15.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 169/29


It-Tlieta 14 ta’ Diċembru 2010
Koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika

P7_TA(2010)0473

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar il-ksib ta’ koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika vera fi ħdan l-UE - kundizzjoni sine qua non għall-kompetittività dinjija? (2009/2233(INI))

2012/C 169 E/04

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat ta’ Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment it-Titolu I u t-Titolu XVIII tiegħu,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u s-26 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni bl-isem: “L-Ewropa Globali: Kompetizzjoni Dinjija: Kontribut lill-Istrateġija tal-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (COM(2006)0567),

wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-2009 tal-OECD,

wara li kkunsidra Successful partnerships: a guide, tal-Forum għas-Sħubijiet u l-Governanza Lokali tal-Programm LEED tal-OECD, 2006,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar il-Kompetittività Globali 2009-2010, Forum Ekonomiku Dinji, Ġinevra, l-Isvizzera, 2009,

wara li kkunsidra r-rapport “An agenda for a reformed cohesion policy – A place-based approach to meeting European Union challenges and expectations”, rapport indipendenti mħejji fuq talba ta’ Danuta Hübner, Kummissarju għall-Politika Reġjonali, ta’ Fabrizio Barca, April 2009,

wara li kkunsidra d-dokument ta’ definizzjoni ta’ politika tal-Kunsill tal-Muniċipalitajiet u tar-Reġjuni tal-Ewropa dwar il-“Futur tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE”, Brussell, Diċembru 2009,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea tar-Reġjuni Ewropej (AER) dwar il-politika reġjonali ta’ wara l-2013, adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-AER fit-8 ta’ Novembru 2007 f'Udine, l-Italja,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (COM(2008)0301),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Fondi Strutturali 2007-2013: ir-riżultati tan-negozjati dwar l-istrateġiji ta’ koeżjoni nazzjonali u l-programmi operattivi (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar l-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika reġjonali u l-ostakli għall-użu tal-Fondi Strutturali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fuq livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar Green Paper dwar il-koeżjoni territorjali u l-qagħda tad-diskussjonijiet dwar ir-riforma futura tal-politika għall-koeżjoni (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Ġunju 2010 dwar l-UE 2020 (5),

wara li kkunsidra r-raba' rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273),

wara li kkunsidra l-20 rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali (2008) (COM(2009)0617),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem “Il-mobilizzazzjoni tal-investiment privat u pubbliku għall-irkupru u tibdil strutturali fit-tul: l-iżvilupp tal-Partenarjati Pubbliċi Privati” (COM(2009)0615),

wara li kkunsidra l-paragrafu 37 tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Frar 2006 dwar ir-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009 (6),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0309/2010),

A.

billi l-promozzjoni tal-koeżjoni territorjali, soċjali u ekonomika, u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, hija wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

B.

billi l-Unjoni Ewropea tista' tkun globalment kompetittiva biss jekk il-politiki interni jirfdu l-kapaċità tagħha li tirreaġixxi għall-isfidi globali billi tħaddem ekonomija sostenibbli u b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju li tħares il-bijodiversità – b'perjodi ta’ reċessjoni juru kif ir-reġjuni inqas żviluppati għandhom inqas kapaċità ta’ rkupru,

C.

billi l-kompetittività u l-koeżjoni la huma kontradittorji u lanqas inkompatibbli iżda għandhom elementi ta’ komplementarjetà,

D.

billi, anke jekk sar progress sinifikanti f'termini ta’ konverġenza fi ħdan l-Unjoni Ewropea, it-tendenza attwali hija li d-disparitajiet territorjali bejn ir-reġjuni tal-UE sejrin għall-agħar, pereżempju mil-lat tal-aċċessibbiltà, b'mod partikolari għar-reġjuni strutturalment żvantaġġati, iżda anke f'livell intrareġjonali u fit-territorji tal-UE, u dan jista' jwassal għal segregazzjoni territorjali, kif ukoll biex jiżdiedu d-differenzi bejn il-livelli ta’ prosperità fir-reġjuni tal-UE u biex tixxekkel il-kompetittività globali tal-UE,

E.

