6.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 117/27


It-Tlieta, 24 ta’ Marzu 2009
Djalogu attiv maċ-ċittadini dwar l-Ewropa

P6_TA(2009)0154

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2009 dwar djalogu attiv maċ-ċittadini dwar l-Ewropa (2008/2224(INI))

2010/C 117 E/05

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni bit-titlu “Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija” iffirmata fit-22 ta’ Ottubru 2008 (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 bit-titlu “Niddibattu l-Ewropa – Nibnu fuq l-Esperjenza tal-Pjan D għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu” (Pjan D) (COM(2008)0158),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta’ April 2008 bit-titlu “Komunikazzjoni tal-Ewropa permezz ta’ mezzi tax-xandir awdjoviżivi”, SEC(2008)0506),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta’ Diċembru 2007 bit-titlu “Nikkomunikaw dwar l-Ewropa permezz tal-Internet – Ninvolvu liċ-ċittadini” (SEC(2007)1742),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007 bit-titlu “Proposta għal ftehim Inter-Istituzzjonali dwar Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija” (COM(2007)0569),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1904/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li tistabbilixxi għall-perjodu 2007 sal-2013 il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” biex tkun promossa ċittadinanza Ewropea attiva (2),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2006 bit-titlu “White Paper dwar Politika Ewropea ta’ Komunikazzjoni”,(COM(2006)0035),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta’ Ottubru 2005 bit-titlu “Il-kontribut tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ riflessjoni u lil hinn minnu: il-Pjan D għad-Demokrazija, id-Djalogu u d-Dibattitu” (COM(2005)0494),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Novembru 2006 dwar il-White Paper dwar politika ta’ komunikazzjoni Ewropea (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi kif ukoll il-Kumitat għall-Petizzjoni (A6-0107/2009),

A.

billi Unjoni Ewropea demokratika u trasparenti tiddependi mill-progress tad-djalogu bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet Ewropej, inkluż il-Parlament, iżda wkoll mid-dibattitu kostanti dwar l-Ewropa fil-livell Ewropew, nazzjonali u lokali,

B.

billi wara li ġie miċħud l-abbozz tat-Trattat li jistabbilixxi kostituzzjoni għall-Ewropa, fi Franza u fl-Olanda, 53,4 % tal-poplu Irlandiż ivvota f’referendum kontra r-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona u billi nies li jifhmu b’mod inadegwat il-politiki tal-Unjoni Ewropea u t-Trattati x’aktarx li jopponuhom aktar,

C.

billi l-istħarriġ tal-Ewrobarometru 69 wera li 52 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jemmnu b’mod ċar li s-sħubija ta’ pajjiżhom mal-UE hija ħaġa tajba, filwaqt li huma biss 14 % li jemmnu bil-kontra,

D.

billi l-għarfien tal-Unjoni Ewropea, kemm tal-politiki tagħha u kif taħdem, kif ukoll tad-drittijiet garantiti mit-Trattati, huwa fundamentali sabiex iċ-ċittadini jerġgħu jiksbu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet Ewropej,

E.

billi Kummissarju separat għall-istrateġija tal-komunikazzjoni kien maħtur għall-ewwel darba fl-2004, għalkemm l-ebda politika ta’ komunikazzjoni bħala tali għadha ma ġiet adottata minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali xierqa fit-Trattati,

L-opinjoni pubblika

1.

Ifakkar li l-eżerċizzji ta’ stħarriġ juru li anqas ma ċittadin tal-Unjoni jkun edukat u anqas ma jkun għani, aktar ikun hemm il-possibilità li jopponi li sseħħ aktar integrazzjoni Ewropea, ħaġa li tindika li l-idea Ewropea, minkejja l-isforzi kollha preċedenti, prinċipalment tilħaq lill-parti tas-soċjetà Ewropea li hi edukata tajjeb u għanja; iqis djalogu attiv bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha bħala essenzjali biex iwettaq fil-prattika l-prinċipji u l-valuri tal-proġett tal-Unjoni Ewropea, iżda jagħraf li s’issa m’għamilx suċċess kbir;

2.

Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-isforzi u l-ideat tajba tal-Kummissjoni, is-suċċess miksub fiż-żieda tal-livell ta’ għarfien u interess taċ-ċittadini tal-Unjoni fi kwistjonijiet Ewropej kien limitat ħafna, xi ħaġa li sfortunatament dehret fir-referendum Irlandiż;

3.

