5.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 266/183


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tat-3 ta’ April 2014

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2012

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra l-kontijiet annwali definittivi tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2012,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni għas-sena finanzjarja 2012, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2014 (05849/2014 — C7-0054/2014),

wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 185 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 60 tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5),

wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta’ Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta’ qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), u b’mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet ta’ kwittanza preċedenti tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regola 77 u l-Anness VI tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0221/2014),

A.

billi, skont l-istqarrijiet finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”) għas-sena finanzjarja 2012 kien ta’ EUR 158 848 191, li jirrappreżenta żieda ta’ 7 % meta mqabbel mal-2011,

B.

billi l-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni għall-baġit tal-Aġenzija għall-2012 kienet tammonta għal EUR 38 651 354,83, u dan jirrappreżenta żieda ta’ 6,95 % meta mqabbel mal-2011,

C.

billi l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2012 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari,

1.

Jevidenzja r-rwol essenzjali tal-Aġenzija biex tiżgura l-ogħla livell ta’ sikurezza possibbli fl-avjazzjoni madwar l-Ewropa; jinnota, barra minn hekk, li r-rieżami li qed isir bħalissa tal-leġiżlazzjoni dwar l-Ajru Uniku Ewropew jista’ jwassal biex jingħataw setgħat akbar lill-Aġenzija; jisħaq fuq il-ħtieġa li, fil-każ li dan ikun minnu, l-Aġenzija tingħata r-riżorsi finanzjarji, materjali u umani li jippermettulha twettaq sew il-kompiti tagħha;

Segwitu għall-kwittanza għall-2011

2.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali li, fir-rigward tal-ħames kummenti li saru fl-2011, żewġ azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’reazzjoni għall-kummenti tas-sena preċedenti qegħdin mmarkati bħala “pendenti” u tlieta bħala “kkompletati”;

3.

Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li:

il-livell ta’ riporti tat-Titolu III, esklużi l-miżati u l-imposti, tnaqqas b’mod konsiderevoli fl-2012 għal EUR 6 200 000 (46 %);

ġew adottati istruzzjonijiet ta’ ħidma, kemm għall-ġestjoni tal-assi fissi u kemm għall-ġestjoni tal-inventarju, u twettaq inventarju sħiħ fl-2012, li rriżulta fl-eliminazzjoni ta’ għadd ta’ assi li kienu ddeprezzaw kompletament,

sabiex il-fondi likwidi ma jinżammux f’bank wieħed biss, fl-2013 tnieda appalt innegozjat għall-ftuħ ta’ kontijiet bankarji, abbażi ta’ kriterji stretti fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ kreditu tal-banek prospettivi; jinnota li l-bank magħżul għandu klassifikazzjoni ta’ kreditu eċċelleti u, malli jiġi ffirmat kuntratt, il-fondi likwidi tal-Aġenzija se jiġu ttrasferiti lejn dan il-bank, skont il-bilanċ bejn ir-riskju ta’ kreditu u r-rata tal-imgħax,

ġew implimentati l-miżuri u l-kontrolli li jippermettu r-reklutaġġ tal-esperti meħtieġa mill-industrija, waqt li fl-istess ħin jiġu evitati s-sitwazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali; josserva, barra minn hekk, li ġie ffinalizzat it-taħriġ fil-kunflitti ta’ interess u li ġie implimentat taħriġ regolari għal min ikun għadu jibda;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.

Jinnota li l-livell komplessiv tal-approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 95 %, u jvarja bejn 96 % għat-Titolu I (nefqa tal-persunal), 95 % għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u 89 % għat-Titolu III (nefqa operattiva);

5.

Jinnota bi tħassib li r-rata ta’ 46 % għar-riporti tal-approprjazzjonijiet impenjati għat-Titolu III kienet għolja; jisħaq fuq il-fatt li, għalkemm dan hu ġġustifikat parzjalment min-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tal-Aġenzija u mir-riporti ġġustifikati kif dovut inklużi fil-kampjun tal-Qorti tal-Awdituri, madankollu livell tant għoli jmur kontra l-prinċipju baġitarja tal-annwalità;

Trasferimenti

6.

Jinnota b’sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-attività, kif ukoll skont ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ awditjar li għamlet il-Qorti tal-Awdituri, il-livell u n-natura tat-trasferimenti fl-2012 baqgħu fil-limiti tar-regoli finanzjarji; ifaħħar lill-Aġenzija għall-ippjanar baġitarju tajjeb tagħha;

Proċeduri ta’ akkwist u reklutaġġ

7.

