52009DC0487

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Rapport dwar il-progress fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja /* KUMM/2009/0487 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 21.9.2009

KUMM(2009) 487 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-progress fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Rapport dwar il-progress fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1. INTRODUZZJONI

L-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja hija l-qofol tal-isforzi sabiex tissawwar Żona Ewropea tal-Edukazzjoni Għolja (ŻEEGħ) koerenti, kompatibbli u attraenti, skont l-għanijiet tal-Proċess pan-Ewropew ta’ Bologna. Matul id-deċennju li għadda, kien hemm interess dejjem jikber, fl-Ewropa u madwar id-dinja kollha, fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja. Il-globalizzazzjoni, l-integrazzjoni ekonomika u ż-żieda fil-mobilità akkademika u professjonali ġabu magħhom il-ħtieġa li kull ma jmur qed tikber li l-kwalifiki jiġu rikonoxxuti ’l hinn mill-pajjiż li fih ikunu ngħataw. It-twassil ta’ edukazzjoni għolja “li ma tagħrafx fruntieri” wasslet biex l-assigurazzjoni tal-kwalità bejn pajjiż u ieħor issir dejjem iktar importanti. Mindu bdew ifeġġu l-“fabbriki tal-lawrji” (universitajiet foloz li jbigħu “lawrji” foloz fuq l-internet) sar essenzjali li wieħed jagħraf bejn edukazzjoni leġittima mogħtija f'pajjiż barrani u kwalifiki li mhumiex ġenwini. L-assigurazzjoni tal-kwalità tgħin sabiex l-edukazzjoni għolja ssir trasparenti u affidabbli għaċ-ċittadini Ewropej u dawk li jħaddmu n-nies magħhom, kif ukoll għall-istudenti u l-akkademiċi minn kontinenti oħra.

Fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Liżbona, il-Kummissjoni Ewropea sejħet għal kurrikuli mmodernizzati u finanzjament u amministrazzjoni aktar effettivi tal-edukazzjoni għolja. Hi rrikonoxxiet l-importanza tar-riformi ta' Bologna, inkluża l-assigurazzjoni tal-kwalità[1]. Kien hemm żewġ Rakkomandazzjonijiet mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill sabiex titħeġġeġ kultura ta' assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja. L-ewwel waħda, fl-1998[2], sejħet għal appoġġ u fejn meħtieġ, il-ħolqien ta’ sistemi trasparenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. It-tieni waħda, fi Frar 2006, ittrattat l-estenzjoni tal-kooperazzjoni Ewropea fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja[3].

L-għan tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 kien li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (IEGħ) jitħeġġu jintroduċu jew jiżviluppaw sistemi interni tal-assigurazzjoni tal-kwalità u li l-aġenziji tal-akkreditazzjoni jew tal-assigurazzjoni tal-kwalità japplikaw l-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej dwar l-Assigurazzjoni tal-Kwalità[4], f’dan il-qasam. Ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-qasam tal-edukazzjoni għolja, tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-aġenziji tal-akkreditazzjoni, flimkien mal-imsieħba soċjali, ġew mistiedna wkoll li jistabbilixxu 'Reġistru Ewropew tal-Aġenziji tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità' li jkun jippermetti lill-IEGħ jagħżlu, minn fost l-aġenziji fir-reġistru, aġenzija li tissodisfa l-ħtiġijiet u l-profil tagħhom. Ir-Rakkomandazzjoni sejħet ukoll lill-Istati Membri biex jippermettu li l-IEGħ jfittxu akkreditazzjoni minn aġenziji reġistrati barra minn pajjiżhom; għal kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità sabiex isawru l-fiduċja reċiproka bejniethom; u għal aċċess pubbliku tal-valutazzjonijiet magħmula mill-aġenziji.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-2006 stiednet lill-Kummissjoni biex:

(1) Tkompli, b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tagħti l-appoġġ tagħha għal kooperazzjoni bejn l-IEGħ, l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tal-akkreditazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti u entitajiet oħra f'dan il-qasam;

(2) Tippreżenta rapporti kull tliet snin dwar il-progress fl-iżvilupp tas-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-Istati Membri varji u dwar l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fil-livell Ewropew.

Dan huwa l-ewwel rapport ta' kull tliet snin dwar il-progress li nkiseb. Janalizza l-qagħda fil-livell nazzjonali, Ewropew u internazzjonali u jissuġġerixxi oqsma fejn jista' jsir iktar żvilupp.

2. ŻVILUPPI EWLENIN FIL-LIVELL NAZZJONALI

Din it-taqsima tar-rapport tiddefinixxi s-sehem tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterna, il-qagħda attwali u l-esperjenza bl-istandards tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

2.1. Sehem l-assigurazzjoni tal-kwalità esterna

Ir-Rakkomandazzjoni tal-2006 tagħraf li r-responsabbiltà ewlenija għall-kwalità fl-edukazzjoni għolja sserraħ fuq spallet l-IEGħ nfushom. Is-sistemi tal-assigurazzjoni tal-kwalità interna tal-IEGħ għandhom il-għan li jissorveljaw u jtejbu l-kwalità u jsawru “kultura ta' kwalità” reali. Madankollu, dawn spiss jonqsu fl-indipendenza u l-aċċessibbiltà pubblika meħtieġa sabiex il-partijiet interessati jiġu informati b’mod trasparenti u verifikabbli. It-twassil ta’ informazzjoni ta’ dan it-tip huwa r-rwol tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterna, li hija l-ispinta ewlenija tar-Rakkomandazzjoni u li titwettaq permezz ta' aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità indipendenti.

