) informazzjoni dwar ir-regoli internazzjonali jew domestiċi li jkunu ġew miksura, li kieku l-oġġetti kellhom jintużaw għall-infurzar tal-liġi.

2.           Il-Kummissjoni tista’, fi żmien tliet xhur, titlob lill-Istat Membru rikjedenti jipprovdi informazzjoni supplimentari, jekk tikkunsidra li t-talba tkun tonqos milli tindirizza punt wieħed rilevanti jew aktar jew jekk tara li hemm bżonn ta' informazzjoni addizzjonali fuq punt wieħed rilevanti jew aktar. Hi tgħarraf lill-Istat Membru inkwistjoni bil-punti li dwarhom ikun hemm bżonn li tiġi pprovduta informazzjoni supplimentari.

3.           Jekk tqis li ma jkunx hemm bżonn titlob għal informazzjoni supplimentari jew, fejn applikabbli, malli tirċievi l-informazzjoni supplimentari li tkun talbet, il-Kummissjoni, fi żmien sitt xhur, tagħti bidu għall-proċedura biex tiġi adottata l-emenda mitluba jew inkella tinforma lill-Istati Membri rikjedenti bir-raġunijiet għalfejn ma tkunx se tagħmel dan.”

(13)        Wara l-Artikolu 13, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

L-ipproċessar ta’ dejta personali

Id-dejta personali tiġi pproċessata u skambjata f'konformità mar-regoli stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill * u fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill **.

* Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

** Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”

(14)        Jitħassar l-Artikolu 15.

(15)        Wara l-Artikolu 15, jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 15a

Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa li jiġu adottati atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn …. Il-Kummissjoni tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' tul identiku, dejjem sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux għal tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni għal revoka ġġib fi tmiemha d-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din issir effettiva fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.           Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b'dan.

5.           Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill f'perjodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu informaw it-tnejn li huma lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu jiġi estiż b'xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15b

Proċedura ta’ urġenza

1.           L-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u japplikaw sakemm ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni f'konformità mal-paragrafu 2. In-notifika ta’ att iddelegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.

2.           Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 15 a(5). F'każ bħal dan, il-Kummissjoni tħassar l-att mingħajr dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta' oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”

(15)        L-Annessi huma emendati kif ġej:

(a) Fl-Anness III, tħassret it-Taqsima 4

(b) Huwa miżjud Anness IIIa ġdid, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

(c) Huwa miżjud Anness IIIb ġdid, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 6 tal-Artikolu 1 u, sa fejn jiġi introdott l-Artikolu 7d, il-punt 7 tal-Artikolu 1, jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Ir-Riżoluzzjoni P7_TA(2010)0236, ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 107.

[2]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 tas-27 ta' Ġunju 2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ĠU L 200, 30.7.2005, p. 1.

[3]               Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1352/2011 tal-20 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, ĠU L 338, 21.12.2011, p. 31.

[4]               ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

[5]               Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari, ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

[6]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta’ Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju, ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.

[7]               Ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta’ u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u ammunizzjoni tagħhom, li tissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-tranżitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-ammunizzjoni, ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1.

[8]               Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta, ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

[9]               Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta, ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

ANNESS

ta' mal-Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta’ ċerti prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, għat-tortura jew għal trattament jew kastig ieħor krudili, inuman jew degradanti

Anness I

"Anness IIIa

Oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali msemmija fl-Artikolu 7b

Kodiċi tan-NM || Deskrizzjoni

|| 1. Il-prodotti li jistgħu jintużaw għall-eżekuzzjoni tal-bnedmin permezz ta’ injezzjoni letali, huma s-segwenti:

|| 1.1. Aġenti anestetiċi barbiturati li jaġixxu fuq perjodu qasir u intermedju jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:

ex 2933 53 90 [minn (a) sa (f)] ex 2933 59 95 [minn (g) sa (h)] || (a) amobarbital (CAS RN 57-43-2) 1.1. melħ tas-sodju tal-amobarbital (CAS RN 64-43-7) 1.2. pentobarbital (CAS RN 76-74-4) 1.3. melħ tas-sodju tal-pentobarbital (CAS 57-33-0) 1.4. sekobarbital (CAS RN 76-73-3) 1.5. melħ tas-sodju tas-sekobarbital (CAS RN 309-43-3) 1.6. tijopental (CAS RN 76-75-5) 1.7. melħ tas-sodju tijopental (CAS RN 71-73-8), magħruf ukoll bħala tijopenton sodiku

|| Nota: Dan il-punt ikopri wkoll il-prodotti li fihom wieħed mill-aġenti anestetiċi elenkati taħt l-aġenti anestetiċi barbituriċi li jaġixxu fuq perjodu qasir u intermedju."

