52014DC0646

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali tagħha tal-liberalizzazzjoni tal-viża /* COM/2014/0646 final */


1. INTRODUZZJONI

Fil-21 ta’ Ġunju 2012, meta l-awtoritajiet Torok  inizjalaw it-test tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija li kienu ilhom jinnegozjaw mal-Kummissjoni Ewropea mill-2005, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-konklużjonijiet, fejn huwa stieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex ‘b’mod parallel mal-iffirmar tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn it-Turkija u l-UE, tieħu passi lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża bħala perspettiva gradwali u fit-tul’. Il-Parlament Ewropew irrakkomanda wkoll dan l-approċċ lill-Kummissjoni fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ April 2013 dwar ir-rapport ta’ progress tal-2012 rigward it-Turkija.

Il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija ġie ffirmat fis-16 ta’ Diċembru 2013. B’mod parallel, l-UE u t-Turkija nedew djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. L-għan ta’ dan id-djalogu huwa li jimxi lejn it-terminazzjoni tar-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini Torok li jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen għal żjara qasira.

Filwaqt li d-djalogu għadu għaddej, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda teżamina l-leġiżlazzjoni Torka u l-prattiki amministrattivi rilevanti. Dan isir fuq il-bażi tal-‘Pjan direzzjonali lejn reġim mingħajr viża mat-Turkija’, dokument imħejji mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ esperti rilevanti mill-Istati Membri tal-UE. Huwa jistabbilixxi l-punti ta’ riferiment li għandha tuża l-Kummissjoni sabiex tiddeċiedi jekk u meta jkun xieraq li tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew li r-rekwiżit tal-viża li huwa impost bħalissa fuq iċ-ċittadini Torok jitneħħa, billi jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

Ir-rekwiżiti fil-Pjan Direzzjonali huma miġbura flimkien f’ħames blokok: is-sigurtà tad-dokumenti, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, l-ordni u s-sigurtà pubblika, id-drittijiet fundamentali u r-riammissjoni tal-migranti irregolari.

Il-Kummissjoni se tirrapporta regolarment lill-Kunsill u lill-Parlament dwar il-progress tat-Turkija fl-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Pjan Direzzjonali. Dawn ir-rapporti se jservu wkoll bħala gwida għall-awtoritajiet Torok fuq l-oqsma speċifiċi li jeħtieġ jiġu indirizzati. Sabiex setgħet tħejji dan l-ewwel rapport, il-Kummissjoni għamlet diversi żjarat fit-Turkija bejn is-16 ta’ Marzu u l-20 ta’ Ġunju 2014 bil-għan li tiġbor informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri fl-oqsma koperti mill-Pjan Direzzjonali. Il-Kummissjoni kienet assistita mid-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija u minn esperti mill-Istati Membri tal-UE u l-aġenziji rilevanti tal-UE (il-Frontex, l-Europol, l-EASO).

Dan ir-rapport jeżamina s-sitwazzjoni attwali u l-progress taħt kull punt ta’ riferiment u jipprovdi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk it-Turkija tissodisfax ir-rekwiżiti stipulati fil-pjan direzzjonali.

Il-valutazzjonijiet tal-progress li ġejjin isiru għal kull punt ta’ riferiment:

‘rekwiżit issodisfat’; ‘kważi ssodisfat’ (jiġifieri għad fadal li jsir biss xi xogħol limitat sabiex ir-rekwiżit jiġi ssodisfat kompletament); ‘parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress’ (jiġifieri għad fadal ħafna xogħol xi jsir, iżda r-riżultati miksuba u x-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet Torok huma sostanzjali u l-iżviluppi li kien hemm sa issa huma inkoraġġanti); ‘parzjalment issodisfat biss’ (jiġifieri għad fadal ħafna xogħol xi jsir sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-punt ta’ riferiment u ma ġie osservat ebda żvilupp pożittiv partikolari għall-indirizzar tagħhom); ‘rekwiżit mhux issodisfat’ (jiġifieri t-Turkija hija ferm ’il bogħod milli tissodisfa dan il-punt ta’ riferiment).

Fl-oqsma kollha fejn il-Kummissjoni tivvaluta li r-rekwiżiti ta’ punt ta’ riferiment għadhom mhumiex issodisfati kompletament, ir-rapport jipprovdi xi suġġerimenti dwar miżuri li, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jistgħu jgħinu sabiex jiġu indirizzati d-dgħufijiet identifikati.

Bħala konklużjoni, wieħed għandu jfakkar li dan id-dokument jiffoka fuq il-prestazzjoni tat-Turkija fl-issodisfar tal-punti ta' riferiment tal-"Pjan Direzzjonali lejn ir-reġim mingħajr viża", li ġew stabbiliti bil-għan li jiġu identifikati l-kundizzjonijiet li jippermettu li jsir progress f'manjiera sigura lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża. Għaldaqstant, dan ir-rapport mhuwiex maħsub biex jivvaluta l-progress ġenerali li għamlet it-Turkija fit-tħejjija għas-sħubija fl-UE: dan jibqa' s-suġġett tar-"Rapport ta' Progress dwar it-Turkija", li jiġi ppreżentat kull sena mill-Kummissjoni, u li l-aħħar edizzjoni tiegħu kienet ippubblikat fit-8 ta' Ottubru   2014.[1] 2. BLOKK 1: IS-SIGURTÀ TAD-DOKUMENTI

2.1. Valutazzjoni ġenerali

It-Turkija żammet il-pass mal-iżviluppi tekniċi u politiċi fil-komunità internazzjonali fil-qasam tal-ivvjaġġar u d-dokumenti tal-identità u bħalissa qiegħda tippjana li tagħmel passi addizzjonali ’il quddiem. It-Turkija għad mhijiex qed tissodisfa kompletament ir-rekwiżiti kollha tal-Blokk 1 tal-Pjan Direzzjonali, iżda diġà tinsab avvanzata sewwa fl-indirizzar tal-biċċa l-kbira tagħhom u għandha l-kapaċità teknika sabiex tilħaq dan l-għan, dment li jiddaħħlu fis-seħħ ir-riformi u l-arranġamenti tekniċi rilevanti biżżejjed fil-ħin..

2.2. Kummenti ddettaljati dwar il-punti ta’ riferiment fil-blokk dwar is-sigurtà tad-dokumenti

Ø It-Turkija għandha tkompli toħroġ dokumenti tal-ivvjaġġar bijometriċi li jinqraw minn magni b’konformità mal-istandards tal-ICAO u ssegwi l-prattika rrakkomandata mill-ICAO, telimina gradwalment kwalunkwe passaporti mhux konformi mal-ICAO u tintroduċi gradwalment passaporti internazzjonali b’dejta bijometrika, inklużi ritratti u marki tas-swaba’, skont l-istandards tal-UE, b’mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill Nru 2252/2004;

B’konformità mal-istandards stabbiliti mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), fl-2010, l-awtoritajiet Torok waqfu joħorġu passaporti mhux konformi mal-ICAO (jiġifieri passaporti li ma fihom ebda dejta bijometrika) u bdew joħorġu biss passaporti konformi mal-ICAO (jiġifieri passaporti li fihom karatteristiċi ta’ sigurtà qawwija ħafna u xi dejta bijometrika; fil-każ tat-Turkija, ritratt diġitali li juri wiċċ id-detentur). Sa issa għadhom qegħdin jiġu ċċirkolati xi ftit passaporti Torok mhux konformi mal-ICAO, iżda dawn kollha se jiskadu sal-25 ta’ Novembru 2015.

L-awtoritajiet Torok għadhom ma bdewx jintroduċu passaporti konformi mal-istandards stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill tal-UE Nru 2252/2004 (jiġifieri passaporti li fihom karatteristiċi ta’ sigurtà qawwija ħafna u diversi biċċiet ta’ dejta bijometrika, inklużi marki tas-swaba’ kif ukoll ritratt diġitali). Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jibdew joħorġu b’mod sistematiku passaporti ġodda li jkun fihom il-marki tas-swaba’ tad-detentur tal-passaport.

Dan għandu jkun teknoloġikament possibbli għall-awtoritajiet Torok, minħabba li huma diġà bdew jiġbru u jaħżnu b’mod sistematiku l-marki tas-swaba’ taċ-ċittadini kollha li japplikaw għal passaport (għalkemm, sal-lum, dawn għadhom mhumiex inklużi fiċ-ċippa tal-passaport). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Ø L-implimentazzjoni ta’ miżuri amministrattivi xierqa li jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tal-proċess ta’ personalizzazzjoni, distribuzzjoni u validazzjoni għall-passaporti internazzjonali u għal dokumenti ta’ identità oħrajn;

Is-sistema fis-seħħ fit-Turkija hija konformi mal-istandards tal-ICAO u tidher li hija affidabbli, effikaċi u soda.

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dan ir-rekwiżit huwa biss kważi ssodisfat; minħabba li matul il-missjonijiet tal-esperti ġew osservati xi dgħufijiet, li, għalkemm huma żgħar, jimmeritaw attenzjoni sabiex jiġi evitat li jinħolqu l-problemi fil-ġejjieni.

B’mod partikolari, għandu jittejjeb il-mod kif jinqerdu mill-pulizija l-passaporti skaduti, sabiex b’hekk tkompli titnaqqas il-kwantità ta’ partijiet fiżiċi tad-dokument li jistgħu jerġgħu jintużaw b’mod frodulenti għall-falsifikazzjoni ta’ passaporti foloz. Huwa rrakkomandat ukoll li tissaħħaħ is-sigurtà tal-faċilità tal-ħażna għall-passaporti vojta f’Ankara.

Ø It-twaqqif ta’ programmi ta’ taħriġ u l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ etika kontra l-korruzzjoni mmirati għall-uffiċjali tal-awtorità pubblika li tittratta l-viżi, id-dokumenti tal-identità jew il-passaporti;

Fit-Turkija ġew implimentati proċeduri, taħriġ u sistemi ta’ kontroll adegwati. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment ġie ssodisfat.

Ø Ir-rapportar fil-pront u b’mod sistematiku lid-bażi tad-dejta tal-LASP/Interpol dwar passaporti mitlufa jew misruqa;

Is-sistema fis-seħħ għall-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit tidher li hija waħda adegwata. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment ġie ssodisfat.

Ø L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ sigurtà tad-dokumenti tal-identità u tal-karti tal-identità u d-definizzjoni ta’ proċeduri stretti dwar l-applikazzjoni u l-ħruġ tagħhom;

Il-karti tal-identità fiċ-ċirkolazzjoni bħalissa mhumiex, fiżikament, dokumenti siguri ħafna u huwa relattivament faċli li dawn jiġu ffalsifikati. Madankollu, il-probabbiltà li jintużaw karti tal-identità foloz fi proċeduri amministrattivi, inkluż il-ħruġ ta’ passaport, hija negliġibbli. Din hija dovuta għall-eżistenza ta’ sistema ta’ reġistri ċivili b’saħħitha u affidabbli fit-Turkija, fejn iċ-ċittadini kollha huma rreġistrati u mogħtija numru ta’ identifikazzjoni. Din is-sistema, li hija amministrata b’mod effettiv mid-Dipartiment tal-Popolazzjoni fil-Ministeru tal-Intern, kif ukoll il-bażi tad-dejta elettroniku tagħha (MERNIS), li jistgħu jiġu kkonsultati mill-awtoritajiet Torok kollha rilevanti, jipprovdu bażi affidabbli għall-identifikazzjoni taċ-ċittadini Torok.

Nuqqas li hemm fis-sistema attwali huwa li l-karti tal-identità jinħarġu b’validità indefinita, għalhekk, ir-ritratt tad-detentur jista’ jiskadi maż-żmien. Fin-nuqqas ta’ ritratt affidabbli, f'1erti każi, jista' jkun diffiċli ħafna li tkun ċert jekk individwu li jkun qiegħed juri karta tal-identità huwiex tabilħaqq id-detentur leġittimu tagħha.

Bħala riżultat, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit tal-Pjan Direzzjonali huwa kważi ssodisfat.

Sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat kompletament, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jintroduċu dispożizzjonijiet li jiżguraw li karta tal-identità ma tibqax valida jekk ir-ritratt fuqha jkun skada. Mezz alternattiv sabiex jinkiseb riżultat ekwivalenti jkun li jiġi introdott limitu ta’ żmien fuq il-validità tal-karti tal-identità eżistenti jew li dawn jiġu sostitwiti b’karta ġdida li jkun fiha dejta bijometriċi mid-detentur li ma jirriskjawx li jiskadu.

Ø L-iskambju regolari ta’ kampjuni ta’ passaporti, formoli tal-viża u informazzjoni dwar dokumenti foloz, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-UE fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti;

Diversi Stati Membri diġà jirrapportaw li qegħdin jirċievu kampjuni ta’ passaporti b’mod regolari mingħand l-awtoritajiet Torok. Madankollu, ma kien hemm ebda Stat Membru li rrapporta li rċieva informazzjoni dwar dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati li ġew identifikati mill-awtoritajiet Torok. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jipprovdu lill-Istati Membri kollha tal-UE b’informazzjoni regolari u f’waqtha dwar kampjuni ta’ passaporti u formoli tal-viża maħruġa mit-Turkija.

Hija tirrakkomanda wkoll li huma jikkondividu informazzjoni f’waqtha mal-Istati Membri kollha dwar dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi foloz identifikati mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi Torok u minn kumpaniji tal-ivvjaġġar li joperaw fit-Turkija. F’dak ir-rigward, għandha ssir enfasi partikolari fuq id-detezzjonijiet fl-ajruport ‘Atatürk’ ta’ Istanbul, li issa sar punt ta’ tluq u tranżitu prinċipali għall-passiġġieri li jivvjaġġaw lejn l-UE.

L-awtoritajiet Torok huma mħeġġa wkoll sabiex jiżviluppaw assistenza reċiproka u kooperazzjoni operattiva mal-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari mal-uffiċjali ta’ kollegament tal-pulizija tal-Istati Membri tal-UE skjerati fit-Turkija, bil-għan li jtejbu l-kapaċità kemm tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi Torok kif ukoll tal-Istati Membri tal-UE b’risq id-detezzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u viżi foloz.

Ø L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jiżguraw l-integrità u s-sigurtà tal-istat ċivili u tal-proċess ta’ reġistrazzjoni ċivili, inklużi l-integrazzjoni u l-konnessjoni tad-bażijiet tad-dejta rilevanti u l-verifika ta’ dejta skennjata kontra d-bażi tad-dejta tal-istat ċivili, billi tingħata attenzjoni partikolari għall-emendar tad-dejta personali bażika tal-individwi.

Is-sistema fis-seħħ għall-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit hija adegwata. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat.

3. BLOKK 2: IL-ĠESTJONI TAL-MIGRAZZJONI

3.1. Valutazzjoni ġenerali

Il-fruntieri Torok huma diffiċli li jiġu kkontrollati, kemm minħabba t-tul tagħhom, kif ukoll minħabba l-karatteristiċi ġeografiċi u ambjentali diffiċli tagħhom. Fis-snin riċenti, il-ġestjoni tagħhom saret saħansitra aktar kumplessa minħabba s-sitwazzjoni fis-Sirja u fl-Iraq. It-Turkija, li tradizzjonalment serviet bħala l-punt ta’ destinazzjoni u tranżitu tal-flussi migratorji irregolari minn diversi partijiet tad-dinja, riċentament ġiet esposta għal flussi kbar mhux mistennija ta’ refuġjati, inkluża l-wasla ta’ madwar 1.5 miljun ruħ mis-Sirja, li kienu qegħdin jaħarbu mill-konflitt f’pajjiżhom.