L-assigurazzjoni tal-kwalità esterna tista' tikkonsisti fi:

- Valutazzjoni (“verifika”) tal-kwalità ta’ kwalunkwe istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja, il-programmi jew l-unitajiet tagħha;

- It-tqabbil tal-kwalità f’IEGħ differenti fi kwalunkwe qasam/dixxiplina (“benchmarking”);

- Garanzija li ċerti “standards” predefiniti ta’ kwalità jintlaħqu (“akkreditazzjoni”);

- Għotja ta’ siġilli varji ta’ kwalità li normalment jitfasslu bħala xhieda ta' kwalità għolja jew “eċċellenza”.

2.2. Id-diversità fl-assigurazzjoni tal-kwalità madwar l-Ewropa

Bosta IEGħ fl-Ewropa qed isawru "kultura ta' kwalità" u s-sistemi interni tal-assigurazzoni tal-kwalità tagħhom, prinċipalment permezz tal-kooperazzjoni interistituzzjonali, l-assistenza reċiproka u l-benchmarking[5]. Dan l-iżvilupp pożittiv għandu jkompli jitħeġġeġ.

Il-feġġ ta' aġenziji u netwerks ġodda tal-assigurazzjoni tal-kwalità huwa l-aktar żvilupp sinifikanti fil-pajsaġġ Ewropew. Din ix-xejra bdiet wara r-Rakkomandazzjoni tal-1998, iżda f’dawn l-aħħar snin infirxet u ħaffet il-pass. Illum hemm aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità fi kważi kull pajjiż taż-ŻEEGħ, għalkemm dawn huma pjuttost eterogenji fid-daqs, l-ambitu, l-istatut, il-fokus u l-kapaċità internazzjonali tagħhom. Bosta minnhom huma żgħar u maħluqa reċentement b’esperjenza u esponiment Ewropew/internazzjonali limitati. Ħlief għal xi eċċezzjonijiet, il-mandat tagħhom huwa mrażżan għal pajjiżhom biss (u xi drabi għar-reġjun tagħhom): għadd żgħir biss fosthom huma attivi 'l hinn mit-territorju tagħhom. Il-biċċa l-kbira tal-aġenziji jiffokaw fuq l-evalwazzjoni tal-programmi, imma għadd li kull ma jmur qed jikber qed ikun involut fil-verifiki jew l-akkreditazzjonijiet istituzzjonali[6].

Ir-Rapport ta' Rendikont tal-Proċess ta’ Bologna 2009[7], jikkonferma li l-IEGħ fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi qed jaħdmu attivament sabiex jistabbilixxu sistemi interni koerenti ta' assigurazzjoni tal-kwalità u jikkonformawhom ma' proċeduri tal-valutazzjoni esterni. L-ikbar sfida għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi hija li jfasslu proċeduri ta' valutazzjoni li jkejlu l-eżiti tat-tagħlim. Ir-Rapport ta’ Rendikont juża tliet indikaturi biex ikejjel il-progress fl-assigurazzjoni tal-kwalità:

- L-istadju ta’ żvilupp tal-assigurazzjoni tal-kwalità esterna: il-pajjiżi li jmorru l-aħjar huma dawk li jkollhom sistema esterna li tapplika għall-istituzzjonijiet kollha li tiffunzjona b'mod konformi mal-Istandards u l-Linji Gwida Ewropej għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità.

- Il-livell ta' parteċipazzjoni mill-istudenti: il-pajjiżi li jmorru l-aħjar huma dawk li l-istudenti tagħhom jipparteċipaw fit-tmexxija tal-entitajiet nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità, fl-analiżi u/jew programmi esterni tal-IEGħ, fil-proċessi interni tal-assigurazzjoni tal-kwalità u fit-tħejjija tar-rapporti tal-awtovalutazzjonijiet.

- Il-livell ta' parteċipazzjoni internazzjonali: il-pajjiżi li jmorru l-aħjar huma dawk involuti f’parteċipazzjoni internazzjonali fl-analiżi esterna tal-istituzzjonijiet u/jew il-programmi, fit-tmexxija tal-entitajiet nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità u fil-valutazzjonijiet esterni tal-aġenziji nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

Eżempji ta’ Stati Membri li jġibu marki tajba permezz ta’ dawn it-tliet indikaturi huma l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Iżvezja, in-Norveġja, l-Olanda, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, Spanja u l-Ungerija.

