19.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 271/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra”

COM(2012) 643 final — 2012/0305 (COD)

2013/C 271/26

Relatur: is-Sur SOARES

Nhar il-21 u d-19 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra

COM(2012) 643 final – 2012/0305 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ April 2013.

Matul il-490 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Mejju 2013 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’92 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-leġislazzjoni dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

1.2

Il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li jintlaħaq ftehim dinji dwar il-kontroll tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’mod li l-ekonomiji kollha tad-dinja jkollhom eżattament l-istess regoli.

1.3

Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u soċjali tal-lum, waħda mill-prijoritajiet hi li niddefendu l-impjiegi. It-tranżizzjoni lejn ekonomija li tirrispetta l-klima u l-ambjent għandha tissejjes fuq djalogu soċjali sod sabiex il-bidliet futuri jiġu ġestiti b’mod kollettiv u demokratiku. Id-djalogu soċjali, in-negozjar u l-parteċipazzjoni huma valuri u għodod fundamentali, li jirfdu u jirrikonċiljaw il-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali u tal-impjiegi ta’ kwalità, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-innovazzjoni u tal-kompetittività fl-ekonomiji Ewropej.

1.4

Il-KESE jappella biex jitnaqqas il-piż finanzjarju u amministrattiv marbut mal-implimentazzjoni tal-elementi differenti ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

1.5

Il-KESE jistieden biex jitqies aktar il-konsum tal-enerġija matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja, kif ukoll biex l-analiżi tal-kosteffettività tinkludi l-iżvantaġġi li jista’ jkollhom it-teknoloġiji alternattivi proposti.

1.6

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali, b’mod speċjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jintużaw minflok il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

1.7

L-Istati Membri u l-intrapriżi għandhom jagħmlu sforzi kbar sabiex issir tranżizzjoni soċjalment ġusta fil-politiki adottati biex inaqqsu l-użu u l-produzzjoni tal-gassijiet fluworurati.

1.8

Jista’ jkun hemm bżonn li jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ adegwati biex jippreparaw lill-ħaddiema għat-teknoloġiji li jistgħu jintużaw minflok il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, iżda wieħed irid iqis is-sitwazzjoni partikolari tal-SMEs. Il-piż finanzjarju u amministrattiv tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għandu jiġi limitat.

1.9

Jeħtieġ tittieħed azzjoni minn qabel ma jintużaw il-gassijiet fluworurati, u b’hekk jiġu pprevenuti t-tnixxijiet billi jissaħħu r-rekwiżiti relatati mad-disinn tat-tagħmir li jkun fih dan it-tip ta’ sustanzi.

1.10

L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ ġbir selettiv fi tmiem l-użu tat-tagħmir li jkun fih sustanzi fluworurati, f’konformità mal-prinċipji tad-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku.

1.11

Il-programmi ta’ taħriġ għandhom jikkonċernaw lill-intrapriżi kollha li jwettqu attivitajiet relatati mal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-immuntar ta’ tagħmir li jkun fih gassijiet fluworurati. Barra minn hekk, il-programmi ta’ taħriġ għandhom jinkludu t-teknoloġiji alternattivi bħala miżura favur it-tranżizzjoni teknoloġika.

1.12

Il-KESE jemmen li jagħmel aktar sens li ssir distinzjoni bejn it-teknoloġiji sabiex tiġi organizzata “tneħħija gradwali” minflok “tnaqqis gradwali”, għall-inqas meta dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament realistiku.

1.13

Ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-produtturi Ewropej għandhom jiġu imposti wkoll fuq il-prodotti importati fl-Unjoni Ewropea.

1.14

Il-Kummissjoni Ewropea ser ikollha r-responsabbiltà prinċipali għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-kwoti u għandha tillimita l-ispejjeż tagħha filwaqt li żżomm l-integrità ambjentali.

1.15

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa ta’ kontroll, verifika u konformità b’rabta ma’ dan ir-Regolament.