L-awtoritajiet Torok nedew riforma sħiħa tas-sistema ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni, billi fl-2013 adottaw il-Liġi dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, li daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ April 2014. Il-Liġi stabbilixxiet ukoll awtorità ċivili speċjalizzata ġdida (id-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni tal-Ministeru tal-Intern) li hija responsabbli mill-migranti u r-refuġjati, li qabel kienu jiġu ttrattati mill-pulizija.

Minn perspettiva legali u istituzzjonali, din ir-riforma tgħin lit-Turkija tagħmel pass lejn l-istandards internazzjonali u tal-UE fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, kif ukoll lejn l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Pjan Direzzjonali. Din il-Liġi u aspetti oħrajn ta’ din ir-riforma issa għandhom jiġu implimentati. Barra minn hekk, huma meħtieġa wkoll riformi simili f’oqsma oħrajn taħt il-Blokk 2, b’mod partikolari l-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika dwar il-viża.

3.2. Kummenti ddettaljati dwar il-punti ta’ riferiment taħt il-blokk rigward il-ġestjoni tal-migrazzjoni

3.2.1. Il-ġestjoni tal-fruntieri

Ø It-twettiq ta’ kontrolli adegwati fil-fruntieri u sorveljanza tal-fruntieri tul il-fruntieri kollha tal-pajjiż, speċjalment tul il-fruntieri mal-Istati Membri tal-UE, b’tali mod li jwassal għal tnaqqis sinifikanti u sostnut tal-għadd ta’ persuni li jirnexxielhom jaqsmu l-fruntieri Torok illegalment bil-għan li jidħlu fit-Turkija jew joħorġu minnha;

In-numru ta’ migranti irregolari li jirnexxielhom jaqsmu l-fruntieri Torok b’mod irregolari u li ma jinqabdux mill-aġenziji tal-fruntieri Torok għadu relattivament għoli. Madankollu, wieħed għandu jirrikonoxxi li l-awtoritajiet Torok responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri qegħdin jagħmlu sforzi sinifikanti sabiex jindirizzaw is-sitwazzjoni u qegħdin jużaw riżorsi umani, finanzjarji u tekniċi sostanzjali f’dan l-isforz.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-Turkija tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan il-punt ta’ riferiment parzjalment biss, iżda għandha prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex ikomplu jaħdmu bil-għan li jtejbu l-prestazzjoni tagħhom f’dan il-qasam, b’mod partikolari permezz ta’ riformi u t-tisħiħ tal-aġenziji tal-fruntieri tagħhom. Il-miżuri li ġejjin jistgħu, fl-opinjoni tal-Kummissjoni, jgħinu lill-awtoritajiet Torok jagħmlu progress sostanzjali fl-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment:

· Għandha titwettaq analiżi tar-riskji xierqa għall-fruntiera kollha, b’mod partikolari għal dawk iż-żoni li huma l-aktar esposti għall-pressjoni tal-migrazzjoni irregolari u għar-riskju tal-użu ta’ dokumenti frodulenti. Din l-analiżi għandha tgħin sabiex tivvaluta r-riżorsi speċifiċi u l-aktar metodi xierqa li huma meħtieġa għal kull żona ta’ fruntiera.

· Il-forzi tal-art għandhom jużaw proċeduri ta’ monitoraġġ aktar flessibbli sabiex jindirizzaw aħjar lill-kuntrabandisti fiż-żoni kollha tal-fruntiera li huma responsabbli għalihom.

· Il-kooperazzjoni operattiva bejn il-pulizija u s-servizz doganali għandha tissaħħaħ. L-għodod investigattivi u l-informazzjoni disponibbli fis-servizz doganali għandhom jintużaw dejjem aktar sabiex jappoġġjaw lill-pulizija. Il-punti ta’ qsim tal-fruntieri għandhom jiġu organizzati u amministrati b’tali mod li jkun żgurat li jiġu pprovduti biżżejjed żmien u persunal, kif ukoll spazju u mezzi xierqa, bil-għan li jiġu ċċekkjati wkoll in-nies.

· L-attività tal-ġendarmerija fil-pattulja taż-żoni li jmissu mal-fruntieri u maż-żoni kostali għandha tiżdied. Tali attività għandha ssaħħaħ il-probabbiltà li jiġu interċettati l-migranti irregolari li jkunu qasmu l-fruntieri tal-lvant tal-pajjiż u li jkunu injoraw il-kontrolli mill-forzi tal-art, kif ukoll dawk li jkunu qegħdin iħejju sabiex joħorġu mill-pajjiż b’mod irregolari tul il-fruntieri tiegħu mal-Greċja u l-Bulgarija.

· Il-pulizija għandha tpoġġi aktar enfasi fuq l-intraċċar ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati u dokumenti tal-ivvjaġġar ġenwini użati minn imposturi, b’mod partikolari fl-ajruport Atatürk ta’ Istanbul, iżda wkoll fi kwalunkwe fruntiera oħra tat-Turkija. Mhux biss għandhom jiġu kkonfiskati b’mod sistematiku d-dokumenti tal-ivvjaġġar misjuba u jiġu mħarrka l-persuni li jkunu qegħdin jużawhom, iżda għandhom dejjem jiġu mnedija investigazzjonijiet bil-għan li jidentifikaw u jħarbtu n-netwerks kriminali li akkwistaw id-dokumenti.

· Il-verifiki tal-passaporti għandhom isiru sistematiċi għall-passiġġieri f’żoni ta’ tranżitu internazzjonali tal-ajruporti Torok, speċjalment għall-passiġġieri li jivvjaġġaw lejn l-UE.

· Għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid l-għażla, li bħalissa hija disponibbli għal ċerti kategoriji ta’ persuni, li dawn jaqsmu l-fruntiera Torka billi jużaw karti tal-identità mhux konformi mal-ICAO.

Ø L-adozzjoni u l-implimentazzjoni b’mod effettiv tal-leġiżlazzjoni li tirregola l-moviment tal-persuni fil-fruntieri esterni, kif ukoll tal-leġiżlazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-awtoritajiet tal-fruntieri u l-funzjonijiet tagħhom, b’konformità mal-‘Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Integrata għall-Ġestjoni tal-Fruntieri tat-Turkija', approvat mill-awtoritajiet Torok fis-27 ta’ Marzu 2006 u skont il-prinċipji u l-aqwa prassi minquxa fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen tal-UE u fil-Katalogu ta’ Schengen tal-UE;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat, minħabba li l-‘Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija Integrata għall-Ġestjoni tal-Fruntieri tat-Turkija’ ġie implimentat biss b’mod limitat ħafna u wieħed mill-komponenti ewlenin tiegħu saħansitra baqa’ qatt ma ġie implimentat. Dan il-komponent ippropona li titwaqqaf organizzazzjoni unika, mhux militari u speċjalizzata għall-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll li r-responsabbiltajiet u r-riżorsi kollha għall-ġestjoni tal-fruntieri jiġu ttrasferiti lilha. Bħalissa, dawn huma distribwiti fost bosta aġenziji differenti (jiġifieri l-awtoritajiet doganali, il-pulizija, il-gwardja tal-kosta u l-forzi tal-art).

Għalhekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jadottaw il-miżuri kollha li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni meħtieġa sabiex titwaqqaf l-organizzazzjoni ġdida responsabbli mill-fruntieri.

Barra minn hekk għall-perjodu sakem tista' tiġi stabbilita din l-organizzazzjoni unika, mhux militari u speċjalizzata għall-fruntieri, il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-awtoritajiet Torok itejbu l-mod kif qegħdin joperaw u jikkooperaw ma’ xulxin l-aġenziji eżistenti differenti li huma responsabbli mill-fruntieri, bil-għan li jiżguraw ġestjoni integrata u moderna tal-fruntieri. B'mod partikolari, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok biex:

· janalizzaw l-mod kif joperaw il-forzi tal-art fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri, bil-għan li jiżguraw li t-truppi inkarigati mill-monitoraġġ tal-fruntieri tal-art ikunu ristretti mill-inqas possibbli minn kwalunkwe regoli u obbligi konfliġġenti li jirriżultaw mill-fatt illi huma parti mill-armata u qegħdin ikunu dejjem aktar permessi li:

v jikkooperaw b’mod sħiħ ma’ aġenziji rilevanti oħrajn responsabbli mill-fruntieri u mill-infurzar tal-liġi;

v jiżviluppaw tekniki ta’ viġilanza aktar flessibbli; u

v jorganizzaw il-ħidma tagħhom u jiffokaw l-attivitajiet tagħhom fuq il-kompitu ta’ prijorità li jiġġieldu l-kuntrabandu transfruntier;

· jadottaw miżuri intiżi biex jiżguraw li l-aġenziji tal-fruntieri jikkooperaw aktar mill-qrib ma’ xulxin kif ukoll mal-ġendarmerija. Tali miżuri jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu:

v l-użu u l-ħolqien ta’ għodod ta’ komunikazzjoni interoperabbli;

v l-iskambju tal-uffiċjali ta’ kollegament sabiex jikkondividu informazzjoni u riżorsi tekniċi;

v il-provvista ta’ aċċess reċiproku għall-bażijiet tad-dejta rispettivi tagħhom, bil-għan li jkunu jistgħu, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, joperaw fil-qasam reċiproku u rispettiv ta’ awtorità tagħhom;

v l-iżvilupp ta’ modi ta’ ħidma komuni jew it-twettiq ta’ operazzjonijiet konġunti fuq il-bażi ta’ analiżijiet tat-theddidiet żviluppati b’mod konġunt;

v il-kondiviżjoni tal-istatistika;

v l-iżvilupp ta’ programmi ta’ taħriġ komuni;

v it-twaqqif ta’ proċeduri li jippermettu lill-pattulji mill-istituzzjonijiet differenti li jikkomunikaw direttament ma’ xulxin u li jieħdu l-inizjattiva sabiex jaġixxu flimkien, kull meta meħtieġ;

v it-twaqqif ta’ mekkaniżmi għall-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u intelligence fil-livell operattiv, kif ukoll għall-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tal-operazzjonijiet, bil-għan li jiġi żgurat li l-migranti irregolari li jgħaddu minn żoni li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ diversi aġenziji jkunu jistgħu jiġu interċettati b’mod aktar faċli permezz ta’ użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli għalihom kollha;

v it-tisħiħ tar-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Uffiċċju għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.

Ø It-teħid tal-miżuri baġitarji u miżuri amministrattivi oħrajn xierqa intiżi biex jiżguraw l-iskjerament fil-postijiet tal-qsim tal-fruntieri u tul il-fruntieri kollha tal-pajjiż, speċjalment fuq il-fruntieri mal-Istati Membri tal-UE, tal-gwardji tal-fruntieri mħarrġin sewwa u bil-kwalifiki meħtieġa (f’numru suffiċjenti), kif ukoll id-disponibbiltà ta’ infrastruttura, tagħmir u teknoloġija tal-informatika effikaċi, inkluż permezz ta’ użu aktar estensiv tat-tagħmir ta’ sorveljanza, b’mod partikolari mezzi elettroniċi, mobbli u fissi, sorveljanza bil-vidjo, kameras tal-infrared u sistemi oħrajn li jaħdmu b’sensuri;

L-awtoritajiet Torok qegħdin jagħmlu użu minn riżorsi umani, mezzi tekniċi u infrastruttura sinifikanti tul il-fruntieri tal-pajjiż. Huma juru determinazzjoni ċara sabiex ikomplu jtejbu kontinwament il-prontezza tal-persunal fl-aġenziji responsabbli mill-fruntieri u sabiex itejbu l-kwalità tat-tagħmir għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-ħidma mwettqa mill-forzi tal-art li jwettqu sorveljanza tul il-fruntieri tal-art tat-Turkija u l-professjonaliżmu tal-gwardja tal-kosta huma partikolarment impressjonanti. Il-pulizija għandha bażi tad-dejta, l-hekk imsejħa POLNET, li hija għodda effettiva li tirrekordja d-dħul u l-ħruġ tal-passiġġieri tul il-fruntieri u li tivverifika d-drittijiet tagħhom li jagħmlu dan.

Madankollu, hemm lok sinifikanti għal titjib, għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment ġie ssodisfat parzjalment biss, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jieħdu l-miżuri li ġejjin:

· L-użu ta’ koskritti li jissorveljaw il-‘fruntieri ħodor’ għandu jkun limitat b’mod progressiv għal kompiti awżiljarji biss. Dan jista’ jirrikjedi wkoll użu akbar ta’ għodod ta’ monitoraġġ tekniċi (b’mod partikolari, l-użu ta’ radar immuntat fuq karozza, vettura tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u kameras termali, kif ukoll il-monitoraġġ ċentralizzat tad-dejta ta’ sorveljanza).

· It-taħriġ għall-membri tal-persunal li joperaw tul il-‘fruntieri ħodor’ għandu jvarja mill-kurrikuli normali tal-armata, billi jiffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri.

· Ir-rotazzjoni tal-persunal professjonali tal-forzi tal-art għandha tkun limitata għall-brigati tal-fruntieri sabiex tippermetti l-iżvilupp ta’ speċjalizzazzjoni, kultura u metodoloġija dwar il-ħidma fil-fruntieri. Jekk dan ma jkunx possibbli, għandhom jiġu offruti inċentivi lil dawk li jkunu jixtiequ jispeċjalizzaw f’dan il-qasam. L-istess japplika għall-pulizija, bil-għan li jiġu żviluppati speċjalisti reali fid-detezzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati u ta’ imposturi.

· Għandha tiġi żviluppata b’mod progressiv sistema integrata ta’ radars kostali maħsuba biex jissorveljaw il-fruntieri tal-baħar, sabiex b’hekk jippermettu li tiġi prodotta stampa reali tas-sitwazzjoni. Din għandha tiġi kkumplimentata minn użu akbar ta’ sorveljanza tal-ajru, sabiex b’hekk tiġi żgurata reazzjoni rapida għat-tluq irregolari ta’ migranti mill-ibħra territorjali tat-Turkija.

Ø It-tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-persunal u l-korpi responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri, is-servizz doganali u l-aġenziji l-oħrajn tal-infurzar tal-liġi, bil-għan li tittejjeb il-kapaċità li tinġabar l-informazzjoni, li r-riżorsi umani u tekniċi jintużaw b’mod effiċjenti u li tittieħed azzjoni b’mod ikkoordinat;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat parzjalment biss, b’mod partikolari minħabba li l-miżuri meħuda bħalissa mill-awtoritajiet Torok jiggarantixxu biss koordinazzjoni laxka fost l-aġenziji responsabbli mill-fruntieri, abbażi ta’ laqgħat regolari f’livell għoli, mingħajr mekkaniżmi istituzzjonali xierqa li jiżguraw li l-korpi differenti effettivament jaħdmu flimkien b’mod integrat.

Sabiex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ dan il-punt ta’ riferiment, l-awtoritajiet Torok huma mistiedna sabiex jimplimentaw il-miżuri diġà rrakkomandati għar-rekwiżiti preċedenti, bil-għan li jiġi żgurat li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-forzi tal-art jikkooperaw aktar mill-qrib u b’hekk tkun tista’ tiġi stabbilita ġestjoni integrata tal-fruntieri.