L-Istħarriġ tal-ENQA tal-2008[8] jindika li filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji għandhom 'mandat' nazzjonali, dan mhuwiex dejjem il-każ. F’xi pajjiżi, partijiet differenti tas-settur tal-edukazzjoni għolja għandhom aġenziji differenti, eż. fil-Ġermanja ġie stabbilit suq ta’ veru permezz ta' għadd ta' aġenziji li 'jikkompetu' taħt it-treġija ta' kunsill tal-akkreditazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità jinsabu għaddejjin minn perjodu ta’ bidla, bi spinta li ġejja mill-Proċess ta’ Bologna u l-isfond internazzjonali. Żvilupp ewlieni ieħor huwa l-involviment li kull ma jmur qed jiżdied tal-partijiet interessati fil-kwistjonijiet marbuta mal-assigurazzjoni tal-kwalità.

2.3. L-esperjenza bil-linji gwida u l-istandards tal-kwalità tal-assigurazzjoni

Il-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità ġew addottati fl-2005. Dawn jikkonsistu fi tliet partijiet: prinċipji għas-sistemi interni tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-IEGħ infushom; standards għall-valutazzjoni esterna tal-IEGħ u l-programmi tagħhom mill-aġenziji; standards li japplikaw għall-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità nfushom. Dawn huma maħsuba bħala referenza komuni “ġenerika” b’ċertu marġini għall-interpretazzjoni fil-kuntest ta’ pajjiżi, dixxiplini u istituzzjonijiet differenti.

Il-pajjiżi u l-kostitwenzi jvarjaw bejniethom f'kemm huma konxji tal-istandards ta' kwalità, iżda nkisbet esperjenza konsiderevoli fl-applikazzjoni tagħhom: eluf ta’ persuni (persunal tal-universitajiet, esperti, studenti, rappreżentanti tan-negozju u s-soċjetà) ħadu sehem fi proċeduri ta' awtovalutazzjoni, servew fuq bordijiet ta' valutazzjoni jew ġew intervistati matul iż-żjarat ta' valutazzjoni. Il-parteċipazzjoni tal-istudenti fl-assigurazzjoni tal-kwalità bħala rekwiżit bażiku fiż-ŻEEGħ qabdet l-art f’dawn l-aħħar snin, minkejja li dan l-involviment spiss jibqa' mrażżan għal ċerti aspetti jew proċeduri[9]. L-involviment tar-rappreżentanti tan-negozju u ta’ rappreżentanti minn pajjiżi oħra jvarja b'mod sinifikanti fl-assigurazzjoni tal-kwalità interna u esterna u huwa ġeneralment iktar b'saħħtu fil-bordijiet tal-valutazzjoni tal-aġenziji milli fl-entitajiet tagħhom li jieħdu d-deċiżjonijiet.

Id-definizzjoni ta' standard tal-assigurazzjoni tal-kwalità qiegħed jissawwar kontinwament. Eżempju ta’ dan hija l-organizzazzjoni ta’ seminars mill-Grupp E4[10] dwar kwistjonijiet bħal: l-użu tal-eżiti tat-tagħlim; ir-rabta mal-oqfsa tal-kwalifiki; il-pubblikazzjoni ta' rapporti tal-assigurazzjoni tal-kwalità; ir-rikonoxximent ta’ tagħlim preċedenti; l-edukazzjoni transnazzjonali; l-internazzjonalizzazzjoni tal-proċeduri; u l-kooperazzjoni u l-kompatibbiltà ma’ reġjuni oħra dinjin.

L-istandards jipprovdu referenzi ġeneriċi siewja, imma xorta huma interpretati b’modi differenti f’pajjiżi, aġenziji u IEGħ varji. Dawn jitqiesu bħala lista ta’ kontroll ta’ rekwiżiti formali minn xi wħud, jew inkella bħala kodiċi ta' prassi professjonali tajba, jew linji gwida mhux preskrittivi minn oħrajn. L-idea li l-aġenziji għandu jkollhom konformità kumplessiva minflok ma jissodisfaw kull standard tinħass li hija raġjonevoli, iżda tħalli l-bieb miftuħ għal firxa wiesgħa ta' interpretazzjonijiet.

L-esperjenza tal-istandards tal-kwalità min-naħa tal-IEGħ u l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità Ewropej hija fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ristretta għall-edukazzjoni għolja inizjali “tradizzjonali”, għalkemm, ingħatat xi attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni mbiegħda fi ħdan ċerti kuntesti nazzjonali. Kollox ma’ kollox, madankollu, l-edukazzjoni transnazzjonali f’kull għamla tagħha, it-tkomplija tal-edukazzjoni u l-kwalifiki tat-tagħlim tul il-ħajja inġenerali, l-edukazzjoni għolja fuq ċiklu qasir, u l-edukazzjoni mbiegħda u onlajn baqgħu fil-biċċa l-kbira tagħhom 'l hinn mill-ambitu tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

Ta’ min wieħed jinnota wkoll li minkejja l-fatt li l-‘Istandards u l-Linji Gwida Ewropej’ ġew żviluppati fil-kuntest tal-Proċess ta’ Bologna, dawn ma jirreferux għall-importanza tal-konformità mar-rekwiżiti bażiċi taż-ŻEEGħ (eż. li jikkonċernaw il-Qafas tal-Kwalifiki jew l-użu tal-ECTS[11]) u l-prijoritajiet ewlenin (bħall-impjegabilità u l-mobilità).