1.16

Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-ħarsien tal-ambjent bħala bażi legali, iżda jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tar-Regolament ma tkunx ta’ ħsara għall-integrità tas-suq intern.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fl-2004, il-KESE ħareġ Opinjoni (1) dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra (Regolament Nru 842/2006 attwali) fejn enfasizza li l-konċentrazzjoni tal-gassijiet b’effett ta’ serra żdiedet minħabba l-attività tal-bniedem u li jekk din it-tendenza – u t-tisħin globali li jirriżulta minnha – ma tistax titnaqqas jew tinqaleb fid-direzzjoni opposta, ser twassal għal tibdil fil-klima permanenti u potenzjalment perikoluż. Minkejja li l-Opinjoni tal-2004 appoġġjat l-għan u l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni, fiha ġew innotati wkoll ċerti kwistjonijiet li jqajjem l-abbozz ta’ Regolament. Uħud minn dawn il-punti ta’ kritika jidhru li għadhom validi u l-Kumitat itennihom fl-Opinjoni preżenti.

2.2

Il-gassijiet fluworurati huma gassijiet qawwija b’effett ta’ serra ġenerati mill-bniedem. Bħalissa dawn huma koperti minn żewġ ftehimiet internazzjonali skont jekk għandhomx karatteristiċi li jeqirdu s-saff tal-ożonu stratosferiku jew le. Minn naħa, il-Protokoll ta’ Montreal (1987) – li rriżulta mill-Konvenzjoni ta’ Vjenna – jistabbilixxi miżuri għall-kontroll tal-produzzjoni u l-użu ta’ dawn is-sustanzi bil-għan aħħari li jeliminahom. Dan il-Protokoll baqa’ dejjem jevolvi biex il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jiġi estiż għal gassijiet ġodda u applikazzjonijiet ġodda. Min-naħa l-oħra, bil-Protokoll ta’ Kjoto l-emissjonijiet ta’ gassijiet fluworurati li m’għandhomx impatt fuq is-saff tal-ożonu jiġu inklużi fl-isforz tat-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra, li jiġi implimentat minn dan it-trattat. Il-Koalizzjoni għall-Klima u l-Arja Nadifa (Climate and Clean Air Coalition), li mill-2012 ’l hawn l-għan tagħha hu li tiġġieled kontra s-sustanzi li jniġġsu, poġġiet ukoll l-idrofluworokarburi (HFCs) fuq nett tal-aġenda tagħha.

2.3

Flimkien ma’ atturi oħra, l-UE tinsab fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra l-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. Fl-2009, 2010, 2011 u 2012, diversi firmatarji tal-Protokoll ta’ Montreal, fosthom l-Istati Uniti, ressqu proposti bil-għan li jillimitaw il-produzzjoni u l-konsum tal-idrofluworokarburi fil-livell dinji. 108 pajjiżi appoġġaw dawn l-inizjattivi.

2.4

Però ftit sar progress peress li ċ-Ċina, il-Brażil, l-Indja u l-pajjiżi tal-Golf Persjan, fost oħrajn, qed jirrifjutaw li jiddiskutu din il-kwistjoni fil-qafas tal-Protokoll ta’ Montreal, għax skonthom il-gassijiet fluworurati koperti mill-Protokoll ta’ Kjoto m’għandhom l-ebda impatt fuq is-saff tal-ożonu stratosferiku.

2.5

Fl-2009 l-Unjoni Ewropea adottat għanijiet li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 u l-2050. Sal-2020 l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE jridu jonqsu b’20 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, u bi 30 % jekk jiġi ffirmat ftehim globali li jimponi għanijiet komparabbli għall-ekonomiji l-kbar tad-dinja.

2.6

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, l-UE stabbiliet għadd ta’ strumenti innovattivi li l-aktar importanti fosthom huma: l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-kwoti ta’ emissjonijiet (Direttiva 2009/29/KE), id-Direttiva dwar l-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (Direttiva 2009/28/KE), id-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija (Direttiva 2012/27/UE), u d-Deċiżjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforz tal-Istati Membri (Deċiżjoni Nru 406/2009/KE). L-UE għarfet li sal-2050 l-emissjonijiet tal-pajjiżi żviluppati jridu jonqsu bi 80 % sa 95 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sabiex jintlaħaq l-għan li t-tisħin globali jiġi limitat għal żewġ gradi Celsius.