Ø It-twaqqif ta’ programmi ta’ taħriġ u l-adozzjoni ta’ kodiċi ta’ etika kontra l-korruzzjoni mmirati għall-gwardji tal-fruntieri, għall-awtoritajiet doganali u għal uffiċjali oħrajn involuti fil-ġestjoni tal-fruntieri;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat bi prospetti tajbin għal aktar progress. L-awtoritajiet Torok għandhom regolamenti li jistabbilixxu l-kodiċi ta’ etika li għandhom jiġu rrispettati minn kull membru tal-amministrazzjoni pubblika u mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda lit-Turkija sabiex:

· tiżviluppa verżjonijiet tal-kodiċi ta’ etika ġenerali li jindirizzaw b’mod aktar speċifiku s-sitwazzjoni ffaċċjata mill-uffiċjali responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri;

· tiżviluppa moduli ta’ taħriġ xierqa sabiex titqajjem sensibilizzazzjoni dwarhom; u

· tistabbilixxi mekkaniżmi ta’ monitoraġġ.

Ø L-implimentazzjoni b’mod effettiv tal-Memorandum ta’ Qbil iffirmat mal-FRONTEX, inkluż bl-iżvilupp ta’ inizjattivi konġunti ta’ kooperazzjoni u bl-iskambju ta’ analiżi tar-riskji u tad-dejta;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa bħalissa ssodisfat.

Madankollu, l-awtoritajiet Torok huma mħeġġa sabiex jissoktaw u japprofondixxu l-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ kooperazzjoni trijennali li qablu fuqha mal-Frontex fil-qafas tal-Memorandum ta’ Qbil.

Ø L-iżgurar li l-ġestjoni tal-fruntieri titwettaq skont il-liġi internazzjonali dwar ir-refuġjati, b’rispett sħiħ lejn il-prinċipju ta’ non-refoulement u li l-persuni fil-ħtieġa ta’ protezzjoni internazzjonali effettivament jitħallew ikollhom aċċess għal proċeduri ta’ ażil.

Fis-snin riċenti, l-awtoritajiet Torok taw protezzjoni internazzjonali lil aktar minn miljun persuna li kienu qegħdin ifittxu ażil mis-Sirja u minn ħafna pajjiżi oħrajn. Ma ġie rrapportat ebda każ ta’ push-back. Bħala riżultat, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa bħalissa ssodisfat.

Ø L-iżgurar ta’ kooperazzjoni adegwata mal-Istati Membri tal-UE ġirien, li għandha l-għan partikolari li ssaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri mal-Istati Membri tal-UE.

It-titjib riċenti fil-kooperazzjoni transfruntiera fil-fruntieri tal-art bejn l-awtoritajiet Torok u l-awtoritajiet Griegi u Bulgari għall-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari jippermetti lill-Kummissjoni tikkunsidra dan ir-rekwiżit bħala parzjalment issodisfat.

Sabiex tissodisfa kompletament dan il-punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jieħdu l-miżuri li ġejjin:

· Japprofondixxu u jikkonsolidaw il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet Griegi u Bulgari matul il-fruntieri tal-art, inkluż permezz ta’ laqgħat regolari li jinkludu l-forzi tal-art Torok, li tistabbilixxi mezzi ta’ komunikazzjoni siguri u li ddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu stabbli u strutturat għall-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni, b’mod partikolari billi tgħin fit-twaqqif ta’ ċentru ta’ kuntatt tripartitiku bbażat fil-punt ta’ qsim tal-fruntiera ‘Capitan Andreevo’.

· Jiżviluppaw kooperazzjoni operattiva mal-awtoritajiet Griegi fir-reġjun tal-Eġew, sabiex jiġi żgurat li l-kooperazzjoni fuq il-baħar tkun tinkludi l-prevenzjoni tal-migrazzjoni irregolari permezz tal-iskambju ta' informazzjoni, filwaqt li tagħmel użu mhux biss minn komunikazzjonijiet formali li jseħħu bejn il-kwartieri ġenerali taż-żewġ gwardji tal-kosta involuti, iżda wkoll minn skambji operattivi bejn l-uffiċjali li joperaw fil-livell lokali. B’referenza għal dan l-aħħar punt, ikun partikolarment siewi li tiġi stabbilita sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u twissijiet bikrija reċiproċi bejn l-awtoritajiet kollha involuti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali.

· Kif ġie rrakkomandat fil-Blokk 1, jiżguraw li l-pulizija Torka tikkoopera ma’, tikkondividi l-informazzjoni ma’ u tipprovdi assistenza reċiproka lill-uffiċjali ta’ kollegament tal-pulizija tal-Istati Membri tal-UE fid-detezzjoni ta’ dokumenti foloz u frodulenti potenzjalment użati mill-passiġġieri li jitilqu jew li jgħaddu mit-Turkija lejn ajruporti fl-UE.

3.2.2. Il-politika dwar il-viża

Ø It-titjib tat-taħriġ dwar is-sigurtà tad-dokumenti għall-persunal konsulari u transfruntiera fit-Turkija u l-iżvilupp u l-użu tas-Sistema Torka ta’ Informazzjoni dwar il-Viża;

Fid-dawl tal-attenzjoni diġà mogħtija mill-awtoritajiet Torok lill-kurrikuli għat-taħriġ mogħti lill-persunal konsulari u transfruntier fid-detezzjoni tad-dokumenti ta’ identità ffalsifikati, kif ukoll fid-dawl tal-fatt li diġà jeżistu diversi bażijiet tad-dejta li jinkludu l-viżi maħruġa, illi kollha jistgħu jiġu kkonsultati mill-pulizija, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat u bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

jiżviluppaw taħriġ aħjar għall-persunal konsulari u transfruntier, b’mod partikolari bil-għan li tittejjeb il-kapaċità tagħhom li jirrikonoxxu l-passaporti u l-viżi mill-pajjiżi fiż-żona Schengen u minn dawk membri fl-OECD, kif ukoll il-viżi Torok ġodda b’sigurtà għolja li waslu biex jiġu introdotti; u ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni totali tal-bażijiet tad-dejta attwali dwar il-viżi, bil-għan li jiżguraw li kwalunkwe aġenzija tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija li taħdem fuq il-ġestjoni tal-fruntieri jew il-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari tkun tista’ tivverifika malajr l-awtentiċità ta’ viża Torka fuq id-dokument tal-ivvjaġġar ta’ persuna barranija li tkun tixtieq tidħol jew li tkun daħlet fit-territorju tat-Turkija.

Ø L-abolizzjoni tal-ħruġ ta’ viżi fil-fruntieri bħala proċedura ordinarja għaċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi mhux membri tal-UE u speċjalment għall-pajjiżi li jirrappreżentaw riskju għoli ta’ migrazzjoni u sigurtà għall-UE;

L-awtoritajiet Torok għadhom qegħdin joħorġu l-viżi fil-fruntiera għaċ-ċittadini ta’ 89 pajjiż, li ħafna minnhom huma sorsi potenzjali ta’ migrazzjoni irregolari għall-UE. Madankollu, il-Liġi ġdida dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, li daħlet fis-seħħ f’April 2014, eliminat il-possibbiltà legali għat-Turkija li toħroġ viżi fil-fruntieri bħala proċedura ordinarja u, abbażi tad-dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Torok, is-sistema tal-viża fil-fruntieri x’aktarx li dalwaqt tiġi fi tmiemha (probabbilment sal-aħħar tal-2014). Inkunsiderazzjoni ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress. Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jimplimentaw din il-bidla mill-aktar fis possibbli.

Ø L-użu tal-istikers ġodda tal-viża Torka b’karatteristiċi ta’ sigurtà ogħla u l-waqfien mill-użu ta’ viżi bit-timbru;

Filwaqt li l-awtoritajiet Torok għadhom jużaw il-viżi bit-timbru, li faċli jiġu ffalsifikati, issa għadhom kif lestew it-tħejjijiet tekniċi għall-istikers ġodda tal-viża b’karatteristiċi ta’ sigurtà għolja u ħabbru li dawn sejrin jiġu introdotti fiż-żmien li ġej. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jieqfu jagħmlu użu mill-viżi bit-timbru u minflok jibdew jużaw l-istikers tal-viża ġodda u aktar siguri u, fi żmien xieraq, jespandu l-użu ta’ dawn tal-aħħar u jissostitwixxu kwalunkwe għamla oħra ta’ viża li qiegħda tintuża bħalissa.

Ø L-introduzzjoni ta’ viżi għat-tranżitu fl-ajruporti;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa kważi ssodisfat, billi l-Liġi ġdida dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali tipprovdi lill-awtoritajiet Torok bil-kapaċità legali li jitolbu lill-persuni barranin li jkunu jixtiequ jgħaddu mit-Turkija bl-ajruplan fuq vjaġġ lejn destinazzjoni oħra u li, għalhekk, ikunu qegħdin jippjanaw li jidħlu fiż-żona internazzjonali ta’ ajruport fit-Turkija, sabiex jiksbu viża ta’ tranżitu minn konsulat Tork qabel jivvjaġġaw.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi l-ġdida.

Ø L-emendar tar-regoli li abbażi tagħhom it-Turkija tippermetti d-dħul fit-territorju tagħha għaċ-ċittadini tal-pajjiżi ewlenin li jirrappreżentaw sorsi importanti tal-migrazzjoni illegali għall-UE, bil-għan li l-aċċess isir aktar diffiċli għal dawk li jkunu jridu jidħlu fit-territorju Tork bl-iskop li sussegwentement jipprovaw jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b’mod illegali;

Kif issemma qabel, iċ-ċittadini ta’ 89 pajjiż, li ħafna minnhom huma meqjusa bħala sors potenzjali ta’ migrazzjoni irregolari, bħalissa qegħdin jitħallew jidħlu fit-territorju Tork billi sempliċiment jiksbu viża fil-fruntiera Torka. Madankollu, l-awtoritajiet Torok ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-użu tas-sistema tal-viża fil-fruntieri.

Ladarba dan iseħħ, fil-prinċipju, iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi jkomplu jkunu jistgħu jiksbu viża faċilment, billi japplikaw għaliha permezz tas-sistema ta’ viża elettronika. Din is-sistema ġiet stabbilita bħala pilota fl-2013 u bdiet tintuża b’mod normali f’April 2014, iżda hija għandha l-istess dgħufijiet li għandha s-sistema tal-viża fil-fruntieri.

Madankollu, abbażi tar-regoli attwali tas-sistema tal-viża elettronika, l-opportunità li tikseb viża elettronika mhijiex ser tkun miftuħa għal kulħadd. Minflok, iċ-ċittadini tal-pajjiżi (b’xi ftit eċċezzjonijiet) li huma meqjusa bħala sorsi potenzjali ta’ migrazzjoni irregolari ser ikunu jistgħu japplikaw biss għal viża elettronika fit-Turkija jekk huma, fiż-żmien li japplikaw għall-viża, diġà jkollhom viżi jew permessi ta’ residenza validi maħruġa mill-pajjiżi fiż-żona Schengen u minn dawk membri fl-OECD.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, għalissa, dan il-punt ta’ riferiment huwa biss parzjalment issodisfat, iżda hemm prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex isir progress fl-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

minnufih itemmu l-opportunità li ċittadini ta’ pajjiżi li huma sorsi potenzjali tal-migrazzjoni irregolari jiksbu viżi fil-fruntiera; ikomplu japplikaw regoli stretti u jieħdu approċċ selettiv għall-ħruġ tal-viżi permezz tas-sistema ta’ viża elettronika; jimmonitorjaw mill-qrib kif il-persuni li huma intitolati li jidħlu fit-Turkija permezz tas-sistema ta’ viża elettronika jew mingħajr il-ħtieġa ta’ viża jagħmlu użu minn dawn il-miżuri; u jimplimentaw miżuri xierqa sabiex iwieġbu b’mod f’waqtu għal abbużi potenzjali, jekk jinstab li dawn huma mifruxa fost nazzjonalitajiet jew kategoriji ta’ nies partikolari.

B’referenza għall-aħħar punt u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-progress tat-Turkija fl-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment, l-awtoritajiet Torok ser ikollhom bżonn jissottomettu informazzjoni regolari dwar:

l-għadd ta’ viżi maħruġa minnhom lil ċittadini ta’ pajjiżi partikolari, b’indikazzjoni tat-tip ta’ viżi maħruġa (viżi fil-fruntiera, viżi elettroniċi jew viżi maħruġa mill-ambaxxati); l-għadd ta’ migranti irregolari ta’ nazzjonalitajiet partikolari interċettati fit-Turkija, b’indikazzjoni ta’ x’tip ta’ viżi kellhom, jekk kellhom; u l-għadd u t-tipi ta’ viżi u permessi ta’ residenza ffalsifikati u frodulenti maħruġa mill-pajjiżi fiż-żona Schengen u minn dawk membri fl-OECD identifikati mill-awtoritajiet Torok fost id-detenturi ta’ viżi elettroniċi Torok.

F’każ li tiġi osservata żieda sostanzjali fl-għadd ta’ migranti irregolari ta’ nazzjonalità partikolari li jiġu arrestati fit-Turkija jew tul il-fruntiera bejn l-UE u t-Turkija, il-Kummissjoni jkollha bżonn ukoll informazzjoni mill-awtoritajiet Torok dwar it-tip ta’ miżuri li ħadet jew li qiegħda tippjana li tieħu t-Turkija sabiex tindirizza din il-problema.

Ø Is-segwiment tal-allinjament tal-politika, tal-leġiżlazzjoni u tal-kapaċitajiet amministrattivi tat-Turkija fir-rigward tal-viża lejn l-acquis tal-UE, notevolment vis-à-vis il-pajjiżi ewlenin li jirrappreżentaw sorsi importanti ta’ migrazzjoni illegali għall-UE;

Kif ġie spjegat hawn fuq, l-awtoritajiet Torok ħabbru l-intenzjoni tagħhom li jwaqqfu l-ħruġ ta’ viżi fil-fruntieri u li jissostitwixxu t-timbri tal-viża bi stikers tal-viża b’sigurtà għolja skont ir-regoli u l-karatteristiċi li jintużaw fis-sistema Schengen. Ladarba s-sistema tal-viża fil-fruntieri ma tibqax tintuża, il-lista tal-viża negattiva tat-Turkija sejra tkun pass sostanzjali lejn l-allinjament (għalkemm xorta waħda mhijiex ser tkun allinjata b’mod sħiħ) mal-lista tal-viża negattiva użata mill-pajjiżi fiż-żona Schengen.

Madankollu, sa issa għadha ma ġiet ippromulgata ebda waħda minn dawn ir-riformi.

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, jidher li l-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet konsulari Torok fuq l-applikanti għall-viża huma limitati, meta mqabbla ma’ dawk applikati fl-Istati Membri tal-UE. Ġeneralment, viża tingħata meta l-awtoritajiet jivverifikaw li l-applikant jissodisfa ċerti rekwiżiti (pereżempju, li d-dħul tiegħu fit-territorju Tork mhuwiex ipprojbit minħabba raġunijiet legali jew ta’ sigurtà u li huwa jista’ juri li għandu biżżejjed fondi sabiex ikopri l-ispejjeż finanzjarji tas-soġġorn tiegħu fit-Turkija u tar-ritorn tiegħu lejn pajjiżu). Ma tinġabar ebda dokumentazzjoni addizzjonali u lanqas ma titwettaq analiżi aktar sostantiva li tista’, pereżempju, tidentifika jekk l-applikant għall-viża huwiex qiegħed jippjana li jidħol fit-Turkija bil-ħsieb li sussegwentement jibqa’ fit-Turkija bħala migrant irregolari jew inkella juża lit-Turkija bħala punt ta’ tranżitu sabiex jaqsam il-fruntiera tal-UE b’mod irregolari.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa biss parzjalment issodisfat.