3. L-IżVILUPPI EWLENIN FIL-LIVELL EWROPEW U INTERNAZZJONALI

Din it-taqsima tar-rapport tistħarreġ l-iżviluppi Ewropej fl-assigurazzjoni tal-kwalità u tagħti ħarsa lejn ix-xejriet internazzjonali li qed isawru l-ħidma f'dan il-qasam.

3.1. Tkabbir b’saħħtu fl-infrastruttura Ewropea tal-assigurazzjoni tal-kwalità

It-tkabbir tal-aġenziji tal-kwalità rawwam żvilupp b'saħħtu tan-netwerks tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Il-Kummissjoni qed issostni lill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Assigurazzjoni tal-Kwalità (ENQA)[12], li nħolqot fl-2000. Il-membri fi ħdanha żdiedu bil-ħeffa għal 48 membru sħiħ minn 23 pajjiż differenti. Il-“Grupp E4” ippropona l-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità, li ġew adottati fl-2005. Dan il-grupp organizza wkoll seminars li stħarrġu għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Gruppi reġjonali varji ta' aġenziji huma attivi, eż. fl-Ewropa Ċentrali/tal-Lvant jew fil-pajjiżi Nordiċi. Il-Konsorzju Ewropew għall-Akkreditazzjoni (ECA)[13], li għandu 15-il organizzazzjoni membru minn 10 pajjiżi, segwa b’mod attiv id-deċiżjonijiet bejn il-membri tiegħu fir-rigward tal-akkreditazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku.

Prassi tajba

Fi ħdan il-konsorzju ECA tal-aġenziji tal-akkreditazzjoni, it-tiswir tal-fiduċja msejjes fuq kooperazzjoni intensa wassal għall-ewwel sensiela ta' ftehimiet bilaterali għar-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni u għall-ewwel esperiment sabiex dawn id-deċiżjonijiet isiru pubblikament aċċessibbli fuq l-intenet permezz tad-dejtabejż iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea msejjaħ Qrossroads[14].

Ir-Reġistru Ewropew tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (EQAR)[15] huwa l-entità l-ġdida ewlenija fl-istruttura tal-assigurazzjoni Ewropea tal-kwalità. Dan twaqqaf mill-Grupp E4 fl-2008 bħala entità ġuridika ġdida, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, b'rispons għal-laqgħa tal-2007 f'Londra tal-Ministri inkarigati mill-Proċess ta’ Bologna u b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-2006. Ir-Reġistru huwa miftuħ għall-aġenziji li joperaw fiż-ŻEEGħ bil-kundizzjoni li dawn jagħtu xhieda tal-konformità tagħhom mal-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej. Hemm proċedura simpifikata għas-sħubija ta' membri sħaħ fl-ENQA, li diġà jissodisfaw din il-kundizzjoni, imma l-aġenziji kandidati jistgħu japplikaw ukoll direttament għand l-EQAR. Id-deċiżjonijiet dwar is-sħubijiet jittieħdu mill-Kumitat tar-Reġistru li l-membri tiegħu jinħatru mill-Grupp E4 u partijiet interessati oħra. Il-gvernijiet jistgħu jsiru membri tal-EQAR, iżda bi status ta’ osservaturi biss fil-Kumitat. L-ewwel żewġ turni ta’ reġistrazzjonijiet ta’ Diċembru 2008 u April 2009 rriżultaw fis-sħubija ta’ disa’ membri tal-ENQA fl-EQAR. Hemm ippjanati sħubijiet oħrajn dalwaqt.

L-iżvilupp konsiderevoli tal-infrastruttura tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-Ewropa tul il-ftit snin imgħoddija hija konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-2006 u mal-Proċess ta' Bologna. Madankollu, il-varjetà tal-parteċipanti fl-assigurazzjoni tal-kwalità hija kbira u xi aspetti jafu jeħtiġilhom jiġu mistħarrġa biex tittejjeb it-trasparanza tas-sistema kollha kemm hi. B’mod partikolari, l-aġenziji f'komunitajiet tal-edukazzjoni għolja żgħar iħabbtu wiċċhom mal-isfida addizzjonali li jiksbu kredibbiltà ta' veru 'l hinn mill-fruntieri tagħhom. Hemm xi tħassib li s-sħubija tal-aġenziji fl-ENQA jew anki r-reġistrazzjoni tagħhom fl-EQAR taf ma tqanqalx il-livell neċessarju ta’ fiduċja reċiproka. Din il-fiduċja, madankollu, hija s-sies li fuqu sserraħ it-trasparenza u l-kredibbiltà fi ħdan iż-ŻEEGħ kollha kemm hi.

