52006DC0231

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni - Strateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija [SEK(2006)620] [SEK(2006)1165] /* KUMM/2006/0231 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 22.9.2006

KUMM(2006)231 finali

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija [SEK(2006)620][SEK(2006)1165]

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL, IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija Tematika għall-Ħarsien tal-Ħamrija(Test b'relevanza għall-EEA)

1. DAħLA

Il-ħamrija hija ġeneralment definita bħala s-saff ta’ fuq tal-qoxra tad-dinja, iffurmata minn partikuli minerali, materja organika, ilma, arja u organiżmi ħajjin. Hija l-ħolqa li tgħaqqad l-art, l-arja u l-ilma, u tilqa’ fiha l-biċċa l-kbira tal-bijosfera.

Billi l-formazzjoni tal-ħamrija hija proċess li jimxi bil-mod ħafna, il-ħamrija tista’ essenzjalment titqies bħala riżorsa li ma tiġġeddidx. Il-ħamrija tagħtina l-ikel, il-bijomassa u l-materja prima. Fuqha jissejsu l-attivitajiet umani u l-pajżaġġ, isservi bħala arkivju tal-wirt u għanda sehem importanti bħala ħabitat u għadira ġenetika. Taħżen, issaffi u tbiddel bosta sustanzi, fosthom l-ilma, in-nutrijenti u l-karbon. Fil-fatt, hija l-akbar maħżen ta’ karbon fid-dinja (1,500 gigatunellata) Dawn il-funzjonijiet iridu jitħarsu minħabba l-importanza soċjo-ekonomika u ambjentali tagħhom.

Il-ħamrija hija estremament kumplessa u varjabbli. Fl-Ewropa, ġew identifikati aktar minn 320 tip ewlieni ta’ ħamrija u fi ħdan kull wieħed minnhom hemm varjazzjonijiet enormi fil-proprjetatjiet fiżiċi, kimiċi u bijoloġiċi. L-istruttura tal-ħamrija għandha sehem ewlieni fid-determinazzjoni tal-ħila tagħha biex twettaq il-funzjonijiet tagħha. Kull bidla għall-istruttura tagħha taffettwa wkoll b’mod ħażin mezzi u ekosistemi ambjentali oħra.

Il-ħamrija hija suġġetta għal għadd ta’ proċessi jew theddidiet ta’ degradazzjoni. Dawn jinkludu l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, il-kontaminazzjoni lokali u mxerrda, l-impermeabilità ( sealing ) u ħamrija kompatta ( compaction ), tnaqqis fil-bijodiversità, it-tmelliħ ( salinisation ), għargħar u l-valangi u uqigħ ta’ l-art ieħor. Tagħqida ta’ xi wħud minn dawn it-theddidiet tista’ twassal fl-aħħar mill-aħħar kundizzjonijiet aridi jew subaridi għad-deżertifikazzjoni.

Minħabba l-importanza tal-ħamrija u l-ħtieġa li nilqgħu kontra aktar degradazzjoni tal-ħamrija, is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali[1] sejjaħ għall-iżvilupp ta’ Strateġija Tematika dwar il-Ħarsien tal-Ħamrija (‘l-istrateġija’).

Bħala l-ewwel pass, fl-2002 il-Kummissjoni ppreżentat Komunikazzjoni[2] li kienet is-suġġett ta’ konklużjonijiet favorevoli mill-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra.

2. VALUTAZZJONI TAL-QAGħDA

2.1. L-istat tal-ħamrija Ewropea

Id-degradazzjoni tal-ħamrija hija problema serja fl-Ewropa. Tinħoloq u tiħrax minħabba l-attività tal-bniedem bħall-prassi agrikola u foretsali mhux xierqa, l-attivitajiet industrijali, it-turiżmu, l-iżvilupp urban u industrijali mhux imrażżan u xogħlijiet fl-industrija tal-bini. Dawn l-attivitajiet għandhom impatt negattiv, u jżommu l-ħamrija milli twettaq il-medda wiesa’ ta’ funzjoniiet u servizzi lill-bnedmin u l-ekosistemi. Dan iwassal għal tnaqqis fil-fertilità tal-ħamrija, il-karbon u l-bijodiversità, il-ħamrija titlef il-ħila tagħha li żżomm l-ilma, jitfixklu ċ-ċikli tal-gassijiet u n-nutrijienti, u titnaqqas il-qerda tas-sustanzi li jikkontaminaw.

Id-degradazzjoni tal-ħamrija għandha impatt dirett fuq il-kwalità ta’ l-arja u ta’ l-ilma, il-bijodiversità u t-tibdil fil-klima. Jista' wkoll ikollha effett fuq saħħet iċ-ċittadini Ewropej u thedded is-sikurezza ta' l-ikel u ta' l-għalf.

Minkejja li l-proċessi ta’ degradazzjoni tal-ħamrija jvarjaw konsiderevolment minn Stat Membru għal ieħor, b’theddidiet differenti bi gravità differenti, id-degradazzjoni tal-ħamrija saret kwistjoni taħraq madwar l-UE kollha kemm hi.

- Madwar 115-il miljun ettaru jew 12% tal-medda totali ta’ l-art fl-Ewropa huma suġġetti għall-erożjoni mill-ilma, u 42 miljun ettaru huma milquta mill-erożjoni mir-riħ[3].

