52012PC0449

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea /* COM/2012/0449 final - 2012/0217 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fil-kuntest tal-adeżjoni tagħha fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), il-Federazzjoni Russa qablet li tnaqqas ir-rati tad-dazju għall-esportazzjoni applikati bħalissa fuq il-prodotti tal-injam mhux ipproċessat. Għal ċerti tipi ta' injam, jiġifieri xi speċijiet tal-injam koniferu (jiġifieri l-abit u l-arżnu), ir-Russja qablet li tiftaħ il-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjonijiet ta' dawk il-prodotti u li talloka sehem speċifiku tal-kwoti lill-Unjoni Ewropea (UE). Ir-rati tad-dazju għall-esportazzjoni fil-limiti tal-kwoti tariffarji se jiġu applikati f’livell imnaqqas sinifikattivament (jiġifieri 13 % għall-abit u 15 % għall-arżnu, bil-kontra tar-rata tad-dazju attwali mhux marbuta għall-esportazzjoni barra mill-kwota ta’ 25 %, iżda mhux anqas minn 15 EUR/m³). Dawn l-impenji speċifiċi tal-Federazzjoni Russa ġew inklużi fl-Iskeda tad-WTO tal-Konċessjonijiet tagħha bħala Anness għall-Parti V tal-Iskeda.

Ftehim bilaterali f’forma ta’ Skambju ta’ Ittri (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-implimentazzjoni tas-sehem speċifiku tal-kwoti allokat għall-UE. B'mod partikolari, il-Ftehim jistipula li l-kwantitajiet tas-sehem tal-UE tal-kwoti tar-rati tariffarji għandhom jiġu ġestiti mill-UE, u li l-Federazzjoni Russa għandha toħroġ liċenzji tal-esportazzjoni bbażati fuq id-dokumentazzjoni rilevanti tal-importazzjoni maħruġa mill-UE.

Il-Ftehim jipprevedi wkoll l-elaborazzjoni mill-UE u mill-Federazzjoni Russa ta' modalitajiet tekniċi aktar dettaljati dwar il-ġestjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim. Tali modalitajiet tekniċi huma inklużi fi Protokoll, negozjat bejn l-UE u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "il-Protokoll"). Il-Protokoll jistabbilixxi r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni u tal-esportazzjonijiet f'dawk il-kwoti, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern tal-Federazzjoni Russa neċessarji biex ikun żgurat it-tħaddim adegwat tas-sistema.

L-UE għandha interess kbir fil-kwoti tar-rati tariffarji li jipprovdu vantaġġi sinifikanti għall-esportazzjonijiet tal-injam mir-Russja, bid-dazji fil-kwoti mnaqqsin sinifikattivament meta mqabblin mad-dazji barra mill-kwoti (mhux marbutin). B’mod partikolari, l-industriji forestali tal-UE u l-utenti ’l isfel fil-katina bħall-industriji tal-karta, tal-kostruzzjoni u tal-għamara ntlaqtu ħażin minn żidiet konsekuttivi tad-dazji għall-esportazzjoni tal-injam li ilhom jiġu applikati mill-Federazzjoni Russa mill-2007. L-operaturi ekonomiċi fl-UE issa huma ħerqanin għal aċċess għal dik il-materja prima b’kondizzjonijiet imtejbin b’mod sinifikattiv, u essenzjalment il-kwoti tar-rati tariffarji ġew stabbiliti fl-interess tagħhom.

Sabiex tkun garantita l-applikazzjoni effettiva tas-sistema ta' ġestjoni stipulata fil-Ftehim u fil-Protokoll sa żmien l-adeżjoni tal-Federazzzjoni Russa fid-WTO, il-Ftehim u l-Protokoll għandhom ikunu applikati provviżorjament minn dakinhar li l-Federazzjoni Russa taderixxi mad-WTO. L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/105/UE tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u l-Protokoll, jikkonferma l-applikazzjoni provviżorja kemm tal-Ftehim u kemm tal-Protokoll, sakemm jiġu ffinalizzati l-proċeduri għall-konklużjoni tal-Ftehim.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-ġestjoni tal-kwantitajiet tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-UE permezz ta' att ta' implimentazzjoni. L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/105/UE tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim u l-Protokoll, awtorizza lill-Kummissjoni biex tadotta regoli dettaljati dwar il-metodu tal-allokazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti skont l-Artikolu 5, il-paragrafu 2, tal-Protokoll, u kwalunkwe dispożizzjoni oħra neċessarja għall-ġestjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kwantitajiet tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea. Fuq din il-bażi, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 tat-12 ta’ Ġunju 2012 stabbilixxa r-regoli ta’ implimentazzjoni provviżorji neċessarji bil-għan li jkun hemm ġestjoni kompletament operattiva tal-UE tas-sehem tagħha tal-kwoti tar-rati tariffarji saż-żmien meta l-Federazzjoni Russa tissieħeb fid-WTO. Madankollu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 mhux ser jibqa’ japplika fid-data meta l-Protokoll ma jibqax jiġi applikat provviżorjament (cf. l-Artikolu 20(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012). Il-Kummissjoni għalhekk għandha tingħata s-setgħa, permezz ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottat skont proċedura leġiżlattiva ordinarja, li tadotta d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni definittivi neċessarji.

Sabiex ikun hemm ġestjoni operattiva bla xkiel mill-UE tas-sehem tagħha tal-kwoti tar-rati tariffarji saż-żmien meta l-Federazzjoni Russa tissieħeb mad-WTO, il-Kapitolu 7 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 stabbilixxa dispożizzjonijiet relatati ma' ċerti passi preparatorji, li għandhom jittieħdu immedjatament wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni provviżorju. Dawn il-miżuri preparatorji huma meħtieġa biex jiġu kkalkolati l-ammonti massimi tal-importazzjoni (l-hekk imsejħa “limiti massimi”) għal dawk il-kumpaniji li jistgħu jgħidu li għandhom stejtus ta’ importatur “tradizzjonali” tul l-ewwel tliet perjodi tal-kwota tal-applikazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll (cf. l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll).