B’bosta saffi ta' aġenziji u netwerks, is-sistema tista' tkun diffiċli biex tinftiehem u tintuża. Ir-rekwiżit bażiku għas-sħubija kemm fl-ENQA kif ukoll fl-EQAR huwa l-konformità mal-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej u ż-żewġ entitajiet għandhom għadd ta’ membri komuni, għalkemm mhux il-membri kollha. Għaldaqstant, jeħtieġ sforz ħafna akbar sakemm iż-ŻEEGħ ikollha sistema tal-assigurazzjoni tal-kwalità li tkun tista’ tinftiehem u tintuża faċilment mill-utenti tagħha. F’bosta każijiet għadu mhux ċar xi jkun ifisser dak li jiġi akkreditat f'pajjiż ieħor, anki permezz ta' aġenzija rreġistrata. Lanqas mhu ċar kif l-użu żbaljat ta’ dan it-tip ta' akkreditazzjoni jista' jiġi evitat, eż. fil-każ ta' istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja li topera f'għadd ta' pajjiżi bla ma tkun toffri f'kull lokalità l-garanziji li jwasslu għall-akkreditazzjoni inizjali. Garanziji iktar b’saħħithom ikunu ta’ għajnuna, billi l-kredibbiltà tas-sistema Ewropea tal-assigurazzjoni tal-kwalità taf isserraħ fuq lanqas aġenzija affidabbli li tiġi aċċettata jew miżmuma fir-Reġistru u l-aktar IEGħ dgħajfa b’akkreditazzjoni minn aġenzija rreġistrata.

Prassi tajba

Ngħaqqdu l-forzi: L-NVAO hija l-aġenzija konġunta tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-Olanda u r-reġjun Fjamming tal-Belġju. F’dawn it-territorji hija mitkellma l-istess lingwa, iżda għandhom sistemi u lawrji tal-edukazzjoni għolja li jvarjaw ferm bejniethom. L-aġenzija waħdanija tgħin sabiex iżżid ir-riżorsi ta’ valutazzjoni u tqawwi l-kredibbiltà tas-siġilli ta’ kwalità tal-NVAO[16].

Żieda fl-oġġettività: Il-Kunsill Awstrijakk tal-Akkreditazzjoni jutilizza valutaturi kważi esklussivament barranin u fil-Bord li jiddeċiedi m’hemmx maġġoranza Awstrijaka. Dan jgħolli l-kredibbiltà internazzjonali billi jrażżan is-suspetti li l-interessi li jista’ jkun hemm jafu jinfluwenzaw ħażin id-deċiżjonijiet dwar l-akkreditazzjoni[17].

3.2. L-assigurazzjoni tal-kwalità għad għandha dimensjoni Ewropea limitata

Ir-Rakkomandazzjoni tal-2006 tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippermettu li l-IEGħ jfittxu akkreditazzjoni (jew siġilli oħra tal-kwalità) minn aġenziji rreġistrati barra minn pajjiżhom. Dan jista’ jseħħ biss jekk għadd ta’ kundizzjonijiet jeżistu fl-istess waqt:

- L-IEGħ jeħtieġu awtonomija suffiċjenti biex japplikaw għal siġill tal-kwalità barrani;

- L-aġenziji jeħtieġ li jkollhom il-ħila, il-jedd u r-rieda li joperaw ’l hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom;

- Il-gvernijiet nazzjonali u l-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità jridu jirrikonoxxu l-aġenziji rreġistrati minn pajjiżi oħra u jagħrfu l-konklużjonijiet tagħhom.

Għad hemm biss ftit eżempji ta’ IEGħ li qed ifittxu valutazzjonijiet jew akkreditazzjoni minn aġenziji barranin, minbarra l-każijiet ta' aġenziji speċifiki għal xi suġġett partikolari u xi korsijiet ta' lawrji konġunti. Ftit gvernijiet biss fetħu l-assigurazzjoni tal-kwalità f'pajjiżhom għal aġenziji rreġistrati oħra (jista' madankollu jinstab eżempju ta' dan fl-Olanda). L-Universitajiet taż-ŻEEGħ li jfittxu siġill tal-kwalità f’xi dixxiplina partikolari għadhom juru t-tendenza li jirrikorru għall-aġenziji fl-Istati Uniti bħal ABET[18] jew AACSB[19]. Jidher, madankollu, li hemm numru li kull ma jmur qed jikber ta’ aġenziji li qed jitħejjew għal attivitajiet ta' assigurazzjoni tal-kwalità 'l hinn mill-kuntest nazzjonali tagħhom.

Prassi tajba

Skejjel tal-inġinerija u universitajiet tekniċi minn għadd ta’ pajjiżi kisbu l-akkreditazzjoni tal-Kummissjoni Franċiża tat-“Titre d’Ingénieur” (CTI). Is-CTI wettqet ukoll valutazzjonijiet/akkreditazzjonijiet konġunti ma' aġenziji oħra. Skejjel/fakultajiet tan-negozju f'għadd ta' pajjiżi ġew "akkreditati" mill-aġenzija Ġermaniża ACQUIN. L-IEGħ Ġermaniżi wrew interess fil-verifika tal-kwalità pprovduta mill-aġenzija Żvizzera (OAQ).

Żewġ siġilli tal-kwalità Ewropej li rnexxew jeżistu sa minn qabel l-1998: l-EQUIS fl-istudji amministrattivi[20] u l-Programm ta’ Valutazzjoni Istituzzjonali tal-Assoċjazzjoni Universitarja Ewropea (IEP)[21]. It-tnejn joffru metodoloġija istituzzjonali aktar milli waħda msejsa fuq xi programm, jispiraw irwieħhom minn bordijiet tal-valutazzjoni ġenwinament internazzjonali u issa qegħdin jiġbdu lejhom interess minn barra l-Ewropa. Xi inizjattivi aktar ġodda bbażati fuq suġġetti partikolari ssawru iktar reċentement minn netwerks tematiċi fil-kimika u l-inġinerija (it-tnejn bl-appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni) jew għadhom jinsabu fl-istadju ta' ppjanar (eż. fl-edukazzjoni mużikali).