billi fir-Rapport Annwali tagħha tal-2009, l-OECD fformulat rakkomandazzjoni għal tkabbir fit-tul li ffokalizzat fuq l-importanza tat-tassazzjoni, tal-investiment fl-infrastruttura, fl-edukazzjoni u l-ħaddiema kif ukoll tar-regolamentazzjoni tas-swieq tal-produzzjoni u b'hekk ir-rwol tagħhom jiġi enfasizzat,

F.

billi l-Forum Ekonomiku Dinji, fir-Rapport tiegħu dwar il-Kompetittività Globali tal-2009 kif ukoll f'rapporti oħra, ġibed l-attenzjoni għar-rwol deċiżiv li tiżvolġi l-infrastruttura bħala t-tieni pilastru minn 12 li fuqhom il-kompetittività globali hija vvalutata, u ppreċiża li l-infrastruttura ta’ kwalità hija fundamentali biex tnaqqas l-effetti tad-distanza, tiġbed investiment barrani u tiggarantixxi li l-iżvilupp ekonomiku jkun possibbli,

G.

billi fl-aħħar mill-aħħar il-kompetittività tista' tinkiseb biss jekk it-tkabbir ekonomiku jkun verament sostenibbli fl-UE kollha,

H.

billi r-rapport tal-Grupp ta’ Esperti Indipendenti dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni maħtur wara s-Samit ta’ Hampton Court u ppresedut minn Esko Aho intitolat “Noħolqu Ewropa Innovattiva” jidentifika l-oqsma ewlenin – is-saħħa elettronika, il-prodotti farmaċewtiċi, it-trasport u l-loġistika, l-ambjent, il-kontenut diġitali, l-enerġija u s-sigurtà – fejn suq għall-innovazzjoni jista' jaħdem u fejn il-politika pubblika jista' jkollha rwol sinifikanti,

I.

billi, biex l-objettivi tal-UE 2020 jintlaħqu, jeħtieġ li tiġi aċċettata l-pożizzjoni inizjali ta’ disparità fil-livelli ta’ żvilupp u fil-limitazzjonijiet, u li l-objettivi għandhom jiġu ffissati filwaqt li jqisu l-qagħda u l-bżonnijiet reali identifikati permezz tal-konsultazzjoni mal-atturi kollha involuti fid-diversi livelli ta’ gvern,

J.

billi l-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2010 għaraf l-importanza tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali anke permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura biex tgħin biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija UE 2020, f'ċirkostanzi li fihom din l-istrateġija l-ġdida se tittratta l-imblokki fl-iżvilupp ekonomiku,

K.

billi l-politika ta’ koeżjoni wriet li hija strument effikaċi għal reazzjoni flessibbli għall-isfidi soċjoekonomiċi li joriġinaw mill-kriżi finanzjarja,

L.

billi, minbarra infrastruttura tajba, il-prerekwiżiti ewlenin għall-kompetittività huma l-promozzjoni tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp teknoloġiku u l-għoti ta’ taħriġ korrispondenti ta’ livell għoli għan-nies fir-reġjuni,

M.

billi r-reġjuni se jiżvolġu rwol kruċjali fit-trażżin tal-impatt tal-kriżi fuq il-pubbliku u għalsaqstant għandhom iħaddnu l-prinċipju ta’ sħubija u jiżviluppaw strumenti idonei għal valutazzjoni ex-ante tal-impatt territorjali tat-tipi differenti ta’ politika, bil-għan li jaffrontaw sfidi ewlenin bħall-adegwament għall-globalizzazzjoni, it-tibdiliet demografiċi u d-depopolazzjoni konsegwenti tar-reġjuni, it-tibdil fil-klima u l-kwestjonijiet relatati mal-enerġija u l-ħarsien tal-bijodiversità, kif ukoll sfidi ġodda li jirriżultaw mill-kriżi,

N.

billi, kif juri l-eżitu tat-taħdidiet dwar l-istrateġiji u l-programmi fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, f'kull livell ta’ gvern il-kwalità tal-programmi u l-involviment tal-partijiet interessati żdiedu u b'hekk jirrappreżentaw pass 'il quddiem lejn l-ilħuq tal-objettivi ta’ Lisbona ta’ kompetittività ekonomika u impjiegi,

O.

billi r-riforma tal-politika ta’ koeżjoni teħtieġ li ssaħħaħ din il-politika permezz ta’ korrelazzjoni aħjar kif ukoll koordinament u sinerġija aħjar fost il-politiki Ewropej, mingħajr ma politika tkun subordinata għal oħra, abbażi tal-eżiġenzi u tal-objettivi tal-Unjoni f'termini ta’ żvilupp sostenibbli,