- Madwar 45% tal-ħamrija Ewropea għandha kontenut ta’ materjal organiku baxx, l-aktar fl-Ewropea ta’ Isfel iżda anki f’żoni fi Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit.

- In-numru ta’ siti potenzjalment ikkontaminati fl-UE-25 huwa stmat għal madwar 3.5 miljuni[4].

Il-bank ta’ tagħrif Corine Land Cover[5] juri bidliet sinifikanti fl-użu ta’ l-art fl-Ewropa li għandhom impatt fuq il-ħamrija. Bejn l-1990 u l-2000, mill-inqas 2.8% ta’ l-art fl-Ewropa għaddiet minn bidla fl-użu, inkluż żieda sinifikanti fiż-żoni urbani. Jeżistu differenzi kbar bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, bi proporzjon ta’ superfiċje impermeabbli li tvarja bejn 1.3% u 10% matul dak il-perjodu.

Diffiċli li wieħed jestrapola xejriet attwali għall-ġejjieni bbażati fuq id-data eżistenti li hija limitata. Madankollu, jidher li qed jiżdiedu l-forzi ewlenin, mibdija mill-bniedem, li qed joħolqu dawn it-theddidiet. It-tibdil fil-klima, fil-forma ta’ temperaturi dejjem jogħlew u avvenimenti metereoloġiċi estremi, qed iżżid sew kemm l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-ħamrija kif ukoll it-theddidiet bħal ma huma l-erożjoni, il-valangi, it-tmelliħ tal-ħamrija u t-tnaqqis fil-materja organika. Dan kollu jagħti x’jifhem illi d-degradazzjoni tal-ħamrija se tkompli fl-Ewropa, x’aktarx b’pass aktar mgħaġġel.

Evidenza estensiva turi li bosta mill-ispejjeż tad-degradazzjoni tal-ħamrija ma jiġġarbux mill-utenti immedjati ta’ l-art, iżda sikwit mis-soċjetà in ġenerali u minn atturi mbiegħda minn fejn qiegħda l-problema (lil hinn mis-sit).

2.2. L-isfond politiku Ewropew, nazzjonali u internazzjonali

Il-politiki differenti tal-Komunità jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ħamrija, partikolarment il-politika dwar l-ambjent (eż. l-arja u l-ilma) u dwar l-agrikoltura (agri-ambjentali u konformità reċiproka). L-agrikoltura jista’ jkollha effetti pożittivi fuq l-istat tal-ħamrija. Per eżempju, il-prassi tal-ġestjoni ta’ l-art, bħall-biedja organika u integrata jew il-prassi agrikola estensiva fiż-żoni tal-muntanji tista’ ssostni u saħħaħ il-materja organika fil-ħamrija u tipprevjeni l-valangi rispettivament. Madankollu, id-dispożizzjonijiet favur ħarsien il-ħamrija jinfirxu fuq bosta oqsma u, sal-punt li spiss ikollhom l-għan li jħarsu mezzi ambjentali oħra jew biex jippromwovu għanijiet oħrajn, ma jikkostitwux politika koerenti għal ħarsien il-ħamrija. Dan ifisser li anki jekk jiġu sfruttati sew, il-politiki eżistenti għadhom ‘il bogħod milli jkopru t-tipi ta' ħamrija u t-theddidiet għall-ħamrija kollha identifikati. Għalhekk, id-degradazzjoni tal-ħamrija tkompli.

Sa mill-adozzjoni tal-Kommunikazzjoni ta’ l-2002 sar sforz sabiex inizjattivi politiċi dwar l-ambjent li ġew adottati dan l-aħħar dwar l-iskart, l-ilma, l-arja, il-bidla fil-klima, il-kimika, l-għargħar, il-bijodiversità u r-responsabbiltà ambjentali jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħarsien tal-ħamrija. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar ir-responsabbiltà ambjentali[6] toħloq qafas armonizzat għar-reġim ta’ responsabbiltà li għandu jiġi applikat madwar l-UE meta l-kontaminazzjoni ta’ l-art toħloq riksju sinifikattiv għal saħħet il-bniedem. Madankollu, ma tapplikax għall-kontaminazzjoni storika jew għall-ħsara li tkun saret qabel ma daħlet fis-seħħ. Hemm varjetà ta’ approċċi għall-ħarsien tal-ħamrija fl-Istati Membri. Disa’ Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni speċifika dwar il-ħarsien tal-ħamrija. Madankollu, il-liġijiet spiss ikopru theddida speċifika waħda biss, bħall-kontaminazzjoni tal-ħamrija u mhux dejjem jipprovdu qafas ta’ ħarsien koerenti.

Il-kuxjenza akbar dwar l-importanza ta’ ħarsien il-ħamrija fuq il-livell internazzjonali hija riflessa fir-reviżjoni ta’ l-2003 tal-Karta tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-ħarsien u l-ġestjoni sostenibbli tal-ħamrija.

Kull Stat Membru kif ukoll il-Komunità huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Deżertifikazzjoni (UNCCD). Xi Stati Mediterranji u bosta mill-Istati Membri ġodda huma partijiet effettwati u għalhekk qegħdin fil-proċess li jadottaw Programmi ta’ Azzjoni reġjonali u nazzjonali biex jiġġieldu kontra d-deżertifikazzjoni.