Prassi tajba

Is- siġill Eurochemistry beda fil-livell ta’ baċellerat, iżda issa jeżisti wkoll għal-lawrji tal-master's u dawk dottorali. Dan jingħata direttament min-netwerk Eurochemistry lil programmi li jilħqu l-istandards miftiehma[22].

It- tikketta EUR-ACE fl-inġinerija teżisti fil-livelli ta’ baċellerat u master’s. L-istandards ġew iddefiniti fil-livell Ewropew, imma jiġu applikati permezz ta’ aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità nazzjonali awtorizzati li joħorġu t-"tikketti" EUR-ACE flimkien mal-akkreditazzjoni nazzjonali tagħhom. Xi mijiet ta’ tikketti diġà ngħataw, iżda għadhom disponibbli biss minn seba' aġenziji nazzjonali[23].

Madankollu, l-assigurazzjoni tal-kwalità kumplessiva bejn pajjiż u ieħor xorta għadha limitata. B’riżultat ta’ dan ftit hemm informazzjoni paragunabbli għall-partijiet interessati, b’mod partikolari l-istudenti, sabiex jagħmlu għażliet informati dwar x’ikunu se jistudjaw u fejn.

3.3. Xejriet internazzjonali: impenn li kull ma jmur qed jikber lejn it-trasparenza

Għadd ta’ netwerks ġodda tal-assigurazzjoni tal-kwalità feġġew f’diversi reġjuni tad-dinja – b'xi wħud minnhom jużaw l-Ewropa bħala mudell ta’ referenza. Id-djalogu madwar id-dinja dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità intensifika ruħu fi ħdan il-qafas tan-Netwerk Internazzjonali għall-Aġenziji tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità fl-Edukazzjoni Għolja (INQAAHE)[24].

Żvilupp ieħor ewlieni kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak dinji huwa n-numru li kull ma jmur dejjem qed jikber ta’ rankings universitarji internazzjonali. Dawn spiss jiġu kkritikati fi ħdan il-komunità tal-edukazzjoni għolja minħabba n-nuqqasijiet metodoloġiċi tagħhom u l-metodoloġija monodimensjonali (jiġifieri li jiffukaw fuq il-kisbiet tar-riċerka fix-'xjenzi puri' u ma jagħtux każ tal-prestazzjoni tal-universitajiet f'oqsma bħax-xjenzi soċjali u umani, it-tagħlim u l-firxa komunitarja). Minkejja dawn in-nuqqasijiet, ir-rankings xorta jistgħu jkunu strument siewi għat-tqabbil u l-kuntrast bejn l-IEGħ u l-programmi tagħhom. Il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar nediet studju dwar il-fattibilità biex tiġi żviluppata metodoloġija ġdida multidimensjonali u kostumizzata għar-rankings globali tal-universitajiet[25]. L-iżvilupp ta’ strumenti trasparenti b'konsultazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati ġiet sostnuta mill-Konferenza Ministerjali ta' Bologna tal-2009[26].

L-iżviluppi ewlenin fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-Ewropa għandhom jitqiesu fid-dawl ta’ dawn ix-xejriet.

4. KONKLUżJONIJIET U SUġġERIMENTI GħAL AKTAR żVILUPP TAL-ASSIGURAZZJONI TAL-KWALITÀ FL-EWROPA

Tul dawn l-aħħar ftit snin, is-sistema Ewropea tal-assigurazzjoni tal-kwalità żviluppat ferm, kemm fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-kwalità interna fl-IEGħ Ewropej kif ukoll fil-valutazzjoni esterna u l-akkreditazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-programmi[27]. Inħolqu bosta aġenziji u netwerks ġodda tal-assigurazzjoni tal-kwalità, hemm iktar għarfien tal-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità u hemm numru li kull ma jmur dejjem qed jikber ta’ aġenziji li jippreparaw għal assigurazzjoni tal-kwalità ’l hinn mill-kuntest nazzjonali tagħhom. Minkejja dan l-iżvilupp kumplessivament pożittiv, l-implimentazzjoni sħiħa tar-Rakkomandazzjoni tal-2006 tidher li teħtieġ aktar sforzi f'għadd ta' oqsma.

4.1. Ħarsa lejn l-infrastruttura tal-assigurazzjoni tal-kwalità

Xi fatturi tal-infrastruttura Ewropea tal-assigurazzjoni tal-kwalità jidhru li jeħtieġu iktar diskussjoni li tippermetti fiduċja ta' livell ogħla bejn l-aġenziji u għaldaqstant livell suffiċjenti ta' trasparenza għall-utenti u s-soċjetà. L-aġenziji tal-assigurazzjoni tal-kwalità għadhom fattur relattivament ġdid fiż-ŻEEGħ. Jeħtiġilhom li jagħtu xhieda tal-indipendenza u l-professjonaliżmu tagħhom sabiex isawru l-fiduċja fost il-partijiet interessati. Jeħtiġilhom ukoll li jikkonvinċu lil sħabhom Ewropej li l-livell ta’ paragun li joffru huwa suffiċjenti, li hija ħaġa importanti bħala prekundizzjoni għar-rikonoxximent reċiproku tal-lawrji u t-tħeġġiġ tal-mobilità tal-istudenti.