P.

billi l-involviment ta’ atturi lokali u reġjonali fil-politika ta’ koeżjoni huwa rifless fl-istrateġiji lokali u reġjonali tagħhom biex jittejbu l-iżvilupp ekonomiku u l-inklużjoni soċjali,

Q.

billi l-kompetittività ekonomika tar-reġjuni li baqgħu lura qed tiġi sostnuta mill-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom, inkluż l-iżvilupp tal-infrastruttura ta’ kull tip u b'hekk isir possibbli l-aċċess għall-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni,

R.

billi, filwaqt li xi elementi tal-arkitettura ta’ dawn l-istrumenti, bħall-kalendarju komuni u l-allinjament mal-aġenda ta’ Lisbona, jippermettu li jinħolqu sinerġiji, għad hemm differenzi, fir-rigward tal-bażijiet ġuridiċi, tal-approċċ (tematiku jew territorjali), u tal-ġestjoni (komuni jew ċentralizzata),

Il-politika ta’ koeżjoni bħala sine qua non għall-kompetittività ekonomika globali

1.

Jenfasizza l-kisbiet tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE u l-fatt li l-implimentazzjoni tagħha hija indispensabbli għas-suċċess tal-istrateġija UE 2020 bħala strument biex ineħħi d-disparitajiet bejn ir-reġjuni, iżid il-kompetittività tar-reġjuni, jiffaċilita t-tnedija tar-riformi strutturali u jsaħħaħ il-kapaċità tar-reġjuni biex jadattaw ruħhom għall-klima ekonomika globali;

2.

Japprezza li, għall-perjodu 2007-2013, l-Istati Membri kollha ddedikaw ammont sinifikanti mill-allokazzjonijiet finanzjarji totali tagħhom lir-riċerka u żvilupp (R&Ż), innovazzjoni u żvilupp ta’ ekonomija bbażata fuq l-għarfien, u dan irriżulta f'246 Programm Operattiv Nazzjonali jew Reġjonali, b'madwar EUR 86 biljun allokati għar-riċerka u l-innovazzjoni, li EUR 50 biljun minnhom diġà ġew allokati għall-attivitajiet ta’ R&Ż prinċipali u ta’ innovazzjoni; jisħaq li, billi r-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għat-titjib tal-kompetittività tal-UE meta taffronta sfidi dinjija, l-investimenti f'dawn l-oqsma għandhom ikomplu u għandhom isiru valutazzjonijiet tal-progress regolari u bbażati fuq ir-riżultati; jirrakkomanda, għalhekk, fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jallokaw riżorsi suffiċjenti mill-fondi strutturali għar-riċerka u l-innovazzjoni, partikolarment għall-innovazzjoni sostenibbli, u jsaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi u applikati mudelli ta’ suċċess fit-trijanglu tal-għarfien biex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-oqfsa reġjonali strateġiċi u ta’ riċerka għall-innovazzjoni b'kollaborazzjoni mal-impriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-universitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza l-potenzjal ta’ raggruppamenti reġjonali innovattivi b'intensità għolja ta’ għarfien fil-mobilizzazzjoni tal-kompetittività reġjonali u jappella għal koordinament aħjar tal-fondi strutturali u tas-Seba' Programm Kwadru għar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku;

3.

Jisħaq li t-tisħiħ tal-konċentrazzjoni tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni jista' jiggarantixxi li din il-politika tagħti kontribut sinifikanti għat-tħeġġiġ tal-kompetittività, l-innovazzjoni u l-impjiegi fl-UE;

4.

Jisħaq fuq ir-rwol ewlieni li żvolġew kemm is-settur pubbliku, fil-livelli kollha ta’ gvern, kif ukoll is-settur privat fl-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, fil-bini mill-ġdid tal-fiduċja u tas-solidarjetà fi żminijiet ta’ reċessjoni u sussegwentement billi ggarantixxew opportunitajiet indaqs f'termini ta’ aċċess għal investiment pubbliku, speċjalment fl-infrastruttura, it-teknoloġiji ġodda u l-kapital uman, u ggarantixxew żvilupp sostenibbli;

5.