Il-Protokoll dwar il-Ħarsien tal-Ħamrija taħt il-Konvenzjoni Alpina jfittex li jippreżerva l-funzjonijiet ekoloġiċi tal-ħamrija, jipprevjeni d-degradazzjoni tal-ħamrija u jiżgura użu razzjonali tal-ħamrija f’dak ir-reġjun.

Il-Protokoll ta’ Kyoto jisħaq li l-ħamrija hija maħżen ewlieni tal-karbon li għandu jitħares u jitkabbar fejn ikun possibbli. Is-sekwestru tal-karbon mill-ħamrija agrikola bis-saħħa ta’ ċerta prassi tal-ġestjoni ta’ l-art tista’ tikkontribwixxi għat-taffija tat-tibdil fil-klima. Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Programm Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCP) dwar Sinks Marbuta mal-Ħamrija Agrikola stima dan il-potenzjal bħala ekwivalenti għal 1.5 sa 1.7% ta’ l-emissjonijiet antropoġeniċi tas-CO2 ta’ l-UE waqt l-ewwel perjodu ta’ impenn[7] taħt il-Protokoll ta’ Kjoto.

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (CBD) identifikat il-bijodiversità tal-ħamrija bħala qasam li jitlob attenzjoni partikolari. Ġiet stabbilita Inizjattiva Internazzjonali għall-Konservazzjoni u l-Użu Sostenibbli tal-Bijodiversità tal-Ħamrija.

Bosta pajjiżi, fosthom l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, il-Ġappun, il-Kanada, l-Awstralja, il-Brażil u diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw waqqfu politiki ta’ ħarsien tal-ħamrija li jinkludu leġiżlazzjoni, dokumenti ta’ gwida, sistemi ta’ monitoraġġ, identifikazzjoni ta’ żoni ta’ riskju, inventarji, programi ta’ rimedju u mekkaniżmi ta’ finanzjament għal siti kkontaminati li għalihom ma tistax tinsab parti responsabbli. Tali politiki jiżguraw livell komparattiv tal-ħarsien tal-ħamrija għall-approċċ approvat minn din l-istrateġija.

3. L-GħAN TA’ L-ISTRATEġIJA

3.1. Jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-ħamrija

Fuq dan l-isfond, il-Kummissjoni tqis meħtieġa strateġija ta’ l-UE komprensiva għall-ħarsien tal-ħamrija. Din l-istrateġija għandha tqis il-funzjonijiet differenti kollha tal-ħamrija, il-varjabilità u l-kumplessità tagħhom, u l-firxa ta’ proċessi ta’ degradazzjoni differenti li għalihom jistgħu jkunu soġġetti, filwaqt li jitiqesu wkoll l-aspetti soċjo-ekonomiċi.

L-għan kumplessiv huwa l-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-ħamrija, imsejsa fuq il-prinċipji ta’ gwida li ġejjin:

1. Il-prevenzjoni ta’ aktar degradazzjoni tal-ħamrija u l-preżervazzjoni tal-funzjonijiet tagħha:

2. meta l-ħamrija tintuża u l-funzjonijiet tagħha jiġu sfruttati, u b’hekk tkun meħtieġa l-azzjoni fuq l-użu tal-ħamrija u x-xejriet tal-ġestjoni, u

3. meta l-ħamrija tagħmilha ta’sink/reċipjent ta’ l-effetti ta’ l-attivitajiet tal-bniedem jew tal-fenomeni ambjentali, l-azzjoni tkun trid tittieħed fuq il-post.

4. Ir-restawr tal-ħamrija għal livell ta’ funzjonalità li jkun konsistenti mill-inqas ma’ l-użu attwali u dak maħsub. L-implikazzjonijiet ta’ l-ispiża għar-restawr tal-ħamrija sabiex tkun tista’ twettaq il-bosta funzjonijiet tagħha tista’ tkun sinfikanti u jeħtieġ li titqies.

3.2. Il-livell ta’ intervenzjoni

Sabiex tikseb dawn l-għanijiet, l-azzjoni hi meħtieġa fuq livelli differenti – lokali, nazzjonali u Ewropej. L-azzjoni fuq livell Ewropew hija żieda meħtieġa għall-azzjoni mill-Istati Membri, minħabba li[8]:

- Id-degradazzjoni tal-ħamrija taffetwa oqsma ambjentali oħra li għalihom teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja. In-nuqqas ta’ ħarsien tal-ħamrija jwassal għat-tfikxil ta-sostenibbiltà u l-kompetittività fit-tul ta’ l-Ewropa. Tabilħaqq il-ħamrija hija marbuta ma’ l-arja u l-ilma b’tali mod li tirregola l-kwalità tagħhom. Barra minn hekk, il-funzjonijiet tal-ħamrija jikkontribwixxu ħafna f'oqsma bħal ma huma l-bijodiversità u l-ħarsien tal-baħar, l-immaniġġjar tal-kosti u t-taffija tat-tibdil fil-klima.