Il-Kummissjoni hija konxja mir-riksju li l-aġenziji jafu saru numerużi wisq filwaqt li d-daqs tagħhom baqa' pjuttost żgħir. Għaldaqstant, il-possibilità li l-aġenziji jingħaqdu ma' xulxin ħaqqha tingħata xi konsiderazzjoni permezz tan-netwerk Ewropej tal-assigurazzjoni tal-kwalità eżistenti (ENQA, ECA), eż. billi jiġu raggruppati l-aġenziji abbażi tal-prossimità reġjonali jew lingwistika. L-aġenziji jistgħu jikkunsidraw ukoll li jwessgħu l-ambitu tal-attivitajiet tagħhom biex jittrattaw b’mod aktar adegwat l-edukazzjoni għolja tul il-ħajja, imbiegħda, onlajn, vokazzjonali, transnazzjonali u privata.

Il-ħolqien ta’ distinzjoni aktar ċara bejn l-ENQA, l-ECAR u l-Konsorzju Ewropej tal-Akkreditazzjoni (ECA), b’konċentrazzjoni iktar b’saħħitha fuq il-benefiċċji tal-utenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità, jista' jżid l-effiċjenza tal-infrastruttura Ewropea tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Il-provvediment ta' aċċess faċli u onlajn għal lista ta' programmi u istituzzjonijiet madwar l-Ewropa kollha vvalutati jista’ jiġi diskuss bħala prijorità għall-EQAR. L-esperiment Qrossroads, li tnieda mill-ECA bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, jista' jipprovdi punt siewi ta' tluq għal dejtabejż ta' skala ħafna akbar. Il-kooperazzjoni mill-qrib man-netwerk NARIC-ENIC[28] aktarx li tqawwi l-potenzjal tad-dejtabejż sabiex jikkontribwixxi għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u jrawwem il-mobilità.

4.2. Ħarsa mill-ġdid lejn il-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej

Il-Linji Gwida u l-Istandards Ewropej jistgħu jkomplu jissawru, sabiex jagħmlu l-assigurazzjoni tal-kwalità iktar koerenti mal-iżvilupp taż-ŻEEGħ, kif kien ġie previst fir-Rakkomandazzjoni tal-2006. L-eżerċizzju jkun jeħtieġ l-involviment tal-aġenziji u tal-partijiet interessati l-oħra fl-assigurazzjoni tal-kwalità fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Bologna. Żvilupp bħal dan jista' jikkunsidra it-tliet aspetti li ġejjin:

(1) Il-konformità mal-istruttura ewlenija (tliet ċikli) bħala rekwiżit bażiku tal-kwalità fiż-ŻEEGħ. Dan ikun konformi mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK) u l-Qafas tal-Kwalifiki taż-ŻEEGħ adottat fl-2005[29]. Għandha tingħata referenza aktar ċara fil-linji gwida ta' Suppliment ta' Diploma u l-ECTS, billi dawn mhumiex implimentati bi sħiħ fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi.

(2) Fiż-ŻEEGħ, l-istandards tal-kwalità ikunu jiġbru fihom prijoritajiet bħall-impjegabilità u mobilità (b'mod konformi mal-mira stabbilta għall-mobilità fil-Komunikat tal-2009 tal-Ministri inkarigati mill-Proċeess ta' Bologna).

(3) L-istandards għas-sistemi interni tal-assigurazzjoni tal-kwalità tal-IEGħ jistgħu wkoll jilagħbuha ta' fattur f'dimensjonijiet ewlenin oħra bħall-kwalità tas-servizzi għall-istudenti inġenerali[30], il-gwida dwar il-karriera/impjieg għall-istudenti u l-alunni[31], l-iżvilupp ta’ kapaċità maniġerjali finanzjarja u l-implimentazzjoni tal-Karta Ewropea għar-Riċerka u l-Kodiċi ta’ Mġiba għar-Reklutaġġ tar-Riċerkaturi[32].

4.3. Dimensjoni Ewropea iktar b’saħħitha fl-assigurazzjoni tal-kwalità

Il-possibbiltà li l-IEGħ jagħżlu minn fost l-aġenziji reġistrati, kif tenfasizza r-Rakkomandazzjoni tal-2006, isserraħ fuq l-iżvilupp ta' għadd akbar ta' siġilli tal-kwalità Ewropej. Dawn jistgħu jissejsu fuq oqsma dixxiplinarji wiesgħa (minflok oqsma dojoq ta' speċjalizzazzjoni professjonali) u jingħataw jew minn aġenziji speċjalizzati separati inkella b'mod konġunt mal-evalwazzjonijiet nazzjonali fil-qasam korrispondenti. Il-Kummissjoni qed issostni l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ dan it-tip[33].