Jenfasizza l-fatt li l-kompetittività ekonomika tar-reġjuni tal-UE hija marbuta mill-qrib mal-eżistenza ta’ livell adegwat ta’ impjieg, forza tax-xogħol edukata u kkwalifikata, sigurtà soċjali u aċċess għas-servizzi pubbliċi; josserva, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ għall-koeżjoni soċjali mogħti mill-politika ta’ koeżjoni jżid l-importanza ta’ din il-politika għall-kompetittività reġjonali ġenerali fuq skala dinjija;

6.

Huwa tal-fehma li, b'konformità mal-ispirtu tat-Trattati, politika ta’ koeżjoni li l-għan tagħha huwa li tnaqqas id-disparitajiet fil-livelli ta’ żvilupp u tħejji lir-reġjuni biex jissodisfaw l-isfidi fit-tul u fi żmien qasir (globalizzazzjoni, tibdil demografiku, depopolazzjoni taż-żoni rurali, tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-bijodiversità) filwaqt li jitqiesu l-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet speċifiċi tagħhom, uriet ruħha essenzjali għall-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea;

7.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, jekk jiżdiedu s-sinerġiji bejn ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-politika ta’ koeżjoni, l-isfidi tal-istrateġija UE 2020 jistgħu jiġu affrontati aħjar; jisħaq li l-politika ta’ koeżjoni għandha tiżvolġi rwol sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija UE 2020, billi din tistimola bidla strutturali fl-Ewropa kollha u tappoġġa prijoritajiet fundamentali ta’ investiment fil-livelli kollha, kemm lokali, reġjonali, nazzjonali kif ukoll transkonfinali, filwaqt li tiġi garantita l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; jiġbed, madankollu, l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja li l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni għandhom ikunu allinjati mal-għanijiet tal-istrateġija UE 2020, din għandha tibqa' politika indipendenti kapaċi takkomoda l-ispeċifiċitajiet reġjonali u jiġu appoġġati r-reġjuni l-aktar dgħajfa u l-aktar fil-bżonn sabiex jegħlbu d-diffikultajiet soċjoekonomiċi tagħhom u l-iżvantaġġi naturali u jitnaqqsu d-disparitajiet; huwa tal-fehma li l-iżgurar tal-kontinwità tal-linji gwida dwar il-politika ta’ koeżjoni li diġà qegħdin fis-seħħ, jissalvagwarda d-dimensjoni reġjonali tar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni u joħloq l-impjiegi f'setturi innovattivi;

Koeżjoni territorjali – mera tal-impatt tal-politiki tal-UE fil-livell lokali

8.

Japprova l-fehmiet espressi fil-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territorjali rigward il-kompetittività, li “tiddependi mill-bini ta’ rabtiet ma’ territorji oħra biex ikun żgurat li l-beni komuni jintużaw b'mod koordinat u sostenibbli” sabiex jinħeles il-potenzjal inerenti fid-diversità territorjali tal-UE; jisħaq, b'rabta ma’ dak li ntqal hawn fuq, li l-operazzjoni bla intoppi u kkoordinata tas-servizzi ta’ trasport, aċċess suffiċjenti għat-telekomunikazzjonijiet u l-ġbir komuni, meta jkun xieraq, tal-enerġija, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka, l-edukazzjoni, il-ħarsien tal-ambjent u l-infrastruttura huma kundizzjonijiet bażiċi biex tkompli tiġi sostnuta l-kompetittività jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni koerenti tal-objettiv relatat mal-koeżjoni territorjali;

9.

Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jappoġġaw approċċ b'bażi lokali biex ifasslu u jimplimentaw il-politika ta’ koeżjoni; jagħraf li r-rwol tar-reġjuni jvarja bejn l-Istati Membri skont l-istruttura politika u amministrattiva tagħhom; jitlob li l-prinċipju ta’ sussidjarjetà, fil-kunċett imsaħħa u estiż tiegħu kif definit fit-TFUE, għandu jkun applikat kif suppost u li jinkiseb titjib, permezz tal-promozzjoni tal-prinċipju ta’ deċentralizzazzjoni, matul il-perjodu ta’ programmazzjoni attwali, sal-livell ta’ awtorità lokali, bil-għan li jitjieb l-assorbiment tal-fondi; iqis li huwa kontraproduċenti, f'dan il-kuntest, li r-reġjuni jamministraw medja ta’ 30,5 % biss tal-baġit kumplessiv allokat għall-politika ta’ koeżjoni, u l-bqija tkun amministrata mill-gvernijiet ċentrali; jikkunsidra, għaldaqstant, li fil-ġejjieni l-prinċipju ta’ sħubija għandu jissaħħaħ konsiderevolment;

10.