- Id-distorsjoni ta’ l-operat tas-suq intern – id-differenzi kbar bejn is-sistemi nazzjonali tal-ħarsien tal-ħamrija, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontaminazzjoni tal-ħamrija, xi kultant jimponu obbligi differenti ħafna fuq l-operaturi ekonomiċi, u b’hekk tinħoloq qagħda mhux ekwilibrata fl-ispejjeż fissi tagħhom. In-nuqqas ta’ sistemi bħal dawn u l-inċertezza fir-rigward tal-ħarsien tal-ħamrija jistgħu, f’ċerti każijiet, ixekklu wkoll l-investiment privat.

- Impatt lil hinn mill-fruntiera – il-ħamrija, għalkemm ġeneralment mhux mobbli, mhijiex hekk għal kollox u għalhekk id-degradazzjoni fi Stat Membru jew reġjun jista’ jkollha konsegwenzi lil hinn mill-fruntieri. It-telf tal-materjal organiku tal-ħamrija fi Stat Membru wieħed ixxekkel il-kisba tal-miri ta’ l-UE tal-Protokoll ta’ Kjoto. Id-digi jinstaddu u l-infrastruttura ġġarrab il-ħsarat fid-direzzjoni tax-xmara minħabba s-sediment maħluq minn erożjoni kbira li sseħħ lejn fejn tibda x-xmara f’pajjiż ieħor. L-ilma tal-pjan fil-pajjiżi tal-madwar jitniġġes mis-siti kkontaminati fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. Huwa għalhekk ta’ importanza mill-akbar li tittieħed azzjoni fuq il-post sabiex wieħed jilqa’ għall-ħsara u azzjonijiet ta’ rimedju sussegwenti, inkella l-ispiża għar-restawr tal-kwalità ambjentali jista’ jkun li jkollha tiġġarrab minn Stat Membru ieħor.

- Is-sikurezza ta’ l-ikel – meta sustanzi li jikkontaminaw ikunu fil-ħamrija u jidħlu fl-uċuħ ta’ l-ikel u ta’ l-għalf u f’xi annimali li jipproduċu xi ikel, jista’ jkun hemm impatt sinifikanti fuq is-sikurezza ta’ l-ikel u l-għalf li jidħlu fil-katina tal-kummerċ ħieles fis-suq intern, billi jżidu l-livell ta’ kontaminanti u b’hekk ikun hemm riskju għas-saħħa tal-bnedmin jew ta’ l-annimali. L-azzjoni mis-sors u fuq livell Ewropew, li wieħed jevita l-kontaminazzjoni tal-ħamrija jew inaqqas il-livell tagħha, huma meħtieġa biex jikkumplimentaw il-miżuri stretti ta’ l-UE u l-kontrolli li jsiru sabiex tiġi ggarantita s-sikurezza ta’ l-ikel u ta’ l-għalf.

- Id-dimensjoni internazzjonali – fil-ftehimiet u l-karti internazzjonali, qiegħda dejjem tingħata attenzjoni akbar lid-degradazzjoni tal-ħamrija Bit-twaqqif ta’ qafas xieraq u koerenti li se jissarraf f’għarfien u ġestjoni aħjar tal-ħamrija, l-UE jista’ jkollha rwol ewlieni fuq livell internazzjonali, billi tiffaċilita t-trasferiment ta’ l-għarfien espert u l-assistenza teknika filwaqt li fl-istess ħin tiżgura l-kompetittività ta’ l-ekonomiji tagħha.

Barra minn hekk, azzjoni fuq livell ta’ l-UE jkollha wkoll valur miżjud billi tikkontribwixxi għall-ħarsien tas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej li tista’ tixxekkel b’modi differenti bid-degradazzjoni tal-ħamrija, per eżempju minħabba l-esponiment għal-kontaminanti tal-ħamrija permezz tat-teħid dirett mill-ħalq (it-tfal jilgħabu barra) jew bit-teħid indirett (mill-ikel ikkontaminat jew l-ilma tax-xorb) Bl-istess mod, jista’ jkun hemm l-imwiet u l-midrubin fil-każ tal-valangi.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi t-tfassil ta’ politika mmirata sabiex jingħalaq id-divarju u jiġi żgurat ħarsien komprensiv tal-ħamrija. B’dan, il-Kumissjoni hija għal kollox konxja mill-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-azzjoni fuq l-aktar livell xieraq. Il-ħamrija hija eżempju ewlieni tal-bżonn biex naħsbu globalment u naġixxu lokalment.

4. AZZJONIJIET U MEZZI

L-ISTRATEġIJA PROPOSTA MILL-KUMMISSJONI HIJA MIBNIJA MADWAR ERBA’ PILASTRI EWLENIN:

5. leġiżlazzjoni ta’ qafas bil-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-ħamrija bħala l-għan ewlieni tagħha;

6. l-integrazzjoni tal-ħarsien tal-ħamrija fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali u Komunitarji;

7. jingħalaq id-divarju attwali u magħruf fl-għarfien f’ċerti oqsma tal-ħarsien tal-ħamrija bis-saħħa tar-riċerka sostnuta mill-programmi ta’ riċerka nazzjonali u Komunitarji;

8. it-tqajjim ta’ kuxjenza pubblika dwar il-bżonn li titħares il-ħamrija

4.1. Proposta leġiżlattiva

Wara li eżaminat possibbiltajiet diversi, il-Kummissjoni tipproponi Direttiva ta’ Qafas bħala l-aħjar mezz biex tiżgura approċċ komprensiv għall-ħarsien tal-ħamrija filwaqt li tirrispetta b’mod komplut is-sussidjarjetà. L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw it-theddid għall-ħamrija, iżda d-Direttiva se tħallihom liberi biżżejjed biex jagħżlu kif se jimplimentaw dan ir-rekwiżit. Dan ifisser li l-aċċettazzjoni tar-riskju, il-livell ta’ ambizzjoni rigward il-miri li jridu jintlaħqu u l-għażla ta’ miżuri biex jitlaħqu dawk il-miri se jitħallew f’idejn l-Istati Membri.