Jenfasizza l-importanza partikolari tal-ħolqien ta’ kollegamenti koeżivi ta’ komunikazzjoni b’kontenut maħsub għal udjenzi partikolari kemm bejn l-UE u r-reġjuni b’karatteristiċi partikolari kif ukoll bejn l-UE u gruppi soċjali partikolari;

4.

Jinnota li, skont stħarriġ riċenti tal-opinjoni pubblika, il-maġġoranza l-kbira tal-Ewropej huma favur li l-Unjoni Ewropea titkellem b’leħen wieħed dwar kwistjonijiet ta’ politika barranija; jenfasizza l-fatt li ġiet inkluża stqarrija dwar dan b’talba taċ-ċittadini tal-Unjoni fl-ittra miftuħa/rakkomandazzjonijiet mill-parteċipanti fil-konferenza ta’ konklużjoni tas-sitt proġetti taċ-ċittadini tal-“Pjan D” fid-9 ta’ Diċembru 2007; jenfasizza li 27 rakkomandazzjoni stipulati f’din l-ittra miftuħa jinkludu wkoll sejħa għall-Unjoni biex tieħu azzjoni aktar effettiva fil-qasam tal-politika soċjali u l-koeżjoni soċjali, b’mod partikulari bil-għan li jitnaqqsu d-disparitajiet bejn il-pagi u titrawwem l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, u, b’mod aktar ġenerali, biex tingħata attenzjoni speċifika għall-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza, li ta’ spiss huma minsija; jissuġġerixxi li huwa importanti għalhekk li tingħata ħarsa lejn x’qegħdin jikkomunikaw l-azzjonijiet u jitqabbel kif dan qiegħed ivarja mill-messaġġ li l-UE trid twassal liċ-ċittadini tagħha;

5.

Jinnota li l-maġġoranza tan-nisa ivvutaw “le” fl-aħħar referenda dwar l-Unjoni Ewropea: 56 % fi Franza (Flash Eurobarometer 171), 63 % fl-Olanda (id. 172) u 56 % fl-Irlanda (id. 245); jemmen li wieħed mill-fatturi wara l-votazzjoni negattiva ġejja, fost l-oħrajn, minn involviment dgħajjef tal-istituzzjonijiet Ewropej fil-politiki li jikkonċernaw b’mod dirett in-nisa u li huma l-bażi ta’ inugwaljanzi persistenti bejn is-sessi, bħalma huma l-politiki fir-rigward tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja u fir-rigward tal-għajnuna għall-persuni dipendenti;

Aspetti kostituzzjonali u interistituzzjonali

6.

Jisħaq fuq il-bżonn li jitlesta l-proċess tar-ratifika tat-Trattat ta’ Liżbona, ħaġa li se tkompli żżid it-trasparenza tal-UE u l-involviment taċ-ċittadini fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; ifakkar f’dan il-kuntest fl-opportunitajiet ġodda għal demokrazija parteċipattiva li t-Trattat ta’ Liżbona se jipprovdi, speċjalment l-inizjattiva taċ-ċittadini;

7.

Jenfasizza l-bżonn għal sforzi koordinati u azzjoni konġunta mill-istituzzjonijiet tal-UE kollha u mill-Istati Membri biex jikkomunikaw maċ-ċittadini tal-UE dwar kwistjonijiet Ewropej; jilqa’ b’sodisfazzjon u jieħu nota tad-Dikjarazzjoni Konġunta msemmija hawn fuq tat-22 ta’ Ottubru 2008, li tistipula objettivi ċari għat-titjib tal-komunikazzjoni tal-UE min-naħa tal-Parlament, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri; huwa tal-opinjoni li jista’ jkun aktar ambizzjuż, ladarba l-Parlament kien talab għal ftehima Interistituzzjonali dwar il-politika tal-komunikazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha;

8.

Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jibdew diskussjonijiet ulterjuri dwar l-Ewropa, u immedjatament iwettqu fil-prattika l-kunċetti stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Konġunta msemmija hawn fuq, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Frar 2006 u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2007;

9.