2.7

Il-“Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050” tal-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxi li l-aktar xenarji ekonomikament effiċjenti jinkludu l-għanijiet li l-livell tal-emissjonijiet, meta mqabbel ma’ dak tal-1990, jonqos b’25 % sal-2020, b’40 % sal-2030, u b’60 % minn issa sal-2040.

2.8

Minħabba l-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għat-tisħin globali, il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jagħmlu parti integrali mill-qafas Ewropew tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-leġislazzjoni Ewropea dwar il-gassijiet fluworurati hi magħmula minn żewġ atti leġislattivi prinċipali:

ir-Regolament (KE) 842/2006 jistabbilixxi prinċipalment sistema ta’ prevenzjoni tat-tnixxijiet waqt l-użu u meta jispiċċa l-użu tat-tagħmir stazzjonarju, u jistabbilixxi għadd limitat ta’ projbizzjonijiet li jikkonċernaw xi applikazzjonijiet speċifiċi;

id-Direttiva 2006/40/KE tirrigwarda s-sistemi ta’ kondizzjonament tal-arja fil-vetturi.

2.9

Ta’ min jilqa’ l-ambizzjoni msaħħa tal-UE li tiġġieled it-tibdil fil-klima u ssir ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, iżda din trid tiġi appoġġjata permezz ta’ programm soċjali kredibbli u bil-fondi meħtieġa biex jiġu megħjuna s-setturi u reġjuni li jġarrbu impatt negattiv fuq l-impjiegi tagħhom minħabba li l-pajjiżi l-kbar l-oħra ma jkunux għamlu progress. Il-kuntest ekonomiku u tal-enerġija fid-dinja jagħmel il-kwistjoni tal-kompetittività sensittiva immens, b’mod partikolari għas-setturi tal-esportazzjoni li jużaw ħafna enerġija. L-isforzi għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea jridu jkunu marbutin aktar mill-qrib ma’ proġett ta’ reindustrijalizzazzjoni bbażat b’mod partikolari fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, fosthom l-enerġija, u fuq it-teknoloġiji sostenibbli u innovattivi.

3.   Sinteżi u raġunijiet tal-Proposta tal-Kummissjoni

3.1   L-għanijiet tal-Proposta ppreżentata mill-Kummissjoni huma li:

3.1.1

tissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 842/2006 dwar ċerti gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra sabiex jingħata kontribut iktar kosteffiċjenti għall-għanijiet klimatiċi tal-UE billi jiġi skoraġġut l-użu ta’ gassijiet fluworurati li jħalli impatt kbir fuq il-klima favur alternattivi effiċjenti fl-enerġija u sikuri, u billi jittejjeb iktar it-trażżin u t-trattament wara li jintemm l-użu tal-prodotti u tat-tagħmir li fihom gassijiet fluworurati;

3.1.2

ittejjeb it-tkabbir sostenibbli, tistimola l-innovazzjoni u tiżviluppa t-teknoloġiji ekoloġiċi billi ttejjeb l-opportunitajiet tas-suq għal teknoloġiji ġodda u għal gassijiet b’impatt żgħir fuq il-klima;

3.1.3

twassal biex l-UE tkun konformi mal-iktar sejbiet xjentifiċi riċenti fil-livell internazzjonali, kif deskritt fir-Raba’ Rapport ta’ Valutazzjoni tal-IPCC tan-NU, pereżempju rigward is-sustanzi koperti minn dan ir-Regolament u l-kalkolu tal-potenzjal ta’ tisħin globali (GWP, global warming potential) tagħhom;

3.1.4

tgħin sabiex ikun hemm kunsens dwar ftehim internazzjonali għat-tnaqqis gradwali tal-idrofluworokarburi, l-iktar grupp rilevanti ta’ gassijiet fluworurati, fil-qafas tal-Protokoll ta’ Montreal;

3.1.5

tissemplifika u tikkjarifika r-Regolament (KE) Nru 842/2006 sabiex tnaqqas il-piż amministrattiv f’konformità mal-impenn tal-Kummissjoni għal regolamentazzjoni aħjar.

