KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-twaqqif ta' Ftehim Intergovernattiv għall-operazzjonijiet tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) mill-2014 sal-2020 /* COM/2012/0218 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI dwar it-twaqqif ta' Ftehim Intergovernattiv
għall-operazzjonijiet tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ
tad-Dinja (GMES) mill-2014 sal-2020 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) 1. Introduzzjoni L-għan tal-programm GMES huwa li
jiżviluppa kapaċità Ewropea għall-osservazzjoni tad-Dinja ta'
kwalità għolja. Fi żmien meta l-imsieħba internazzjonali tal-UE
qegħdin jinvestu ħafna f'kapaċitajiet bħal dawn, rispons
ikkoordinat min-naħa tal-UE huwa ta' importanza strateġika.
Bħala tali, is-servizzi GMES se jġibu benefiċċji għal
firxa wiesgħa ta' politiki Ewropej. Il-programm jirrappreżenta wkoll
potenzjal sinifikanti għat-tkabbar ekonomiku u l-ħolqien
tal-impjiegi, b'konformità mal-istrateġija Ewropa 2020 għal
tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-programm GMES tal-ġejjieni: il-qagħda attwali Fil-Komunikazzjoni tagħha bl-isem
"Baġit għall-Ewropa 2020"[1], il-Kummissjoni pproponiet li tiffinanzja
l-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja (GMES) lil hinn
mill-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss (MFF) minħabba
r-restrizzjonijiet tal-baġit tal-UE biex jiffinanzja dan it-tip ta'
proġett fuq skala kbira. Madankollu, il-Kummissjoni hija impenjata sew li
tiżgura li l-GMES jirnexxi u, f’dan il-kuntest, f'Novembru 2011
adottat Komunikazzjoni[2]
li tipprovdi l-elementi ewlenija għad-definizzjoni ta' tmexxija xierqa u
finanzjament fuq medda ta’ żmien twil tal-programm GMES mill-2014 ’il
quddiem. B'mod partikolari, il-Kummissjoni pproponiet
li tistabbilixi fond speċifiku għall-GMES b'kontribuzzjonijiet
finanzjarji mis-27 Stat Membru kollha tal-UE abbażi tal-introjtu
nazzjonali gross (ING), u dan f'mudell simili għal dak tal-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp. Dan jimplika t-twaqqif ta' ftehim intergovernattiv
bejn l-Istati Membri tal-UE li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill.
L-immaniġġjar tal-fond għandu jiġi ddelegat
lill-Kummissjoni. Fis-16 ta' Frar 2012,
il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-ġejjieni tal-GMES,
filwaqt li ddijkara preferenza għall-finanzjament tal-GMES skont l-MFF.
Il-Komunikazzjoni ġiet diskussa wkoll fil-Kunsill, b'mod partikolari dwar
jekk għandux ikun hemm finanzjament permezz ta' fond intergovernattiv,
imma ma ntlaħqet l-ebda konklużjoni. Ir-riskji
assoċjati mad-dewmien Mill-bidu
tiegħu fl-1998, il-programm GMES la qatt esperjenza żieda
fl-ispejjeż u lanqas dewmien sinifikanti. Madankollu, il-possibbiltà ta’
interruzzjoni fl-operazzjonijiet tkun ta' detriment għall-utenti, tpoġġi
fir-riskju l-investimenti li saru s'issa u l-kredibbiltà tal-programm. Barra
minn dan, twassal ukoll għal żieda fl-ispejjeż. Fil-fażi preoperattiva tagħhom,
is-servizzi GMES wasslu għal sinerġiji sinifikanti fl-investimenti
nazzjonali jew reġjonali. Mill-bidu tal-2012, hemm żewġ servizzi
GMES li jaħdmu: is-servizz GMES ta' monitoraġġ tal-Art u
s-servizz GMES għal Rispons ta' Emerġenza, li bħalissa
qegħdin jintużaw mill-komunitajiet tal-utenti rispettivi
tagħhom. Interruzzjoni fit-twassil ta' dawn is-servizzi toħloq lakuna
importanti ta' informazzjoni u jkollha impatt negattiv fuq l-attivitajiet
tal-utenti. Dan ikun veru wkoll għas-servizzi GMES l-oħra li
jitwasslu b'mod preoperattiv, bħalma huma s-servizzi GMES ta'
monitoraġġ tal-Ibħra u tal-Atmosfera li għadhom f'fażi
ta' żvilupp. F'dan ir-rigward, l-inċertezzi attwali fil-preparazzjoni
tal-fażi operattiva diġà qegħdin itellfu l-impenn tal-partijiet
interessati, kemm dawk mill-komunitajiet tal-protezzjoni ċivili, dawk
ambjentali jew xjentifiċi kif ukoll mill-kumpaniji privati, notevolment