Dan jagħraf li ċerti theddidiet, fosthom l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, ħamrija kompatta , tmelliħ u l-valangi[9], iseħħu f’żoni ta’ riskju speċifiċi li jridu jiġu identifkati. Għall-kontaminazzjoni u l-impermeabilità , approċċ nazzjonali jew reġjonali huwa aktar xieraq. Il-proposta twaqqaf qafas għall-adozzjoni, fuq il-livell ġeografiku amministrattiv xieraq, ta’ pjani sabiex jiġu indirizzati t-theddidiet fejn iseħħu.

4.1.1. L-erożjoni, it-tnaqqis tal-materja organika....u l-valangi

L-erożjoni, it-tnaqqis tal-materjal organiku....u l-valangi huma indirizzati billi jittieħed dan l-approċċ:

[pic]

Id-Direttiva proposta se teħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw żoni ta’ riskju fuq il-bażi ta’ elementi komuni li għandhom jitqiesu, ifassalu miri ta’ tnaqqis tar-riskju għal dawk iż-żoni u jistabbilixxu programmi ta’ miżuri biex jiksbuhom. Għall-identifikazzjoni taż-żoni ta’ riskju, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jużaw l-iskemi ta’ monitoraġġ eżistenti. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, jistgħu jiġu żviluppati approċċ u metodoloġija ta' monitoraġġ aktar armonizzati, li jisfruttaw il-ħidma li għaddejja tal- European Soil Bureau Network dwar l-armonizzazzjoni tal-metodoloġiji. L-aċċettabbiltà tar-riskju u l-miżuri se jvarjaw skond kemm ikun gravi l-proċess ta’ degradazzjoni, il-kundizzjonijiet lokali u l-kunsiderazzjonijiet soċjo-ekonomiċi.

Il-programmi jistgħu jibnu fuq miżuri diġà implimentati fil-kuntesti nazzjonali u Komunitarji, bħall-konformità reċiproka u l-iżvilupp rurali fi ħdan il-PAK, kodiċi ta' prassi agrikola tajba u programmi ta' azzjoni taħt id-Direttiva dwar in-Nitrati, miżuri ġejjiena fi ħdan il-pjani ta’ ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar għad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma, pjani ta’ ġestjoni ta’ riskju għall-għargħar, programmi forestali nazzjonali u prassi għal forestrija sostenibbli u miżuri għall-prevenzjoni tan-nirien tal-foresti. Rigward il-miżuri għall-ġlieda kontra t-tnaqqis fil-materja organika, mhux it-tipi kollha ta’ materja organika għandhom il-potenzjal jindirizzaw din it-theddida. Materjal organiku stabbli jinsab fid-demel u l-kompost u fi kwantitajiet inqas fil-ħama tad-drenaġġ u d-demel likwidu ta’ l-annimali, u hija din l-frazzjoni stabbli li tikkontribwixxi għal humus fil-ħamrija li jtejjeb il-proprjetajiet tal-ħamrija.

L-Istati Membri se jkunu ħielsa li jgħaqqdu l-approċċi biex jikkumbattu theddidiet li jseħħu flimkien. Dan se jiswa ta’ ġid partikolarment għall-Istati Membri li qed jindirizzaw id-deżertifikazzjoni taħt l-UNCCD u se jevita d-duplikar ta’ l-isforz.

4.1.2. Il-Kontaminazzjoni

Fir-rigward tal-ġestjoni tal-kontaminzazzjoni, huma maħsub approċċ imsejjes fuq dan l-approċċ:

[pic]Fuq il-bażi ta’ definizzjoni komuni ta’ siti kkontaminati (i.e. siti li huma ta’ riskju sinfikattiv għal saħħet il-bniedem u għall-ambjent), ta’ l-applikazzjoni tagħha mill-Istati Membri, u ta’ lista komuni ta’ attivitajiet li potenzjalment iniġġsu, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jidentifikaw is-siti kkontaminati fuq it-territorju tagħhom u jistabbilixxu strateġija nazzjonali ta’ rimedju. Din l-istrateġija se tkun imsejsa fuq prijoritizzazzjoni tas-siti li għandu jsir ix-xogħol fuqhom, bil-għan tat-tnaqqis tal-kontaminazzjoni tal-ħamrija u r-riskju li tikkawża u billi jiġi inkluż mekkaniżmu li jiffinazja l-irmedjar tas-siti orfni. Dan huwa kkumplimentat minn obbligu fuq il-bejjiegħ jew ix-xerrej potenzjali biex jipprovdi lill-amministrazzjoni u lill-parti l-oħra fit-transazzjoni, rapport dwar l-istat tal-ħamrija għal tranżazzjonijiet ta’ siti fejn seħħet jew qed isseħħ attività ta’ kontaminazzjoni potenzjali. Id-Direttiva tindirizza wkoll il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni permezz ta’ rekwiżit biex tiġi llimitata l-introduzzjoni ta’ sustanzi perikolużi fil-ħamrija.