4.   Kummenti ġenerali

4.1

Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ il-leġislazzjoni dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, minħabba l-potenzjal kbir tagħhom li jikkontribwixxu għat-tisħin globali, huwa kruċjali li jsiru sforzi addizzjonali biex jiġu limitati l-emissjonijiet ta’ dawn il-gassijiet fl-UE sew fil-produzzjoni u sew fl-użu.

4.2

Ir-regolamentazzjoni fis-seħħ hija fil-fatt ta’ kwalità tajba, iżda kien hemm bosta diffikultajiet fl-implimentazzjoni tagħha li fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew identifikati mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu tal-2004. Il-KESE jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex japplikaw id-deċiżjonijiet tagħhom stess.

4.3

Minkejja li jaqbel mal-inizjattivi tal-UE, il-KESE jenfasizza kemm hu importanti li jintlaħaq ftehim dinji dwar il-kontroll tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’mod li l-ekonomiji kollha tad-dinja jkollhom eżattament l-istess regoli.

4.4

Fid-dawl tal-eżistenza ta’ teknoloġiji alternattivi teknikament affidabbli u ekonomikament vijabbli, il-leġislazzjoni ser tissaħħaħ fuq il-bażi tal-kosteffettività b’tali mod li l-effetti makroekonomiċi ġenerali jkunu limitati ħafna, ħlief għal ċerti setturi speċifiċi. Madankollu, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni jistgħu jiġu kkumpensati sew mill-effiċjenza li tinkiseb fl-użu tal-enerġija u sew mill-pożizzjoni strateġika tal-intrapriżi innovattivi fis-suq. Minkejja li l-kosteffettività tal-miżuri proposti ġiet studjata fil-fond, il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi limitat kemm jista’ jkun il-piż finanzjarju li toħloq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-abbozz ta’ Regolament. Barra minn hekk, il-KESE jistieden biex jitqies aktar il-konsum tal-enerġija matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja kif ukoll biex l-analiżi tal-kosteffettività tinkludi l-iżvantaġġi li jista’ jkollhom it-teknoloġiji alternattivi proposti (in-natura infjammabbli, esplożiva u tossika tagħhom, u l-perikli tal-pressurizzazzjoni). Barra minn hekk, il-livelli ta’ sigurtà li huma mitluba f’ċerti setturi bħal dak tal-ferroviji jistgħu jipprevjenu l-użu ta’ sustanzi alternattivi anke jekk ikunu ġew żviluppati b’suċċess. Għaldaqstant jeħtieġ li għal dawn is-setturi jiġu żviluppati bis-sħiħ soluzzjonijiet alternattivi li huma vijabbli ekoloġikament u ekonomikament.

4.5

Barra minn hekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżidu l-appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni industrijali, b’mod speċjali fil-qasam tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jistgħu jintużaw minflok il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika li għaddejja minnha l-Ewropa, l-appoġġ għall-innovazzjoni huwa element kruċjali fl-istrateġija ta’ reindustrijalizzazzjoni. Però jrid jiġi kkunsidrat ukoll li mhuwiex ċert li jistgħu jiġu żviluppati, bi prezz raġonevoli, sustanzi jew teknoloġiji li jistgħu jaqdu l-funzjonijiet essenzjali tas-soċjetajiet żviluppati, bħal ngħidu aħna r-refriġerazzjoni.