Jinnota bi tħassib li f’waħda mill-proċeduri ta’ reklutaġġ li ġew awditjati, kandidat magħżul ma ssodisfax ir-rekwiżiti tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward tal-lawriji universitarji jew it-taħriġ professjonali ekwivalenti; jappella lill-Aġenzija biex tipprovdi spjegazzjoni dwar dan kif seta’ ġara;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interessi u t-trasparenza

8.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Aġenzija adottat “perjodu ta’ inkompatibilità” ta’ nonassenjazzjoni għal sena, sabiex kwalunkwe persuna ġdida għall-organizzazzjoni ma tiġix allokata xogħol rigward fajls li tkun ħadmet fuqhom direttament fil-ħames snin preċedenti;

9.

Jinnota li, b’segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-awtorità tal-kwittanza, l-Aġenzija se tinkludi l-informazzjoni u l-istatistika dwar il-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess fir-rapport annwali tal-attività tagħha għall-2013;

10.

Jinnota li l-Aġenzija attwalment qed tivvaluta d-dikjarazzjonijiet ta’ interessi tad-diriġenti u ta’ persuni li jkollhom funzjonijiet sensittivi; jiddispjaċih, madankollu, li s-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri u l-osservaturi tal-Bord Amministrattiv, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-interessi tad-Direttur Eżekuttiv, għadhom mhumiex disponibbli pubblikament fuq is-sit tal-Aġenzija fuq l-Internet; jappella lill-Aġenzija biex tirrimedja din is-sitwazzjoni b’mod urġenti;

11.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli fuq is-sit tal-Aġenzija fuq l-Internet rigward il-membri tal-Bord ta’ Appell; jemmen li l-ismijiet, is-CVs u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi ta’ dawk il-membri għandhom isiru pubbliċi; jappella, għalhekk, lill-Aġenzija biex tirrimedja din is-sitwazzjoni b’mod urġenti;

Kontrolli interni

12.

Jinnota bi tħassib li, waqt li l-Aġenzija, stabbilixxiet proċedura standard għall-verifiki ex ante, il-listi ta’ kontroll ma tlestewx u d-dokumentazzjoni li tiġġustifika l-validazzjoni tal-infiq mhux dejjem kienet disponibbli; jappella lill-Aġenzija biex tieħu passi biex dan tirranġah u tirrapporta dwar l-azzjonijiet tagħha fi ħdan il-qafas tas-segwitu għall-kwittanza għall-2012;

13.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li, għalkemm fl-2009 ġiet approvata metodoloġija għall-verifiki ex post u l-Aġenzija għamlet żviluppi ulterjuri fl-implimentazzjoni tagħha, għad fadal marġini għal titjib f’xi oqsma, speċifikament li għadu ma jsir l-ebda ppjanar tal-verifiki, li l-kampjun tat-tranżazzjonijiet li għandhom jiġu ċċekkjati mhuwiex ibbażat fuq ir-riskji u li l-metodoloġija ma tkoprix il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku; jappella lill-Aġenzija biex tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha f’dan ir-rigward u tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fi ħdan il-qafas tas-segwitu għall-kwittanza għall-2012;

Awditjar intern

14.

Jirrikonoxxi mill-Aġenzija li, fl-2012, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq rieżami limitat tal-ġestjoni tal-proġetti informatiċi, li wassal għal żewġ rakkomandazzjonijiet importanti ħafna; jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern wettaq ukoll valutazzjoni tal-progress li sar mill-Aġenzija fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu li rriżultaw minn eżerċizzji ta’ awditjar preċedenti (2006-2011); josserva li s-Servizz tal-Awditjar Intern ikkonferma li l-Aġenzija implimentat b’mod xieraq 22 rakkomandazzjoni minn 23, waqt li l-waħda li fadal ġiet irrapportata bħala implimentata mill-Aġenzija u qed tistenna l-valutazzjoni finali mis-Servizz tal-Awditjar Intern;

Prestazzjoni

15.

Jitlob li l-Aġenzija tikkomunika r-riżultati u l-impatt li l-ħidma tagħha għandha fuq iċ-ċittadini Ewropej b’mod aċċessibbli, prinċipalment permezz tas-sit tal-Internet tagħha;

16.

Jirreferi, fir-rigward tal-osservazzjonijiet l-oħra li jakkumpanjaw id-Deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2014 (7) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.


(1)  ĠU C 365, 13.12.2013, p. 66.

(2)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(3)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2014)0299 (ara l-paġna 359 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).