l-SMEs tas-servizzi downstream. L-inċertezzi fil-fażi operattiva
jirriskjaw li jwasslu wkoll għal diffikultajiet fl-iskjerament
tal-komponent tal-ispazju, li l-ewwel tliet satelliti Sentinel se jkunu lesti
biex jiġu varati fih fl-2013. Il-Kunsill tal-Aġenzija Spazjali
Ewropea (ESA) ta' April 2012 kellu dubji dwar l-opportunità li jiġi
awtorizzat il-varar tagħhom mingħajr ma jkun hemm aktar ċarezza
dwar l-operazzjonijiet u l-arranġamenti istituzzjonali tagħhom
fil-ġejjieni. Dewmien fil-varar tagħhom iwassal għal
spejjeż sinifikanti żedja b'mod partikolari
għall-ħażna tas-satellita f'kundizzjonijiet adegwati. Barra minn
hekk, it-telf riċenti tal-ENVISAT[3],
li serviet ferm aktar mill-ħajja nominali tagħha, iwassal biex id-dejta
tas-Sentinel tkun aktar meħtieġa b'mod urġenti mill-utenti
Ewropej. Filwaqt li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni
fir-rigward tal-finanzjament tal-GMES lil hinn mill-qafas finanzjarju
multiannwali ma nbidlitx, hi għadha impenjata li tappoġġa
lill-Istati Membri fit-twaqqif tal-ftehim intergovernattiv meħtieġ u
li tipprepara r-regolamenti meħtieġa għall-operazzjonijiet
tal-GMES b'mod f'waqtu, sabiex tevita li jkun hemm interruzzjonijiet
tal-programm. It-twaqqif ta' ftehim intergovernattiv,
flimkien ma' regolament li jimplimenta dak il-ftehim u regolament finanzjarju,
se jdum daqsxejn. Billi jridu jkunu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014,
il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jibdew
il-preparazzjoni tal-ftehim intergovernattiv mingħajr aktar dewmien. Sabiex jiffaċilita d-diskussjonijiet li
għadhom għaddejjin, l-anness ta' din il-Komunikazzjoni jinkludi
abbozz aktar iddettaljat tal-elementi ewlenin ta' ftehim intergovernattiv li
jista' jservi bħala bażi għan-negozjazzjoni. 2. Il-Fond għall-GMES Fil-Komunikazzjoni tagħha ta'
Novembru 20112, il-Kummissjoni kkonfermat li l-envelopp
finanzjarju massimu meħtieġ għall-attivitajiet GMES bejn l-2014
u l-2020 huwa ta' EUR 5 841 miljun fi prezzijiet kostanti. S'issa ġew esplorati tliet alternattivi
fost is-soluzzjonijiet possibbli għall-finanzjament tal-GMES, kollha kemm
huma lil hinn mill-qafas finanzjarju mill-2014 'il quddiem: fond speċifiku
għall-GMES (simili għall-mudell magħżul għall-Fond
Ewropew għall-Iżvilupp), għażla ta’ kooperazzjoni mtejba
(li tkun tinvolvi lill-Istati Membri li huma interessati sew fil-programm) u
fl-aħħar nett, l-għażla ta' parteċipazzjoni
mill-industrija li permezz tagħha r-responsabbiltajiet u l-fondi jinqasmu
mal-protagonisti ekonomiċi. Il-Kummissjoni diġà indikat li
fil-valutazzjoni tagħha hi mhix favur l-aħħar żewġ
alternattivi billi minn naħa l-kooperazzjoni mtejba tpoġġi
lid-dimensjoni tal-UE-27 tal-programm f'riskju u, min-naħa l-oħra,
l-esperjenza miksuba bil-proġett Galileo diġà wriet li huwa
diffiċli fuq medda qasira ta’ żmien li wieħed jattira u
jżomm lis-settur privat u dan ma jkunx konformi mad-dimensjoni
tal-programm li jkun għall-ġid pubbliku. Għal dawn ir-raġunijiet,
il-Kummissjoni pproponiet li twaqqaf fond speċifiku għall-GMES. Dan
il-fond għandu jkun ibbażat fuq il-kontribuzzjonijiet mis-27 Stat
Membru kollha. Għalkemm din hija deċiżjoni li fl-aħħar
mill-aħħar taqa' esklużivament fil-mandat tal-Istati Membri,
il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri kollha biex jissieħbu fl-isforz,
sabiex jiżguraw u jikkonsolidaw id-dimensjoni Ewropea tal-programm GMES. Dan ikun jeħtieġ ftehim
intergovernattiv bejn l-Istati Membri kollha tal-UE li jiltaqgħu fi
ħdan il-Kunsill. L-elementi ewlenin ta' ftehim bħal dan huma
ddettaljati aktar fl-Anness ta' din il-Komunikazzjoni. Il-ftehim intergovernattiv jispeċifika
l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mis-27 Stat Membru kollha tal-UE
abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom li jkopri
l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2020.