Sabiex isir progress fl-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jippromulgaw ir-riformi kollha li ħabbru, jirrevedu s-sistema tal-ħruġ tal-viża tagħhom u jipprovdu taħriġ lill-persunal konsulari, billi jispiraw ruħhom mis-sistema tal-viża taż-żona Schengen. Sabiex tevalwa l-progress tat-Turkija fl-issodisfar ta’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni teħtieġ:

kopji tal-istruzzjonijiet maħruġa lill-persunal konsulari u transkonfinali tat-Turkija dwar il-kriterji u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti sabiex jiġu aċċettati jew miċħuda l-applikazzjonijiet għal viża, inkluża l-lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti għal viża; u statistika ddettaljata dwar it-talbiet li jsiru għal viża, kemm dawk li ġew aċċettati kif ukoll dawk miċħuda, flimkien mar-raġunijiet għaċ-ċaħda.

L-awtoritajiet Torok huma mħeġġa wkoll sabiex ikomplu jaħdmu fuq l-allinjament tal-lista tal-viża negattiva tat-Turkija mal-lista negattiva maħruġa mill-pajjiżi fiż-żona Schengen u, fi kwalunkwe każ, li tiġi evitata kwalunkwe differenzjazzjoni ulterjuri.

Ø Permess għall-aċċess mhux diskriminatorju u mingħajr il-ħtieġa ta’ viża fit-territorju Tork għaċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment mhuwiex issodisfat, minħabba li bħalissa huma biss iċ-ċittadini ta’ 19 minn fost it-28 Stat Membru tal-UE li huma intitolati sabiex jivvjaġġaw lejn it-territorju Tork mingħajr viża.

Għad hemm tħassib rigward id-diskriminazzjoni de facto ta' applikanti tar-Repubblika ta’ Ċipru. Dawn tal-aħħar huma mitluba li jiksbu viża sabiex jivvjaġġaw lejn it-territorju Tork u jistgħu jiksbuha billi japplikaw għas-sistema tal-viża elettronika tat-Turkija, iżda s-sit elettroniku għall-applikazzjonijiet li jsiru permezz tas-sistema tal-viża elettronika jirreferi għar-Repubblika ta’ Ċipru bħala l-"Amministrazzjoni Griega Ċiprijotta tan-Nofsinhar ta’ Ċipru".

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex iwaqqfu dan it-trattament diskriminatorju bil-għan li jissodisfaw dan il-punt ta’ riferiment.

3.2.3 Ir-responsabbiltà tat-trasportaturi

Ø L-adozzjoni u l-implimentazzjoni b’mod effettiv tal-leġiżlazzjoni dwar ir-responsabbiltà tat-trasportaturi li tiddefinixxi s-sanzjonijiet.

It-trasportaturi li joperaw fit-Turkija diġà huma mitluba li jirritornaw lill-passiġġieri lejn il-punt tat-tluq tagħhom jekk dawn ikunu ġew imċaħħda milli jidħlu fit-territorju tat-Turkija mill-awtoritajiet Torok u dan ir-rekwiżit kien ikkonfermat fil-Liġi l-ġdida dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali. Wara li kkunsidrat dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex tinbena sistema aktar stretta, jiġu evitati wasliet irregolari fit-territorju Tork u jsir progress fl-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex joħolqu skema ta’ sanzjonijiet għat-trasportaturi negliġenti, wara li jieħdu f’kunsiderazzjoni l-aqwa prassi internazzjonali u tal-UE.

3.2.4. Il-Protezzjoni Internazzjonali

Ø L-adozzjoni u l-implimentazzjoni b’mod effettiv tal-leġiżlazzjoni u tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, b’konformità mal-acquis tal-UE u mal-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 dwar ir-refuġjati u l-Protokoll tagħha tal-1967, bl-esklużjoni għalhekk ta’ kwalunkwe limitazzjoni ġeografika, sabiex jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju ta’ non-refoulement, b’kunsiderazzjoni wkoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-possibbiltà li tiġi ppreżentata talba għall-ażil u li tinkiseb il-protezzjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew xi forma sussidjarja ta’ protezzjoni għal kwalunkwe persuna li tkun teħtieġ protezzjoni internazzjonali, kif ukoll sabiex il-UNHCR jitħalla jissodisfa l-mandat tiegħu b’mod effettiv fit-territorju tat-Turkija mingħajr restrizzjonijiet;

Il-Kummissjoni tqis li, permezz tal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ f’April 2014 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, it-Turkija għamlet pass sinifikanti lejn l-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment, billi din il-liġi tipprevedi t-twaqqif ta’ proċedura tal-ażil nazzjonali u status ta’ protezzjoni li huma konformi, b’mod ġenerali, mal-istandards internazzjonali u tal-UE.

Il-liġi tnaqqas ukoll sa livell marġinali ħafna l-impatt tal-‘limitazzjoni ġeografika’ li tapplika t-Turkija għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 u li l-awtoritajiet Torok iddeċidew, għalissa, li jkomplu japplikaw. Din il-limitazzjoni tirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni fit-Turkija għal ‘persuni li saru refuġjati bħala riżultat tal-avvenimenti li seħħew fl-Ewropa’. Madankollu, il-liġi l-ġdida tagħti wkoll lil kwalunkwe persuna li mhijiex koperta taħt il-‘limitazzjoni ġeografika’ (li fil-liġi ssir referenza għalihom bħala ‘refuġjati kondizzjonali’) aċċess għal status ta’ protezzjoni internazzjonali fit-Turkija. L-istatus offrut lir-‘refuġjati kondizzjonali’ huwa kemmxejn inqas ta’ benefiċċju mill-istatus offrut lil dawk li huma koperti mil-‘limitazzjoni ġeografika’, iżda d-differenzi mhumiex enormi. Fejn il-liġi tħalli marġini ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħha, dawn id-differenzi għandhom il-potenzjal li jsiru kważi simboliċi.

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, billi dawn ir-regoli huma ġodda, ma hemm ebda rekord tal-implimentazzjoni. Xi aspetti ewlenin tas-sitwazzjoni ffaċċjata minn dawk li qegħdin ifittxu ażil u mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali fit-Turkija mhumiex koperti fil-leġiżlazzjoni, iżda jiddependu fuq id-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni sekondarja li, sa issa, għadha ma ġietx adottata.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ttejjeb il-valutazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Torok ser ikollhom bżonn jiżguraw li:

tiġi adottata l-leġiżlazzjoni sekondarja kollha li hija meħtieġa sabiex il-liġi tiġi implimentata b’mod effettiv u sħiħ; u id-dispożizzjonijiet tal-liġi jiġu implimentati b’mod effettiv u konsistenti f’kull parti tal-pajjiż.

B’referenza għall-ewwel punt, ser ikun partikolarment importanti li jiġi żgurat li:

id-dispożizzjonijiet tal-liġi, b’mod partikolari l-possibbiltà ta’ aċċess għal proċedura ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali u l-kisba ta’ status ta’ protezzjoni internazzjonali, jiġu applikati wkoll b’mod effettiv għall-applikanti u għar-refuġjati (rikonoxxuti mill-UNHCR) li kienu diġà preżenti fit-territorju tat-Turkija meta daħlet fis-seħħ il-liġi; dawk iddikjarati bħala benefiċjarji ta’ ‘protezzjoni temporanja’ skont il-liġi jingħataw, permezz tal-leġiżlazzjoni sekondarja li sejra tiġi adottata, drittijiet komparabbli ma’ dawk ipprovduti mid-Direttiva tal-UE dwar il-Protezzjoni Temporanja, kif ukoll il-possibbiltà ta’ aċċess għal proċeduri individwali ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali, jekk ikun meħtieġ; u ir-‘refuġjati kondizzjonali’ jingħataw status li ma jkunx differenti fil-prattika minn dak mogħti lir-refuġjati koperti taħt il-‘limitazzjoni ġeografika’, li joffri liż-żewġ gruppi permessi tax-xogħol, assistenza soċjali u opportunitajiet sabiex jintegraw, b’konformità mal-approċċ stipulat fid-Direttiva tal-UE dwar il-Kwalifiki.

Ø It-twaqqif ta’ korp speċjalizzat responsabbli mill-proċeduri ta’ determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjati bil-possibbiltà ta’ rimedju effettiv fil-fatt u fil-liġi quddiem qorti jew tribunal, kif ukoll mill-iżgurar tal-protezzjoni u l-assistenza ta’ dawk li qegħdin ifittxu ażil u tar-refuġjati u mill-provvediment lil dak il-korp u lill-persunal tiegħu b’taħriġ u kapaċità ta’ xogħol adegwata;

Żewġ passi sinifikanti lejn l-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit kienu l-ħolqien tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali li, fost l-oħrajn, tinkludi dispożizzjonijiet għar-rieżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali li jiġu miċħuda u deċiżjonijiet relatati, bħal ordnijiet ta’ detenzjoni, kemm fil-livell amministrattiv kif ukoll f’dak ġudizzjarju.

Id-Direttorat Ġenerali għadu qiegħed jiġi stabbilit, b’mod partikolari fil-livell provinċjali, tant li l-maġġoranza tar-responsabbiltà tiegħu għall-implimentazzjoni tal-liġi għadha qiegħda tiġi ddelegata lil korpi oħrajn fis-settur pubbliku li jaġixxu taħt l-awtorità tiegħu. L-arranġamenti istituzzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida għadhom ma sarux kollha, b’mod partikolari fir-rigward tad-delegazzjoni tal-poteri mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali u provinċjali.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex il-Kummissjoni ttejjeb il-valutazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Torok għandhom jiżguraw li:

id-dispożizzjonijiet tal-liġi fir-rigward tal-preżentazzjoni tal-appelli fil-livell amministrattiv u fil-livell ġudizzjarju kontra ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u d-deċiżjonijiet relatati, bħal ordnijiet ta’ detenzjoni, jiġu implimentati b’mod effettiv u konsistenti f’kull parti tal-pajjiż, inkluż fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-istħarriġ ġudizzjarju;

· id-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni jlesti t-tħejjija tal-arranġamenti intra-istituzzjonali tiegħu u jkollu impjegati adegwati, b’mod partikolari fil-livell provinċjali, kif ukoll li jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu għat-twettiq tal-proċeduri tal-ażil fil-prattika;

· ikun hemm diviżjoni ċara tar-responsabbiltajiet għall-iżgurar tad-drittijiet tal-applikanti għal u tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, rispettivament.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll lill-awtoritajiet Torok sabiex jistabbilixxu sistema integrata u affidabbli li permezz tagħha jidentifikaw l-applikanti għal u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali. Is-sistema għandha tipprovdi informazzjoni statistika komprensiva u armonizzata.

Ø Il-provvista ta’ infrastrutturi adegwati u ta’ riżorsi umani u fondi suffiċjenti għall-iżgurar ta’ akkoljenza diċenti u l-protezzjoni tad-drittijiet u d-dinjità tal-persuni li jfittxu ażil u tar-refuġjati;

L-applikanti għal u l-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fit-Turkija normalment ma jiġux offruti akkomodazzjoni mill-awtoritajiet. Madankollu, l-awtoritajiet Torok qegħdin joffru akkomodazzjoni ta’ kwalità għolja fil-kampijiet tar-refuġjati lil 220 000 refuġjat mis-Sirja. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-Turkija tissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan il-punt ta’ riferiment parzjalment u bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Taħt iċ-ċirkostanzi attwali, mhuwiex realistiku li wieħed jistenna li l-awtoritajiet Torok jipprovdu akkomodazzjoni għall-persuni kollha li qegħdin ifittxu ażil u għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fit-Turkija. Madankollu, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

· iwaqqfu numru adegwat ta’ ċentri ta’ akkoljenza anki għall-applikanti u l-benefiċjarji mhux Sirjani ta’ protezzjoni internazzjonali li ma għandhom ebda akkomodazzjoni oħra, fejn jipprovdu akkomodazzjoni mill-inqas għal dawk fl-aktar gruppi vulnerabbli, billi jispiraw ruħhom mill-istandards stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet tal-Akkoljenza u fid-Direttiva dwar il-Kwalifiki;

· iħejju politiki u jimplimentaw għodod istituzzjonali sabiex jipprevjenu d-diskriminazzjoni kontra dawk li jirċievu protezzjoni internazzjonali u jiżguraw aċċess ugwali għal akkomodazzjoni għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali, billi jispiraw ruħhom mill-istandards stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kwalifiki.

Ø Il-persuni li jingħataw status ta’ refuġjati għandhom jingħataw il-possibbiltà li jsostnu lilhom infushom, li jkollhom aċċess għas-servizzi pubbliċi, li jgawdu d-drittijiet soċjali u li jkunu f’kondizzjoni li jintegraw fit-Turkija.

It-Turkija għamlet pass sinifikanti lejn l-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit permezz tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, li tinkludi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali sabiex ikollhom aċċess għall-edukazzjoni pubblika, għall-kura tas-saħħa u għas-suq tax-xogħol, kif ukoll permezz tal-miżuri li ħadet sabiex tipprovdi finanzjament għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa fil-prattika.

Madankollu, għal diversi raġunijiet, l-aċċess effettiv għal dawn id-drittijiet mhuwiex garantit bl-istess mod kullimkien u għal kulħadd fit-Turkija. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

· jiżguraw li l-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali, inklużi l-benefiċjarji ta’ protezzjoni temporanja u r-‘refuġjati kondizzjonali’ kif definiti mil-liġi l-ġdida, ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv u sistematiku fir-rigward tal-karti tal-identità u l-aċċess għas-suq tax-xogħol, bil-għan li jsostnu l-awto-suffiċjenza u l-integrazzjoni;

ifasslu u jimplimentaw politiki li jiffaċilitaw l-aċċess għad-drittijiet għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, li qegħdin jirriskjaw li jisfaw soċjalment emarġinati, b’mod partikolari dawk li jgħixu f’akkomodazzjoni mhux tal-Istat; jissorveljaw u jivverifikaw, inkluż billi jiġbru informazzjoni statistika, il-kapaċità reali tal-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jiksbu aċċess għas-servizzi pubbliċi u li jibbenifikaw mill-għażliet ta’ assistenza soċjali previsti fil-liġi.

3.2.5. Il-Migrazzjoni Illegali

Ø L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tipprevedi ġestjoni tal-migrazzjoni effettiva u li tinkludi regoli, li huma allinjati mal-istandards tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar id-dħul, il-ħruġ, is-soġġorn għal perjodu ta’ żmien qasir u twil tal-persuni barranin u tal-membri familjari tagħhom, kif ukoll dwar l-akkoljenza, ir-ritorn u d-drittijiet tal-persuni barranin li jinstabu qegħdin jidħlu jew jirrisjedu fit-Turkija b’mod illegali;

Fid-dawl tal-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ riċenti tal-Liġi dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ttejjeb din il-valutazzjoni, l-awtoritajiet Torok ser ikollhom bżonn jiżguraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ġdida jiġu implimentati b’mod effettiv u komprensiv f’kull parti tal-pajjiż u li tiġi adottata l-leġiżlazzjoni sekondarja kollha rilevanti.