L-aġenziji nazzjonali tal-assigurazzjoni tal-kwalità għandhom jitħeġġu jiżviluppaw attivitajiet 'l hinn mill-fruntieri tagħhom u jfittxu r-rikonoxximent tad-deċiżjonijiet tagħhom f'pajjiżi oħra, eż. permezz ta' konvenzjonijiet ta' rikonoxximent reċiproku. L-IEGħ jistgħu jitħeġġu jużaw is-servizzi ta’ aġenziji rreġistrati ’l hinn minn pajjiżhom. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tiġi ċċarata il-portabilità tal-akkreditazzjoni nazzjonali fi ħdan iż-ŻEEGħ kif ukoll il-kwistjoni tal-assigurazzjoni tal-kwalità għall-edukazzjoni għolja bejn pajjiż u ieħor fi ħdan iż-ŻEEgħ. B’kunsiderazzjoni tal-importanza li kull ma jmur dejjem qed tikber ta’ korsijiet konġunti u b’lawrji doppji fl-Ewropa, prinċipji ċari jistgħu jkunu siewja sabiex tiġi evitata l-ħtieġa ta' akkreditazzjonijiet multipli.

Il-Kummissjoni ssostni l-iżvilupp ta' strumenti trasparenti li jikkumplimentaw l-assigurazzjoni tal-kwalità, b'mod partikolari dawk li jipprovdu ħarsa komparattiva tal-kwalità tal-IEGħ u l-programmi tagħhom. Dan jinkludi l-istudju tal-fattibbiltà li ssemma iktar ’il fuq dwar ir-ranking universitarja multidimensjonali u kostumizzata[34].

Il-kredibbiltà u l-firxa internazzjonali taż-ŻEEGħ tista’ tkompli titħeġġeġ permezz tal-kooperazzjoni fl-assigurazzjoni tal-kwalità ma’ reġjuni oħra fid-dinja. Dan il-punt ġie enfasizzat fl-istqarrija tal-ewwel Forum Politiku ta' Bologna li ttella' f'Louvain-la-Neuve, li semma speċifikament l-assigurazzjoni tal-kwalità bħala qasam ta' kooperazzjoni konkreta bejn is-46 pajjiż fil-Proċess ta’ Bologna u pajjiżi oħra minn madwar id-dinja. [35]

Fir-rapport preżenti, il-Kummissjoni enfasizzat l-iżviluppi pożittivi fl-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja, iżda ressqet ukoll xi suġġerimenti għal iktar diskussjoni u żvilupp. Il-Kummissjoni tixtieq tistieden lill-partijiet interessati kollha sabiex jirriflettu fuq dan ir-rapport u jiżguraw li jiġi segwit kif jixraq skont ir-Rakkomandazzjoni tal-2006. Il-Kummissjoni tinsab ħerqana li tkun f’pożizzjoni li tirrapporta dwar iktar progress fl-2012.

[1] COM (2005) 152 finali, 20.4.2005.

[2] Ir-Rakkomandazzjoni 98/561/KE tal-24 ta’ Settembru 1998 (ĠU L 270 tas-7.10.1998)

[3] Ir-Rakkomandazzjoni 2006/143/KE tal-15 ta’ Frar 2006 (ĠU L 64 tal-4.3.2006)

[4] Adottati mill-Konferenza Ministerjali ta' Bologna f’Bergen fl-2005, ara http://www.enqa.eu/pubs_esg.lasso

[5] “Trends V, Universities shaping the EHEA”, EUA, 2007.

[6] “Quality Procedures in the EHEA and Beyond, 2nd ENQA Survey”, ENQA, 2008.

[7] http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/conference/documents/ Stocktaking_report_2009_FINAL.pdf

[8] "Quality Procedures in the EHEA and Beyond – Second ENQA Survey” (2008)

[9] “Bologna with Student eyes”, ESU, 2009.

[10] Magħmul mill-ENQA, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Universitajiet (EUA, www.eua.be), l-Unjonijiet tal-Istudenti Ewropej (ESU, www.esib.org), u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet tal-Edukazzjoni Għolja (EURASHE, www.eurashe.eu).

[11] Is-Sistema Ewropea tat-Trasferiment u l-Akkumulu tal-Kredits

[12] www.enqa.eu

[13] www.ecaconsortium.net

[14] www.qrossroads.eu

[15] www.eqar.eu

[16] www.nvao.net

[17] www.akkreditierungsrat.at

[18] http://www.abet.org/the_basics.shtml

[19] http://www.aacsb.edu/

[20] http://www.efmd.org

[21] http://www.eua.be/events/institutional-evaluation-programme/home

[22] http://ectn-assoc.cpe.fr/chemistry-eurolabels/default.htm

[23] http://www.enaee.eu

[24] http://www.inqaahe.org

[25] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc62_en.htm

[26] Leuven-Louvain-la-Neuve Communiqué, April 2009, http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/conference/

[27] Trends V, op.cit.

[28] http://www.enic-naric.net

[29] http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/qf/overarching.asp

[30] “Bologna with Student eyes”, ESU, 2009.

[31] Leuven-LLN Communiqué, op.cit.

[32] http://ec.europa.eu/eracareers/pdf/am509774CEE_EN_E4.pdf

[33] http://ec.europa.eu/education/erasmus/doc910_en.htm

[34] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/doc62_en.htm

[35] http://www.ond.vlaanderen.be/hogeronderwijs/bologna/forum/ Bologna_Policy_Forum_Statement_29April2009.pdf