Dan jistabbilixxi l-"Kunsill tal-GMES" bħala l-awtorità ewlenija
ta' kontroll tal-fond li primarjament għandha s-setgħa li tadotta
l-baġit ġenerali, li tapprova l-implimentazzjoni tal-baġit u
l-kontijiet tas-sena preċedenti, li tapprova l-konklużjoni ta' kull
ftehim mal-Istati Membri, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet
internazzjonali governattivi u dawk mhux governattivi, jew organizzazzjonijiet
nazzjonali tal-Istati Membri. Biex tiġi żgurata l-kontinwità
tal-programm, ċerti dispożizzjonijiet tal-fond għall-GMES
għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja mill-1 ta’ Jannar 2014
sakemm isseħħ ir-ratifikazzjoni mis-27 Stat Membru. 3. L-Implimentazzjoni tal-Fond
għall-GMES Il-ftehim intergovernattiv huwa l-ewwel pass
fil-bini tal-programm GMES lil hinn mill-2013, li għandu jkompli jiġi
żviluppat, fir-rigward tal-modalitajiet ta' implimentazzjoni, f'regolament
li jimplimentah. Ir-regolament dwar l-operazzjonijiet tal-GMES
għandu jinkludi regoli biex jiżgura l-forniment bla interruzzjoni lil
dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri
tagħha ta' dejta preċiża u affidabbli u informazzjoni dwar
kwistjonijiet ambjentali, il-bidla fil-klima u kwistjonijiet ta' sigurtà. Hu
għandu jikkontribwixxi wkoll għall-istabbiltà u t-tkabbir ekonomiku
billi jqawwi l-applikazzjonijiet kummerċjali f'bosta setturi differenti
permezz ta' aċċess sħiħ u miftuħ
għall-informazzjoni tal-GMES u d-dejta tal-osservazzjoni. Regolament bħal dan għandu jistipula
r-regoli ta' amministrazzjoni, immaniġġjar, implimentazzjoni, kontabilità,
awditjar u rilaxx applikabbli għall-fond għall-GMES. Għandu
jiġi adottat mill-Kunsill u mill-Parlament fuq proposta mill-Kummissjoni.
Għandu jinkludi wkoll id-dispożizzjonijiet rigward il-programmar u
l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet GMES, inklużi r-regoli dwar
il-ftehimiiet ta' delegazzjoni u fuq l-għoti ta' kuntratti u
għotjiet. Għandu jinkludi wkoll dispożizzjonijiet adegwati biex
jippermetti lill-Kummissjoni li tistrieħ fuq l-ispeċjalizzazzjoni ta'
parti terza fis-segwitu u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-GMES. Sabiex ikun żgurat li l-GMES idum fit-tul
huwa importanti li, tintgħażel liema struttura tintgħażel,
il-programm GMES għandu jkollu l-kapaċità operattiva
meħtieġa – jiġifieri f'dawk li huma riżorsi u kompetenza,
kif ukoll il-kapaċità legali xierqa biex jagħmel użu
mir-riżorsi u jwettaq l-azzjonijiet GMES sabiex jissodisfa
l-għanijiet tal-programm b'konformità mal-istennijiet tal-utenti. 4. Konklużjonijiet Meta wieħed iqis iż-żmien
meħtieġ għall-preparazzjoni tal-arranġamenti
meħtieġa għall-fażi operattiva u r-riskju ta'
interruzzjoni, il-Kummissjoni: –
tħeġġeġ lill-Istati Membri biex
jagħtu bidu għall-miżuri meħtieġa għall-adozzjoni
fil-waqt ta' ftehim intergovernattiv u ta' regolament
għall-operazzjonijiet tal-programm GMES u –
ittenni l-impenn tagħha li tappoġġa
lill-Istati Membri f'dan il-proċess. Anness L-elementi
ewlenin ta' abbozz ta' FTEHIM INTERGOVERNATTIV dwar
it-twaqqif ta' fond intergovernattiv għall-programm Ewropew ta'
monitoraġġ tad-Dinja (GMES) għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 bejn ir-Rappreżentanti
tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill,
dwar il-finanzjament tal-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja
(GMES) għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020 IR-RAPPREŻENTANTI
TAL-GVERNIJIET TAL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI EWROPEA, LI JILTAQGĦU FI
ĦDAN IL-KUNSILL, Billi: (1) [Kapital inizjali…]. (2) [Kapital inizjali…]. (3) [Kapital inizjali…]. FTIEHMU KIF ĠEJ: Twaqqif tal-Fond għall-GMES 1. Permezz ta' dan il-Ftehim,
l-Istati Membri jistabbilixxu bejniethom fond biex jiffinanzjaw il-programm
Ewropew ta' monitoraġġ tad-Dinja msejjaħ GMES, li minn hawn 'il
quddiem jissejjaħ il-"Fond għall-GMES". 2. Il-Fond għall-GMES se
jiffinanzja l-operazzjonijiet u l-azzjonijiet kollha tal-programm GMES.