Anness II

"Anness IIIb

Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni Għall-Esportazzjoni Nru UE …

Parti 1 – Oġġetti

Din l-awtorizzazzjoni ġenerali għall-esportazzjoni tkopri l-oġġetti kollha elenkati fl-entrati tal-Anness IIIa ta' mar-Regolament (KE) Nru 1236/2005

Parti 2 – Destinazzjonijiet

Għall-provvisti ddestinati lejn pajjiż jew territorju li jifforma parti mit-territorju doganali tal-Unjoni, li għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 jinkludi lil Ceuta, Helgoland u Melilla (l-Artikolu 18(2)), ma tenħtieġx awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

Din l-awtorizzazzjoni hija valida fl-Unjoni kollha għall-esportazzjonijiet lejn id-destinazzjonijiet segwenti:

It-territorji Daniżi li mhumiex inklużi fit-territorju doganali:

-           Il-Gżejjer Faeroe

-           Il-Groenlandja

It-territorji Franċiżi li mhumiex inklużi fit-territorju doganali:

–          Il-Polineżja Franċiża,

–          It-Territorji Franċiżi tan-Nofsinhar u Antartiċi,

–          Il-Kaledonja Ġdida,

–          Saint Barthélemy,

–          Saint Pierre u Miquelon,

–          Wallis u l-Gżejjer Futuna

It-territorji Olandiżi li mhumiex inklużi fit-territorju doganali:

-           Aruba,

-           Bonaire,

-           Curaçao,

-           Saba,

-           Sint Eustatius,

-           Sint Maarten

It-territorji Brittaniċi rilevanti li mhumiex inklużi fit-territorju doganali:

-           Angwilla

-           Il-Bermuda

-           Il-Gżejjer Falkland

-           Ġibiltà

-           Montserrat

-           Sant’Elena, Ascension u Tristan da Cunha

-           Il-Ġeorġja tan-Nofsinhar u l-Gżejjer Sandwich tan-Nofsinhar

-           Il-Gżejjer Turks u Kajkos

L-Albanija

L-Andorra

L-Arġentina

L-Awstralja

Il-Benin

Il-Bolivja

Il-Bosnja-Ħerzegovina

Il-Kanada

Il-Kap Verde

Il-Kolombja

Il-Kosta Rika

Ġibuti

L-Ekwador

Il-Ġeorġja

Il-Ginea Bissaw

Il-Ħonduras

L-Islanda

Kirgiżistan

Il-Liberja

Il-Liechtenstein

Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Il-Madagaskar

Il-Messiku

Il-Moldova

Il-Mongolja

Il-Montenegro

Il-Możambik

In-Namibja

In-Nepal

In-New Zealand

In-Nikaragwa

In-Norveġja

Il-Panama

Il-Paragwaj

Il-Filippini

Ir-Rwanda

San Marino

São Tomé u Príncipe

Is-Serbja

Is-Seychelles

L-Afrika t’Isfel

L-Isvizzera (inklużi Büsingen u Campione d’Italia)

Timor Leste

It-Turkija

It-Turkmenistan

L-Ukraina

L-Urugwaj

L-Uzbekistan

Il-Venezwela

Parti 3 - Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti biex tintuża din l-awtorizzazzjoni ġenerali għall-esportazzjoni

(1) Din l-awtorizzazzjoni ma tistax tintuża:

– jekk l-esportatur ikun ġie infurmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit, li l-oġġetti inkwistjoni huma jew jistgħu jkunu maħsuba, totalment jew parzjalment, jew biex jiġu esportati mill-ġdid lejn pajjiż terz jew inkella biex jintużaw għall-finijiet ta' piena kapitali f'pajjiż terz;

– jekk l-esportatur ikun jaf jew ikollu raġunijiet biex jissuspetta li l-oġġetti inkwistjoni huma maħsuba, totalment jew parzjalment, jew biex jiġu esportati mill-ġdid lejn pajjiż terz jew inkella biex jintużaw għall-finijiet imsemmija fl-inċiż preċedenti;