Ø It-twaqqif u l-bidu tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu għall-monitoraġġ tal-flussi tal-migrazzjoni, b’dejta kemm dwar il-migrazzjoni regolari kif ukoll illegali; it-twaqqif ta’ korpi responsabbli mill-ġbir u l-analiżi ta’ dejta dwar l-istokks u l-flussi tal-migrazzjoni; u l-iżvilupp ta’ stampa tas-sitwazzjoni dwar il-flussi tal-migrazzjoni illegali fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll dwar il-pajjiżi differenti ta’ oriġini tal-migrazzjoni illegali, inkluża l-implimentazzjoni tal-analiżi tar-riskji u l-intelligence;

Fid-dawl tal-irwol ġdid tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni fil-ġbir u l-analiżi tal-istatistika dwar il-migrazzjoni, kif ukoll il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet Torok mal-Frontex, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jipprovdu lid-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni bir-riżorsi meħtieġa sabiex prattikament jibda jwettaq il-kompitu tiegħu li jiġbor u janalizza dejta statistika relatata mal-aspetti rilevanti kollha tal-migrazzjoni.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li t-Turkija tissokta bil-kooperazzjoni tagħha mal-Frontex u tibda tiżviluppa analiżi tar-riskju kkawżat minn pajjiżi differenti bħala sorsi ta’ migrazzjoni irregolari lejn it-Turkija.

Ø L-indirizzar tal-fatturi ta’ attrazzjoni li jiffaċilitaw il-flussi tal-migrazzjoni illegali fil-pajjiż u t-teħid ta’ miżuri li jtejbu l-kapaċità sabiex jiġu investigati każijiet ta’ migrazzjoni illegali organizzata jew iffaċilitata;

Dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jimplimentaw ir-riformi li ġew adottati riċentament għas-sistema tal-viża u tal-ażil, jabolixxu l-passaporti Torok mingħajr identifikaturi bijometriċi u jsaħħu l-kapaċità tal-Ministeru tax-Xogħol li jispezzjona u jipprevjeni lill-migranti irregolari li jissieħbu fis-suq tax-xogħol.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-progress fl-issodisfar ta’ dan ir-rekwiżit, hija ser ikollha bżonn tara li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija jkollhom kapaċità akbar li jidentifikaw u jarrestaw lill-migranti irregolari u lil dawk li jiffaċilitaw il-migrazzjoni irregolari, kif ukoll iwettqu investigazzjonijiet aktar kumplessi li jippermettu d-detezzjoni u ż-żarmar tan-netwerks kriminali li jittraffikaw il-migranti.

Ø Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni b’mod effettiv ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni mal-pajjiżi li jirrappreżentaw sorsi ta’ flussi importanti ta’ migrazzjoni illegali diretti lejn it-Turkija jew l-Istati Membri tal-UE;

L-awtoritajiet Torok għandhom xi ftehimiet ta’ riammissjoni fis-seħħ, iżda ftit ħafna minn dawn huma ma’ pajjiżi li huma sorsi sinifikanti ta’ migrazzjoni irregolari. F’xi każijiet, l-awtoritajiet innegozjaw jew ipproponew li jinnegozjaw ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ tali pajjiżi, iżda sfortunatament ma kisbux riżultati, b’mod partikolari minħabba li wħud mill-ftehimiet li ġew iffirmati mit-Turkija sussegwentement ma ġewx irratifikati. It-Turkija għandha ftehimiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera ma’ wħud mill-ġirien tagħha li jinkludu dispożizzjonijiet dwar ir-riammissjoni tal-migranti irregolari, iżda dawn id-dispożizzjonijiet rari jiġu implimentati. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni tqis li t-Turkija ssodisfat dan il-punt ta’ riferiment parzjalment biss.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jagħmlu l-aqwa sforzi tagħhom bil-għan li jiżguraw li:

il-ftehimiet ta’ riammissjoni li ġew iffirmati sal-lum jidħlu fis-seħħ; id-dispożizzjonijiet dwar ir-riammissjoni fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni transfruntiera li għandhom ma’ xi pajjiżi ġirien jiġu implimentati b’mod effettiv; isir progress fin-negozjati u l-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni ma’ mill-inqas uħud mill-pajjiżi li huma sorsi ewlenin ta’ migrazzjoni irregolari lejn it-Turkija.

Ø L-iżgurar ta’ riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għall-ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni, inklużi wkoll programmi ta’ taħriġ adegwati;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa kważi ssodisfat.

Sabiex jagħmlu aktar progress, l-awtoritajiet Torok ser ikollhom bżonn:

jikkompletaw il-ħolqien u t-twaqqif tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni; ikomplu jallokaw biżżejjed riżorsi għad-Direttorat Ġenerali sabiex dan ikun jista’ jissodisfa r-responsabbiltajiet tiegħu.

Ø L-iżgurar ta’ tkeċċija effettiva taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu f’territorju partikolari b’mod illegali;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa kważi ssodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex isaħħu l-kapaċità tagħhom bil-għan li jidentifikaw in-nazzjonalità tal-migranti irregolari li jkunu interċettaw, sabiex b’hekk inaqqsu r-riskju li wħud minnhom jispiċċaw jevitaw li jitkeċċew billi jipprovdu informazzjoni falza dwar l-oriġini tagħhom.

Ø L-istabbiliment tal-kondizzjonijiet li jippermettu ritorn volontarju liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mkeċċija minn dak il-pajjiż partikolari u li jkunu lesti li jużaw din il-modalità;

Wara li kkunsidrat id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, kif ukoll il-programmi pilota limitati għar-ritorn volontarju assistit diġà mwettqa fit-Turkija, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ttejjeb il-valutazzjoni tagħha, jeħtieġ li hija tirċievi:

informazzjoni li tagħtiha ċ-ċans li tivverifika kif effettivament qegħdin jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ġodda introdotti fil-leġiżlazzjoni Torka sabiex ikun permess ir-ritorn volontarju tal-migranti irregolari; dejta statistika li tikkonċerna n-numru ta’ ritorni volontarji awtorizzati u effettivament implimentati mill-awtoritajiet Torok.

Ø Il-provvista ta’ infrastruttura adegwata (inklużi ċentri ta’ detenzjoni) u t-tisħiħ tal-korpi responsabbli sabiex jiżguraw it-tkeċċija effettiva taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu fi u/jew jgħaddu mit-territorju tat-Turkija b’mod illegali, filwaqt li joffru l-għajnuna legali kollha meħtieġa, kif ukoll assistenza soċjali u psikoloġika, flimkien ma’ kondizzjonijiet ta’ detenzjoni u proċeduri ta’ tneħħija ġusti u diċenti, lill-persuni rimpatrijati.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex isir aktar progress lejn l-issodisfar tal-punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jissoktaw bil-ħidma tagħhom li jibnu u jgħammru ċentri maħsuba sabiex jospitaw fihom migranti irregolari b’mod diċenti, filwaqt li jgħaddu minn proċeduri ta’ riammissjoni u tneħħija.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li jittejjeb l-aċċess prattiku ta’ dawn il-persuni għal għajnuna legali, assistenza soċjali u psikoloġika u proċeduri tal-kondizzjonijiet ta’ detenzjoni ġusti u diċenti, b’mod partikolari permezz ta’ ħidma ma’ organizzazzjonijiet speċjalizzati, allokazzjoni ta’ finanzjament xieraq u l-iskjerament ta’ persunal imħarreġ u mmotivat.

4. BLOKK 3: L-ORDNI U S-SIGURTÀ PUBBLIKA

4.1. Valutazzjoni ġenerali

Is-sitwazzjoni fit-Turkija f’dan il-qasam hija waħda varjata u xi drabi kontradittorja.

L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi huma attivi u mimlija riżorsi. L-impjegati tagħhom ġeneralment ikunu jinkludu speċjalisti impenjati u professjonali ħafna, li jagħmlu sforzi enormi fil-ġlieda kontra l-kriminalità, tant li fl-aħħar mill-aħħar ta’ spiss jirnexxilhom jaslu għal ħafna kisbiet sinifikanti. Madankollu, ir-riżultati fid-detezzjoni u ż-żarmar tal-organizzazzjonijiet kriminali li joperaw fil-pajjiż jew li huma involuti f’netwerks transnazzjonali huma inqas mill-aspettattivi.

Il-pajjiż għandu għodod sinifikanti u stabbiliti sewwa għall-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija ma’ msieħba internazzjonali, inklużi Stati Membri tal-UE u aġenziji tal-UE. Madankollu, ir-riżultati ta’ dik il-kooperazzjoni huma inqas mil-livell meħtieġ kemm għall-UE kif ukoll għat-Turkija. Id-diffikultajiet jinħolqu minn diversi fatturi, inklużi d-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik Torka, il-ftehimiet differenti li magħhom aderixxew il-partijiet u d-differenzi fl-approċċ meħud fuq ċerti kwistjonijiet.

F’ħafna każijiet, l-uffiċjali Torok ħejjew abbozz ta’ liġijiet u ftehimiet – li l-implimentazzjoni tagħhom għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni jew tagħmel użu aħjar mill-potenzjal tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tat-Turkija – intiżi biex jiġu approvati jew iffirmati mill-gvern, iżda dawn baqgħu jistennew fuq l-ixkaffa għal diversi snin, għal raġunijiet mhux magħrufa mill-Kummissjoni.

Ħafna passi sinifikanti ’l quddiem jidhru li jistgħu jintlaħqu u jinkisbu malajr, sakemm ikunu appoġġati minn rieda politika għal riforma.

4.2. Kummenti ddettaljati dwar il-punti ta’ riferiment taħt il-blokk tal-ordni u s-sigurtà pubblika

4.2.1. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni

Ø L-issoktar u l-implimentazzjoni kompleta tal-Istrateġija Nazzjonali u tal-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (b’mod partikolari aspetti transfruntieri) u l-iżgurar ta’ riżorsi finanzjarji u umani adegwati għall-implimentazzjoni tagħha;

It-Turkija tipprovdi riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani konsiderevoli għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Kif ġie ddokumentat, fost l-oħrajn, mir-rapport tal-2013 dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-kriminalità organizzata maħruġ mill-pulizija Torka, l-aġenziji għall-infurzar tal-liġi tagħha qegħdin jiksbu riżultati sinifikanti f’dan il-qasam.

Madankollu, il-Kummissjoni xorta waħda għad għandha nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-miżuri speċifiċi meħuda mill-awtoritajiet Torok sabiex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, jew dwar kif il-miżuri u l-istrateġija globali dwar il-kriminalità organizzata jistgħu jgħinu fl-indirizzar b’mod effettiv tat-theddida rrappreżentata mill-organizzazzjonijiet kriminali li joperaw fit-Turkija. Barra minn hekk, ma jidhirx li hija disponibbli analiżi tal-mod kif inhuma strutturati l-organizzazzjonijiet kriminali u kif dawn qegħdin joperaw fit-Turkija. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-rekwiżiti ta’ dan il-punt ta’ riferiment huma biss parzjalment issodisfati.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ttejjeb il-valutazzjoni tagħha, l-awtoritajiet Torok għandhom jipprovdu:

· informazzjoni dwar il-miżuri speċifiċi li effettivament ittieħdu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni;

· informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tifhem in-natura u d-daqs tal-organizzazzjonijiet kriminali bbażati fit-Turkija, b’enfasi fuq dawk li joperaw fuq livell nazzjonali jew transnazzjonali, b’indikazzjonijiet taż-żoni ġeografiċi u ekonomiċi tal-attivitajiet tipiċi tagħhom; u

· spjegazzjoni tal-approċċ li qegħdin jiżviluppaw l-awtoritajiet Torok għaż-żarmar ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kriminali u l-ġlieda kontra l-attivitajiet tagħhom.

Ø L-iffirmar u r-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin, kif ukoll l-adozzjoni u l-implimentazzjoni b’mod effettiv tal-leġiżlazzjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet allinjati fuq l-istandards stabbiliti minn din il-Konvenzjoni, kif ukoll mill-acquis tal-UE fir-rigward tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, il-prosekuzzjoni tat-traffikanti u l-protezzjoni u l-assistenza mogħtija lill-vittmi tagħhom;

Il-kodiċi penali tat-Turkija u l-Liġi dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu l-prosekuzzjoni tat-traffikanti tal-bnedmin u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Madankollu, sa issa għadu ma nħoloq ebda qafas legali komprensiv dwar it-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li l-Konvenzjoni rilevanti tal-Kunsill tal-Ewropa ġiet iffirmata iżda mhux irratifikata.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin; u jadottaw liġi li tindirizza b’mod komprensiv it-traffikar tal-bnedmin, b’konformità mal-istandards stabbiliti mill-Konvenzjoni u mill-acquis tal-UE.

Ø Il-provvista ta’ infrastrutturi adegwati u riżorsi umani u fondi suffiċjenti li jiżguraw akkoljenza diċenti u l-protezzjoni tad-drittijiet u d-dinjità tal-vittmi tat-traffikar, kif ukoll is-sostenn tar-reintegrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, bis-saħħa tal-ħidma mwettqa diġà fit-Turkija sabiex jiġi pprovdut appoġġ lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

iżidu l-appoġġ li jipprovdu, bil-għan li jlaħħqu man-numru ta’ vittmi li qegħdin jiġu salvati, b’mod partikolari billi jiftħu u jmexxu xelters addizzjonali; jiżviluppaw programmi sabiex jappoġġjaw lill-vittmi fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà, kemm fuq livell soċjali kif ukoll professjonali; u jiżguraw li dawk li jaħdmu mal-vittmi tat-traffikar jirċievu taħriġ adegwat.

Ø Ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, is-Sekwestru u l-Konfiska tar-Rikavat minn Attivitajiet Kriminali u dwar il-Finanzjament tat-Terroriżmu (CETS 198) u t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha f’leġiżlazzjoni interna, kif ukoll l-adozzjoni u l-promulgazzjoni b’mod effettiv ta’ leġiżlazzjoni li tippermetti li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ din il-Konvenzjoni, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar it-twaqqif ta’ sistema għall-iffriżar tal-assi u definizzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu;

Għalkemm it-Turkija għadha ma rratifikatx il-Konvenzjoni rilevanti, hija żviluppat leġiżlazzjoni nazzjonali u kapaċitajiet amministrattivi mmirati lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

jirratifikaw u jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni; jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex jiżguraw l-allinjament sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni; jistabbilixxu sistema li tiċċentralizza l-ġbir tal-istatistika fuq il-konfiska tar-rikavat minn attivitajiet kriminali; u jimplimentaw b’mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

L-awtoritajiet Torok huma mħeġġa wkoll sabiex jikkunsidraw li jistabbilixxu Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi għall-konfiska u l-irkupru tar-rikavat minn attivitajiet kriminali.