4.6

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Proposta tinkludi artikolu dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni, li għandu jtejjeb l-effiċjenza tal-leġislazzjoni u jippromovi l-iżvilupp ta’ sinerġiji mal-leġislazzjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, b’mod partikolari billi jindirizza r-riskji marbutin mat-teknoloġiji alternattivi. Madankollu, il-KESE jinnota li n-nuqqas ta’ taħriġ adegwat tal-ħaddiema ħafna drabi jkun ostaklu kbir għall-implimentazzjoni tar-regolamentazzjoni. L-Istati Membri u l-intrapriżi għandhom jagħmlu sforzi kbar sabiex jiżviluppaw il-programmi ta’ taħriġ meħtieġa biex jippreparaw lill-ħaddiema għat-teknoloġiji li jistgħu jintużaw minflok il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. Is-sitwazzjoni partikolari tal-SMEs għandha tiġi kkunsidrata u l-piż finanzjarju u amministrattiv tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għandu jiġi limitat.

4.7

Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn tittieħed l-ispirazzjoni mill-prattiki tajbin implimentati f’ċerti Stati Membri biex jiġu regolati l-kwistjoni tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1

Il-prevenzjoni tal-emissjonijiet hi bbażata l-aktar fuq l-utenti finali, li sikwit ikunu l-SMEs. Peress li l-ispiża tal-miżuri ta’ trażżin (jiġifieri l-kontrolli għal tnixxijiet, l-individwazzjoni ta’ tnixxija, iż-żamma ta’ rekords, eċċ.) hija konsiderevoli ħafna għall-utenti finali li sikwit ikunu l-SMEs, il-KESE huwa mħasseb dwar il-piż finanzjarju li r-regolamentazzjoni dwar il-gassijiet b’effett ta’ serra toħloq għal dan is-settur tal-ekonomija li diġà ddgħajjef minħabba l-kriżi ekonomika. Il-KESE jisħaq fuq il-ħtieġa li tittieħed azzjoni minn qabel ma jintużaw il-gassijiet fluworurati u għalhekk jappella għall-prevenzjoni tat-tnixxijiet billi jissaħħu r-rekwiżiti relatati mad-disinn tat-tagħmir li jkun fih il-gassijiet fluworurati.

5.2

L-obbligi ta’ rkupru stabbiliti fl-Artikolu 7(4) jikkonċernaw, f’ċerti każijiet, l-użi domestiċi (kundizzjonaturi tal-arja, pompi tas-sħana). Ikun aħjar li kieku l-Istati Membri jaslu biex jiżviluppaw sistemi ta’ ġbir selettiv fi tmiem l-użu tat-tagħmir li jkun fih sustanzi fluworurati, f’konformità mal-prinċipji tad-Direttiva 2002/96/KE dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku.

5.3   Taħriġ u ċertifikazzjoni (Artikolu 8)

5.3.1

L-obbligu li jiġu stabbiliti programmi ta’ taħriġ huwa limitat għall-intrapriżi li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 8(1) f’isem parti terza. Fil-fehma tal-KESE, dawn il-programmi ta’ taħriġ għandhom jikkonċernaw lill-intrapriżi kollha li jwettqu attivitajiet relatati mal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-immuntar ta’ tagħmir li jkun fih gassijiet fluworurati. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-programmi ta’ taħriġ ikopru wkoll it-teknoloġiji alternattivi bħala miżura favur it-tranżizzjoni teknoloġika.

5.3.2

Billi l-programmi ta’ taħriġ jirrigwardaw l-aktar is-sustanzi u l-proċessi li jistgħu jaffettwaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, l-imsieħba soċjali għandhom jiġu involuti fl-istabbiliment ta’ dawn il-programmi mill-Istati Membri. Bl-involviment tal-imsieħba soċjali fit-tfassil ta’ dawn il-programmi, il-proposta tkun konformi mal-prinċipji ġenerali tal-leġislazzjoni Ewropea dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.