Għal dan il-għan, jista' juża l-istrumenti finanzjarji kollha li
hu jqis meħtieġa jew li huma l-aħjar biex jinkisbu
l-għanijiet tal-GMES. 3. Il-Fond għall-GMES
għandu jkollu Regolament li jistipula r-regoli ta' amministrazzjoni,
immaniġġjar, implimentazzjoni, kontabilità, awditjar u rilaxx
applikabbli għall-fond. Għandu jiġi adottat mill-Kunsill u
mill-Parlament fuq proposta mill-Kummissjoni. 4. Dan ir-Regolament għandu
jinkludi fih id-dispożizzjonijiet rigward it-tħaddim tal-Fond
għall-GMES u l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet GMES,
inklużi r-regoli li jirregolaw id-delega tas-setgħat
lill-Kummissjoni, ir-regoli dwar il-ftehimiet ta' delega ma' agenziji rregolati
mil-liġi tal-Unjoni, entitajiet stabbiliti mill-Komunitajiet u minn
entitajiet speċjalizzati oħra tal-Unjoni, u entitajiet tas-settur
pubbliku nazzjonali jew internazzjonali jew entitajiet irregolati minn
liġi privata b'missjoni għas-servizz pubbliku, u r-regoli dwar
l-għoti ta' kuntratti u għotjiet. 5. Barra minn hekk,
ir-Regolament għandu jistipula l-obbligi ta' kontroll u ta' awditjar
tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll
ir-responsabbiltajiet li jirriżultaw minn dan. Għandu jistipula wkoll
ir-responsabbiltajiet u r-regoli ddettaljati għal kull entità li jiġu
ddelegati lilha setgħat ta' mmaniġġjar tal-baġit,
fir-rigward tal-parti tagħhom fit-twettiq tan-nefqa tagħhom stess. Sorveljanza u mmaniġġjar 6. Il-Fond għall-GMES
għandu jkun issorveljat minn Kunsill tal-GMES, magħmul minn
rappreżentant wieħed maħtur minn kull Stat Membru u presedut
mill-Kummissjoni. 7. L-immaniġġjar
tal-Fond għall-GMES għandu jiġi ddelegat lill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mill-implimentazzjoni finanzjarja
tal-baġit approvat mill-Kunsill tal-GMES u għandha tkun responsabbli
mill-implimentazzjoni finanzjarja tal-proġetti u l-programmi. 8. Il-Kummissjoni għandha
timplimenta l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond għall-GMES. Għal dan
il-għan, tista' tiddelega kompiti ta' implimentazzjoni lill- (a)
aġenziji rregolati mil-liġi tal-Unjoni; (b)
entitajiet stabbiliti mill-Komunitajiet u
entitajiet speċjalizzati oħra tal-Unjoni, sakemm dan ikun kompatibbli
mal-kompiti ta' kull entità kif definit fl-att bażiku; (c)
entitajiet tas-settur pubbliku nazzjonali jew
internazzjonali jew entitajiet rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’
servizz pubbliku li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati u li jikkonformaw
mal-kondizzjonijiet stipulati fir-Regolament li jimplimenta dan il-ftehim. 9. Madankollu, meta tagħmel
dan, il-Kummissjoni ma tistax tiddelega s-setgħat li tgawdi minnhom hi
skont it-Trattati jew skont dan il-Ftehim meta dawn jinvolvu miżura kbira
ta' diskrezzjoni li timplika għażliet politiċi. 10. Għall-irkupru
ta' ammonti ta' flus li tħallsu bla mistħoqq,
id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu b'konformità
mal-Artikolu 299 tat-TFUE. Il-Kunsill tal-GMES 11. Il-Kunsill
tal-GMES, b’maġġoranza kkwalifikata, għandu jkollu s-setgħa
ta' żewġ terzi tal-membri tiegħu li jivvutaw biex: (a)
jadotta l-baġit ġenerali u japprova
l-implimentazzjoni tal-baġit u l-kontijiet tas-sena preċedenti,
flimkien mal-karta tal-bilanċ tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Fond
għall-GMES, wara li jkun ħa nota tar-rapport tal-awditur estern; (b)