L-effetti legali tal-miżuri preparatorji meħudin skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 għandhom, għalhekk, jinżammu fir-regolament ta’ implimentazzjoni l-ġdid, li għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati ċertezza u kontinwità legali għall-operaturi ekonomiċi.

2012/0217 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni ta' kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja[1],

Billi:

(1)       Meta titqies l-importanza ekonomika għall-Unjoni Ewropea tal-importazzjonijiet ta' injam mhux ipproċessat u l-importanza li għandha l-Federazzjoni Russa għall-Unjoni bħala fornitur ta' injam mhux maħdum, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Federazzjoni Russa impenji mill-Federazzjoni Russa biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati d-dazji tagħha tal-esportazzjoni applikati attwalment fuq l-injam mhux ipproċessat.

(2)       Dawn l-impenji, li se jsiru parti mill-Iskeda ta’ Konċessjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) għall-Federazzjoni Russa hekk kif taderixxi mad-WTO, jinkludu l-kwoti tar-rati tariffarji għall-esportazzjoni ta’ tipi speċifikati ta' injam koniferuż, li sehem minnu kien allokat għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

(3)       Fil-kuntest tan-negozjati li jirrigwardaw l-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Federazzjoni Russa, f'isem l-Unjoni, Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri relatat mal-ġestjoni ta' dawk il-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta' ċertu injam koniferuż mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni[2] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim").

(4)       Kif previst fil-Ftehim, l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa nnegozjaw ukoll modalitajiet tekniċi dettaljati dwar il-ġestjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji, li huma inklużi fi ftehim fil-forma ta' Protokoll innegozjat bejn l-Unjoni u l-Gvern tal-Federazzjoni Russa[3] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Protokoll").

(5)       Fl-14 ta’ Diċembru 2011 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/105/UE[4] li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim u l-Protokoll u l-applikazzjoni provviżorja tagħhom mid-data tal-adeżjoni tal-Federazzjoni Russa mad-WTO. Il-Ftehim u l-Protokoll ġew iffirmati fis-16 ta’ Diċembru 2011.

(6)       L-Unjoni Ewropea għandha tiġġestixxi s-sehem tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati lilha permezz tal-proċeduri interni tagħha, skont l-istipulazzjonijiet tal-Ftehim. Id-Deċiżjoni 2012/105/UE tistipula li l-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-metodu ta' kif jiġu allokati l-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti skont il-Protokoll, u kull dispożizzjoni oħra neċessarja għall-ġestjoni, min-naħa tal-Unjoni Ewropea, tal-kwantitajiet tal-kwoti tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 498/2012 tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni Ewropea[5] stabbilixxa r-regoli ta’ implimentazzjoni provviżorji neċessarji, bil-għan li tkun tista’ ssir ġestjoni kompletament operattiva mill-Unjoni tas-sehem tagħha ta' kwoti ta' rati tariffarji sa meta l-Federazzjoni Russa tissieħeb mad-WTO. Dak ir-Regolament mhux se jibqa’ japplika ladarba l-Ftehim u l-Protokoll jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ.

(7)       Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u l-Protokoll wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[6].

(8)       Il-proċedura ta’ eżami għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu r-regoli dwar il-metodu tal-allokazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti u ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra neċessarja għall-ġestjoni mill-Unjoni tal-kwantitajiet tal-kwoti tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll, minħabba li dawk l-atti huma atti relatati mal-politika kummerċjali komuni u għalhekk jaqgħu taħt il-punt (iv) tal-Artikolu 2(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(9)       Sabiex jiġu żgurati ċ-ċertezza u l-kontinwità legali għall-operaturi ekonomiċi, l-effetti legali tal-miżuri preparatorji li diġà ttieħdu skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012 għandhom jinżammu mill-atti ta’ implimentazzjoni l-ġodda li għandhom jiġu adottati skont dan ir-Regolament, bħallikieku dawk il-miżuri preparatorji ttieħdu skont id-dispożizzjoni korrispondenti ta’ dawk l-atti ta’ implimentazzjoni l-ġodda.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.           Fl-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa relatat mal-amministrazzjoni tal-kwoti tar-rati tariffarji li japplikaw għall-esportazzjonijiet tal-injam mill-Federazzjoni Russa lejn l-Unjoni u l-Protokoll dwar il-modalitajiet tekniċi skont il-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta regoli dettaljati dwar il-metodu ta’ allokazzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-kwoti skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 5 tal-Protokoll, u kwalunkwe dispożizzjoni oħra neċessarja għall-ġestjoni mill-Unjoni tal-kwantitajiet tal-kwoti tar-rati tariffarji allokati għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 2.

2.           L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom iżommu l-effetti legali tal-miżuri preparatorji meħudin skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 498/2012.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Injam imwaqqaf bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2012/105/UE. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Il-Kumitat tal-Injam jista’ jeżamina kwalunkwe kwistjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u l-Protokoll, imqajma mill-Kummissjoni jew fuq talba ta’ Stat Membru.

Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ [XXX] u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ [XXX].

[2]               ĠU L 57, 29.2.2012, p. 3.

[3]               ĠU L 57, 29.2.2012, p. 5.

[4]               ĠU L 57, 29.2.2012, p. 1.

[5]               ĠU L 152, 13.6.2012, p. 28.

[6]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.