Huwa tal-fehma li t-territorji fil-fruntieri, b'mod partikolari, juru biċ-ċar il-problemi li l-UE qiegħda tħabbat wiċċha magħhom b'rabta mal-isfidi tal-ftuħ tal-fruntieri, il-kompletament tas-suq intern u l-globalizzazzjoni; jenfasizza li l-kompetittività ta’ territorji bħal dawn tista' tiddgħajjef minħabba l-ħtieġa li jinżamm il-pass ma’ sistemi fiskali u ta’ benesseri li jikkompetu magħhom, arranġamenti amministrattivi kumplessi u flussi migratorji bejn ir-reġjuni u l-istati; jisħaq fuq l-importanza li tiġi żviluppata l-għodda meħtieġa għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-governanza f'diversi livelli u jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi skambji ta’ informazzjoni u tal-aħjar prassi;

11.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-koeżjoni territorjali għandha karatteristika orizzontali u multisettorjali u għalhekk il-politiki tal-Unjoni jridu jikkontribwixxu għall-kisba tagħha; itenni l-fatt li dan il-kunċett mhuwiex limitat għall-effetti tal-politika reġjonali iżda jimplika wkoll koordinament ma’ politiki oħra tal-Unjoni li l-għan tagħhom huwa l-iżvilupp sostenibbli u joffru riżultati tanġibbli f'livell reġjonali, sabiex jiġu żviluppati u jintużaw bis-sħiħ il-forom speċifiċi ta’ potenzjal reġjonali u biex jiżdied l-impatt tagħhom fil-prattika, filwaqt li tingħata spinta lill-kompetittività u l-forza ta’ attrazzjoni tar-reġjuni u tinkiseb il-koeżjoni territorjali; huwa tal-fehma li 'konċentrazzjoni, kooperazzjoni, konnessjoni' huma l-koordinati ewlenin tal-koeżjoni territorjali sabiex jinkiseb żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat fl-UE;

12.

Jisħaq li governanza f'diversi livelli timplika d-devoluzzjoni tar-responsabilità għall-programmi li jippermettu sfruttament aħjar tal-potenzjali tal-kooperazzjoni territorjali, u li, għalhekk, sabiex l-Unjoni tkun tista' tilħaq għanijiet komuni bl-użu ta’ miżuri koerenti u orjentati lejn ir-riżultati filwaqt li tistabbilixxi prijoritajiet lokali u reġjonali speċifiċi, għandhom jiġu implimentati l-prinċipji tal-governanza f'diversi livelli;

13.

Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultat tal-inizjattivi URBAN u LEADER u jenfasizza l-bżonn li din l-esperjenza tintuża kif ukoll jintużaw l-eżempji assoċjati tal-aħjar prassi għall-provvista ta’ qafas għal żvilupp rurali-urban integrat, skont l-eżiġenzi ta’ kull reġjun; jistieden il-Kummissjoni teżamina u tipproponi metodoloġiji ta’ xogħol li jippromwovu sħubiji urbani-rurali, jikkumbattu d-depopolazzjoni taż-żoni rurali u, fl-istess ħin, jistimolaw żvilupp urban sostenibbli billi kważi 80 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'żoni urbani; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm iż-żoni urbani kif ukoll dawk rurali jiżvolġu rwol dinamiku fl-iżvilupp ekonomiku reġjonali u jenfasizza l-bżonn, fid-dawl tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, għal investiment fi proġetti urbani kif ukoll suburbani għal koordinament aħjar mal-programmi ta’ żvilupp rurali;

Massimizzazzjoni tal-impatt tal-politika ta’ koeżjoni biex tiżdied il-kompetittività ekonomika

14.