4.1.3. L-impermeabilità

Sabiex jaslu għal użu aktar razzjonali tal-ħamrija, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jieħdu miżuri xierqa sabiex jillimitaw l-impermeabilità billi jiġu riabilitati siti brownfield (li m'għandhomx jintużaw għall-għan oriġinali tagħhom jew li huma kkontaminati) bis-saħħa ta’ l-użu ta’ tekniċi tal-bini li jippermettu ż-żamma ta’ kemm jista’ jkun funzjonijiet tal-ħamrija.

4.1.4. Theddidiet oħra

Din id-Direttiva ma tkoprix il-bijodiversità tal-ħamrija direttament. Il-bijodiversità sejra ġeneralment tgawdi mill-azzjoni proposta għal theddidiet oħra. Dan se jikkontribwixxi biex jinkiseb l-għan li jinżamm it-tnaqqis tal-bijodiversità sa l-2010.

4.2. Ir-Riċerka

Hija meħtieġa aktar riċerka biex jingħalqu d-divarji fl-għarfien dwar il-ħamrija u biex jissaħħaħ il-pedament għall-politika varja. Il-Kummissjoni biħsiebha ssegwi r-rakkomandazzjonijiet mill-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, dwar l-oqsma prioritarji:

- proċessi marbuta mal-funzjonijiet tal-ħamrija (eż. is-sehem tal-ħamrija fil-kalkolu tas-CO2 globali u fil-ħarsien tal-bijodiversità),

- bidliet spazjali u temporali fil-proċessi tal-ħamrija,

- l-ixpruni ekoloġiċi, ekonomiċi u soċjali tat-theddidiet għall-ħamrija,

- il-fatturi li jinfluwenzaw l-ekoservizzi tal-ħamrija, u

- il-proċeduri operattivi u t-teknoloġiji għall-ħarsien u r-restawr tal-ħamrija.

Il-proposta għas-Seba’ Programm ta’ Qafas (2007-2013) tkopri r-riċerka dwar il-funzjonijiet tal-ħamrija bħala parti miż-żoni prioritarji tagħha ta’ "L-Ambjent" u "L-Ikel, l-Agrikoltura u l-Bijoteknoloġija".

4.2.1. Il-Bijodiversità

Mhemmx biżżejjed għarfien dwar il-bijodiversità. Dan se jiġi indirizzat ukoll fis-Seba’ Programm ta’ Qafas bil-għan li tinftiehem aħjar il-funzjoni tal-bijodiversità bħala servizz ambjentali. Dan il-proċess ta' bini ta' l-għarfien se jkun ukoll appoġġjat minn inizjattivi li għaddejjin bħalissa taħt il-Konvenzjoni għad-Diversità Bijoloġika u l-Programm Fokus Forestali.

4.3. Integrazzjoni

Il-politika Komunitarja dwar, inter alia , l-agrikoltura, l-iżvilupp reġjonali, it-trasport u r-riċerka għandhom impatt sinifikattiv fuq il-ħamrija. Il-ħarsien tal-ħamrija se jkun jeħtieġ jiġi integrat aktar f’oqsma ta’ politika oħra jekk iridu jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-istrateġija.

Il-Kummissjoni biħsiebha tieħu xi azzjonijiet deskritti fit-taqsima 6.

4.4. Tqajjim ta’ kuxjenza

Teżisti ftit li xejn kuxjenza pubblika dwar il-bżonn li titħares il-ħamrija. Biex jimtela dan il-vojt, jinħtieġu miżuri għat-titjib ta’ l-għarfien u l-iskambju tat-tagħrif u l-aħjar prassi. Il-Kummissjoni se trawwem inizjattivi bħal:

- it-tixrid fil-wisa’ ta’ l-Atlas tal-Ħamrija ta’ l-Ewropa, u ż-żamma tal-websajt tal-ħamrija http://eusoils.jrc.it għall-aċċess miftuħ għat-tagħrif dwar il-ħamrija fl-Ewropa li jkun rilevanti għall-politika,

- it-tkomplija ta’ l-Iskola Ewropea tas-Sajf dwar l-Istħarriġ tal-Ħamrija sabiex jingħata taħriġ speċifiku lir-riċerkaturi żgħażagħ,

- l-inkoraġġiment ta’ inizjattivi bħall-Manifest Ewropew dwar il-Wirt Dinji u l-Ġeodiversità.

- l-integrazzjoni ta’ l-għarfien dwar il-ħamrija u l-aspetti tal-ħarsien fit-tagħrif u l-avvenimenti ta’ taħriġ iffinanzjati mill-Komunità,

- premji għall-ġestjoni ta’ ħamrija, fejn xierqa,

- inizjattivi fi ħdan il-UNCCD, partikolarment fl-2006, is-Sena Internazzjonali tad-Deżerti u d-Deżertifikazzjoni.