– jekk l-oġġetti rilevanti jkunu esportati lejn żona ħielsa mid-dazju jew lejn maħżen ħieles mid-dazju li jkun jinsab f'destinazzjoni koperta minn din l-awtorizzazzjoni;

– jekk l-esportatur ikun il-manifattur tal-prodotti mediċinali inkwistjoni u ma jkunx ikkonkluda ftehim legalment vinkolanti mad-distributur, li jkun jobbliga lil dan tal-aħħar jissottometti l-provvisti u t-trasferimenti kollha għall-konklużjoni ta' ftehim legalment vinkolanti li jimponi fuq il-klijent, preferibbilment soġġett għal penali kuntrattwali dissważiva, il-kundizzjonijiet segwenti:

(a) li ma jagħmilx użu mill-oġġetti li jkunu waslu mingħand id-distributur għall-piena kapitali;

(b) li ma jipprovdix jew li ma jittrasferixxix dawn l-oġġetti lil xi parti terza, jekk il-klijent ikun jaf jew ikollu raġunijiet biex jissuspetta li l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu maħsuba biex jintużaw fil-piena kapitali; u

(c) li jimponi l-istess rekwiżiti fuq kwalunkwe parti terza li tista' tkun id-destinatarju ta' provvista jew trasferiment ta' xi oġġetti minn dawn min-naħa tal-klijent.

– jekk l-esportatur ma jkunx il-manifattur tal-prodotti mediċinali inkwistjoni u ma jkunx ġab dikjarazzjoni tal-utent aħħari ffirmata mill-utent aħħari fil-pajjiż ta' destinazzjoni; jew

– jekk l-esportatur ma jkunx ikkonkluda ftehim legalment vinkolanti mad-distributur jew mal-utent aħħari, preferibbilment soġġett għal penali kuntrattwali dissważiva, li jkun jobbliga lid-distributur jew li jkun jobbliga lill-utent aħħari f'każ li l-ftehim ikun ġie konkluż mill-utent aħħari, biex jikseb awtorizzazzjoni minn qabel mingħand l-esportatur għal:

(a) kwalunkwe trasferiment jew provvista ta' kwalunkwe parti mill-konsenja li tkun diretta lejn awtorità ta' infurzar tal-liġi f'pajjiż jew territorju li ma abolixxiex il-piena kapitali,

(b) kwalunkwe trasferiment jew provvista ta' kwalunkwe parti mill-konsenja li tkun diretta lejn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li takkwista/jakkwista l-oġġetti rilevanti jew li tipprovdi/jipprovdi servizzi li jinvolvu l-użu ta' dawn l-oġġetti, lil tali awtorità ta' infurzar tal-liġi, u

(c) kwalunkwe riesportazzjoni jew trasferiment ta' kwalunkwe parti mill-konsenja li tkun diretta lejn pajjiż jew territorju li ma abolixxiex il-piena kapitali.

(2) L-esportaturi li jagħmlu użu minn din l-awtorizzazzjoni Nru EU… jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti meta jużaw din l-awtorizzazzjoni għall-ewwel darba sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data ta' meta sseħħ l-ewwel esportazzjoni.

Fid-Dokument Amministrattiv Uniku, l-esportaturi jirrapportaw ukoll il-fatt li qed jużaw din l-awtorizzazzjoni Nru EU… billi jniżżlu r-referenza X …. fil-kaxxa 44.

(3) L-Istati Membri jiddefinixxu r-rekwiżiti ta’ rappurtar marbuta mal-użu ta’ din l-awtorizzazzjoni kif ukoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Istat Membru li minnu ssir l-esportazzjoni jista’ jirrikjedi f'dak li jirrigwarda l-oġġetti esportati skont din l-awtorizzazzjoni.

Stat Membru jista’ jobbliga lill-esportaturi stabbiliti f’dak l-Istat Membru biex jirreġistraw qabel ma jużaw din l-awtorizzazzjoni għall-ewwel darba. Ir-reġistrazzjoni tkun awtomatika u l-awtoritajiet kompetenti jinnotifikaw lill-esportatur dwar dan mingħajr dewmien u f'kull każ, fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol minn meta tiġi rċevuta."