Iqis is-sħubija bħala prinċipju fundamentali għad-determinazzjoni tal-kontenut tal-politika ta’ koeżjoni, u l-approċċ minn isfel għal fuq isaħħaħ il-kapaċitajiet amministrattivi u l-kwalità tal-proċess ta’ programmazzjoni; jemmen li l-livelli kollha ta’ gvern jeħtieġu jiżvolġu rwol koeżiv, komplementari u produttiv biex jagħtu spinta lill-kompetittività ekonomika tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħti definizzjoni aktar ċara tal-prinċipju ta’ sħubija sabiex ikun żgurat li jitwaqqfu sħubiji veri ma’ awtoritajiet reġjonali u lokali u biex jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-aħjar prassi bejn ir-reġjuni;

15.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kofinanzjament huwa prinċipju fundamentali għall-ġestjoni tajba tal-politika ta’ koeżjoni; jitlob li jkun applikat kontinwament minkejja l-limitazzjonijiet fuq l-infiq pubbliku minħabba l-kriżi ekonomika;

16.

Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-imprenditorija u li jiġu appoġġati l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), billi jingħaraf ir-rwol fundamentali li żvolġew fit-trawwim tal-kompetittività ekonomika u fil-ħolqien tal-impjiegi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut u analizzat ir-rwol tal-istrumenti tal-UE li jappoġġaw il-kompetittività Ewropea bil-għan li jiġu razzjonalizzati l-proċeduri amministrattivi, jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjament, speċjalment għall-SMEs, u li jiddaħħlu mekkaniżmi innovattivi ta’ inċentiv ibbażati fuq l-ilħuq ta’ għanijiet marbuta mat-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u integrattiv, kif ukoll mal-promozzjoni ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Bank Ewropew tal-Investiment u ma’ istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn; japprezza, f'dan il-kuntest, il-valur miżjud offrut mill-istrumenti ta’ inġinerija finanzjarja u jħeġġeġ l-użu tagħhom, kif ukoll dak tal-fondi ta’ rotazzjoni u ta’ għotjiet globali, fuq skala kemm jista' jkun wiesgħa, bil-għan li jinkisbu sinerġiji pożittivi u jiġu massimizzati r-riżultati; jappella wkoll għal aċċess semplifikat għall-kapital ta’ riskju u għall-mikrofinanza;

17.

Jenfasizza, barra minn hekk, li implimentazzjoni effiċjenti tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi ferm minn kif tkun tfasslet u għalhekk l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fi stadju bikri, fit-tiswir u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni futura, huma kruċjali; jenfasizza, bl-istess mod, il-ħtieġa li jiġu żviluppati sħubiji orizzontali u vertikali bejn l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha bil-għan li tinkiseb l-aktar governanza effiċjenti possibbli f'għadd ta’ livelli; ifakkar li l-governanza f'diversi livelli tirrappreżenta wieħed mill-prinċipji kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni u li hija fundamentali biex tiggarantixxi l-kwalità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jisħaq ukoll, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tas-sħubija li l-awtoritajiet reġjonali għandhom mal-Kumitat tar-Reġjuni;

18.

Jilqa' b'sodisfazzjon l-emenda għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jissemplifika l-proċeduri għall-użu tal-fondi strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tissemplifika t-tali proċeduri biex tiġi garantita l-flessibilità tagħhom u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji tal-finanzjamenti, biex b'hekk l-awtoritatjiet ikunu jistgħu jittrattaw l-isfidi l-kbar fil-ħin u bl-użu ta’ riżorsi xierqa; huwa tal-fehma li s-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat jistgħu joffru sostenn awtentiku billi jissupplementaw l-isforzi li jsiru fuq livell lokali u reġjonali, u jistieden il-Kummissjoni tressaq proposti konkreti għall-konsolidament tas-sħubiji bejn is-settur pubbliku u dak privat fl-ambitu tal-politika ta’ koeżjoni;

19.

Jisħaq fuq l-importanza, fl-interess li jiġu eliminati d-disparitajiet, li jkompli jingħata appoġġ primarjament lill-proġetti mmirati għar-reġjuni li baqgħu lura, sabiex l-impatt mistenni f'dan il-perjodu ta’ programmazzjoni jinżamm u jkun konformi mal-istimi inizjali; josserva li t-titjib tal-aċċessibilità u tal-faċilitajiet infrastrutturali jikkontribwixxu biex ir-reġjuni li għadhom lura fis-suq intern isiru aktar kompetittivi, u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-kompetittività esterna tal-UE kollha kemm hi; huwa tal-fehma li l-irtirar ta’ dan l-appoġġ inaqqas l-impatt tar-riżultati pożittivi inizjali;

20.

Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja l-politika ta’ koeżjoni tradizzjonalment tiffokalizza fuq ir-reġjuni l-anqas prosperi, hija tikkonċerna r-reġjuni kollha tal-Ewropa, indipendentement mil-livell ta’ żvilupp tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitħeġġeġ l-objettiv tal-kompetittività reġjonali u l-impjiegi; itenni li politika ta’ koeżjoni soda u finanzjata sew, mgħammra b'baġit tal-anqas ekwivalenti għak dak attwali f'termini assoluti u relattivi, tikkostitwixxi prekundizzjoni biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija tal-UE 2020, bil-għan kemm li tiġi żgurata ekonomija intelliġenti, sostenibbli u integrattiva, li tagħmel lill-UE globalment kompetittiva, kif ukoll li jiġi garantit li r-reġjuni kollha jiżviluppaw b'mod armonjuż filwaqt li jiksbu l-objettiv ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali;

21.

Huwa tal-fehma li l-PDG jrid jibqa' l-kriterju prinċipali biex tkun iddeterminata l-eliġibilità tar-reġjuni għall-għajnuna mill-politika ta’ koeżjoni, waqt indikaturi oħra li jistgħu jitkejlu jistgħu jiżdiedu kemm il-darba jkun ippruvat li huma rilevanti, u għandu jitħalla spazju għall-awtoritajiet nazzjonali li japplikaw, fil-livell xieraq tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, indikaturi oħra li jqisu l-attributi speċifiċi ta’ reġjuni u bliet;

22.

Jisħaq fuq l-importanza li fl-allokazzjoni tal-fondi, jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi pereżempju ta’ reġjuni mal-kosta, tal-muntanja u ultraperiferiċi, reġjuni bi problemi ta’ depopolazzjoni, jew reġjuni u bliet remoti mal-fruntieri; jinkoraġġixxi lir-reġjuni jressqu inizjattivi għall-isfruttament tal-ispeċifiċità reġjonali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tadatta d-diversi strumenti finanzjarji biex toħloq valur miżjud f'terminu qasir u medju, hija u tqis ukoll l-effetti tal-kriżi ekonomika u finanzjarja;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni tistudja modi li bihom tekniki ġodda fl-inġinerija finanzjarja jistgħu jtejbu l-effikaċja u l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni bil-għan li jinkisbu l-aħjar riżultati possibbli fil-proġetti magħżula;

24.

Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-ugwaljanza bejn is-sessi fuq it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali tal-UE u, għaldaqstant, fuq il-kompetittività tagħha;

Il-politika ta’ koeżjoni bħala politika fundamentali għall-perjodu ta’ wara l-2013

25.

Jenfasizza r-rwol deċiżiv li l-iżvilupp reġjonali u l-koeżjoni territorjali jiżvolġu fl-Ewropa kollha, minħabba l-valur miżjud Ewropew tagħhom, fit-tisħiħ tal-kompetittività ekonomika tal-UE u fl-ilħuq tal-objettivi tal-UE 2020, u l-approċċ b'bażi lokali jkun wieħed mill-modi ewlenin ta’ kif jintlaħaq ekwilibrju ekonomiku;

26.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ approċċ integrat għall-applikazzjoni tal-fondi strutturali bħal mezz importanti li jgħin lir-reġjuni jiksbu tkabbir sostenibbli, impjiegi u prosperità;

27.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jinżammu l-arranġamenti tranżitorji biex jiġi kkonsolidat u mtejjeb il-livell attwali ta’ żvilupp, li jista' jinżel jekk il-finanzjament jitnaqqas b'mod sinifikanti ladarba jintlaħaq għan partikolari; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dan jiżgura trattament ugwali għal reġjuni f'sitwazzjonijiet analogi, li min-naħa tiegħu jwassal għall-organizzazzjoni effiċjenti tal-programmi;

28.

Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-aspettattivi tal-pubbliku Ewropew huma bbażati fuq il-bżonnijiet tan-nies, u speċjalment fuq ix-xewqa għall-aċċess għal infrastruttura adegwata u servizzi pubbliċi ta’ kwalità, li għandhom jiġu fornuti b'mod ekwu u bi prezzijiet li jifilħu għalihom iċ-ċittadini Ewropej kollha, indipendentement minn fejn jgħixu u jaħdmu; jinsisti li d-dritt għal opportunitajiet indaqs għandu jitħares u jisħaq fuq il-ħtieġa tal-aċċess ta’ persuni b'diżabilità għall-infrastruttura u l-proġetti kollha ffinanzjati mill-fondi strutturali;

29.

Jisħaq fuq il-fatt li biex l-għarfien u l-innovazzjoni jiġu kkonsolidati bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku futur u tal-kompetittività Ewropea, jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, isir progress skont ir-riżultati tar-riċerka, jiġu promossi l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien fl-Unjoni kollha, l-ICTs jiġu sfruttati kemm jista' jkun, jiġi żgurat li ideat innovattivi jiġu riflessi fi prodotti u servizzi ġodda li jiġġeneraw it-tkabbir u impjiegi ta’ kwalità u jikkontribwixxu biex jiġu sodisfatti l-isfidi tal-bidla soċjali fl-Ewropa u fid-dinja, titħeġġeġ l-imprenditorija, tingħata prijorità lill-ħtiġijiet tal-utenti u lill-opportunitajiet tas-suq, u jiġi ggarantit finanzjament ta’ natura aċċessibbli u adegwata abbażi ta’ rwol fundamentali għall-fondi strutturali;

30.

Jenfasizza l-fatt li l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali toffri opportunità biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tar-riċerka, tal-iżvilupp u tal-innovazzjoni u jiġi żgurat li l-pubbliku Ewropew ikun jista' jkollu standards ta’ ħajja aħjar u aktar fiduċja fl-UE; l-investiment selettiv u kombinat fir-riċerka, fl-iżvilupp u fl-innovazzjoni għandu jqis il-kapaċitajiet u l-potenzjali reġjonali u urbani u jgħin fl-iżvilupp ta’ oqsma ewlenin bħas-saħħa elettronika, il-prodotti farmaċewtiċi, it-trasport u l-loġistika, l-ambjent, il-kontenut diġitali, l-enerġija u s-sigurtà, permezz tal-iżvilupp istituzzjonali u programmi ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet;

31.

Huwa tal-fehma li parti mill-finanzjament allokat għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni skont il-politika ta’ koeżjoni għandha tintuża biex jinkiseb u jinżamm ir-rwol ta’ pijunier f'setturi fejn l-Ewropa diġà għandha vantaġġ kompetittiv u f'dawk fejn għandha opportunità ġdida li ssir pijunier;

32.

Huwa tal-fehma li, sabiex is-suq intern jiġi kkonsolidat, jinħtieġu miżuri speċifiċi biex tiġi stimolata l-kompetizzjoni f'livell Ewropew, iżda bla ma jinħoloq żbilanċ bejn l-Istati Membri; jemmen li b'dan il-mod jista' jintlaħaq livell komdu ta’ stabbilità u prosperità ekonomika f'livell Ewropew;

33.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jagħtu aktar attenzjoni lill-appoġġ ta’ proġetti kbar li jkopru żewġ programmi operattivi jew aktar b'impatt kbir f'livell Ewropew, li jiġġeneraw valur miżjud, joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja u jissalvagwardaw l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni;

34.

Huwa tal-fehma li l-politika ta’ koeżjoni għandha tkompli tippromwovi miżuri li jiġġeneraw l-akbar għadd ta’ impjiegi possibbli, biex b'hekk ikun possibbli li jintużaw r-riżorsi umani u li jiġi żgurat l-iżvilupp kontinwu tagħhom sabiex tkun garantita produttività għolja;

35.

Jibqa' jsostni li l-kisba ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali hija kundizzjoni meħtieġa iżda mhijiex biżżejjed biex tkun garantita l-kompetittività ekonomika f'livell dinji, li tirrikjedi investimenti sinifikanti f'oqsma ewlenin bħall-enerġija, l-ambjent, l-infrastruttura, l-edukazzjoni, ir-riċerka u żvilupp, l-industriji u s-servizzi kreattivi, il-loġistika u t-trasport;

*

* *

36.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 79.

(2)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 38.

(3)  ĠU C 15 E, 21.1.2010, p. 10.

(4)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 65.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2010)0223.

(6)  ĠU C290 E, 29.11.2006, p. 97.