5. L-IMPATT U R-RIżULTATI MISTENNIJA

Din l-istrateġija għaddiet minn valutazzjoni ta’ l-impatt u konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati. Ġew analizzati bosta possibbiltajiet u miżuri relatati bħala parti minn din il-ħidma, inkluż azzjoni li ma torbotx, qafas legali ta’ l-UE flessibbli u mhux preskrittiv, u liġijiet dwar it-theddidiet differenti għall-ħamrija, permezz tad-determinazzjoni ta’ miri u mezzi fuq il-livell ta' l-UE.

Ir-rakkomandazzjonijiet mill-partijiet interessati, il-qagħda attwali tal-ħarsien tal-ħamrija fl-UE, inkluż il-politika u l-miżuri f’minoranza ta’ l-Istati Membri, flimkien mal-prezz tad-degradazzjoni tal-ħamrija li jkollha tħallas is-soċjetà, ikkonvinċew lill-Kummissjoni li Direttiva ta’ Qafas flessibbli tkun l-aktar mod xieraq sabiex jiġi indirizzat il-ħarsien tal-ħamrija.

Il-valutazzjoni ta’ l-impatt, li saret skond il-linji gwida tal-Kummissjoni u skond it-tagħrif disponibbli, turi li d-degradazzjoni tal-ħamrija għandha mnejn tiswa sa €38 biljun fis-sena.

L-ispejjeż derivati direttament mid-Direttiva proposta, li prinċipalment joħorġu mill-obbligi għat-twettiq ta’ l-identifikazzjoni taż-żoni ta’ riskju u l-inventarju tas-siti kkontaminati, huma stmati li huma €290 miljun fis-sena għall-UE-25 fl-ewwel ħames snin u €240 fl-20 sena ta' wara. Dawn l-ispejjeż imbagħad se jaqgħu għal inqas minn €2 miljun fis-sena u se jiġġarrbu l-aktar mill-amministrazzjonijiet pubbliċi.

Il-benefiċċji minn dawn l-obbligi se jiġu minn għarfien aħjar tal-medda u tal-lok tat-theddidiet għall-ħamrija li se jippermettu l-adozzjoni ta' miżuri aktar immirati u effiċjenti. Dawn il-benefiċċji ma setgħux jiġu kkwantifikati għaliex se jiddependu fuq l-użu attwali li se jsir minn dan l-għarfien imtejjeb.

Din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jiffissaw il-livelli ta’ ambizzjoni tagħhom għall-miri u jagħżlu l-miżuri taħt il-programmi u l-istrateġiji ta’ rimedju li jqisu l-aktar xierqa u effettivi meta mqabbla ma’ l-ispiża. Għalhekk, l-ispejjeż u l-benefiċċji se jiddependu fuq dan il-livell ta’ ambizzjoni u se jvarjaw ukoll skond kemm l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltajiet li toffri l-leġiżlazzjoni eżistenti, bħall-kundizzjonalità fi ħdan il-PAK, sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tal-ħamrija.

Jistgħu jitbassru xenarji differenti msejsa fuq livelli differenti ta’ ambizzjoni. Li hemm komuni għal kull xenarju huwa li l-ispejjeż addizzjonali jibdew japplikaw biss minn madwar l-2015 ‘il quddiem u jistgħu jiġġarrbu jew minn min juża l-art u minn min iniġġes u/jew mill-amministrazzjoni pubblika, skond id-deċiżjonijet meħudin fl-aħħar mill-aħħar mill-Istati Membri. Il-benefiċċji jinqasmu prinċipalment bejn l-amministrazzjoni pubblika, is-soċjetà in ġenerali u numru ta’ operaturi ekonomiċi.

Għal xenarji speċifiċi, livelli medji u għolja ta' ambizzjoni, l-impatt soċjali, ekonomiku u ambjentali ta’ miżuri possibbli li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri ġew analizzati f’anness fil-valutazzjoni ta’ l-impatt.

Waqt li jkunu qed jiġu vvalutati l-ispejjeż addizzjonali possibbli, partikolarment tax-xenarju previst, ta’ min iqis li l-benefiċċji stmati jisbqu sew l-ispejjeż, tant hu hekk li bosta benefiċċji ambjentali mis-servizzi tal-ħamrija, l-aktar il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-iżgurar taċ-ċikli tan-nutrijenti u tal-gassijiet, ma setgħux jiġu inklużi.

Barra minn hekk, id-Direttiva timmarka l-ewwel approċċ politiku mmirat lejn ħarsien il-ħamrija fuq il-livell ta’ l-UE u hija mfassla biex tħares il-ħamrija bħala riżorsa importanti u essenzjalment li ma tiġġeddidx ta’ l-UE, b’medda totali ta’ madwar 400 miljun ettaru.