jiddeċiedi fuq kull miżura tal-programmi
ta' finanzjament, inklużi permezz ta' strumenti finanzjarji dedikati; (c)
jiddeċiedi fuq it-termini u l-kundizzjonijiet
li jirregolaw l-adeżjoni ta' pajjiżi terzi; (d)
japprova l-konklużjoni ta' kull ftehim
mal-Istati Membri, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet governattivi u mhux
governattivi internazzjonali, jew organizzazzjonijiet nazzjonali tal-Istati
Membri. 12. Il-Kunsill
tal-GMES għandu jkollu s-setgħa, b’maġġoranza sempliċi
tal-membri tiegħu li jivvutaw: (a)
li jiddeċiedi dwar l-aġġustament
tal-kontribuzzjonijiet annwali għall-Fond għall-GMES mill-Istati
Membri tiegħu; (b)
li jaħtar l-awdituri u li jiddeċiedi dwar
it-tul tal-ħatriet tagħhom; (c)
li jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu
stess; (d)
li jadotta r-rakkomandazzjonijiet lill-Istati
Membri dwar emendi għal dan il-Ftehim; (e)
li jkun responsabbli minn kull miżura ta'
mmaniġġjar mhux fdata lill-Kummissjoni ggarantita mit-tħaddim
sew tal-Fond għall-GMES. 13. Il-Kunsill tal-GMES
għandu jiddeċiedi b'unanimità tal-Istati Membri tiegħu dwar
l-esklużjoni ta' Stat Membru, il-kundizzjonijiet ta' esklużjoni
bħal din, kif ukoll dwar ix-xoljiment jew il-likwidazzjoni tal-Fond
għall-GMES. 14. Kull Stat Membru għandu
jkollu għadd ta' voti fil-Kunsill tal-GMES, li jkunu proporzjonati
għall-kontribut tagħhom għall-Fond għall-GMES. Madankollu,
Stat Membru m'għandu jkollu l-ebda vot fil-Kunsill tal-GMES jekk l-ammont
tal-arretrati tal-kontribuzzjonijiet ikun aktar mill-ammont ivvalutat
tal-kontribuzzjonijiet tiegħu għas-sena finanzjarja attwali. L-Istati
Membri li jastjenu għandhom jiġu kkunsidrati daqslikieku ma vvutawx. 15. L-għadd totali tal-voti
għandu jkun 999, kif imqassam hawn taħt: Stat Membru || Voti il-Belġju || 29 il-Bulgarija || 3 ir-Repubblika Ċeka || 12 id-Danimarka || 19 il-Ġermanja || 203 l-Estonja || 1 l-Irlanda || 12 il-Greċja || 17 Spanja || 85 Franza || 157 l-Italja || 126 Ċipru || 1 il-Latvja || 2 il-Litwanja || 2 il-Lussemburgu || 3 l-Ungerija || 8 Malta || 1 il-Pajjiżi l-Baxxi || 48 l-Awstrija || 24 il-Polonja || 29 il-Portugall || 14 ir-Rumanija || 10 is-Slovenja || 3 is-Slovakkja || 6 il-Finlandja || 15 l-Isvezja || 31 ir-Renju Unit || 138 Total || 999 16. Il-Kunsill tal-GMES jista'
jiddelega lill-Kummissjoni, permezz ta' mandat, kull kompetenza
meħtieġa, lil hinn mis-setgħat ta' mmaniġġjar
tiegħu, il-kompitu li jinkisbu l-għanijiet tal-GMES u li tiġi
rrevokata kull delega bħal din. Il-Kompożizzjoni tal-Fond għall-GMES 17. Il-Fond għall-GMES
għandu jikkonsisti f'EUR 5 841 miljun, fil-prezzijiet tal-2011,
ikkontribwiti mill-Istati Membri abbażi tal-Introjtu Nazzjonali Gross
tagħhom u għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2014
sal-31 ta' Diċembru 2020. Għall-ewwel sena
tal-operazzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli
l-fondi li ġejjin qabel it-30 ta' Settembru 2013: Stat Membru || Il-koeffiċjent tal-kontribuzzjoni || Il-kontribuzzjoni tal-2014 f'EUR[4] il-Belġju || 2,93% || 24 451 749 il-Bulgarija || 0,31% || 2 573 644 ir-Repubblika Ċeka || 1,25% || 10 398 781 id-Danimarka || 1,91% || 15 917 693 il-Ġermanja || 20,34% || 169 693 249 l-Estonja || 0,13% || 1 056 893 l-Irlanda || 1,23% || 10 304 449 il-Greċja || 1,72% || 14 378 433 Spanja || 8,49% || 70 851 816 Franza || 15,72% || 131 203 971 l-Italja || 12,55% || 104 702 411 Ċipru || 0,14% || 1 183 430 il-Latvja || 0,16% || 1 294 145 il-Litwanja || 0,24% || 2 004 516 il-Lussemburgu || 0,33% || 2 757 700 l-Ungerija || 0,79% || 6 553 633 Malta || 0,05% || 425 091 il-Pajjiżi l-Baxxi || 4,81% || 40 095 555 l-Awstrija || 2,38% || 19 861 219 il-Polonja || 2,92% || 24 377 945 il-Portugall || 1,36% || 11 329 104 ir-Rumanija || 1,04% || 8 681 881 is-Slovenja || 0,28% || 2 363 824 is-Slovakkja || 0,55% || 4 616 893 il-Finlandja || 1,50% || 12 521 438 l-Isvezja || 3,06% || 25 492 378 ir-Renju Unit || 13,82% || 115 336 728 Total || 100% || 834 430 583 18. Il-Kunsill tal-GMES
għandu jiddeċiedi dwar l-aġġustament tal-kontribuzzjoni
annwali tal-Istati Membri għal kull sena sussegwenti abbażi
tal-metodu tat-tqassim b'konformità mal-Introjtu Nazzjonali Gross rispettiv
tal-Istati Membri. Id-deċiżjoni ta' aġġustament
għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni u għandha tiġi
infurzata b'konformità mal-Artikou 299 tat-TFUE. Ġaladarba
nnotifikati dwar id-deċiżjoni ta' aġġustament, l-Istati
Membri għandu jkollhom ir-responsabbiltà li jħallsu l-ammonti dovuti
tagħhom qabel it-30 ta' Settembru. 19. L-approprjazzjonijiet
finanzjarji tal-Fond għall-GMES ma għandhomx jibqgħu impenjati
wara l-31 ta' Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill tal-Unjoni
Ewropea ma jiddeċidix mod ieħor b'unanimità, fuq proposta
mill-Kummissjoni. Kontribuzzjonijiet għall-Fond għall-GMES 20. Kull sena, il-Kummissjoni
għandha tistabbilixxi u tikkomunika lill-Kunsill tal-GMES sat-30 ta' Settembru
dikjarazzjoni tal-impenji, il-pagamenti u l-ammont annwali tas-sejħiet
għall-kontribuzzjonijiet li għandhom isiru fis-sena baġitarja
annwali u s-sentejn baġitarji li ġejjin. 21. Dawn l-ammonti għandhom
jiġu bbażati fuq il-kapaċità li jingħata l-livell propost
tar-riżorsi b'mod effettiv. 22. Fuq proposta mill-Kummissjoni,
il-Kunsill tal-GMES għandu jiddeċiedi b'maġġoranza
kkwalifikata, fuq il-limitu tal-ammont annwali tal-kontribuzzjoni
għat-tieni sena wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+2) u, fi ħdan
il-limitu li ġie deċiż għas-sena preċedenti, fuq
l-ammont annwali tas-sejħa għall-kontribuzzjoni għall-ewwel sena
wara l-proposta mill-Kummissjoni (n+1). 23. Kieku l-kontribuzzjonijiet
kellhom ivarjaw mill-bżonnijiet attwali tal-GMES matul is-sena finanzjarja
inkwistjoni, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Kunsill tal-GMES proposti
biex temenda l-ammonti ta' kontribuzzjoni, u l-Kunsill tal-GMES għandu
jieħu deċiżjoni b'maġġoranza kkwalifikata. 24. Is-sejħiet għall-kontribuzzjoni
ma jistgħux ikunu aktar mil-limitu msemmi fil-paragrafi hawn fuq u lanqas
ma jista' jiżdied il-limitu ħlief meta jiddeċiedi l-Kunsill
tal-GMES permezz ta' maġġoranza kkwalifikata f'każijiet ta'
bżonnijiet speċjali li jirriżultaw minn ċirkustanzi
eċċezzjonali jew mhux previsti. F'dan il-każ, il-Kummissjoni u
l-Kunsill tal-GMES għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjonijiet
jikkorrispondu għall-pagamenti mistennija. 25. Kull sena, il-Kummissjoni,
għandha tikkomunika lill-Kunsill tal-GMES sat-30 ta' Ottubru
l-istimi tagħha tal-impenji, il-ħlasijiet u l-kontribuzzjonijiet
għal kull sena ta' wara. 26. Ir-regoli ddettaljati
għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri għandhom