Huwa tal-istess opinjoni bħall-Kummissjoni li demokrazija parteċipattiva tista’ tissupplimenta b’mod utli d-demokrazija rappreżentattiva; jenfasizza madankollu li demokrazija parteċipattiva mhux biss tfisser li wieħed jisma’ liċ-ċittadin, iżda jfisser ukoll li ċ-ċittadini jingħataw opportunitajiet reali biex jinfluwenzaw il-politika Ewropea; Jiġbed l-attenzjoni li sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet imsemmija hawn fuq, l-istituzzjonijiet għandhom ikun ħafna aktar miftuħa u jadottaw l-approċċi meħtieġa sabiex jippermettu liċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tagħhom jipparteċipaw b’mod effettiv f’kull stadju meta jkun hemm dibattitu dwar kwistjonijiet tal-UE; jinnota wkoll li l-aċċess pubbliku għal dokumenti prodotti mill-istituzzjoijiet jeħtieġ li jingħata fuq bażi kemm jista’ jkun wiesgħa, minħabba li dan huwa rekwiżit essenzjali biex issir influwenza;

10.

Jisħaq dwar l-importanza u l-valur tal-proċess ta’ konsultazzjoni bħala għodda effettiva sabiex iċ-ċittadini jingħataw aktar setgħat billi jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom b’mod dirett lill-proċess politiku fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu passi ulterjuri biex ixxerred tagħrif fil-ħin dwar il-konsultazzjonijiet futuri tal-UE permezz tal-midja u forums xierqa oħra fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, biex titwessa’ l-medda tal-opinjonijiet tal-partijiet interessati li jkunu ħarġu matul il-konsultazzjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni tal-KE u biex tirreklama b’mod aktar wiesa’ l-konsultazzjonijiet tal-Internet dwar il-politiki u l-inizjattivi tal-UE sabiex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha, speċjalment l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-organizzazzjonijiet lokali mhux governattivi (NGOs) ikunu involuti fid-dibattitu; jenfasizza l-importanza tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, bħalma huma n-netwerks tal-professjonisti u tal-konsumaturi fil-livelli kollha, kemm transnazzjonali u kemm dawk lokali, li jipprovdu pjattaformi għal skambju ta’ opinjonijiet infurmat dwar il-politiki tal-UE u b’hekk jikkontribwixxu għal kwalità ta’ leġiżlazzjoni tal-KE aħjar; jagħraf il-problemi fl-implimentazzjoni u fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni u jħeġġeġ lill-konsumaturi u lin-negozjanti biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u biex jirrappurtaw il-problemi attwali lill-istituzzjonijiet tal-UE;

11.

Jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-isforzi ta’ komunikazzjoni tagħhom u jibnu sħubija mas-soċjetà ċivili sabiex ikunu sfruttati s-sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-bżonn għall-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u x-xewqa li jinħolqu rabtiet bejn l-istazzjonijiet tat-televixin tal-Kummissjoni u tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni sabiex ittejjeb il-koperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn ir-rappreżentazzjonijiet tagħha fl-Istati Membri u l-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament; jitlob lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanzi tal-Parlament fl-Istati Membri biex itejbu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-konsultazzjoni maċ-ċittadini, it-tixrid tal-informazzjoni, l-għarfien u l-ideat dwar l-UE u l-għoti ta’ opportunitajiet lill-votanti biex jiltaqgħu ma’ MEPs eletti f’pajjiżi differenti u ma’ uffiċjali tal-UE;

12.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni tappoġġja l-irwol tal-Parlament u tal-partiti politiċi Ewropej, u jirrikonoxxi l-bżonn li jitnaqqas id-distakk bejn il-politiki nazzjonali u Ewropej, speċjalment matul il-kampanji elettorali Ewropej;

13.

Jistieden lit-tliet istituzzjonijiet ewlenin biex jikkunsidraw il-possibilità li jsiru diskussjonijiet konġunti miftuħa li jiżdiedu mad-dibattiti miftuħa tal-Parlament, li fihom jindirizzaw suġġetti li jolqtu lill-konsumaturi u l-ħajja tagħhom ta’ kuljum u dan sabiex tissaħħilhom il-fiduċja fis-suq intern u fil-protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza li l-intergruppi tal-Parlament iwettqu bis-sħiħ l-irwol tagħhom bħala intermedjarji maċ-ċittadini, strumenti reali ta’ kollegament bejn l-isfera politika u s-soċjetà ċivili;

14.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Kummissjoni kkunsidrat ħafna mill-ideat li l-Parlament diġà ressaq, bħall-forums taċ-ċittadini, kemm fuq livell Ewropew u kemm fuq livell nazzjonali, irwol iktar prominenti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-użu innovattiv ta’ mezzi ġodda tal-midja;

Ħidma lokali

15.