5.3.3

Minħabba l-inċertezza dwar meta ser tiġi adottata din il-Proposta għal Regolament, ikun tajjeb li minflok id-data msemmija meta l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni tagħhom tingħata referenza għal perjodu ta’ żmien li jiddependi mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

5.4   Tqegħid fis-suq u kontroll tal-użu

5.4.1

Minkejja r-restrizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikoli 9, 11 u 12, l-approċċ ġenerali tal-Proposta għal Regolament jagħti preferenza lit-“tnaqqis gradwali” (“phasing down”) sal-2030 minflok lit-“tneħħija gradwali” (“phasing out”). Fil-fatt, l-Artikolu 13 jipprevedi li t-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi għandu jonqos permezz ta’ kwoti gradwali li ma jagħmlux distinzjoni bejn it-teknoloġiji differenti koperti mill-Proposta għal Regolament.

5.4.2

Il-KESE jemmen li jagħmel aktar sens li ssir distinzjoni bejn dawn it-teknoloġiji sabiex tiġi organizzata “tneħħija gradwali” minflok “tnaqqis gradwali”, għall-inqas meta dan ikun teknikament possibbli u ekonomikament realistiku. Għandu jiġi introdott għan ta’ projbizzjoni fit-tul li jkun kompatibbli mal-għanijiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE sal-2050 kif ukoll mal-iżvilupp ta’ teknoloġiji alternattivi. Għal ċerti setturi jew sottosetturi, bħal dawk tar-refriġeraturi kummerċjali jew is-sistemi l-kbar ta’ refriġerazzjoni industrijali, jista’ jiġi kkunsidrat li l-projbizzjoni li jqiegħdu fis-suq tagħmir li jkun fih l-HFCs tidħol fis-seħħ sa mill-2025. Bl-istess mod, il-kontenituri li ma jistgħux jerġgħu jintużaw (sprejs jew aerosols) u li jkun fihom gassijiet fluworurati għandhom jiġu projbiti, filwaqt li jista’ jkun hemm derogi għal ċerti użi indispensabbli (bħal fis-settur mediku) li m’hemmx alternattiva kredibbli għalihom.

5.4.3

Minbarra l-vantaġġi ambjentali evidenti marbutin mas-sostituzzjoni kompleta tat-tekniki li jiġġeneraw gassijiet b’effett ta’ serra partikolarment qawwija u minkejja l-ispiża finanzjarja li tiġġenera, is-sostituzzjoni aktar sistematika tippromovi l-innovazzjoni u tagħti lill-intrapriżi innovattivi vantaġġ kompetittiv fis-swieq li ser jinħolqu bil-leġislazzjoni li qed titħejja bħalissa.

5.5

It-tikketti jipprovdu informazzjoni essenzjali għall-ħaddiema li jużaw it-tagħmir kopert mill-abbozz ta’ Regolament u għall-konsumaturi finali dwar ir-riskji marbutin mat-teknoloġiji li jużaw. Rigward il-ħaddiema, l-avviżi tekniċi jridu jipprovdu b’mod sħiħ, ċar u rigoruż l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jitwettqu l-installazzjoni, il-manutenzjoni jew iż-żarmar filwaqt li jiġu limitati kemm jista’ jkun ir-riskji ambjentali.

5.6

Sabiex il-messaġġ ikollu l-akbar impatt possibbli u fid-dawl tal-kumplessità teknika tas-suġġett, il-messaġġ għandu jkun fih informazzjoni sempliċi u li tinfehem mill-pubbliku ġenerali. F’dan ir-rigward għandhom jiġu żviluppati sinerġiji mas-sistema fis-seħħ fil-qafas tad-Direttiva 2005/32/KE dwar l-Ekodisinn b’mod li tingħata preferenza, fejn ikun teknikament possibbli, lil sistema ta’ tikketti ambjentali armonizzati fil-livell Ewropew.