jiġu ddeterminati permezz tar-Regolament li jimplimenta dan il-Ftehim. Riżorsi oħra tal-Fond għall-GMES 27. Kieku pajjiż ġdid
kellu jaderixxi mal-UE, l-allokazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tiġi
emendata permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill tal-GMES. 28. Ir-riżorsi finanzjarji
jistgħu jiġu aġġustati b'deċiżjoni tal-Kunsill
tal-GMES li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata. 29. Kull Stat Membru jista',
mingħajr ħsara għar-regoli u l-proċeduri dwar it-teħid
ta' deċiżjonijiet stipulati fir-regolament, jipprovdi
lill-Kummissjoni b'kontribuzzjonijiet sabiex jappoġġa
l-għanijiet tal-GMES. L-Istati Membri jistgħu jikkofinanzjaw
proġetti jew programmi fil-qafas ta' inizjattivi speċifiċi li
għandhom jiġu mmaniġġati mill-Kummissjoni, il-BEI jew kull
entità tal-Unjoni jew organizzazzjoni li magħha l-Fond għall-GMES
stabbilixxa ftehim ta' sħubija jew lil min ġew fdati ċerti
kompiti ta' implimentazzjoni. 30. Ir-Regolament li jimplimenta
dan il-Ftehim għandu jinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa
għall-kofinanzjament tal-Fond għall-GMES, kif ukoll
għall-kofinanzjament tal-attivitajiet implimentat mill-Istati Membri. 31. L-Istati Membri għandhom
jinfurmaw lill-Kunsill tal-GMES bil-quddiem dwar il-kontribuzzjonijiet
tagħhom. Azzjonijiet skont il-Fond għall-GMES 32. L-operazzjonijiet tas-Servizzi
GMES (a)
L-attivitajiet operattivi tas-Servizzi tal-GMES: –
attivitajiet sistematiċi/ta' rutina globali
għall-monitoraġġ u t-tbassir tal-istat tas-sottosistemi dinjin
fil-livelli reġjonali u globali li jkopru b'mod partikolari l-ambjent
marin, l-atmosfera u l-kwalità tal-arja, l-art globali u s-servizzi ta'
monitoraġġ tal-bidla fil-klima; –
attivitajiet reġjonali/lokali fuq talba li
jkopru b’mod partikolari, l-immaniġġjar ta’ emerġenzi,
is-sigurtà u s-servizzi pan-Ewropej ta' monitoraġġ tal-art, fl-Ewropa
jew barra minnha. (b)
L-attivitajiet tal-iżvilupp jikkonsistu
fit-titjib tal-kwalità u l-prestazzjoni tas-servizzi eżistenti,
l-iżvilupp ta’ elementi ta’ servizzi ġodda u t-trawwim
tal-utilizzazzjoni min-naħa tas-setturi li jistgħu jiggwadanjaw
mill-programm; 33. L-operazzjonijiet
tal-komponent tal-ispazju 34. L-attivitajiet operattivi
tal-osservazzjonijiet li jkunu saru fl-ispazju: (a)
operazzjonijiet tal-infrastruttura spazjali
dedikata (jiġifieri missjonijiet Sentinelli); (b)
aċċess għal missjonijiet ta'
partijiet terzi; (c)
distribuzzjoni ta' dejta; (d)
għajnuna teknika lill-Kummissjoni biex
tiġbor u torganizza r-rekwiżiti tad-dejta tas-servizzi; (e)
identifikazzjoni tad-diskrepanzi fl-osservazzjoni,
li jikkontribwixxu għall-ispeċifikazzjoni ta' missjonijiet ġodda
fl-ispazju. 35. Attivitajiet ta’ żvilupp: (a)
id-disinn u l-akkwist ta’ elementi ġodda
tal-infrastruttura spazjali; (b)
il-provvediment ta’ appoġġ tekniku
lill-Kummissjoni għat-traduzzjoni ta' rekwiżiti ta' servizz fi
speċifikazzjonijiet ta' missjonijiet spazjali ġodda
bl-appoġġ ta' operaturi tal-infrastruttura spazjali; (c)
il-koordinazzjoni tal-iżvilupp ta'
attivitajiet spazjali, inklużi l-iżviluppi mmirati lejn
il-modernizzazzjoni u l-ikkumplimentar tal-kapaċità tal-osservazzjoni
tal-ispazju. 36. L-attivitajiet operattivi
tal-osservazzjonijiet in situ tal-GMES: (a)
koordinazzjoni tal-provvediment ta' dejta in
situ għas-servizzi tal-GMES b'arranġamenti amministrattivi ad
hoc mal-operaturi in situ; (b)