Jistieden lill-Kummissjoni biex testendi d-djalogu tagħha fil-livelli kollha billi tadatta l-messaġġ tagħha għall-gruppi mmirati differenti skont il-kuntest soċjali li ġejjin minnu; għalhekk jipproponi li d-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini tagħha għandu jissaħħaħ billi tkun ipprovduta l-istess informazzjoni, imfassla għal gruppi mmirati individwali, għal kulħadd u li tiffaċilita d-dibattitu fost u maċ-ċittadini infurmati; iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jinkorporaw il-konklużjonijiet tad-dibattiti lokali organizzati taħt l-awspiċju tal-Pjan D fil-politiki tagħhom, u jqisu dak li jistennew iċ-ċittadini mill-UE meta jkunu qed jiddeċiedu dwar leġiżlazzjoni ġdida;

16.

Jistieden lill-Istati Membri biex iniedu kampanji effettivi ta’ komunikazzjoni tal-UE fil-livelli kollha; nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred l-aħjar prattiki identifikati minn kampanji ta’ dan it-tip u jipproponi l-ħolqien ta’ sistema ta’ komunikazzjoni permanenti u interattiva bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini, b’kampanji frekwenti ta’ natura lokali u reġjonali mill-UE, bl-assistenza tal-midja reġjonali u l-parteċipazzjoni attiva tas-soċjetà ċivili, tal-NGOs, tal-kmamar tal-kummerċ, tat-trejdunjins u tal-organizzazzjonijiet tal-professjonisti;

17.

Jisħaq li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE hija l-bażi tal-integrazzjoni Ewropea u tas-solidarjetà soċjali; iqis, għaldaqstant, li ċ-ċittadini għandhom ikun konxji fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum bl-isforzi u s-suċċessi tal-politiki tal-Komunità, li jenfasizzaw il-kontribuzzjoni tal-UE u l-vantaġġi dovuti għall-proġett Ewropew komuni; jixtieq f’dan il-kuntest li l-awtoritajiet lokali jaqdu aħjar l-obbligi tagħhom tal-informazzjoni dwar l-għajnuna li jkunu rċevew mill-Unjoni Ewropea; jenfasizza wkoll li l-volontarjat ta’ dawk li ġew eletti fuq livell lokali u reġjonali huwa meħtieġ għall-iżvilupp tal-informazzjoni u għall-edukazzjoni; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-ħolqien ta’ parti mill-programm Erasmus għall-politiċi fuq livell lokali u reġjonali;

18.

Jenfasizza li l-involviment tal-imsieħba fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 2007-2013, jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tkun promossa l-politika ta’ koeżjoni tal-UE u twassalha biex tkun aktar qrib taċ-ċittadini; jenfasizza li dawn l-imsieħba għandhom opportunità unika biex jaraw personalment il-kwistjonijiet reali li l-aktar jikkonċernaw liċ-ċittadini; jistieden għalhekk, lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-prinċipju tas-sħubija jkun implimentat b’mod ġust fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jenfasizza l-importanza għall-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jagħmlu użu mill-possibilitajiet finanzjarji eżistenti pprovduti mill-FSE, sabiex jitjiebu l-ħiliet ta’ dawn l-imsieħba, speċjalment fir-rigward tat-taħriġ; jinnota l-irwol sinifikanti li kellhom il-fondi strutturali biex ikattru l-koperazzjoni transkonfinali permezz ta’ proġetti u programmi tal-komunità, li ħeġġeġ l-iżvilupp ta’ ċittadinanza attiva u demokrazija parteċipattiva; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja u taħdem fi sħubija ma’ proġetti u programmi ta’ dan it-tip;

19.

Jenfasizza l-bżonn, fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej li ħa jsiru dalwaqt, għall-informazzjoni f’livell lokali u reġjonali għal ċittadini, speċjalment għaż-żgħażagħ u dawk li ħa jivvutaw għall-ewwel darba; f’kuntest iktar ġenerali, jenfasizza l-importanza tal-involviment tal-MEPs, flimkien mal-uffiċjali eletti fuq livell lokali u reġjonali, fil-proċess ta’ konsultazzjoni maċ-ċittadini fir-reġjuni tagħhom, minħabba li huma l-vuċi tal-pubbliku fl-UE; jappoġġja l-isforzi tal-Kumitat tar-Reġjuni biex isaħħaħ il-konsultazzjoni f’livell reġjonali u biex jinkludi netwerks reġjonali u parteċipanti lokali u reġjonali prinċipali f’dan il-proċess sabiex jinkoraġġixxi dibattitu iktar qrib iċ-ċittadini, b’tali mod illi wieħed ikun jaf l-opinjonijiet u l-interessi tagħhom;