5.7

Ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-produtturi Ewropej għandhom jiġu imposti wkoll fuq il-prodotti importati fl-Unjoni Ewropea. Il-projbizzjoni tat-tagħmir iċċarġjat minn qabel tippermetti li tiġi regolata l-importazzjoni tal-gassijiet fluworurati b’mod effiċjenti kemm mil-lat ambjentali kif ukoll mil-lat ekonomiku. Madankollu, il-KESE jistaqsi jekk l-iċċarġjar tat-tagħmir fis-sit industrijali joffrix garanziji aħjar ta’ affidabbiltà, billi dan isir b’materjal speċifiku adatt u minn persunal imħarreġ f’dan ix-xogħol. Il-KESE għalhekk jistieden li r-Regolament jistipula b’mod espliċitu li l-projbizzjoni tal-iċċarġjar minn qabel ma tapplikax għat-tagħmir maħsub għall-esportazzjoni. Bl-istess mod, il-KESE jappella biex tiġi żviluppata sistema ta’ derogi mill-projbizzjoni tal-iċċarġjar minn qabel fil-każ ta’ tagħmir li hemm prova li l-iċċarġjar minn qabel tiegħu huwa ġġustifikat għal raġunijiet ta’ affidabbiltà, sigurtà jew prestazzjoni ambjentali.

5.8

Il-produtturi u l-importaturi kollha tal-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra jridu jirrispettaw il-kwoti. Dawn l-obbligi la japplikaw għall-konsumaturi u lanqas għall-operaturi tat-tagħmir. Sabiex jeħfief il-piż amministrattiv, il-limitu li jintuża hu ta’ tunnellata metrika jew elf tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra. Il-kwantitajiet esportati ma jiġux ikkalkulati fil-kwoti tat-tqegħid fis-suq. Il-kwoti ser jitqassmu abbażi tal-emissjonijiet preċedenti. Il-possibbiltà tal-irkant ma nżammitx għaliex in-numru ta’ atturi preżenti f’dan is-suq huwa baxx (m’hemmx biżżejjed atturi biex jinħoloq suq effiċjenti) u din il-proċedura kienet ser iżżid l-ispejjeż amministrattivi. 5 % ser jintrefgħu għal “dawk li jidħlu ġodda”. It-tqassim tal-kwoti ser ikun ibbażat fuq id-data pprovduta għall-perjodu 2008-2011. Huwa importanti li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ dikjarazzjoni jibqgħu maniġġabbli, sabiex ma jkunx hemm piż amministrattiv eċċessiv għall-intrapriżi, b’mod partikolari l-SMEs. Jeħtieġ, b’mod ġenerali, li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni tal-kosteffettività tas-sistema tal-kwoti.

5.9

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tippubblika rapporti regolari li jitfasslu abbażi tad-data miġbura b’konformità mal-Artikoli 17 u 18 tal-abbozz ta’ Regolament. Però dawn ir-rapporti m’għandhomx jippreġudikaw in-natura kunfidenzjali tad-data miġbura fl-intrapriżi u li tikkonċerna proċessi industrijali protetti minn dritt ta’ proprjetà intellettwali. Il-Kummissjoni għandha wkoll toqgħod attenta li tillimita l-piż amministrattiv marbut mal-ġbir tad-data kemm fl-intrapriżi kif ukoll fl-Istati Membri.

5.10

L-Artikolu 21 jistabbilixxi kumitat bil-għan li jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha li tadotta atti ddelegati. Dan il-kumitat għandu jinkludi lir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali.

5.11

Il-KESE jiddispjaċih li l-Artikolu 22 ma jagħti l-ebda setgħa lill-Kummissjoni rigward il-proċeduri ta’ kontroll, verifika u konformità. Minkejja li l-miżuri ta’ implimentazzjoni huma prerogattiva tal-Istati Membri, kien ikun tajjeb li kieku l-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tistabbilixxi rekwiżiti minimi, bl-istess mod ta’ dak li hu previst fl-Artikoli 8 u 18.

5.12

Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li tibbaża r-Regolament dwar il-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra fuq l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi l-għan prinċipali tar-Regolament hu li jiggarantixxi livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent, b’mod partikolari permezz tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tar-Regolament ma tkunx ta’ ħsara għall-integrità tas-suq intern.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 108, 30.4.2004 (mhux disponibbli bil-Malti).