6. IL-PASSI LI JMISS

Sabiex l-azzjoni spejgata fuq titwettaq fil-prattika, il-Kummissjoni sejra:

- tiżviluppa sejħiet għal proġetti ta’ riċerka sabiex tappoġġa t-tfassil tal-politika f’konformità ma’ l-għanijiet ta’ din l-istrateġija u tinkorpora fit-teħid tad-deċiżjonijiet kull għarfien ġdid miksub dwar il-bijodiversità tal-ħamrija mill-2006 'il quddiem,

- tirrevedi d-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ fl-2007, imħabbra wkoll fl-Istrateġija Tematika dwar il-Prevenzjoni u r-Riċklaġġ ta’ l-Iskart[10], sabiex jiġi żgurat li jittieħed l-akbar benefiċċju mill-introduzzjoni mill-ġdid tan-nutrijenti filwaqt li jkompli jitrażżan ir-rilaxx ta’ sustanzi perikolużi fil-ħamrija,

- tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrat tat-Tniġġis (IPPC)[11] fl-2007 sabiex issaħħaħ l-aspetti tagħha marbuta mal-ħarsien tal-ħamrija u mal-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni billi tesplora, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni ta’ l-obbligu bażiku li jiġi evitat kull riskju ta’ tniġġis, it-treġġigħ lura tas-siti ta' l-istallazzjonijiet IPPC għal "stat sodisfaċenti", u l-monitoraġġ perjodiku tal-ħamrija fuq is-sit,

- tara mill-qrib jekk il-ħtieġa għall-ħarsien tal-ħamrija titqiesx biżżejjed fil-Pjani għall-Iżvilupp Rurali għall-2007-2013, u lil hinn,

- tivverifika l-kontribut li jkun sar għall-ħarsien tal-ħamrija mir-rekwiżiti minimi għall-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba ddefinita mill-Istati Membri skond l-Artikolu 5 u l-Anness IV tar-Regolament 1782/2003,

- tagħti bidu għall-attivitajiet biex tiġi żviluppata l-aħjar prassi fit-taffija ta’ l-effetti negattivi ta’ l-impermeabilità fuq il-funzjonijiet tal-ħamrija fl-2007,

- tħejji Strateġija Komuni ta’ Implimentazzjoni għad-Direttiva ta’ Qafas u l-pilastri l-oħra ta’ l-istrateġija, bi sħab ma’ l-Istati Membri, filwaqt li żżomm djalogu miftuħ ma’ l-esperti li ħadu sehem fil-konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Dan se jippermetti li jinbdew attivitajiet sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-aktar miżuri effettivi meta mqablla ma’ l-ispejjeż, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-istrateġija. Dan se jippermetti wkoll kooperazzjoni imtejba bejn l-Istati Membri fl-ilħiq ta’ metodi kumparabbli għall-ħarsien tal-ħamrija,

- tibni approċċ qawwi u b’saħħtu sabiex tindirizza l-interazzjoni bejn ħarsien il-ħamrija u t-tibdil fil-klima mill-perspettivi tar-riċerka, l-ekonomija u l-iżvilupp rurali sabiex il-politiki f’dawn l-oqsma jagħtu appoġġ reċiproku lil xulxin,

- tivvaluta sinerġiji possibbli bejn miżuri bil-għan tal-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-ħamrija u miżuri inkorporati fil-pjani għall-ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar skond id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma fl-2009,

- tivvaluta sinerġiji possibbli bejn miżuri mmirati lejn il-ħarsien u l-użu sostenibbli tal-ħamrija u miżuri mmirati lejn il-ħarsien ta’ l-ilmijiet ta’ mal-kosta, inklużi dawk inkorporati fl-Istrateġija Tematika dwar il-Protezzjoni u l-Konservazzjoni ta’ l-Ambjent ta’ l-Ibħra[12].

- tiżgura l-integrazzjoni ta’ l-aspetti tal-ħarsien tal-ħamrija fil-politika dwar il-prodotti biex tipprevjeni l-kontaminazzjoni tal-ħamrija,

- tiżgura li l-azzjonijiet ta’ din l-istrateġija u l-inizjattivi meħuda taħt il-UNCCD, il-UNCBD, il-Protokoll ta’ Kjoto u l-Konvenzjoni Alpina jagħtu appoġġ lil xulxin, u jkunu konsistenti u u kumplimentari.

Din l-istrateġija fiha l-miżuri meqjusa xierqa f’dan l-istadju fuq il-livell ta’ l-UE. Il-progress li jkun sar lejn l-ilħiq ta’ l-għanijiet ta’ din l-istrateġija se jiġu evalwati bħala parti mir-reviżjoni tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, kif xieraq.

[1] Id-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tniżżel is-Sitt Programm tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, 10.9.2002, p.1)

[2] COM(2002) 179.

[3] EEA (L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent), 1995: Kapitolu 7 Soil in Europe’s Environment the Dobris assessment – ikorpi l-Ewropa ġeografika.

[4] Ara l-valutazzjoni ta’ l-impatt

[5] http://terrestrial.eionet.eu.int/CLC2000/docs/publications/corinescreen.pdf.

[6] Id-Direttiva 2004/35/KE (ĠU L 143, 30.4.2004, p.56).

[7] Ara: http://ec.europa.eu/comm/environment/climat/pdf/finalreport_agricsoils.pdf.

[8] Ara l-valutazzjoni ta’ l-impatt għall-evidenza ta’ appoġġ

[9] L-għargħar ġie indirizzat fi proposta separata għal Direttiva dwar l-assessjar u l-ġestjoni ta’ l-għargħar.(COM(2006) 15).

[10] COM(2005) 666.

[11] Id-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 257, 10.10.1996, p. 26).

[12] COM(2005) 504.