20.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li Membri tal-Parlament jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib fil-proċess ta’ komunikazzjoni maċ-ċittadini tal-Unjoni u li jsiru aktar bidliet għall-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Parlament sabiex il-Membri jkunu jistgħu jimpenjaw ruħhom fi djalogu maċ-ċittadini fl-aktar livell lokali possibbli; jixtieq li, filwaqt li jkunu qed iseħħu l-kampanji tal-partiti politiċi, il-Membri parlamentari Ewropej ikunu involuti mill-qrib u fuq il-post fil-kampanja tal-elezzjonijiet Ewropej;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi kampanji ta’ komunikazzjoni lokali u fuq skala żgħira bl-involviment ta’ parteċipanti lokali, u biex tippromwovi attivitajiet li jippermettu liċ-ċittadini li jkunu infurmati aħjar dwar il-pajjiżi ta’ oriġini tal-immigranti kif ukoll biex dawn ikunu infurmati aħjar bid-drittijiet u d-doveri marbuta maċ-ċittadinanza tal-Unjoni, bħala l-iktar mod effettiv u sinifikattiv ta’ kif jistgħu jinkisbu dawn l-għanijiet ta’ komunikazzjoni, u anki biex jitkomplew l-isforzi li saru fil-kuntest tas-Sena Ewropea għad-Djalogu Interkulturali 2008;

L-Edukazzjoni, il-Midja u l-ICT, iċ-Ċittadinanza attiva

22.

Jenfasizza l-importanza li l-politika u l-istorja Ewropeja jiddaħħlu fil-kurrikulum tal-iskejjel ta’ kull Stat Membru sabiex jissaħħu l-valuri Ewropej, u jiġu żviluppati dipartimenti ta’ Studji Ewropej fil-programmi universitarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-promozzjoni ta’ dawn il-proġetti; jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu kors tal-iskola dwar l-istorja tal-integrazzjoni Ewropea u l-funzjonament tal-UE, biex jifforma l-bażi ta’ għarfien Ewropew komuni;

23.

Jenfasizza l-irwol partikolari tal-edukazzjoni ċivika bħala l-forza essenzjali li timbotta ċ-ċittadinanza attiva; jinnota l-bżonn għal appoġġ ta’ mudell attiv għall-edukazzjoni ċivika li tipprovdi liż-żgħażagħ opportunitajiet fejn ikunu involvuti b’mod dirett mal-ħajja pubblika, mar-rappreżentanti politiċi fil-livell nazzjonali, fil-livell lokali kif ukoll fil-livell Ewropew, mar-rappreżentanti ta’ NGOs u ma’ inizjattivi ċiviċi; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tappoġġja proġetti pilota li jippromwovu mudell ta’ edukazzjoni ċivika bħal dan fl-Istati Membri;

24.

Jirrakkomanda li l-programmi bħal Erasmus, Leonardo da Vinci, Grundtvig u Comenius ikunu promossi b’mod aktar effettiv, permezz ta’ komunikazzjoni aktar wiesgħa, u organizzata sabiex jitħeġġu l-aktar nies possibbli biex jipparteċipaw, tiżdied il-parteċipazzjoni minn ċittadini inqas affluwenti u biex tkun iffaċilitata l-mobilità tagħhom fl-UE; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li dawn il-programmi b’mod partikolari huma popolari ħafna maż-żgħażagħ u jagħtu kontribut importanti għas-suċċess tal-integrazzjoni Ewropea;

25.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tal-21 ta’ Diċembru 2007 li tagħti objettivi ċari dwar kif il-websajt “Europa” tista’ tinbidel f’sit web 2.0 orjentat għas-servizzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli l-bini tas-sit il-ġdid sa mill-2009 u jemmen li l-websajt il-ġdida għandha tipprovdi forum biex iċ-ċittadini jaqsmu mal-oħrajn il-fehmiet tagħhom u jipparteċipaw fi stħarriġiet li jsiru onlajn fejn l-NGOs, l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-individwi kollha jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom tal-proġetti ta’ komunikazzjoni tal-UE tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiġbor u tippubblika fuq din il-paġna tal-web l-esperjenzi ta’ dawk li jkunu bbenefikaw mill-attivitajiet finanzjati skont il-Pjan D;

26.

Jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea tal-“EU Tube”, peress li bi kważi 1,7 miljun spettatur, huwa għodda unika li biha jkunu kkomunikati l-politiki tal-UE fost l-utenti tal-Internet; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tħejji linji gwida dwar kampanji effiċjenti tal-Internet u biex dawn taqsamhom ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu aħjar tal-materjal awdjoviżiv li hemm disponibbli dwar l-Ewropa bis-Satellita billi jkunu stabbiliti rabtiet ma’ stazzjonijiet tat-televiżjoni lokali u ma’ midja komunitarja li jkunu interessati li jakkwistaw materjal bħal dan għax-xandir, sabiex tintlaħaq udjenza aktar wiesgħa;

28.

Jidhirlu li n-netwerk “Europe Direct” huwa għodda importanti biex ikunu mwieġba l-mistoqsijiet taċ-ċittadini fuq punti partikulari bil-posta jew b’telefonati bla ħlas minn kulfejn ikunu fl-UE, għodda li għandha tkompli tkun irreklamata aktar;

29.

Iqis li l-oqsma tal-politika dwar il-ħarsien tal-konsumatur u s-suq intern huma ta’ importanza kbira biex issir komunikazzjoni dwar l-Ewropa mal-konsumaturi u man-negozji; jitlob lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-komunikazzjoni tal-benefiċċji tas-Suq Uniku fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu u jsaħħu l-komunikazzjoni u l-informazzjoni interattiva għal djalogu effikaċi bejn il-konsumaturi, in-negozji u l-istituzzjonijiet permezz ta’ mezzi elettroniċi varji bi strumenti moderni u biex jikkontribwixxu għal żvilupp fil-kummerċ elettroniku (e-commerce);

30.

Jitlob lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-isforzi tagħha ta’ koordinazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-informazzjoni tal-konsumatur dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-konsumatur permezz ta’ żieda fir-riżorsi finanzjarji u umani; jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu r-riżorsi finanzjarji u umani allokati lin-Netwerk Ewropew taċ-Ċentri tal-Konsumatur sabiex titqajjem kuxjenza u tkun żgurata l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur tal-UE u jħeġġeġ lill-Istati Membri, minħabba l-kriżi finanzjarja internazzjonali attwali u l-livelli dejjem jogħlew tad-dejn tal-konsumaturi, biex isiru sforzi li jtejbu l-livell ta’ litteriżmu finanzjarju tal-konsumaturi b’mod partikulari rigward d-drittijiet u l-obbligi tagħhom kif ukoll il-mezzi ta’ rikors li jirrigwardaw it-tifdil u l-kreditu;

31.

Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu r-riżorsi umani u finanzjarji allokati għan-netwerk SOLVIT li jagħmluha possibbli li jissolvew problemi li jinħolqu minn applikazzjoni ħażina jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità mingħajr ħlas; jitlob lill-Kummissjoni biex tħaffef is-simplifikazzjoni tas-servizzi varji għall-għoti ta’ informazzjoni u ta’ pariri dwar is-Suq Uniku; għalhekk, jappoġġja l-kunċett li jinsab fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Novembru 2007 bl-isem “Suq Uniku għall-Ewropa tas-Seklu 21” (COM(2007)0724) ta’ strateġija integrata fil-għoti ta’ Servizzi ta’ Assistenza għas-Suq Uniku permezz tat-twaqqif ta’ paġna fl-internet (single-entry); jinnota l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u dwar ir-regolamentazzjoni aħjar; b’mod partikolari, jitlob li jkun hemm titjib fl-appoġġ għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju li jirrapreżentaw sors importanti ta’ impjiegi fl-Ewropa;

32.

Jinnota li Sena Ewropea tal-Volontarjat tkun opportunità ideali għall-istituzzjonijiet tal-UE biex tibni relazzjoni maċ-ċittadini; jinnota li hemm aktar minn 100 miljun voluntiera fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji l-bażi sabiex l-2011 tiġi ddikjarata bħala s-Sena Ewropea billi tressaq proposta leġiżlattiva xierqa għal dan il-għan kemm jista’ jkun malajr;

33.

Jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-opinjonijiet taċ-ċittadini dwar l-Ewropa bħala figura globali, li tqis b’mod partikulari l-irwol prominenti tal-Parlament Ewropew f’dak il-qasam; għaldaqstant jinkoraġġixxi l-involviment tal-Membri tal-Parlament Ewropew u l-membri tal-Kunsill fiż-żjariet ta’ “Pjan D” minn Membri tal-Kummissjoni, minħabba li dawn għandhom irwol importanti biex jintlaħqu l-parlamenti nazzjonali, is-soċjetà ċivili, il-mexxejja tan-negozju u tal-junjins u l-awtoritajiet reġjonali u lokali tal-Istati Membri;

34.

Jinsab sodisfatt li d-dinja b’mod ġenerali qed turi interess li dejjem jiżdied fil-proġett Ewropew, u li l-UE u ċ-ċittadini tagħha qed isiru wkoll iktar konxji tal-vantaġġi tal-qsim tal-esperjenza supranazzjonali tagħhom ma’ pajjiżi u reġjuni oħra, speċjalment mal-ġirien tal-UE; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa, permezz tad-Delegazzjonijiet tagħha f’pajjiżi terzi, modi ta’ kif tista’ tavviċina liċ-ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi u tinfurmahom dwar il-possibiltajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, pereżempju permezz tal-midja u ta’ forom oħra ta’ kultura, edukazzjoni, tagħlim tal-lingwa u mobilità jew programmi ta’ skambju bħalma hu Erasmus Mundus;

35.

Jinnota li, partikolarment fil-kuntest taż-żieda fl-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-UE u l-fatt li qed jinħolqu soċjetajiet multikulturali, li sar ukoll kontribut minnhom, għandhom isiru sforzi ikbar biex ikun hemm provvediment għall-integrazzjoni tal-immigranti fl-UE, jingħatalhom aċċess aħjar għall-informazzjoni dwar x’tinvolvi ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, pereżempju, billi jissaħħu r-rabtiet ta’ sħubija bejn livelli differenti ta’ gvern (lokali, reġjonali u nazzjonali) u parteċipanti mhux governattivi (eż. min iħaddem, is-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet tal-migranti, il-midja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jagħtu appoġġ lill-migranti); iqis li suċċess fl-integrazzjoni sservi ta’ appoġġ għal aktar żvilupp ta’ kuxjenza Ewropea multikulturali msejsa fuq it-tolleranza, id-djalogu u l-ugwaljanza;

36.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi programmi u kampanji (bħalma huma “Id-dinja mill-perspettiva tan-nisa”) li jinkoraġġixxu lin-nisa isiru aktar attivi soċjalment, politikamentu kulturalment, filwaqt li jiġi kkunsidrat l-irwol tan-nisa fid-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, is-sostenibilità u l-prosperità tas-soċjetà; jistieden għalhekk lit-tfajliet u n-nisa biex jingħataw tagħrif aħjar dwar il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea u d-drittijiet marbuta magħha, partikolarment f’reġjuni iżolati soċjalment u ġeografikament; jenfasizza li l-għan ta’ dawn il-kampanji ta’ informazzjoni għandhom ikunu biex titjieb il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja politika u fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jiġu promossi l-miżuri bil-għan li jiġu eliminati d-distakki diġitali tal-ġeneru sabiex jingħataw lin-nisa, bl-istess kondizzjonijiet, l-għodod tal-parteċipazzjoni għad-djalogu dwar l-Ewropa; jifraħ lill-Kummissjoni dwar l-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu kofinanzjati mill-Pjan D, mir-rappreżentazzjonijiet tagħha, li jinkludu ħafna proġetti mmexxija minn organizzazzjonijiet tan-nisa u bosta proġetti li jinvolvu lin-nisa; jinsisti fuq il-bżonn li tiġi promossa l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fl-oqsma tal-vjolenza relatata mal-ġeneru jew it-traffikar tal-bniedem, fejn l-involviment tas-soċjetà hija vitali jekk għandu jsir progress biex tissolva l-problema; jirrikonoxxi l-kompetenzi tan-nisa fir-rigward tas-soluzzjoni tal-problemi u tal-kunflitti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-task forces u fil-gruppi ta’ ħidma involuti fi kwistjonijiet marbuta mal-ħajja familjali, il-kura tat-tfal, l-edukazzjoni, eċċ.;

*

* *

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 13, 20.1.2009, p. 3.

(2)  ĠU L 378, 27.12.2006, p. 32.

(3)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 369.

(4)  ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 403.