17.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/18


DIRETTIVA TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/68

tas-16 ta' Jannar 2019

li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(2a) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/477/KEE jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-armi tan-nar u l-komponenti essenzjali tagħhom, kemm jekk ikunu parti minn arma tan-nar kif ukoll jekk ikunu introdotti separatament fis-suq, ikollhom immarkar ċar, permanenti u uniku. L-Artikolu 4(2) ta' dik id-Direttiva jiddefinixxi l-informazzjoni li trid tiġi inkluża fl-immarkar sabiex tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom u sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tagħhom. Għall-komponenti essenzjali żgħar ħafna, l-informazzjoni li tal-inqas trid tiġi inkluża fl-immarkar hija numru tas-serje jew kodiċi alfanumeriku jew diġitali. L-Artikolu 4(4) ta' dik id-Direttiva jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom sistema ta' fajling tad-data u li fiha jirreġistraw l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-traċċar u għall-identifikazzjoni tal-armi tan-nar, inkluża l-informazzjoni dwar l-immarkar ta' arma tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħha u l-informazzjoni dwar kwalunkwe konverżjoni jew modifika tal-arma tan-nar li twassal għal bidla fil-kategorija jew fis-subkategorija tagħha, bħal pereżempju l-informazzjoni dwar l-entità li ssostitwiet jew immodifikat komponent essenzjali.

(2)

Fil-każ ta' trasferiment mill-ħażniet tal-gvern għall-użu ċivili permanenti, l-identità tal-entità tat-trasferiment trid tiġi inkluża wkoll fl-immarkar. Sakemm l-identità ma tkunx diġà preżenti bħala parti minn immarkar eżistenti, din trid tiġi inkluża meta jseħħ it-trasferiment għall-użu ċivili.

(3)

Barra minn hekk, id-Direttiva 91/477/KEE tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li kull pakkett elementari ta' munizzjon sħiħ ikun immarkat b'tali mod li jindika l-isem tal-manifattur, in-numru ta' identifikazzjoni tal-lott, il-kalibru u t-tip ta' munizzjon. Minħabba l-prassi tas-suq attwali għall-imballaġġ tal-munizzjon u l-istat attwali tat-teknoloġija, f'dan l-istadju mhuwiex meħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għal dak l-immarkar. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom biss (inklużi l-komponenti essenzjali żgħar ħafna).

(4)

Huwa kritiku li l-immarkar ikollu daqs tat-tipa adegwat sabiex jintlaħaq l-objettiv li tiżdied it-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom. Għalhekk, jenħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistipulaw daqs minimu tat-tipa li l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu obbligati li jsegwu meta jistabbilixxu d-daqs tat-tipa għal dak l-immarkar fil-liġi nazzjonali tagħhom.

(5)

Wara li jiġi kkunsidrat l-Istandard Internazzjonali tal-Kontroll tal-Armi Żgħar (ISACS) tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-immarkar u ż-żamma ta' reġistri, jenħtieġ li l-oqfsa u r-riċevituri magħmula minn materjali mhux metalliċi ta' tip li jissogra li jikkomprometti ċ-ċarezza u l-permanenza tal-immarkar (pereżempju, l-oqfsa jew ir-riċevituri magħmula minn ċerti kategoriji ta' polimeri) ikunu obbligati li l-immarkar tagħhom isir fuq pjanċa tal-metall li tkun integrata b'mod permanenti fil-materjal tal-qafas jew tar-riċevitur. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jippermettu l-użu ta' xi teknika oħra, bħal pereżempju inċiżjoni fonda bil-laser, li tiżgura livell ekwivalenti ta' ċarezza u ta' permanenza għall-immarkar tal-oqfsa u tar-riċevituri magħmula minn materjali mhux metalliċi.

(6)

Sabiex tiġi ffaċilitata t-traċċabbiltà tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom fis-sistemi ta' fajling tad-data tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jagħżlu minn fost il-Latin, iċ-Ċirilliku jew il-Grieg biss meta jistabbilixxu liema alfabett jew alfabetti jista'/jistgħu jintuża(w) għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom. Bl-istess mod, jenħtieġ li s-sistemi numeriċi li jistgħu jintużaw għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom ikunu ristretti għas-sistema Għarbija jew dik Rumana, kif stabbilit minn kull Stat Membru.

(7)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/477/KEE.

(8)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (2), l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta' traspożizzjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 13b(1) tad-Direttiva 91/477/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-armi tan-nar u għall-komponenti essenzjali tagħhom, iżda ma tapplikax għall-pakketti elementari ta' munizzjon sħiħ.

Artikolu 2

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-immarkar meħtieġ skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477/KEE jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness ta' din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet ta' traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mis-17 ta' Jannar 2020. Meta dan isir għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(2)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


ANNESS

Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-immarkar tal-armi tan-nar u tal-komponenti essenzjali tagħhom

1.

Id-daqs tat-tipa li tintuża fl-immarkar huwa kif stipulat mill-Istat Membru. Id-daqs jew id-daqs minimu stipulat minn kull Stat Membru għandu jkun minn tal-inqas ta' 1,6 mm. Fejn ikun meħtieġ, jista' jintuża daqs iżgħar tat-tipa għall-immarkar ta' komponenti essenzjali li jkunu żgħar wisq biex jiġu mmarkati b'konformità mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/477/KEE.

2.

Għall-oqfsa jew għar-riċevituri magħmula minn materjal mhux metalliku ta' tip speċifikat mill-Istat Membru, l-immarkar isir fuq pjanċa tal-metall li tkun integrata b'mod permanenti fil-materjal tal-qafas jew tar-riċevitur b'tali mod li:

(a)

il-pjanċa ma tkunx tista' tinqala' faċilment jew malajr, u

(b)

jekk il-pjanċa tinqala', porzjon mill-qafas jew mir-riċevitur jinqered.

L-Istati Membri jistgħu jippermettu wkoll l-użu ta' tekniki oħra għall-immarkar tal-oqfsa jew tar-riċevituri, diment li dawk it-tekniki jiżguraw livell ekwivalenti ta' ċarezza u ta' permanenza għall-immarkar.

Meta jistabbilixxu liema materjali mhux metalliċi se jispeċifikaw għall-finijiet ta' din l-ispeċifikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw kemm il-materjal jista' jikkomprometti ċ-ċarezza u l-permanenza tal-immarkar.

3.

L-alfabett li jintuża fl-immarkar huwa kif stipulat mill-Istat Membru. L-alfabett jew l-alfabetti stipulati minn kull Stat Membru għandu jkun/għandhom ikunu l-Latin, iċ-Ċirilliku jew il-Grieg.

4.

Is-sistema numerika li tintuża fl-immarkar hija kif stipulat mill-Istat Membru. Is-sistema numerika jew is-sistemi numeriċi stipulat(i) minn kull Stat Membru għandu jkun/għandhom ikunu s-sistema Għarbija jew dik Rumana.