Ø Ir-ratifika tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità u l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jippermettu l-promulgazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni;

Fid-dawl tar-ratifika riċenti tal-Konvenzjoni mit-Turkija, li l-awtoritajiet Torok għadhom ma bdewx jimplimentaw, kif ukoll fid-dawl tal-kapaċitajiet notevoli żviluppati mill-aġenziji għall-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jibdew jimplimentaw il-Konvenzjoni u jirrevedu l-leġiżlazzjoni nazzjonali bil-għan li jagħmluha konformi b’mod sħiħ mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, b’enfasi partikolari fuq l-Artikoli 9, 16, 17 u 18 tal-Konvenzjoni.

Ø L-issoktar tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni kontra d-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA);

L-awtoritajiet Torok jidhru li huma involuti sewwa fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Barra minn hekk, huma qegħdin jaħdmu id f’id mal-EMCDDA u qegħdin jimplimentaw l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni.

Ir-Rapport Tork dwar id-Droga 2013, li ġie ppubblikat mill-Ministeru tal-Intern fit-Turkija, ipprovda tagħrif pjuttost komprensiv dwar il-fenomeni tat-traffikar tad-droga u d-dipendenza fuq id-droga fit-Turkija, kif ukoll dwar il-politiki żviluppati mill-awtoritajiet Torok sabiex jindirizzaw dawn il-fenomeni. Madankollu, ma ġiet ipprovduta ebda informazzjoni ddettaljata mill-awtoritajiet Torok dwar il-miżuri speċifiċi li ttieħdu għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni.

Il-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-EMCDDA ġie rratifikat mit-Turkija fid-29 ta' Ġunju 2012, iżda d-dokument uffiċjali qatt ma' ġie ddepożitat mill-awtoritajiet Torok, nuqqas li jwaqqaf il-ftehim milli jidħol fis-seħħ fit-Turkija.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ ttejjeb il-valutazzjoni tagħha, jeħtieġ li hija tirċievi informazzjoni ddettaljata dwar il-miżuri li ħadu l-awtoritajiet Torok sabiex jimplimentaw b’mod effettiv il-Pjan ta’ Azzjoni attwali kontra d-Droga u d-dipendenza fuq id-Droga.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll lill-awtoritajiet Torok sabiex ikomplu jtejbu l-kwalità (diġà għolja) tar-rapportar annwali tagħhom, kif ukoll sabiex jippermettu d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-EMCDDA, billi jiddepożitaw id-dokument uffiċjali tar-ratifika.

Ø L-issoktar tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali u tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet ta’ GRECO (I, II u III. Sessjoni ta’ Evalwazzjoni).

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa biss parzjalment issodisfat, minħabba li, abbażi tal-informazzjoni limitata li rċeviet mingħand l-awtoritajiet Torok, kienu biss ftit mir-rakkomandazzjonijiet magħmula minn GRECO li ġew segwiti kif xieraq, filwaqt li kienu biss ftit mill-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni li ġew implimentati.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

· isegwu r-rakkomandazzjonijiet kollha ta’ GRECO;

· iwettqu l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-Korruzzjoni;

· jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet.

Billi l-Istrateġija attwali u l-Pjan ta’ Azzjoni kontra l-korruzzjoni se jiskadu fl-2014, il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll lill-awtoritajiet Torok sabiex jadottaw u jibdew jimplimentaw strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda.

Dawn id-dokumenti għandhom isegwu minn analiżi bir-reqqa tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u għandhom jinkludu:

· skadenzi stretti għall-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati;

· allokazzjonijiet baġitarji;

· istituzzjonijiet u persuni responsabbli mit-twettiq tal-azzjonijiet; u

· indikaturi ta’ suċċess.

Is-soċjetà ċivili għandha tkun parti mill-proċess tal-abbozzar u tal-monitoraġġ ta’ dawn id-dokumenti, filwaqt li l-monitoraġġ ġenerali tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni u r-rapportar dwaru għandhom jiġu fdati lil korp fis-settur pubbliku jew grupp ta’ ħidma mogħti s-setgħa sabiex jaġixxi bil-livell neċessarju ta’ indipendenza.

4.2.2. Il-kooperazzjoni ġudizzjarja

Ø L-implimentazzjoni u l-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Estradizzjoni (nru. 24 tal-1957, inklużi l-Protokolli Addizzjonali tal-1975, tal-2010 u tal-2012, li għadhom ma ġewx implimentati), l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali (nru. 30 tal-1959, inkluż il-Protokoll Addizzjonali tal-2001, li għadu ma ġiex implimentat) u t-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati (nru. 112 tal-1983, inkluż il-Protokoll Addizzjonali tal-1997, li għadu ma ġiex implimentat);

It-Turkija diġà hija parti minn ħafna mill-konvenzjonijiet u l-protokolli msemmija f’dan il-punt ta’ riferiment, qiegħda timplimentahom u għandha l-ħsieb li tiffirma aktar minnhom. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u jibdew jimplimentaw it-tliet Protokolli għall-Konvenzjoni dwar l-Estradizzjoni, il-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f’Materji Kriminali u l-Protokoll għall-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati, li t-Turkija għadha mhijiex parti minnhom.

Ø It-teħid ta’ miżuri mmirati biex itejbu l-effiċjenza tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tal-imħallfin u tal-prosekuturi mal-Istati Membri tal-UE u mal-pajjiżi fir-reġjun;

L-awtoritajiet Torok u l-esperti kienu qegħdin jaħdmu fuq it-tħejjija ta’ att legali komprensiv, li jistabbilixxi b’mod ċar u sempliċi l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet Torok sabiex jitolbu u jipprovdu kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali f’materji kriminali bl-aktar mod effikaċi u effettiv. Madankollu, sa issa, dan l-att għadu ma ġiex implimentat.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Sabiex isir progress lejn l-issodisfar ta’ dan il-punt ta’ riferiment, il-Kummissjoni tħeġġeġ lit-Turkija sabiex tikkunsidra li tadotta tali att legali komprensiv.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tirrakkomanda lit-Turkija sabiex tkompli tintroduċi miżuri amministrattivi, tekniċi u legali rilevanti, inkluż taħriġ, bil-għan li jiġi żgurat li l-awtoritajiet Torok ikunu jistgħu jwieġbu aktar malajr għat-talbiet li jsiru għal assistenza legali f’materji kriminali.

Ø L-iżvilupp ta’ relazzjonijiet tax-xogħol mal-Eurojust

L-awtoritajiet Torok qegħdin jagħmlu użu tajjeb minn kull opportunità possibbli għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet offruti lilhom mill-Eurojust. Madankollu, il-kapaċità tat-Turkija li tiżviluppa kooperazzjoni komprensiva b’mod sħiħ mal-Eurojust hija strutturalment limitata min-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta li hija konformi mal-acquis tal-UE. Għalhekk, l-Eurojust ma jistax jikkondividi informazzjoni personali u kunfidenzjali rilevanti għall-kawżi ġudizzjarji speċifiċi mal-awtoritajiet Torok.

Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jadottaw u jibdew jimplimentaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta skont l-acquis tal-UE.

Sadanittant, il-Kummissjoni tirrakkomandalhom ukoll sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-azzjonijiet li qegħdin jippjanaw illi jwettqu bil-għan li jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol tagħhom mal-Eurojust.

Ø L-issoktar tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar aspetti ċivili tas-sekwestru ta’ minuri internazzjonali u l-adeżjoni għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, kif ukoll għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007 dwar l-Irkupru Internazzjonali tal-Appoġġ għat-Tfal u Forom Oħrajn ta’ Manteniment tal-Familja;

It-Turkija qiegħda timplimenta l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, għalkemm il-proċedimenti sikwit ikunu soġġetti għal dewmien. Hija mhijiex parti għall-Konvenzjonijiet tal-1996 u tal-2007, għalkemm hija parti għal konvenzjonijiet oħrajn li jindirizzaw materji simili b’mod differenti. B’riżultat ta’ din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

jaċċedu għall-Konvenzjonijiet tal-Aja tal-1996 u tal-2007; jieħdu miżuri effettivi sabiex jiżguraw tnaqqis aċċettabbli fid-dewmien għall-proċedimenti li jirriżultaw mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.

B’referenza għal dan l-aħħar punt, l-awtoritajiet Torok huma mħeġġa sabiex jagħtu attenzjoni partikolari lir-riforma tal-proċedura li permezz tagħha qiegħda tiġi implimentata bħalissa l-Konvenzjoni tal-Aja, bil-għan li jiżguraw bidu aktar imħaffef u tul iqsar għall-proċedimenti ġudizzjarji (b’mod partikolari għall-appelli), kif ukoll sabiex dawn il-proċedimenti jinstemgħu minn qrati speċjalizzati.

L-awtoritajiet Torok huma mistiedna wkoll sabiex jagħtu attenzjoni xierqa lill-ħatra ta’ mħallef bħala punt ta’ kuntatt fin-Netwerk Internazzjonali tal-Imħallfin tal-Aja, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fuq materji li huma koperti mill-Konvenzjonijiet tal-Aja.

Ø Il-provvista ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja effettiva f’materji kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE, inkluż f’materji ta’ estradizzjoni, fost l-oħrajn, permezz tal-promozzjoni ta’ kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ċentrali.

Il-kapaċità tat-Turkija li toffri lill-Istati Membri tal-UE kooperazzjoni sħiħa f’materji ta’ estradizzjoni hija primarjament imfixkla minn xi limitazzjonijiet strutturali u, b’mod partikolari, mill-għażla kostituzzjonali tagħha li ma tippermettix l-estradizzjoni taċ-ċittadini tagħha. Bl-istess mod, iċ-ċittadini tal-UE ma jistgħux jiġu estraditi lejn it-Turkija. Fl-isfond ta’ dawn il-limitazzjonijiet, u b’kunsiderazzjoni tal-prinċipju tar-reċiproċità u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, l-awtoritajiet Torok huma madankollu lesti, fil-prinċipju, li jikkooperaw mal-Istati Membri tal-UE fl-estradizzjoni ta’ ċittadini barranin. Fl-ordni legali Torka hemm ukoll dispożizzjonijiet li jippermettu lit-Turkija tniedi prosekuzzjonijiet nazzjonali jew li tinforza sentenzi barranin kontra ċittadini Torok li kienu ħarbu lejn it-territorju tat-Turkija wara li kkommettew reati kriminali barra l-pajjiż.

Limitazzjoni oħra għall-kapaċità tat-Turkija li tikkoopera mal-Istati Membri tal-UE f’materji kriminali tikkonsisti fir-retiċenza osservata mill-awtoritajiet Torok li jingħata segwitu pożittiv għat-talbiet ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja sottomessi minn xi Stati Membri tal-UE, li l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom irrifjutaw fit-talbiet preċedenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja ppreżentati mit-Turkija. L-awtoritajiet Torok isegwu dan l-approċċ anki f’każijiet fejn ir-rifjut minn Stat Membru kien dovut għal raġunijiet tekniċi, b’mod partikolari d-differenza eżistenti fil-leġiżlazzjoni u s-salvagwardji bejn l-Istat Membru tal-UE u t-Turkija fuq ir-reat kriminali speċifiku soġġett għat-talba. Minkejja din il-limitazzjoni importanti, l-awtoritajiet Torok qegħdin jipprovdu kooperazzjoni effettiva f’materji kriminali lill-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni offruta lilhom jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

· jieħdu pożizzjoni kooperattiva lejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri li javviċinawhom fuq materji ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, jibnu livell tajjeb ta’ skambju reċiproku ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri applikabbli rispettivi u joqogħdu lura minn applikazzjoni stretta tal-prinċipju ta’ reċiproċità;

· ikomplu r-riforma tas-sistema u l-leġiżlazzjoni tal-ġustizzja kriminali fit-Turkija, sabiex b’hekk jiżguraw l-armonizzazzjoni ulterjuri tagħha mal-istandards Ewropej u tal-UE, filwaqt li jżommu l-indipendenza tal-ġudikatura u jsaħħu s-salvagwardji proċedurali;

· jgħinu lill-awtoritajiet fl-Istati Membri sabiex jidentifikaw u japplikaw il-proċeduri skont il-leġiżlazzjoni Torka, li għandhom jippermettu l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali mwettqa fit-territorju tal-UE minn ċittadini Torok li sussegwentement kienu ħarbu lejn it-Turkija;

· joffru kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali lill-Istati Membri kollha tal-UE mingħajr diskriminazzjoni, inkluż lill-awtoritajiet fir-Repubblika ta’ Ċipru.

4.2.3. Il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

Ø It-teħid tal-passi meħtieġa għall-iżgurar ta’ kooperazzjoni effettiva u effikaċi fl-infurzar tal-liġi fost l-aġenziji nazzjonali rilevanti - speċjalment il-gwardji tal-fruntieri, il-pulizija, l-uffiċjali tad-dwana, permezz ta’ kollaborazzjoni interistituzzjonali sħiħa fil-qasam tal-iskambju tal-informazzjoni u tal-intelligence - kif ukoll kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji;

L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija ma jikkondividux ir-riżorsi u l-għodod tax-xogħol tagħhom bħala rutina u ma jagħtux aċċess għall-bażijiet tad-dejta u għall-informazzjoni sigrieta tagħhom. Madankollu, huma stabbilixxew mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni, jagħtu aċċess lill-ġudikatura għall-proċedmenti ġudizzjarji rilevanti kollha permezz tal-bażi tad-dejta tal-UYAP, filwaqt li l-pulizija u s-servizz doganali tejbu l-kooperazzjoni tagħhom permezz ta’ protokoll li jippermetti l-kondiviżjoni tad-dejta. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa kważi ssodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex ikomplu jiżviluppaw il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u korpi rilevanti oħrajn fis-settur pubbliku u, b’mod partikolari, sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jipproduċu valutazzjonijiet tat-theddidiet komuni, iwettqu operazzjonijiet konġunti u jagħmlu użu dejjem aktar mill-ħiliet ta’ xulxin meta jiġu biex iniedu u jwettqu l-investigazzjonijiet.

Ø It-tisħiħ tal-kooperazzjoni mis-servizzi tal-infurzar tal-liġi reġjonali u l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni operazzjonali bilaterali u multilaterali, inkluż permezz ta’ kondiviżjoni fil-ħin ta’ informazzjoni rilevanti mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kompetenti tal-Istati Membri tal-UE;

Fid-dawl tal-parteċipazzjoni tat-Turkija f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali fuq materji tal-pulizija, b’mod partikolari l-Interpol, kif ukoll minħabba l-fatt li hija kkonkludiet ftehimiet ta’ sigurtà mal-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa kważi ssodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex joffru l-kooperazzjoni tal-pulizija, inkluż f’materji relatati mal-Interpol, lill-awtoritajiet fl-Istati Membri kollha tal-UE, inkluż fir-Repubblika ta’ Ċipru.

Ø It-titjib tal-kwalità investigattiva speċjali u operazzjonali u tal-kapaċità tas-servizzi tal-infurzar tal-liġi għal kriminalità transkonfinali aktar serja b’mod effiċjenti, inkluż il-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità;

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija jidhru li huma mgħammra sewwa bil-kapaċitajiet imsemmija f’dan il-punt ta’ riferiment. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa ssodisfat.

Ø Il-kooperazzjoni b’mod effettiv mal-OLAF u mal-Europol fil-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni tagħha;

L-awtoritajiet Torok jikkooperaw b’mod effettiv u regolari mal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE u tal-Istati Membri tal-UE fil-protezzjoni tal-euro kontra l-falsifikazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment huwa ssodisfat.