koordinazzjoni tal-provvediment ta' parti terza
fid-dejta in situ fil-livell internazzjonali; (c)
forniment ta' għajnuna teknika
għat-traduzzjoni tar-rekwiżiti ta' dejta ta' servizz tal-GMES fi
speċifikazzjonijiet ta' netwerks u infrastruttura ta' osservazzjoni in
situ; (d)
interazzjoni ma' operaturi in situ biex
jippromwovu konsistenza fl-attivitajiet ta' żvilupp relatati
mal-kapaċità tal-osservazzjoni tal-GMES. Parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet
internazzjonali 37. Il-Kunsill tal-GMES jista'
jikkonkludi ftehimiet internazzjonali, inklużu l-ammissjoni tagħhom
fil-Fond għall-GMES, mal-pajjiżi terzi li ġejjin: (a)
il-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea
tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma Partijiet Kontraenti
għall-Ftehim taż-ŻEE b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti
fil-Ftehim taż-ŻEE; (b)
il-pajjiżi kandidati għas-sħubija
fl-Unjoni, kif ukoll kandidati potenzjali inklużi fil-proċess ta’
stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni skont il-Ftehimiet ta’ Qafas, jew
taħt Protokoll għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, dwar
il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk
il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni, konklużi ma’ dawk
il-pajjiżi; (c)
il-Konfederazzjoni Svizzera, pajjiżi terzi
oħra mhux imsemmija fil-punti (1) u (2), u organizzazzjonijiet
internazzjonali, skont il-ftehimiet konklużi mill-Unjoni ma’ dawn
il-pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, skont
l-Artikolu 218 tat-TFUE, li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u
r-regoli ddettaljati għall-involviment tagħhom. Adozzjoni u dħul fis-seħħ 38. L-Istati Membri għandhom
jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar
it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul
fis-seħħ ta' dan il-Ftehim. 39. Dan il-Ftehim għandu
jidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tat-tieni xahar wara
n-notifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar
it-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ
tiegħu mill-aħħar Stat Membru li se jagħmel dan il-pass. 40. Dan il-Ftehim ma għandux
jibqa' fis-seħħ wara l-31 ta' Diċembru 2020 u
l-ebda impenn legali jew finanzjarju ma jista' jsir wara dik id-data. 41. Mingħajr ħsara
għal dan t'hawn fuq, il-pagamenti u l-obbligi kollha li jirriżultaw
mill-impenji li jkun responsabbli għalihom il-Fond għall-GMES jew li
jsiru f'ismu qabel il-31 ta' Diċembru 2020 għandhom
ikunu sodisfatti mill-Fond għall-GMES sal-31 ta' Diċembru 2023.
Wara din id-data, kull obbligu pendenti għandu jerġa' lura għall-Istati
Membri. 42. Is-Segretarju Ġenerali
tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi bħala
depożitarju għal dan il-Ftehim li għandu jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. B'XHIEDA TA' DAN, ir-Rappreżentati hawn taħt iffirmati tal-Gvernijiet
tal-Istati Membri, li jiltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, iffirmaw dan
il-Ftehim. [1] COM (2011)
500 finali tad-29.06.2011 [2] COM (2011)
831 finali tat-30.11.2011 [3] L-ENVISAT
hija missjoni xjentifika tas-satelliti tal-ESA. Tnediet fl-2002 u kellha abbord 10 strumenti. Hija l-akbar
missjoni ċivili ta' osservazzjoni tad-Dinja. Fl-2007 kienet diġà
waslet fit-tmiem tal-ħajja mistennija tagħha. [4] Sors: Eurostat 2012