Ø It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Bord ta’ Investigazzjoni ta’ Reati Kriminali Finanzjarji fit-Turkija (MASAK) u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni tiegħu ma’ Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja fl-Istati Membri tal-UE;

Il-MASAK huwa istituzzjoni relattivament ġdida, iżda fid-dawl tal-firxa sinifikanti ta’ attivitajiet tiegħu u l-kooperazzjoni li diġà żviluppa mal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja fl-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat, iżda bi prospetti tajbin għal aktar progress.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok jieħdu xi miżuri addizzjonali sabiex ikomplu jibnu l-kapaċità tal-MASAK u jiżviluppaw għodod tax-xogħol li jippermettulu jżid il-kwalità, il-kwantità u l-firxa tal-investigazzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’:

it-titjib tal-kapaċità tal-MASAK li jiġbor, jipproċessa u janalizza d-dejta dwar tranżazzjonijiet suspettużi, bil-għan li jkun jista’ jwettaq investigazzjonijiet aktar effettivi u ta’ suċċess; il-ġbir u l-produzzjoni ta’ statistika dwar l-għadd ta’ tranżazzjonijiet suspettużi li jwasslu għal prosekuzzjonijiet rigward ħasil tal-flus u l-għadd ta’ kundanni miksuba; it-twettiq ta’ rieżami intern tar-riżorsi fuq l-adegwatezza tas-sistemi, l-għażla tal-persunal u l-livelli tar-riżorsi fil-MASAK; it-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskji nazzjonali għall-identifikazzjoni tal-metodi tal-ħasil tal-flus fit-Turkija, l-identifikazzjoni ta’ negozji u prodotti finanzjarji b’riskju għoli u l-ħidma mas-setturi rregolati sabiex jitnaqqsu dawn it-theddidiet. Din il-valutazzjoni tar-riskji tista’ tintuża għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AML) fit-Turkija; l-analiżi tal-proċessi superviżorji fis-seħħ għall-AML u għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (CFT) bil-għan li jiġu żgurati l-konformità u l-allinjament mal-prattiki segwiti fl-Istati Membri tal-UE; it-tfassil ta’ sistema għall-evalwazzjoni tal-kompetenza tal-uffiċjali tal-konformità li jaħdmu fuq AML/CFT; u it-twettiq ta’ taħriġ konġunt fuq AML/CFT mal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija.

Ø L-issoktar tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Strateġiku mal-Europol;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa kważi ssodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex ikomplu jaħdmu bil-għan li jiżviluppaw kull forma ta’ kooperazzjoni possibbli skont il-ftehim strateġiku.

Ø Il-konklużjoni u l-implimentazzjoni b’mod sħiħ u effettiv ta’ Ftehim ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali mal-Europol.

Dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

Sabiex it-Turkija tagħmel progress lejn l-iffirmar ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva mal-Europol, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jadottaw u jibdew jimplimentaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta skont l-acquis tal-UE.

4.2.4 Il-protezzjoni tad-dejta

Ø L-iffirmar, ir-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tal-Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Dejta Personali tal-1981 u l-Protokoll Addizzjonali tagħha Nru 181;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni u l-protokoll addizzjonali tagħha.

Ø L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali skont l-istandards tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-indipendenza tal-awtorità inkarigata sabiex tiżgura l-protezzjoni ta’ dejta personali.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jadottaw u jibdew jimplimentaw leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta skont l-acquis tal-UE.

5. BLOKK 4: ID-DRITTIJIET FUNDAMENTALI

5.1. Valutazzjoni ġenerali

Sal-punt li dan huwa rilevanti għall-valutazzjoni tal-progress li sar favur il-liberalizzazzjoni tal-viża, huwa possibbli li jiġi ddikjarat li t-Turkija għamlet progress tajjeb u ħadet passi sinifikanti fl-oqsma koperti mill-punti ta’ riferiment taħt dan il-blokk. F’diversi każijiet, diġà bdew jiġu adottati riformi u approċċi ġodda. Il-Kummissjoni qiegħda tħeġġeġ lit-Turkija sabiex tkomplihom.

5.2. Kummenti ddettaljati dwar il-punti ta’ riferiment taħt il-blokk tad-drittijiet fundamentali

5.2.1. Il-libertà tal-moviment taċ-ċittadini

L-iżgurar li l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini tat-Turkija ma tkunx soġġetta għal restrizzjonijiet mhux ġustifikati, inklużi miżuri ta’ natura diskriminatorja, fuq kwalunkwe bażi bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kwalunkwe opinjoni oħra, is-sħubija ta’ minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. It-twettiq ta’ investigazzjonijiet sħaħ relatati, fejn meħtieġa;

Billi l-libertà tal-moviment hijag garantita b’mod wiesa’ fit-Turkija u jidher li ma hemm ebda ostakolu kbir għal din il-libertà fil-prattika, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat.

5.2.2. Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ tad-dokumenti tal-identità

Ø L-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet u ċ-ċirkostanzi għall-akkwist taċ-ċittadinanza Torka;

It-Turkija pprovdiet informazzjoni adegwata dwar il-kondizzjonijiet għall-akkwist taċ-ċittadinanza Torka. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-Turkija ssodisfat dan ir-rekwiżit.

Ø L-għoti ta’ informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet għat-tibdil ta’ dejta personali;

It-Turkija pprovdiet informazzjoni adegwata dwar il-kondizzjonijiet għall-emendar ta’ dejta personali. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-Turkija ssodisfat dan ir-rekwiżit.

Ø L-iżgurar ta’ aċċess sħiħ u effettiv għad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità għaċ-ċittadini kollha, inklużi nisa, tfal, persuni b’diżabilità, persuni li jappartjenu għal minoranzi, persuni spustati internament u gruppi vulnerabbli oħrajn;

Il-leġiżlazzjoni Torka tipprevedi aċċess għad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità għaċ-ċittadini kollha. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-Turkija ssodisfat dan ir-rekwiżit.

Ø L-iżgurar ta’ aċċess sħiħ u effettiv għad-dokumenti tal-identità għar-refuġjati u għall-persuni apolidi li jirrisjedu fit-Turkija.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa kważi ssodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex ikomplu jaħdmu bil-għan li jiżguraw kemm ir-reġistrazzjoni f’waqtha kif ukoll l-aċċess għal dokumenti tal-identità xierqa għall-applikanti u l-benefiċjarji kollha tal-protezzjoni internazzjonali preżenti fil-pajjiż.

L-għoti ta’ informazzjoni aċċessibbli dwar ir-rekwiżiti tar-reġistrazzjoni għall-persuni barranin li jkunu jixtiequ jirrisjedu fit-Turkija, kif ukoll l-iżgurar ta’ implimentazzjoni ugwali u trasparenti tal-leġiżlazzjoni rispettiva.

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat.

5.2.3. Id-drittijiet taċ-ċittadini u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom

Ø L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ politiki li jindirizzaw b’mod effettiv l-esklużjoni soċjali tal-komunità Rom, l-emarġinazzjoni u d-diskriminazzjoni fl-aċċess għall-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, kif ukoll id-diffikultà tagħha sabiex tikseb aċċess għall-karti tal-identità, l-akkomodazzjoni, l-impjiegi u l-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika;

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

jadottaw strateġija u pjan ta’ azzjoni komprensivi għat-titjib tas-sitwazzjoni tal-komunità Rom fit-Turkija, billi jispiraw ruħhom mid-dispożizzjonijiet tal-qafas tal-UE tal-2011 għall-istrateġiji nazzjonali rigward l-integrazzjoni tar-Rom u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tar-Rom fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġija; jipprovdu lid-dipartiment governattiv rilevanti b’riżorsi xierqa għall-koordinazzjoni b’mod effettiv tal-implimentazzjoni tal-istrateġija u tal-pjan ta’ azzjoni; iżidu l-ġbir ta’ dejta kwalitattiva u kwantitattiva dwar l-integrazzjoni tar-Rom u dwar il-progress li sar permezz tal-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni komprensivi li jikkonċernaw il-komunità Rom; jiżguraw li, bħala parti mill-miżuri ta’ akkomodazzjoni ppjanati għall-persuni Rom, ikun hemm programmi integrati ta’ inklużjoni soċjali li jakkumpanjaw lill-miżuri ta’ akkomodazzjoni; u jadottaw leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni, billi jispiraw ruħhom mill-acquis tal-UE dwar it-trattament ugwali tal-persuni, irrispettivament mill-oriġini etnika jew razzjali.

Ø Ir-ratifika tal-Protokolli Addizzjonali Numri 4 u 7 għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

Minħabba li t-Turkija ffirmat iżda ma rratifikatx il-Protokolli Numri 4 u 7 għall-Konvenzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jirratifikaw u jimplimentaw dawn iż-żewġ Protokolli.

It-Turkija tista’ twettaq ukoll studju sabiex tivverifika l-konformità tal-leġiżlazzjoni domestika tagħha mad-dispożizzjonijiet fil-Protokolli msemmija fuq. Jekk l-istudju jiżvela xi nuqqasijiet sostanzjali, il-Kummissjoni tirrakkomanda lit-Turkija sabiex tadotta miżuri xierqa.

Ir-reviżjoni - skont il-KEDB u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB), l-acquis tal-UE u l-prattiki tal-Istati Membri tal-UE - tal-qafas legali fir-rigward tal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, kif ukoll l-interpretazzjoni ta’ dan mill-qrati u mill-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, bil-għan li jiġu żgurati d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà, id-dritt għal proċess ġust u l-libertà tal-espressjoni, tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni fil-prattika.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex:

ikomplu jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni dwar il-prevenzjoni tal-ksur tal-KEDB u jipprovdu r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa sabiex jiżguraw li dan jiġi implimentat u ssorveljat; ikomplu bl-impenn kostruttiv tagħhom fil-grupp ta’ kawżi ‘Incal’, bil-għan li jiżguraw li l-Kumitat tal-Ministri fl-aħħar mill-aħħar itemm is-superviżjoni tiegħu ta’ dan il-grupp ta’ kawżi; jieħdu miżuri li jkunu maħsuba biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi li japplikaw quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u jsaħħu lill-Ombudsman u lill-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem; ikomplu janalizzaw u jemendaw il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu, billi jispiraw ruħhom mill-istandards tal-UE u billi jaħdmu ma’ rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-imħallfin u l-prosekuturi jinterpretaw il-leġiżlazzjoni attwali b’mod konsistenti, billi jieħdu f’kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-KEDB u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi sensibilizzazzjoni, taħriġ u t-twaqqif ta’ korp imparzjali u indipendenti sabiex jinvestiga reati tal-pulizija.

6. BLOKK 5: IR-RIAMMISSJONI TAL-MIGRANTI IRREGOLARI

6.1. Valutazzjoni ġenerali

L-implimentazzjoni f’dan il-qasam tirrikjedi aktar ħidma sostanzjali. Ċerti inizjattivi pożittivi meħuda diġà mit-Turkija jimmeritaw rikonoxximent, b’mod partikolari r-ratifika tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija u l-ħolqien ta’ struttura amministrattiva ġdida responsabbli mill-immaniġġjar tal-proċess ta’ riammissjoni.

Madankollu, il-ftehim ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Ottubru 2014 u, għalhekk, ma seta’ jinġabar ebda rekord tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, dispożizzjoni ewlenija tal-ftehim, li tirrigwarda r-riammissjoni tal-migranti li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, se tibda tapplika biss tliet snin wara dik id-data u, għalhekk, qabel dak il-waqt, mhux ser ikun possibbli li ssir valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni ta’ dan il-blokk. Rekwiżit ewlieni ieħor f’dan il-blokk, li jirrigwarda l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ riammissjoni eżistenti ma’ Stati Membri tal-UE individwali, jista’ jiġi vvalutat f’dan iż-żmien, iżda sfortunatament mhuwiex qiegħed jiġi ssodisfat b’mod sodisfaċenti.

6.2. Kummenti ddettaljati dwar il-punti ta’ riferiment taħt il-blokk ta’ riammissjoni

Ø L-implimentazzjoni b’mod sħiħ u effettiv tal-obbligi ta’ riammissjoni eżistenti fl-Istati Membri;

Minħabba r-rata baxxa ta’ aċċettazzjoni mill-awtoritajiet Torok tat-talbiet ta’ riammissjoni mibgħuta mill-Greċja u l-fatt li, fl-2013, huma ddeċidew b’mod unilaterali li tieqaf tikkoopera mal-Bulgarija fuq materji ta’ riammissjoni (kif dejjem għamlu sa dak il-punt), il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lit-Turkija sabiex timplimenta l-obbligi ta’ riammissjoni kollha tagħha lejn l-Istati Membri u żżomm livell tajjeb ta’ kooperazzjoni f’dan il-qasam ta’ ħidma.

Ø Ir-ratifika tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija inizjalat fil-21 ta’ Ġunju 2012;

Billi l-ftehim ta’ riammissjoni ġie rratifikat mit-Turkija, dan ir-rekwiżit huwa ssodisfat.

Ø L-implimentazzjoni b’mod sħiħ u effettiv tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija fid-dispożizzjonijiet kollha tiegħu, b’tali mod li jiġi pprovdut rekord tajjeb tal-fatt li l-proċeduri ta’ riammissjoni jiffunzjonaw kif suppost fir-rigward tal-Istati Membri kollha;

Billi l-ftehim ta’ riammissjoni mal-UE ma daħalx fis-seħħ qabel l-1 ta’ Ottubru 2014 u ċerti dispożizzjonijiet ewlenin tal-ftehim ser jibdew japplikaw biss tliet snin wara dik id-data, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan il-punt ta’ riferiment mhuwiex issodisfat.

Ø It-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri interni li jippermettu l-identifikazzjoni rapida u effettiva, kif ukoll ir-ritorn ta’ ċittadini Torok, ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet għad-dħul, għall-preżenza jew għar-residenza fit-territorji ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll għat-tranżitu ffaċilitat tal-persuni li għandhom jerġgħu lura lejn il-pajjiż tad-destinazzjoni tagħhom, fi spirtu ta’ kooperazzjoni;

It-Turkija għandha proċeduri interni għar-ritorn tal-migranti irregolari, li normalment jiġu implimentati bla xkiel fir-rigward taċ-ċittadini Torok. Ma kienet disponibbli ebda evidenza ta’ proċeduri maħsuba biex jiżguraw li r-riammissjoni tal-migranti irregolari, b’mod partikolari dawk li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, isseħħ fl-iskadenzi meħtieġa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit huwa biss parzjalment issodisfat.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-awtoritajiet Torok sabiex jiżviluppaw il-proċeduri interni msemmija f’dan ir-rekwiżit, inklużi dawk maħsuba biex jiżguraw l-implimentazzjoni bla xkiel tal-proċeduri mħaffa fil-fruntieri, kif ukoll sabiex iżommu lill-Kummissjoni aġġornata dwar il-progress li jsir.

L-awtoritajiet Torok għandhom jikkompletaw ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal fid-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, li issa qiegħed imexxi l-operazzjonijiet ta’ riammissjoni u ritorn relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-awtoritajiet għandhom jistabbilixxu wkoll b’mod ċar ir-responsabbiltajiet tad-Direttorat Ġenerali u l-mod kif dan se jaħdem mal-persunal rilevanti f’aġenziji oħrajn tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet tal-fruntieri li jittrattaw ma’ migranti irregolari.

Ø It-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtorità kompetenti li tipproċessa l-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni fil-qafas ta’ żmien mogħti fil-ftehim ta’ riammissjoni u t-tnaqqis tal-għadd ta’ talbiet ta’ riammissjoni pendenti, inklużi dawk relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi;

L-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija bdiet biss riċentament ħafna. Barra minn hekk, għal tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, il-ftehim se jiġi implimentat parzjalment biss minħabba n-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ wħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Għal dawn ir-raġunijiet, għalissa għadu mhux possibbli li jiġi vvalutat kemm qegħdin jiġu rrispettati l-iskadenzi stabbiliti skont il-ftehim għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal riammissjoni u, għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

Ø L-iżgurar li l-applikazzjonijiet għal riammissjoni jiġu pproċessati b’konformità mar-rekwiżiti domestiċi u tal-UE rigward il-protezzjoni tad-dejta;

Billi t-Turkija għadha ma adottatx leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta skont l-istandards tal-UE, dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

Ø Il-kumpilazzjoni u l-kondiviżjoni f’waqtha mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-Kummissjoni Ewropea ta' statistika dettaljata dwar ir-riammissjoni;

Billi l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija għadha ma bdietx, għalissa għadu mhux possibbli li wieħed jara kif qiegħda tiġi kkumpilata u kondiviża l-istatistika dwar ir-riammissjoni u, għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li dan ir-rekwiżit mhuwiex issodisfat.

7. STATISTIKA

7.1. Valutazzjoni ġenerali

L-indikaturi statistiċi fil-Pjan Direzzjonali magħżula biex jimmonitorjaw il-bidliet fil-profil tar-riskji tat-Turkija juru xejra moderatament pożittiva, b’żewġ eċċezzjonijiet. Eċċezzjoni waħda hija l-kooperazzjoni fil-qasam tar-riammissjoni, li għadha dgħajfa. L-eċċezzjoni l-oħra hija l-għadd dejjem jiżdied ta’ nies li jaslu fl-UE mit-Turkija li jinstabu qegħdin jużaw dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati u frodulenti.

7.2. Kummenti ddettaljati dwar l-istatistika

Ø Ir-rata ta’ rifjut tal-viża għal applikanti mit-Turkija;

Ir-rata ta’ rifjut tal-viża fit-Turkija qiegħda tonqos bi ftit iżda b’mod kostanti.

Fl-2010, 6,73 % tal-viżi tat-tip C mitluba ġew irrifjutati (ftit aktar mir-rata medja ta’ rifjut ta’ 5.79 % mill-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE madwar id-dinja). Fl-2011, 5,04 % tal-viżi tat-tip C mitluba ġew irrifjutati (ftit inqas mir-rata medja ta’ rifjut ta’ 5.5 % mill-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE madwar id-dinja). Fl-2012, 4.51 % tal-viżi tat-tip C li saru applikazzjonijiet għalihom ġew irrifjutati (ftit inqas mir-rata medja ta’ rifjut mill-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE madwar id-dinja ta' 4,77%). Fl-2013, intalbu 780,846 viża tat-tip C, li 36,901 minnhom ġew irrifjutati; rata ta’ rifjut ta’ 4.7 % (ftit inqas mir-rata medja ta’ rifjut ta’ 4.8 % mill-Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE madwar id-dinja).

Filwaqt li kien hemm tnaqqis fir-rata ta’ rifjut tal-viża, in-numru ta’ applikazzjonijiet għal viża fiż-żona Schengen magħmula fit-Turkija kompla jiżdied (b’61 % bejn l-2009 u l-2013) għal 780,846 applikazzjoni għal viżi tat-tip C maħruġa fl-2013.

Ø Ir-rata ta’ dħul irrifjutat fiż-żona Schengen komuni għaċ-ċittadini Torok;

L-għadd ta’ ċittadini Torok li ma tħallewx jidħlu fiż-żona Schengen naqas minn 1,889 fl-2011 għal 1,763 fl-2012 u għal 1,715 fl-2013.

Ø In-numru ta’ ċittadini Torok li nstabu qegħdin jidħlu jew jirrisjedu b’mod illegali fit-territorju tal-Istati Membri;

In-numru ta’ ċittadini Torok li nstabu qegħdin jidħlu b’mod illegali fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE naqas minn 700 fl-2011 għal 416 fl-2012 u għal 317 fl-2013.

In-numru ta’ ċittadini Torok li nstabu qegħdin jirrisjedu b’mod illegali fit-territorju ta Stat Membru tal-UE naqas minn 7,803 fl-2011 għal 7,220 fl-2012 u għal 6,744 fl-2013.

Fiż-żewġ każijiet ta’ hawn fuq, wieħed jista’ josserva xejra pożittiva.

Ø In-numru totali ta’ applikazzjonijiet għal ażil minn ċittadini Torok fl-Istati Membri tal-UE;

In-numru ta’ applikazzjonijiet għal ażil minn ċittadini Torok ilu jonqos mill-2008. In-numri tal-applikazzjonijiet naqsu minn 7 115 fl-2008 għal 7 030 fl-2009, 6 360 fl-2010, 6 505 fl-2011, 6 210 fl-2012 u 5 625 fl-2013. Għalkemm in-numru huwa relattivament għoli għal pajjiż stabbli u demokratiku bħat-Turkija, ix-xejra għal dan ir-rekwiżit hija waħda pożittiva.

Madankollu, il-proporzjon ta’ deċiżjonijiet pożittivi fir-rigward tal-ażil żdied minn 11 % fl-2008 għal 19.3 % fl-2013, li jimplika li n-numru ta’ ċittadini Torok rikonoxxuti bħala li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali kien qiegħed jiżdied.

Ø In-numru ta’ applikazzjonijiet għal riammissjoni, inklużi applikazzjonijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, sottomessi mill-Istati Membri lit-Turkija u li ġew irrifjutati minn tal-aħħar;

In-numru ta’ migranti irregolari li reġgħu lura lejn it-Turkija fl-2011, fl-2012 u fl-2013 minn Stati Membri tal-UE kien, rispettivament, 2 643, 2 161 u 1 777, li 1 866, 1 666 u 1 445 minnhom kienu ċittadini Torok.

In-numru ta’ migranti irregolari (l-aktar ċittadini mhux Torok) li għalihom l-awtoritajiet Griegi għamlu talbiet għal riammissjoni fl-2011, fl-2012 u fl-2013 kien 18 758, 20 464 u 3 413, rispettivament. In-numru ta’ talbiet li l-awtoritajiet Torok irrifjutaw jew ma weġbux għalihom b’mod pożittiv kien estremament għoli, tant li kien jammonta għal 17 206 (91 %) fl-2011, 19 641 (96 %) fl-2012 u 3 079 (90 %) fl-2013.

Ø In-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li waslu direttament mit-territorju tat-Turkija u li nstabu li kienu qegħdin jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b’mod illegali jew li kienu qegħdin jirrisjedu fl-UE b’mod illegali;

In-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaslu direttament mit-territorju tat-Turkija fl-UE kien jammonta għal 56 201 fl-2011, 36 307 fl-2012 u 24 262 fl-2013. Dawn in-numri huma relattivament għoljin, iżda hemm xejra ’l isfel.

Ø In-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li waslu fl-UE jew li pprovaw jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE, li kienu ġejjin direttament mit-territorju tat-Turkija u li nstabu b’dokumenti tal-ivvjaġġar illegali;

In-numru ta’ persuni (inklużi ċittadini Torok u ċittadini ta’ pajjiżi terzi) li kienu ġejjin direttament mit-territorju tat-Turkija u li nstabu fi kwalunkwe punt ta’ qsim tal-fruntieri tal-UE b’dokumenti illegali kien jammonta għal 629 fl-2011, 927 fl-2012 u 1 693 fl-2013. In-numri qegħdin jiżdiedu. L-akbar proporzjon ta’ dawn il-persuni (84 % tat-total, fl-2013) waslu mit-Turkija bl-ajruplan.

Ø In-numru ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija kontra organizzazzjonijiet kriminali li jittrattaw it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-migranti, kif ukoll in-numru ta’ traffikanti u kuntrabandisti arrestati.

Ma kienx possibbli li tinkiseb statistika ċara dwar ir-riżultati globali miksuba fuq dawn il-kwistjonijiet mill-awtoritajiet Torok b’mod ġenerali, iżda setgħet tinkiseb biss statistika separata relatata mar-riżultati miksuba minn uħud mill-korpi tal-infurzar tal-liġi. Ir-Rapport dwar il-Ġlieda Kontra l-Kuntrabandu u l-Kriminalità Organizzata 2013, maħruġ mill-pulizija Torka, elenka 312 u 335 operazzjoni li twettqu fl-2012 u fl-2013, rispettivament, li kienu jikkonċernaw il-ġlieda kontra l-kuntrabandu tal-migranti, kif ukoll 24 u 17-il operazzjoni relatati mal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dawn l-operazzjonijiet wasslu għall-prosekuzzjoni ta’, rispettivament, 1036 u 918-il kuntrabandist tal-migranti, kif ukoll ta’ 140 u 89 traffikant tal-bnedmin.

8. KONKLUŻJONIJIET

Id-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża bejn l-UE u t-Turkija effettivament beda bil-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-‘Pjan Direzzjonali lejn sistema ħielsa mill-viża mat-Turkija’ fis-16 ta’ Diċembru 2013.

Dan l-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali, li huwa r-riżultat tal-ewwel sena ta’ diskussjonijiet, juri li t-Turkija diġà tinsab avvanzata sewwa fl-implimentazzjoni ta’ bosta mill-punti ta’ riferiment stipulati fil-Pjan Direzzjonali u li għandha l-kapaċità li tagħmel aktar progress fuq l-issodisfar tal-punti ta’ riferiment kollha, dment li l-awtoritajiet Torok jiżviluppaw kooperazzjoni mal-UE u mal-Istati Membri kollha tagħha fl-oqsma rilevanti, kif ukoll iniedu u jimplimentaw diversi riformi amministrattivi u leġiżlattivi essenzjali. Madankollu, is-sitwazzjoni legali u amministrattiva, flimkien mal-iżviluppi fit-Turkija, kif ukoll il-kooperazzjoni ġenerali tagħha mal-UE, għadhom ma laħqux stadju fejn il-Kummissjoni tkun tista' tipproponi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew illi jitneħħa r-rekwiżit tal-viża fiż-żona Schengen għaċ-ċittadini Torok.

F’dan ir-rapport ġew ipprovduti indikazzjonijiet iddettaljati dwar l-oqsma fejn huma meħtieġa riformi u kooperazzjoni. Il-lista li ġejja tiġbor fil-qosor l-aktar kwistjonijiet prominenti.

Fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti, it-Turkija ser ikollha bżonn tibda toħroġ passaporti ġodda li jinkludu dejta bijometrika, b’konformità mal-acquis tal-UE, kif ukoll tiżviluppa kondiviżjoni ta’ informazzjoni u kooperazzjoni effettivi mal-Istati Membri tal-UE fid-detezzjoni ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar iffalsifikati u frodulenti. Fir-rigward tal-ġestjoni tal-migrazzjoni, it-Turkija għandha tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u komprensiva tal-Liġi l-ġdida dwar il-Persuni Barranin u l-Protezzjoni Internazzjonali, inkluż permezz tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja xierqa u ser ikollha bżonn tikkompleta t-twaqqif tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Immigrazzjoni. Għandhom jittieħdu miżuri fit-Turkija sabiex isir progress fuq it-twaqqif ta’ sistema aktar moderna, effettiva u integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri u sabiex jiġi żgurat it-tisħiħ tas-sistema tal-viża, kif ukoll l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni transkonfinali aktar b’saħħitha mal-Istati Membri tal-UE. Il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u t-Turkija daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 2014. L-UE issa qiegħda tistenna li dan jiġi implimentat b’mod sħiħ u effettiv vis-à-vis l-Istati Membri kollha. Sadanittant, l-obbligi ta’ riammissjoni bilaterali li huma diġà fis-seħħ bejn it-Turkija u l-Istati Membri tal-UE għandhom jiġu rrispettati b’mod aktar effettiv. Fir-rigward tal-ordni u s-sigurtà pubblika, l-awtoritajiet Torok għandhom jiffirmaw, jirratifikaw u jibdew jimplimentaw diversi konvenzjonijiet internazzjonali, bil-għan li jimplimentawhom fuq il-bażi ta’ approċċ kooperattiv, jadottaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali skont l-istandards Ewropej u internazzjonali u jkomplu r-riforma tas-sistema tal-ġustizzja tat-Turkija, bil-għan li jissalvagwardjaw l-indipendenza u l-effikaċja tagħha. Dan għandu jgħin sabiex jingħata appoġġ lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fit-Turkija fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u sabiex tiġi żviluppata kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija mal-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri tal-UE.

 

Il-progress fuq il-protezzjoni tad-dejta, b’mod partikolari, għandu jippermetti, fost l-oħrajn, relazzjonijiet imtejba mal-Europol u mal-Eurojust. Fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, it-Turkija għandha tkompli tirrevedi l-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u taħdem sabiex tiżgura li din il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata b’konformità mad-dispożizzjonijiet fil-KEDB u l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. It-Turkija ser ikollha bżonn ukoll tadotta u timplimenta strateġija u pjan ta’ azzjoni komprensivi sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni għall-persuni b’etniċità Rom li jgħixu fit-Turkija, filwaqt li ser ikollha bżonn tadotta leġiżlazzjoni li tipprevjeni d-diskriminazzjoni u tiffaċilita l-inklużjoni soċjali.

Il-Kummissjoni hija kunfidenti li l-awtoritajiet Torok se jagħmlu l-aqwa sforzi tagħhom sabiex jiżviluppaw u jimplimentaw dawn ir-riformi u l-kooperazzjoni u tistedinhom sabiex iżommu lill-Kummissjoni infurmata b'kull żvilupp rilevanti għall-issodisfar tar-rekwiżiti tal-punti ta’ riferiment.

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li tagħmel użu mir-riżorsi tekniċi u finanzjarji tal-UE kollha disponibbli, b’mod partikolari, fost l-oħrajn, dawk disponibbli taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni, bil-għan li tappoġġa lit-Turkija f’dan l-isforz.

Il-Kummissjoni qed tagħmel dan sforz ix-xewqa għal sħubija u kondiviżjoni tal-piżijiet, iżda wkoll minħabba l-għarfien tagħha tal-fatt li l-biċċa l-kbira tal-miżuri li jappoġġaw il-progress tat-Turkija lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża, kif stipulat fil-Pjan Direzzjonali u rrakkomandat f’dan ir-rapport — jekk jiġu implimentati kif suppost — se jippromwovu wkoll l-allinjament ulterjuri tal-leġiżlazzjoni, tal-kapaċitajiet amministrattivi u tal-prattiki tat-Turkija mal-istandards tal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ tal-progress li qed tagħmel it-Turkija fl-implimentazzjoni tal-punti ta’ riferiment fil-‘Pjan Direzzjonali lejn is-sistema ħielsa mill-viża’ u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rapport. Hija se toħroġ it-tieni rapport fit-tnax-il xahar li ġejjin.

[1] Ir-Rappor ta' Progress tal-Kummissjoni għall-2014 dwar it-Turkija  SWD(2014) 307 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni "L-Istrateġija għat-Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin  2014-15", COM(2014)700 tat-8.10.2014